Language of document : ECLI:EU:T:2009:69

Kawża C568/21

Staatsecretaris van Justitie en Veiligheid

vs

E.,

S.,

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State)

 Sentenza talQorti talĠustizzja (LEwwel Awla) tal21 ta’ Settembru 2023

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Sistema ta’ Dublin – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Kriterji u mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali – Responsabbiltà tal-Istat Membru li jkun ħareġ dokument ta’ residenza lill-applikant – Artikolu 2(l) – Tifsira ta’ ‘dokument ta’ residenza’ – Karta tal-identità diplomatika maħruġa minn Stat Membru – Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi”

Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi għal determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament Nru 604/2013 – Kunċett ta’ permess ta’ residenza – Karta tal-Identità diplomatika maħruġa skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal1961 dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi – Inklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, premessi 4 u 15 u Artikoli 2(l) u 12 sa 14)

(ara l-punti 35 sa 37, 44 sa 48, 53, u d-dispożittiv)

Sunt

Ċittadin ta’ pajjiż terz ħadem fl-ambaxxata tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu stabbilita fl-Istat Membru X. Huwa għex fit-territorju ta’ dan tal-aħħar ma’ martu u wliedhom. Matul din ir-residenza, il-familja ngħatat karti tal-identità diplomatiċi mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ta’ dan l-Istat Membru, skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi (1). Wara xi snin, il-familja telqet mill-Istat Membru X u ppreżentat applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi.

F’Jannar 2020, l-awtorità kompetenti fil-Pajjiżi l-Baxxi rrifjutat li teżamina l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, billi qieset li l-Istat Membru X kien responsabbli għall-eżami tagħhom, skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Dublin III (2). Fil-fatt, il-karti tal-identità diplomatiċi maħruġa mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru jikkostitwixxu permessi ta’ residenza, fis-sens tal-Artikolu 2(l) ta’ dan ir-regolament, li jistgħu jwasslu għall-kompetenza tal-imsemmi Stat Membru sabiex jeżamina l-applikazzjonijiet.

F’Marzu 2020, ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), adita mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, laqgħet ir-rikorsi tagħhom billi qieset li l-karti tal-identità diplomatiċi maħruġa mill-awtoritajiet tal-Istat Membru X ma setgħux jitqiesu bħala awtorizzazzjoni ta’ residenza, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali diġà kellhom dritt ta’ residenza fl-imsemmi Stat Membru skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna, indipendentement mill-ħruġ ta’ karti tal-identità diplomatiċi.

L-awtorità kompetenti fil-Pajjiżi l-Baxxi appellat minn din is-sentenza quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi). Sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, din il-qorti adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-kwistjoni dwar jekk karta tal-identità diplomatika maħruġa minn Stat Membru skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna tikkostitwixxix “permess ta’ residenza”, fis-sens tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Dublin III. Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għal din id-domanda.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, fl-ewwel lok, li l-kliem “kwalunkwe awtorizzazzjoni”, li jintuża fl-Artikolu 2(l) tar-Regolament Dublin III, għandu tifsira wiesgħa. Id-definizzjoni li din id-dispożizzjoni tagħti tal-kunċett ta’ “permess ta’ residenza” ma tirreferix għan-natura kostituttiva jew dikjaratorja tal-awtorizzazzjoni, u lanqas ma teskludi b’mod espliċitu l-karti tal-identità diplomatiċi maħruġa skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li fih tidħol din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-kunċett ta’ “permess ta’ residenza” jikkostitwixxi wieħed mill-kriterji determinanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament Dublin III. Fil-fatt, skont l-Artikolu 12(1) tal-imsemmi regolament, jekk l-applikant ikun detentur ta’ permess ta’ residenza validu, ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali taqa’ fuq l-Istat Membru li jkun ħariġha. Issa, l-applikazzjoni tal-kriterji differenti ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli stabbiliti fl-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament Dublin III għandha, bħala regola ġenerali, tippermetti li l-Istat Membru li minnu joriġina d-dħul jew ir-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istati Membri jiġi attribwit ir-responsabbiltà li jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn dan iċ-ċittadin, u dan billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ dan l-Istat Membru fil-preżenza ta’ dan iċ-ċittadin fit-territorju tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, l-Istat riċeventi jingħata ċerti prerogattivi fir-rigward tal-ammissjoni fit-territorju tiegħu ta’ persuni bħala membri tal-persunal diplomatiku ta’ missjoni, bħall-possibbiltà li persuna tiġi ddikjarata non grata jew inaċċettabbli, li tirrifjuta li tirrikonoxxi lill-persuna inkwistjoni l-kwalità ta’ membru tal-missjoni (3), jew ukoll li tirrifjuta li tapprova persuna prevista bħala kap tal-missjoni (4). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħruġ ta’ karta tal-identità diplomatika lil persuna minn Stat Membru jirrifletti l-aċċettazzjoni minn dan tal-aħħar tar-residenza ta’ din il-persuna fit-territorju tiegħu bħala membru tal-persunal diplomatiku ta’ missjoni, u b’hekk juri r-rwol ta’ dan l-Istat Membru fil-preżenza tal-imsemmija persuna fit-territorju tal-Istati Membri.

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għan imfittex mir-Regolament Dublin III, il-premessi 4 u 5 tiegħu jenfasizzaw l-importanza ta’ metodu ċar u operattiv sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli, ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ekwi kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati u li jippermetti li dan l-Istat Membru jiġi ddeterminat malajr. Issa, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ħruġ ta’ karta ta’ identità diplomatika jikkontribwixxi għal dan l-għan ta’ ħeffa u b’hekk jippermetti li tiġi evitata n-nasba li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkunu jistgħu jagħżlu l-Istat Membru li fih jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.


1      Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi, konkluża fi Vjenna fit‑18 ta’ April 1961 u li daħlet fis-seħħ fl‑24 ta’ April 1964 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 500, p. 95, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”).


2      Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”). Skont l-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-regolament: “Fejn applikant ikun fil-pussess ta’ dokument ta’ residenza validu, l-Istat Membru li jkun ħareġ id-dokument għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.”


3      Ara l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.


4      Ara l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.