Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Frar 2014 – PT Pelita Agung Agrindustri vs Il-Kunsill

(Kawża T-121/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: PT Pelita Agung Agrindustri (Medan, Indoneżja) (rappreżentanti: F. Graafsma u J. Cornelis, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1194/2013, tad-19 ta’ Novembru 2013, li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina u l-Indoneżja (ĠU L 315, p. 2), sa fejn dan jimponi dazju antidumping fuq ir-rikorrenti; u

Tordna lill-konvenut ibati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.

L-ewwel motiv, li jallega li l-Ftehim Antidumping tad-WTO ma jippermettix li jiġu aġġustati l-ispejjeż għas-sempliċi raġuni li dawn huma inqas minn dawk ta’ swieq oħra jew li huma “distorti” minħabba intervent minn Gvern. Għalhekk, l-Artikolu 2(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Antidumping Bażiku”) għandu jiġi ddikjarat inapplikabbli sa fejn jipprovdi għal tali possibbiltà ta’ aġġustament tal-ispejjeż.

It-tieni motiv, li jallega li l-aġġustament tal-ispejjeż taż-żejt tal-palm mhux raffinat (ŻPMR) f’dan il-każ jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament Bażiku. B’mod iktar speċifiku, ir-rikorrenti tressaq l-argumenti segwenti:

Il-provi neċessarji li abbażi tagħhom ġie konkluż li l-prezzijiet taż-ŻPMR fis-suq Indoneżjan huma distorti huma neqsin, u l-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“istituzzjonijiet”) wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qiesu li l-prezzijiet taż-ŻPMR fis-suq Indoneżjan huma distorti;

Meta użaw il-prezz ta’ riferenza għall-esportazzjoni (“HPE”) biex jaġġustaw l-ispejjeż, l-istituzzjonijiet ma aġġustawx l-ispejjeż fuq “bażi raġonevoli” kif meħtieġ mill-Artikolu 2(5) tar-Regolament Bażiku u/jew abbażi ta’ “sorsi li ma humiex affettwati minn tali distorsjonijiet”; u

L-Artikolu 2(5) tar-Regolament Bażiku ma jippermettix l-aġġustament tal-ispejjeż f’sitwazzjonijiet fejn il-prezzijiet huma sempliċiment u allegatament “baxxi”.

It-tielet motiv, li jallega li l-istituzzjonijiet wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qiesu li l-prezzijiet għax-xiri taż-ŻPMR tar-rikorrenti minn partijiet relatati huma distorti. B’mod iktar speċifiku, l-istituzzjonijiet wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qiesu li l-prezzijiet għax-xiri taż-ŻPMR tar-rikorrenti minn kumpanniji relatati ma kinux indipendenti.

Ir-raba’ motiv, li jallega li fid-determinazzjoni tal-marġni ta’ profitt raġjonevoli, il-Kunsill ma kkonformax mal-obbligu legali li jinsab fl-Artikolu 2(6)(ċ) tar-Regolament Bażiku. Dan l-Artikolu jeżiġi li l-ammont ta’ profitt raġonevoli ma jistax jeċċedi l-profitt normalment miksub minn esportaturi jew produtturi oħra fuq bejgħ ta’ prodotti tal-istess kategorija ġenerali fis-suq domestiku tal-pajjiż tal-oriġini.

Il-ħames motiv, li jallega li l-istituzzjonijiet, meta rrifjutaw li jagħmlu aġġustament xieraq minħabba primjum fil-prezz assoċjat maċ-ċertifikazzjoni ta’ konformità mar-RED [Direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli], esponew il-fatti b’mod manifestament żbaljat u kissru l-Artikoli 3(2) u 3(3) tar-Regolament Bażiku għaliex il-prezzijiet għall-esportazzjoni tar-rikorrenti ma kinux ipparagunati b’mod oġġettiv mal-prezz immirat mill-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, meta rrifjutaw li jagħmlu l-aġġustament meħtieġ għaċ-ċertifikazzjoni tar-RED, l-istituzzjonijiet iddiskriminaw mingħajr awtorizzazzjoni kontra r-rikorrenti meta mqabbla ma’ produtturi Indoneżjani oħra.

Is-sitt motiv, li jallega li l-istituzzjonijiet kissru l-Artikolu 3(7) tar-Regolament Bażiku u wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qiesu li r-Regolamenti dwar l-Għadd Doppju ma kkontribwixxewx għad-dannu li sofriet l-industrija tal-Unjoni.

Is-seba’ motiv, li jallega li l-istituzzjonijiet naqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni informazzjoni u argumenti mressqa matul l-investigazzjoni mir-rikorrenti. B’dan l-aġir, dawn mhux biss naqsu mill-obbligu ta’ diliġenza dovuta u ta’ amministrazzjoni tajba tagħhom billi ma eżaminawx bir-reqqa u b’imparzjalità l-provi rilevanti kollha quddiemhom, iżda naqsu wkoll mill-obbligu stabbilit fl-Artikolu 20(5) tar-Regolament Bażiku kif ukoll mal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit mill-Artikolu 296 TFUE.