Language of document : ECLI:EU:C:2017:418

Kawża C-330/16

Piotr Zarski

vs

Andrzej Stadnicki

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Direttiva 2011/7/UE – Kuntratti ta’ kiri kummerċjali għal żmien indeterminat – Tardività ta’ ħlasijiet ta’ kera – Kuntratti ta’ kiri kummerċjali għal żmien indeterminat konklużi qabel l-iskadenza tal-perijodu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskluda lil dawn il-kuntratti mill-kamp ta’ applikazzjoni temporali tal-imsemmija direttiva

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-1 ta’ Ġunju 2017

Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Direttiva 2011/7 – Kuntratti ta’ kiri kummerċjali għal żmien indeterminat konklużi qabel l-iskadenza tal-perijodu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva – Tardività ta’ ħlasijiet ta’ kera li twettqu wara t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskluda lil dawn il-kuntratti mill-kamp ta’ applikazzjoni temporali tal-imsemmija direttiva – Ammissibbiltà

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/35, Artikoli 6(3), u 2011/7, Artikolu 12(4))

L-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva il-ħlasijiet tardivi fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż qabel is-16 ta’ Marzu 2013, anki meta din it-tardività sseħħ sussegwentement għal din id-data.

B’hekk, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2011/7, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni juża l-espressjoni “kuntratti konklużi” u mhux dik ta’ “tranżazzjonijiet kummerċjali”, imsemmija f’dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva. L-eżami tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni twassal għaldaqstant sabiex jiġi kkunsidrat li, bl-użu tal-espressjoni “kuntratti konklużi”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jippermetti lill-Istati Membri li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/7 ir-relazzjonijiet kuntrattwali konklużi qabel is-16 ta’ Marzu 2013, fl-intier tagħhom, inklużi l-effetti li jirriżultaw mill-imsemmija relazzjonijiet kuntrattwali u li jimmaterjalizzaw irwieħhom wara din id-data.

Minn dan isegwi li, meta Stat Membru jkun uża l-fakultà rrikonoxxuta lilu fl-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2011/7, il-kuntratti konklużi qabel is-16 ta’ Marzu 2013 jibqgħu, bla ħsara tal-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva 2000/35, irregolati minn din l-aħħar direttiva, inklużi għall-effetti futuri tagħhom, minkejja l-fatt li din l-aħħar direttiva hija, bħala prinċipju, imħassra, mill-istess data. F’dan il-każ, id-Direttiva 2011/7 ma tistax tapplika għall-effetti ta’ tali kuntratti, li jseħħu mis-16 ta’ Marzu 2013, peress li dawn ma jistgħux fl-istess ħin jiġu koperti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/35 u tad-Direttiva 2011/7.

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-kontestazzjonijiet dwar il-ħlasijiet dovuti wara s-16 ta’ Marzu 2013 ma jistgħux jiġu koperti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/7 meta l-kuntratt, li skontu dawn il-ħlasijiet għandhom jiġu osservati, kien konkluż qabel din id-data u li l-Istat Membru kkonċernat uża l-fakultà prevista fl-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2011/7.

(ara l-punti 27, 29, 32 sa 34 u dispożittiv)