Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) fid-29 ta’ Ġunju 2016 – Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Aziz Hasan

(Kawża C-360/16)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Konvenut: Aziz Hasan

Domandi preliminari

Fil-każ li fih ċittadin ta’ Stat terz, wara li jkun ippreżenta t-tieni applikazzjoni għall-ażil fi Stat Membru ieħor (fil-każ ineżami, il-Ġermanja) ikun ġie ttrasferit, minħabba deċiżjoni ġudizzjarja li tiċħad it-talba tiegħu għal sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013 (Regolament Dublin III), fl-Istat Membru responsabbli mill-ewwel applikazzjoni għall-ażil (fil-każ ineżami, l-Italja) u sussegwentement jiġi rritornat immedjatament u illegalment fit-tieni Stat Membru (fil-każ ineżami, il-Ġermanja):

skont il-prinċipji tar-Regolament Dublin III, l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ trasferiment għandu jkun ibbażat fuq is-sitwazzjoni fattwali eżistenti fil-mument tat-trasferiment, minħabba li bit-trasferiment li sar fit-terminu stabbilit tkun iddeterminata definittivament ir-responsabbiltà u li, għaldaqstant, ma hemmx iktar lok li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament III Dublin rilevanti għall-finijiet tar-responsabbiltà, jew l-evoluzzjoni sussegwenti taċ-ċirkustanzi li huma rilevanti għall-finijiet tar-responsabbiltà inġenerali – pereżempju l-iskadenza tat-termini għat-teħid lura jew għat-trasferiment (mill-ġdid) – għandha tittieħed inkunsiderazzjoni?

Ladarba tiġi ddeterminata r-responsabbiltà, skont id-deċiżjoni ta’ trasferiment, huwa possibbli li jsiru trasferimenti oħra fl-Istat Membru responsabbli oriġinarjament, u dan l-Istat Membru huwa obbligat jospita ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz?

Meta r-responsabbiltà ma tkunx definittivament stabbilita mid-deċiżjoni ta trasferiment: liema mid-dispożizzjonijiet elenkati hawn taħt għandha tiġi applikata f’dan il-każ għal persuna fis-sens tal-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d) tar-Regolament Dublin III, minħabba l-proċedura ta’ kontestazzjoni, li għadha pendenti, kontra deċiżjoni ta’ trasferiment li diġà ġiet eżegwita:

l-Artikolu 23 tar-Regolament Dublin III (b’analoġija), bil-konsegwenza li, fil-każ ta’ preżentazzjoni tardiva ta’ talba ġdida għal teħid lura, it-trasferiment tar-responsabbiltà konformement mal-Artikolu 23(2) u (3) jista’ jseħħ, jew

l-Artikolu 24 tar-Regolament Dublin III (b’analoġija), jew

l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet imsemmija f’(a) u (b)?

Fil-każ li la l-Artikolu 23 u lanqas l-Artikolu 24 tar-Regolament Dublin III ma jkunu applikabbli (b’analoġija) għal tali persuna [domanda 2(c)]: trasferimenti oħra, abbażi tad-deċiżjoni ta’ trasferiment kkontestata, jistgħu jsiru fl-Istat Membru responsabbli oriġinarjament (fil-każ ineżami, l-Italja) sal-konklużjoni tal-proċedura ta’ kontestazzjoni kontra l-imsemmija deċiżjoni, u dan l-aħħar Stat Membru huwa marbut jospita ċ-ċittadin ta’ Stat terz – irrispettivament minn jekk il-preżentazzjoni ta’ talbiet għal teħid lura oħra tosservax it-termini previsti fl-Artikolu 23(3) jew fl-Artikolu 24(2) tar-Regolament Dublin III u irrispettivament mit-termini ta’ trasferiment previsti fl-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dubli III?

Fil-każ li l-Artikolu 23 tar-Regolament Dublin III ikun applikabbli (b’analoġija) għal tali persuna [domanda 2(a)]: it-talba ġdida għal teħid lura hija suġġetta għal terminu ġdid konformement mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Dublin III (b’analoġija)? Fl-affermattiv, dan it-terminu l-ġdid jibda jiddekorri mill-mument li fih l-awtorità responsabbli jkollha konoxxenza tar-ritorn, jew minn mument ieħor?

Fil-każ li l-Artikolu 24 tar-Regolament Dublin III ikun applikabbli (b’analoġija) għal tali persuna [domanda 2(b)]:

It-talba ġdida għal teħid lura hija suġġetta għal terminu ġdid konformement mal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Dublin III (b’analoġija)? Fl-affermattiv, dan it-terminu l-ġdid jibda jiddekorri mill-mument li fih l-awtorità responsabbli jkollha konoxxenza tar-ritorn, jew minn mument ieħor?

Jekk l-Istat Membru l-ieħor (fil-każ ineżami, il-Ġermanja) jawtorizza l-iskadenza ta’ terminu li għandu jiġi osservat skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Dublin III (b’analoġija): il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil ġdida konformement mal-Artikolu 24(3) tar-Regolament Dublin III tistabbilixxi awtomatikament ir-responsabbiltà tal-Istat Membru l-ieħor (fil-każ ineżami, il-Ġermanja) jew dan tal-aħħar jista’, minkejja l-applikazzjoni għall-ażil ġdida, jippreżenta mill-ġdid talba għal teħid lura quddiem l-Istat Membru responsabbli oriġinarjament (fil-każ ineżami, l-Italja) mingħajr ma jkun marbut josserva terminu, jew jittrasferixxi l-persuna barranija lejn dan l-Istat Membru mingħajr ma jippreżenta talba għal teħid lura?

Jekk l-Istat Membru l-ieħor (fil-każ ineżami, il-Ġermanja) jawtorizza l-iskadenza ta’ terminu li għandu jiġi osservat skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Dublin III (b’analoġija): il-lis pendens ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata fi Stat Membru ieħor (fil-każ ineżami, il-Ġermanja) qabel it-trasferiment għandu jiġi assimilat ma’ applikazzjoni għall-ażil ġdida konformement mal-Artikolu 24(3) tar-Regolament Dublin III?

Jekk l-Istat Membru l-ieħor (fil-każ ineżami, il-Ġermanja) jawtorizza l-iskadenza ta’ terminu li għandu jiġi osservat skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Dublin III (b’analoġija) u l-persuna barranija ma tkunx ippreżentat applikazzjoni għall-ażil ġdida, u l-lis pendens ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata fi Stat Membru ieħor (fil-każ ineżami, il-Ġermanja) qabel it-trasferiment ma għandux jiġi assimilat ma’ applikazzjoni għall-ażil ġdida konformement mal-Artikolu 24(3) tar-Regolament Dublin III: l-Istat Membru l-ieħor (fil-każ ineżami, il-Ġermanja) jista’, minkejja l-applikazzjoni għall-ażil ġdida, jippreżenta mill-ġdid talba għal teħid lura quddiem l-Istat Membru responsabbli oriġinarjament (fil-każ ineżami, l-Italja) mingħajr ma jkun marbut josserva terminu, jew jittrasferixxi l-persuna barranija lejn dan l-Istat Membru mingħajr ma jippreżenta talba għal teħid lura?

____________

1  Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, 29.6.2013)