Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' Frar 2013 - Ir-Renju Unit vs BĊE

(Kawża T-93/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (rappreżentanti: K. Beal, QC, u E. Jenkinson, aġent)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla parzjalment id-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2012, li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2007/7 dwar il-kundizzjonijiet tat-TARGET2-BĊE (BĊE/2012/31) (ĠU 2013 L 13, p. 8.);

tannulla parzjalment il-Linja gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew, tal-5 ta' Diċembru 2012, dwar is-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2) (BĊE/2012/27) (ĠU 2013 L 30, p. 1);

-    tordna li l-konvenut ibati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka seba' motivi.

L-ewwel motiv jallega li l-BĊE ma kellux il-kompetenza li jippubblika l-atti kkontestati, jew b'mod assolut jew alternattivament mingħajr ma jirrikorri għall-promulgazzjoni ta' strument leġiżlattiv bħal regolament, adottat jew mill-Kunsill jew alternattivament mill-BĊE innifsu;

It-tieni motiv jallega li l-atti kkontestati jew de iure jew de facto jimponu rekwiżit ta' residenza fuq Ċentri ta' rilaxx ta' Kontrapartijiet Ċentrali ("ĊKĊ") li jixtiequ jeżerċitaw operazzjonijiet ta' rilaxx jew ta' ħlas fil-munita Euro li t-tranżazzjonijiet tagħhom kuljum jeċċedu ċertu volum. Barra minn hekk, dawn jirrestrinġu jew jimpedixxu n-natura u/jew il-firxa ta' servizzi jew ta' kapital li jista' jiġi pprovdut lil ĊKĊ stabbiliti fi Stati Membri li ma jifformawx parti miż-żona Euro. L-atti kkontestati jiksru l-Artikoli 48, 56 u/jew 63 TFUE, peress li:

ĊKĊ stabbiliti fi Stati Membri li ma jifformawx parti miż-żona Euro, bħar-Renju Unit, ikunu obbligati li jċaqilqu ċ-ċentri ta' amministrazzjoni u ta' kontroll tagħhom lejn Stati Membri li jifformaw parti miż-żona Euro. Dawn jiġu obbligati wkoll li jistabbilixxu ruħhom bħala persuni ġuridiċi rikonoxxuti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' Stat Membru ieħor;

F'każ li tali ĊKĊ ma jiċċaqalqux kif meħtieġ, dawn jiġu preklużi milli jaċċedu għas-swieq finanzjarji tal-Istati Membri li jifformaw parti miż-żona Euro, jew taħt l-istess kundizzjonijiet bħal ĊKĊ stabbiliti f'dawk it-territorji, jew inkella jiġu preklużi għal kollox;

Tali ĊKĊ mhux residenti ma jkunux intitolati għal faċilitajiet offruti mill-BĊE jew mill-Banek Ċentrali Nazzjonali ("BĊN") tal-Istati Membri li jifformaw parti miż-żona Euro, jew taħt l-istess kundizzjonijiet jew inkella għal kollox;

B'riżultat ta' dan, il-kapaċità ta' tali ĊKĊ li joffru servizzi ta' rilaxx jew ta' ħlas fil-munita Euro lil klijenti fl-Unjoni tiġi ristretta jew anki pprojbita b'mod sħiħ.

It-tielet motiv jallega li l-atti kkontestati jiksru l-Artikoli 101 u/jew 102 TFUE, ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 106 TFUE u l-Artikolu 13 TUE, peress li:

Dawn effettivament jeħtieġu li kull tranżazzjoni ta' rilaxx imwettqa fil-munita Euro li teċċedi ċertu livell għandha titwettaq minn ĊKĊ stabbiliti fi Stati Membri li jifformaw parti miż-żona Euro;

Dawn effettivament jordnaw li l-BĊE u/jew Stati Membri li jifformaw parti miż-żona Euro u/jew BĊN ma jipprovdux riżervi fil-munita Euro lil ĊKĊ stabbilit fi Stati Membri li ma jifformawx parti miż-żona Euro jekk dawn jeċċedu l-limiti stabbiliti fid-deċiżjoni.

Ir-raba' motiv jallega li r-rekwiżit li ĊKĊ stabbiliti fi Stati Membri li ma jifformawx parti miż-żona Euro jadottaw personalità ġuridika u residenza differenti huwa diskriminazzjoni diretta jew indiretta abbażi tan-nazzjonalità. Dan jikser ukoll il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza tal-UE, peress li ĊKĊ stabbiliti fi Stati Membri differenti huma suġġetti għal trattament differenti mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva għal dan.

Il-ħames motiv jallega li l-atti kkontestati jiksru dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU 2012 L 201, p. 1).

Is-sitt motiv jallega li l-atti kkontestati jiksru l-Artikoli II, XI, XVI u XVII tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS).

Is-seba' motiv jallega li, mingħajr ma jassumi l-oneru li jistabbilixxi li ma hemmx ġustifikazzjoni ta' interess pubbliku għal tali restrizzjonijiet (peress li l-oneru sabiex iressaq il-każ tiegħu għal deroga jekk jagħżel li jagħmel hekk jinsab fuq il-BĊE), ir-Renju Unit josserva li kull ġustifikazzjoni ta' interess pubbliku mressqa mill-BĊE ma tkunx tosserva r-rekwiżit ta' proporzjonalità, peress li huma disponibbli mezzi inqas restrittivi sabiex jiġi żgurat il-kontroll fuq istituzzjonijiet finanzjarji residenti fl-Unjoni iżda barra miż-żona Euro.

____________