Language of document : ECLI:EU:C:2024:53

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Jannar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà – Inċident fuq il-post tax-xogħol – Inkapaċità permanenti totali – Xoljiment tal-kuntratt tax-xogħol – Artikolu 5 – Arranġamenti raġonevoli”

Fil-Kawża C‑631/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de las Islas Baleares (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Islas Baleares, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Settembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ottubru 2022, fil-proċedura

J.M.A.R.

vs

Ca Na Negreta SA,

fil-preżenza ta’:

Ministerio Fiscal,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz (Relatur), P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Ca Na Negreta SA, minn I. M. Roa Ruiz, abogado,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. Morales Puerta, bħala aġent,

–        għall-Gvern Elleniku, minn V. Baroutas u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Clotuche-Duvieusart, I. Galindo Martín u E. Schmidt, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2), tal-Artikolu 4(1) u kif ukoll tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), moqrija fid-dawl tal-Artikoli 21 u 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikoli 2 u 27 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, konkluża fi New York fit‑13 ta’ Diċembru 2006 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas‑26 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2010, L 23, p. 35, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tan-NU”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn J.M.A.R. u Ca Na Negreta SA dwar ix-xoljiment tal-kuntratt tax-xogħol ta’ J.M.A.R. minn Ca Na Negreta minħabba l-inkapaċità permanenti totali tiegħu li jeżerċita l-professjoni abitwali tiegħu.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt internazzjonali

3        Il-Konvenzjoni tan-NU tipprovdi, fil-punt (e) tal-preambolu tagħha:

“[f]ilwaqt li jagħrfu li d-diżabbiltà hija kunċett li qed jevolvi u li d-diżabbiltà tirriżulta mill-effett reċiproku bejn il-persuni bi ħsara fis-saħħa l-barrieri ta’ attitudni u ambjentali li jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor”.

4        Skont l-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Għan”:

“L-għan ta’ din il-Konvenzjoni huwa li tippromwovi, tipproteġi u tiżgura t-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha mill-persuni kollha b’diżabbiltà, u li tippromwovi ir-rispett għad-dinjità inerenti tagħhom.

Il-persuni b’diżabbiltà jinkludu dwak li għandom ħsarat fiżiċi, mentali, intellettwali jew fis-sensi fuq perjodu twil li flimkien ma’ diversi ostakli jistgħu jxekklu l-partċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni:

[...]

‘Diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà’ tfisser kwalunkwe distinzjoni, esklużjoni jew restrizzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà li għandha l-għan jew effett li tfixkel jew ixxejjen l-għarfien, it-tgawdija jew l-eżerċitar, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha fil-qasam politiku, ekonomiku, soċjali, kulturali, ċivili jew fi kwalunkwe qasam ieħor. Din tinkludi il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni, inkluża ċ-ċaħda ta’ aġevolezza raġonevoli;

‘Akkomodazzjoni raġonevoli’ tfisser modifika neċessarja u adegwata u aġġustamenti li ma jimponux piż sproporzjonat jew bla bżonn, meta tkun meħtieġa f’każ partikolari, biex jiġi assigurat li l-persuni b’diżabbiltà jistgħu jgawdu u jeżerċitaw fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha;

[...]”

6        L-Artikolu 27(1) tal-istess konvenzjoni, intitolat “Xogħol u impjieg”, jipprovdi:

“L-Istati Partijiet għandhom jagħrfu d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà biex jaħdmu, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor; dan jinkludi d-dritt għall-opportunità għal qligħ ta’ għajxien permezz ta’ xogħol magħżul b’mod liberu u ambjent tax-xogħol li hu miftuħ, inklużiv u aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà. L-Istati Partijiet għandhom iħarsu u jippromwovu l-kisba tad-dritt għax-xogħol, inkluż għal dawk li jġarrbu diżabbiltà matul l-impjieg tagħhom, billi jieħdu passi adegwati, inkluż permezz ta’ leġiżlazzjoni, biex, inter alia:

[...]

(h)      Jippromwovu l-impjieg ta’ persuni b’diżabbiltà fis-settur privat permezz ta’ linji ta’ politika u miżuri adegwati, li jistgħu jinkludu programmi ta’ azzjoni affermattiva, inċentivi u miżuri oħra;

(i)      Jiżguraw li tingħata aġevolezza raġonevoli lill-persuni b’diżabbiltà fil-post tax-xogħol;

[...]

(k)      Jippromwovu riabilitazzjoni vokazzjonali u professjonali, żamma tal-impjieg u programmi għar-ritorn lura għax-xogħol għall-persuni b’diżabbiltà.”

 Iddritt talUnjoni

7        Il-premessi 16, 17, 20 u 21 tad-Direttiva 2000/78 huma fformulati kif ġej:

“(16)      Il-provvediment ta’ miżuri biex jakkommodaw il-bżonnijiet ta’ persuna b’diżabilità fuq post tax-xogħol għandha rwol importanti fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni minħabba dizabilità.

(17)      Din id-Direttiva ma teħtieġx ir-reklutaġġ, il-promozzjoni, iż-żamma fl-impjieg jew fit-tħarriġ ta’ individwu li mhuwiex kompetenti, kapaċi u disponibbli biex jaqdi l-funzjonijiet essenzjali tax-xogħol konċernat jew biex jgħaddi minn taħrig relevanti, mingħajr prejudizzju għall-obbligu biex jiġu pprovduti arranġamenti raġonevoli għall-persuni b’dizabilitajiet.

[...]

(20)      Għandhom jiġu pprovduti miżuri approprjati, jiġifieri miżuri effettivi u prattiċi biex jadattaw il-post tax-xogħol għad-diżabilità, per eżempju jadattaw il-postijiet u t-tagħmir, ritmi tax-xogħol, id-distribuzzjoni tal-kompiti jew tad-dispożizzjoni ta’ riżorsi ta’ tħarrig jew integrazzjoni.

(21)      Sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżuri inkwistjoni jikkawżawx piż sproporzjonat, għandu jittieħed kont b’mod partikulari ta’ l-ispejjeż finanzjarji u ta’ natura oħra li dan jimplika, ta’ l-iskala u r-riżorsi finanzjarji ta’ l-organizzazzjoni jew l-intrapriża u l-possibilità li jiġu ottenuti fondi pubbliċi jew assistenza oħra.”

8        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kunċett tad-diskriminazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)      meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament ġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, jew

(ii)      fir-rigward ta’ persuni b’dizabilità partikolari, min iħaddem jew kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li għalihom tapplika din id-Direttiva, huma obbligati, taħt legislazzjoni nazzjonali, li jieħdu miżuri approprijati fil-linja mal-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 5 biex jeliminaw l-iżvantaġġi involuti minn dispożizzjoni, kriterju jew prattika simili.”

9        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

(a)      il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

[...]

(ċ)      il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[...]”

10      L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Il-ħtiġiet tax-xogħol”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Minkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.”

11      Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Akkomodazzjoni raġjonevoli għal persuni b’dizabilità”:

“Sabiex tiġi ggarantita konformità mal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ persuni b’diżabilitajiet, għandha tiġi pprovduta akkomodazzjoni raġonevoli. Dan ifisser li dawk li jħaddmu għandhom jieħdu mizuri approprjati, meta meħtieġa f’każ partikulari, biex jippermettu persuna b’diżabilità li jkollha aċċess għal, u tipparteċipa fil-, jew tavvanza fl-impjieg, jew titħarreġ, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq min iħaddem. Dan il-piż ma jitqiesx sproporzjonat meta jiġi mnaqqas biżżejjed permezz ta’ miżuri li jkunu jeżistu fil-qafas tal-politika dwar diżabilità fl-Istat Membru ikkonċernat.”

 Iddritt Spanjol

 L-Istatut tal-Ħaddiema

12      L-Artikolu 49 tal-Estatuto de los Trabajadores (l-Istatut tal-Ħaddiema), fil-verżjoni kkonsolidata tiegħu approvata bir-Real Decreto Legislativo 2/2015, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru 2/2015, li Japprova t-Test Ikkonsolidat tal-Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema), tat‑23 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 255, tal‑24 ta’ Ottubru 2015, p. 100224) (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Ħaddiema”), jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-kuntratt tax-xogħol jintemm:

[...]

(e)      fil-każ ta’ mewt, inkapaċità permanenti li tirrikjedi l-assistenza ta’ terz jew inkapaċità permanenti totali jew assoluta tal-ħaddiem, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48(2).

[...]”

 Il-LGSS

13      Il-Ley General de la Seguridad Social (il-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali), fil-verżjoni kkonsolidata tagħha approvata bir-Real Decreto Legislativo 8/2015 (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 8/2015), tat‑30 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 261, tal‑31 ta’ Ottubru 2015, p. 103291, u rettifika BOE Nru 36, tal‑11 ta’ Frar 2016, p. 10898) (iktar ’il quddiem il-“LGSS”), jipprovdi, fl-Artikolu 193 tiegħu:

“‘Inkapaċità permanenti għax-xogħol’ tfisser is-sitwazzjoni tal-ħaddiem li, wara li jkun ġie suġġett għat-trattament preskritt, ikollu effetti anatomiċi jew funzjonali gravi li jistgħu jiġu kkonstatati oġġettivament, u jkun prevedibbli li dawn ikunu definittivi u jnaqqsu jew ixejnu l-kapaċità għax-xogħol tiegħu. Il-possibbiltà li l-ħaddiem jirkupra l-kapaċità għax-xogħol tiegħu ma tipprekludix ir-rikonoxximent tal-inkapaċità permanenti għax-xogħol jekk din il-possibbiltà titqies medikament inċerta jew għal żmien twil.

[...]”

14      L-Artikolu 194 tal-LGSS jipprovdi:

“1.      Tkun xi tkun il-kawża, l-inkapaċità permanenti għax-xogħol għandha tiġi kklassifikata fi gradi skont il-perċentwali ta’ tnaqqis tal-kapaċità għax-xogħol tal-persuna kkonċernata, li għandu jiġi evalwat skont il-lista ta’ patoloġiji adottata b’mod leġiżlattiv, fil-kategoriji li ġejjin:

(a)      inkapaċità permanenti parzjali;

(b)      inkapaċità permanenti totali;

(c)      inkapaċità permanenti assoluta;

(d)      inkapaċità permamenti li tirrikjedi l-assistenza ta’ terz.

2.      L-inkapaċità permanenti għandha tiġi kklassifikata fil-gradi differenti tagħha skont il-perċentwali ta’ tnaqqis tal-kapaċità għax-xogħol stabbilit permezz ta’ regolament.

Sabiex jiġi ddeterminat il-grad ta’ inkapaċità, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett tat-tnaqqis tal-kapaċità għax-xogħol fuq l-eżekuzzjoni tal-professjoni li kienet teżerċita l-persuna kkonċernata jew fuq il-grupp professjonali li taħtu kienet taqa’ din il-professjoni qabel ma seħħ il-fatt li ta lok għall-inkapaċità permanenti.”

15      It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 196(2) tal-LGSS jipprovdi:

“L-ammont tal-allowance mensili għall-inkapaċità permanenti totali li tirriżulta minn marda mhux ikkaġunata mix-xogħol ma jistax ikun inqas minn 55 % tal-bażi minima ta’ kontribuzzjoni għall-adulti li jkunu laħqu l-età ta’ tmintax-il sena, ikkalkolata kull sena, fis-seħħ fid-data tal-ħlas.”

 Il-Liġi Ġenerali dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà

16      Il-Ley General de derechos de las personas con discapacidad y de su inclusión social (il-Liġi Ġenerali dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà u l-Integrazzjoni Soċjali tagħhom), fil-verżjoni kkonsolidata tagħha approvata bir-Real Decreto Legislativo 1/2013 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley General de derechos de las personas con discapacidad y de su inclusión social (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2013 li Japprova r-Riformulazzjoni tal-Liġi Ġenerali dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà u l-Integrazzjoni Soċjali tagħhom), tad‑29 ta’ Novembru 2013 (BOE Nru 289 tat‑3 ta’ Diċembru 2013, p. 95635) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Ġenerali dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà”), tipprovdi, fl-Artikolu 2 tagħha, intitolat “Definizzjonijiet”, paragrafu (m):

“Arranġamenti raġonevoli: bidliet u adattamenti meħtieġa u xierqa għall-ambjent fiżiku, soċjali u komportamentali għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ persuni b’diżabbiltà li ma jimponux piż sproporzjonat jew indebitu, fejn dawn ikunu meħtieġa f’każ speċifiku b’mod effiċjenti u prattiku sabiex jiġu ffaċilitati l-aċċessibbiltà u l-parteċipazzjoni u jiġi żgurat li l-persuni b’diżabbiltà jgawdu jew jeżerċitaw id-drittijiet kollha b’mod ugwali ma’ ħaddieħor.”

17      L-Artikolu 4 ta’ din il-liġi, intitolat “Detenturi tad-drittijiet”, jipprovdi:

“1.      ‘Persuni b’diżabbiltà’ tfisser il-persuni b’defiċjenzi fiżiċi, mentali, intellettwali u sensorjali probabbilment għal żmien twil li l-interazzjoni tagħhom ma’ diversi ostakoli tista’ ttellef il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà b’mod ugwali mal-oħrajn.

2.      Minbarra l-persuni koperti mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, il-persuni li ngħataw rata ta’ inkapaċità ta’ 33 % jew iktar għandhom f’kull rigward il-kwalità ta’ persuni b’diżabbiltà. Ir-rata ta’ inkapaċità permanenti tal-persuni affiljati mas-sigurtà soċjali, li jirċievu allowance mensili minħabba inkapaċità permanenti totali, assoluta jew li teħtieġ l-assistenza ta’ terz, għandha titqies daqs jew ogħla minn 33 % [...].

[...]”

18      L-Artikolu 40 tal-imsemmija liġi, intitolat “Adozzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex jipprevjenu jew sabiex jikkumpensaw għall-iżvantaġġi kkawżati mid-diżabbiltà bħala garanzija għall-ugwaljanza sħiħa fix-xogħol”, jipprovdi:

“1.      Sabiex tiġi ggarantita l-ugwaljanza sħiħa fix-xogħol, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jostakolax iż-żamma jew l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi maħsuba sabiex jipprevjenu jew jikkumpensaw għall-iżvantaġġi kkawżati mid-diżabbiltà.

2.      Il-persuni li jimpjegaw għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jadattaw il-post tax-xogħol u jiffaċilitaw l-aċċessibbiltà tal-impriża wara li jikkunsidraw il-ħtiġijiet li jinqalgħu f’kull każ individwali sabiex il-persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu jaċċedu għall-impjieg, iwettqu x-xogħol tagħhom, jiġu promossi u jaċċedu għat-taħriġ, sakemm dawn il-miżuri ma joħolqux piż sproporzjonat għall-persuna li timpjega.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-piż huwiex sproporzjonat, għandu jiġi eżaminat jekk dan huwiex suffiċjentement immitigat mill-miżuri, mill-assistenza u mis-sussidji pubbliċi li japplikaw għall-persuni b’diżabbiltà u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż finanzjarji u spejjeż oħra marbuta ma’ dawn il-miżuri kif ukoll id-daqs tal-impriża jew tal-organizzazzjoni u d-dħul mill-bejgħ globali tagħha.”

19      Skont l-Artikolu 63 tal-istess liġi, intitolat “Ksur tad-dritt għall-ugwaljanza tal-opportunitajiet”:

“Id-dritt għall-ugwaljanza tal-opportunitajiet tal-persuni b’diżabbiltà stabbilit fl-Artikolu 4(1) għandu jitqies li nkiser meta, minħabba jew abbażi tad-diżabbiltà, ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, diskriminazzjoni permezz ta’ assoċjazzjoni, fastidju, nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà u ta’ arranġamenti raġonevoli, u nuqqas ta’ osservanza tal-miżuri ta’ azzjoni pożittiva previsti mil-liġi.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

20      J.M.A.R. kien impjegat minn Ca Na Negreta, mix-xahar ta’ Ottubru 2012, bħala xufier ta’ trakk għall-ġbir ta’ skart domestiku full‑time. Fix-xahar ta’ Diċembru 2016, huwa kien vittma ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol, li kkawża ksur miftuħ tal-kalkanju tal-lemin tiegħu.

21      Wara dan l-inċident fuq il-post tax-xogħol, J.M.A.R. sab ruħu f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità temporanja għax-xogħol. Fit‑18 ta’ Frar 2018, l-Instituto Nacional de la Seguridad Social (l-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, Spanja) (iktar ’il quddiem l-“INSS”) iddeċieda li jtemm l-imsemmija inkapaċità temporanja, billi tah kumpens fiss għal leżjoni permanenti, fl-ammont ta’ EUR 3 120. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-INSS madankollu rrifjuta li jirrikonoxxi lil J.M.A.R. inkapaċità permanenti għax-xogħol, fis-sens tal-Artikolu 193 tal-LGSS.

22      Fis‑6 ta’ Awwissu 2018, J.M.A.R. talab lil Ca Na Negreta l-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu f’pożizzjoni adattata għall-konsegwenzi tal-inċident fuq il-post tax-xogħol tiegħu. Peress li CA Na Negreta aċċettat din it-talba, J.M.A.R. għadda minn pożizzjoni ta’ xufier full‑time ta’ vetturi bil-mutur tqal għal pożizzjoni ta’ xufier fis-settur tal-punti ta’ ġbir mobbli, li kien fiżikament inqas eżiġenti, kien jimplika ħin ta’ sewqan imnaqqas u kien kompatibbli mal-limitazzjonijiet fiżiċi tiegħu.

23      J.M.A.R. ressaq azzjoni kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-INSS li jirrikonoxxilu inkapaċità permanenti għax-xogħol quddiem il-qorti kompetenti, li, permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2020, irrikonoxxiet lil J.M.A.R. inkapaċità permanenti totali li jeżerċita l-professjoni abitwali tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 194 tal-LGSS. Din is-sentenza kienet tindika b’mod partikolari li, “indipendentement mill-fatt li l-ħaddiem ġie assenjat mill-ġdid mill-impriża u jista’ attwalment jaħdem, sa fejn huwa għandu jsuq biss madwar 40 minuta kuljum, xorta jibqa’ l-fatt li l-istat residwu tal-għaksa u s-sieq tal-lemin tiegħu jipprekludih milli jsuq b’mod kontinwu kieku kellu jiddedika ruħu għall-impjieg b’mod sħiħ, kif timplika l-professjoni abitwali tiegħu ta’ xufier ta’ trakk”. L-imsemmija sentenza rrikonoxxiet ukoll lil J.M.A.R. id-dritt li jirċievi allowance mensili ekwivalenti għal 55 % tas-salarju ta’ kuljum tiegħu.

24      Fit‑13 ta’ Marzu 2020, Ca Na Negreta nnotifikat lil J.M.A.R. ix-xoljiment tal-kuntratt tax-xogħol tiegħu, skont l-Artikolu 49(1)(e) tal-Istatut tal-Ħaddiema, minħabba l-inkapaċità permanenti totali tiegħu li jeżerċita l-professjoni abitwali tiegħu.

25      Adita b’azzjoni ppreżentata minn J.M.A.R. kontra dan ix-xoljiment, il-Juzgado de lo Social n° 1 de Ibiza (il-Qorti Industrijali Nru 1 ta’ Ibiza, Spanja) ċaħdet, permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2021, din l-azzjoni għar-raġuni li r-rikonoxximent tal-inkapaċità permanenti totali sabiex jeżerċita l-professjoni abitwali tiegħu jiġġustifika li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu jintemm, mingħajr ma l-persuna li timpjega tkun marbuta b’xi obbligu legali ta’ assenjazzjoni mill-ġdid f’pożizzjoni oħra fi ħdan l-impriża tagħha.

26      J.M.A.R. appella minn din is-sentenza quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de las Islas Baleares (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Islas Baleares, Spanja), il-qorti tar-rinviju.

27      Din il-qorti tirrileva li, f’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-ħaddiem ikkonċernat huwa persuna f’sitwazzjoni ta’ diżabbiltà, fis-sens tad-Direttiva 2000/78. Hija tenfasizza li, fi kwalunkwe każ, din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 4(2) tal-Liġi Ġenerali dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, li jagħti lill-persuni f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità permanenti totali l-kwalità ta’ “persuni b’diżabbiltà”.

28      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont l-Artikolu 49(1)(e) tal-Istatut tal-Ħaddiema, li ma ġiex emendat mill‑10 ta’ Marzu 1980 u għalhekk ma ġiex adattat sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-Direttiva 2000/78 u l-Konvenzjoni tan-NU, il-konstatazzjoni ta’ inkapaċità permanenti totali li tiġi eżerċitata l-professjoni abitwali tippermetti awtomatikament xoljiment tal-kuntratt tax-xogħol, mingħajr ma għandha tiġi osservata ebda formalità u mingħajr ma għandu jitħallas kumpens, minbarra l-allowance mensili, ekwivalenti, f’dan il-każ, għal 55 % tas-salarju tal-ħaddiem. Barra minn hekk, dan ix-xoljiment ma huwa suġġett għall-osservanza ta’ ebda obbligu minn qabel f’termini ta’ “arranġamenti raġonevoli”, minkejja li, f’dan il-każ, il-fattibbiltà ta’ tali arranġamenti kienet intweriet minn Ca Na Negreta stess, peress li din assenjat mill-ġdid lil J.M.A.R. f’pożizzjoni oħra fi ħdan l-impriża.

29      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tiċċita s-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, HR Rail (C‑485/20, EU:C:2022:85), li minnha jirriżulta li l-persuna li timpjega hija obbligata tieħu l-miżuri xierqa sabiex persuna b’diżabbiltà tkun tista’ taċċedi għal impjieg, teżerċitah jew tavvanza fih, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq il-persuna li timpjega.

30      Il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għall-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), li minnha jirriżulta li, għalkemm l-inkapaċità permanenti totali ma tobbligax lill-persuna li timpjega tkeċċi lill-ħaddiem u ma tipprekludix, b’mod partikolari, assenjazzjoni mill-ġdid ta’ dan tal-aħħar f’pożizzjoni oħra fi ħdan l-impriża, peress li din l-inkapaċità taffettwa biss il-kapaċità tiegħu li jeżerċita l-funzjonijiet abitwali tiegħu u għalhekk ma tipprekludihx milli jwettaq kompiti oħra, l-imsemmija persuna li timpjega madankollu ma hijiex obbligata li tipproċedi għal tali assenjazzjoni mill-ġdid, sakemm din ma tkunx espressament prevista minn ftehim kollettiv tax-xogħol jew minn kuntratt.

31      Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, moqri fid-dawl tas-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, HR Rail (C‑485/20, EU:C:2022:85).

32      Huwa f’dan il-kuntest li t-Tribunal Superior de Justicia de las Islas Baleares (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Islas Baleares) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 5 tad-[Direttiva 2000/78], fid-dawl tal-premessi 16, 17, 20 u 21 [ta’ din id-direttiva], tal-Artikoli 21 u 26 tal-[Karta], u tal-Artikoli 2 u 27 tal-[Konvenzjoni tan-NU], għandu jiġu interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tqis id-diżabbiltà tal-ħaddiem (meta jiġi ddikjarat li jkun qiegħed f’sitwazzjoni ta’ diżabbiltà permanenti u totali għall-professjoni abitwali tiegħu, mingħajr perspettiva ta’ titjib) bħala kawża awtomatika ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol, mingħajr il-kumpannija li timpjega ma tkun obbligata, qabel, li tikkonforma ruħha mal-obbligu li tadotta “akkomodazzjoni [arranġamenti] raġjonevoli” impost mill-Artikolu 5 tad-Direttiva sabiex iżżomm l-impjieg (jew tiġġustifika l-oneru eċċessiv ta’ tali obbligu)?

2)      L-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, moqrija fid-dawl tal-premessi 16, 17, 20 u 21 [ta’ din id-]direttiva, tal-Artikoli 21 u 26 tal-[Karta] u tal-Artikoli 2 u 27 tal-[Konvenzjoni tan-NU], għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-terminazzjoni awtomatika tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ ħaddiem minħabba diżabbiltà (meta jiġi ddikjarat li jkun qiegħed f’sitwazzjoni ta’ diżabbiltà permanenti u totali għall-professjoni abitwali tiegħu), mingħajr il-persuna li timpjega ma tkun obbligata, qabel, li tikkonforma ruħha mal-obbligu li tadotta “akkomodazzjoni [arranġamenti] raġjonevoli” impost mill-Artikolu 5 tad-Direttiva sabiex iżżomm l-impjieg (jew tiġġustifika l-oneru eċċessiv ta’ tali obbligu), tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta, u dan anki meta dispożizzjoni legali nazzjonali tiddetermina tali terminazzjoni?”

 Fuq iddomandi preliminari

33      Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, moqri fid-dawl tal-Artikoli 21 u 26 tal-Karta u kif ukoll tal-Artikoli 2 u 27 tal-Konvenzjoni tan-NU, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-persuna li timpjega tista’ tittermina l-kuntratt tax-xogħol għar-raġuni li l-ħaddiem ikun sar permanentement inkapaċi li jwettaq il-kompiti tiegħu skont dan il-kuntratt, minħabba l-okkorrenza, matul ir-relazzjoni tax-xogħol, ta’ diżabbiltà, mingħajr ma l-persuna li timpjega tkun obbligata, qabelxejn, tipprevedi jew iżżomm arranġamenti raġonevoli sabiex dan il-ħaddiem ikun jista’ jżomm l-impjieg tiegħu, jew turi, jekk ikun il-każ, li tali arranġamenti jikkostitwixxu piż sproporzjonat.

34      Fir-rigward tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2000/78, għandu jitfakkar li, minn naħa, il-kunċett ta’ “diżabbiltà”, fis-sens ta’ din id-direttiva, għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal limitazzjoni fil-kapaċità, li tirriżulta, b’mod partikolari minn indebolimenti fiżiċi, mentali jew psikiċi għal żmien twil, li l-interazzjoni tagħhom ma’ diversi ostakoli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq bażi ugwali mal-ħaddiema l-oħra (sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, HR Rail, C‑485/20, EU:C:2022:85, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 3(1)(ċ) tagħha, l-imsemmija direttiva tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, inklużi l-korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija.

36      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “tkeċċija” jirreferi, b’mod partikolari, għat-terminazzjoni unilaterali ta’ kull attività msemmija fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, TP (Montaġġ awdjoviżiv għat-televiżjoni pubblika), C‑356/21, EU:C:2023:9, punt 62). B’hekk, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi kull terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol mhux mixtieqa mill-ħaddiem, u għaldaqstant mingħajr il-kunsens tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2015, Pujante Rivera, C‑422/14, EU:C:2015:743, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan il-każ, minn naħa, ma huwiex ikkontestat li, fir-rigward tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, l-inkapaċità tiegħu tirriżulta minn indebolimenti fiżiċi għal żmien twil marbuta ma’ inċident fuq il-post tax-xogħol. Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju u tal-Gvern Spanjol, għalkemm l-imsemmija inkapaċità ma tipprekludix lill-ħaddiem ikkonċernat milli jwettaq funzjonijiet oħra mal-persuna li timpjegah jew ma’ impriża oħra, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmi ħaddiem jingħata l-istatus ta’ “persuna b’diżabbiltà”, fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, jiġifieri l-Artikoli 4, 40 u 63 tal-Liġi Ġenerali dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà. Il-limitazzjoni tal-kapaċità tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li tirriżulta minn indebolimenti fiżiċi għal żmien twil, tidher li tista’ tostakola l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva ta’ dan tal-aħħar fil-ħajja professjonali, b’tali mod li s-sitwazzjoni tiegħu taqa’ taħt il-kunċett ta’ “diżabbiltà”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78 u tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 34 ta’ din is-sentenza.

38      Min-naħa l-oħra, lanqas ma huwa kkontestat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tawtorizza lill-persuna li timpjega li xxolji l-kuntratt tax-xogħol minħabba l-inkapaċità permanenti totali tal-ħaddiem li jeżerċita l-professjoni abitwali tiegħu fi ħdan l-impriża. Il-fatt li l-ħaddiem ikkonċernat talab ir-rikonoxximent ta’ din l-inkapaċità permanenti totali u li huwa kien jaf li din il-leġiżlazzjoni tagħti lill-persuna li timpjegah id-dritt li xxolji l-kuntratt tax-xogħol tiegħu wara dan ir-rikonoxximent ma jfissirx, f’dan ir-rigward, li dan il-ħaddiem kien ta l-kunsens tiegħu għat-terminazzjoni tal-imsemmi kuntratt. Konsegwentement, xoljiment skont l-imsemmija leġiżlazzjoni jaqa’ taħt il-“kundizzjonijiet ta’ tkeċċija”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78, peress li jikkostitwixxi terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol mhux mixtieqa mill-ħaddiem.

39      Għaldaqstant, sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

40      Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar, qabelxejn, li d-Direttiva 2000/78 tikkonkretizza, fil-qasam li hija tkopri, il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata, inter alia, fuq diżabbiltà. Barra minn hekk, l-Artikolu 26 tal-Karta jipprevedi li l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà li jibbenefikaw minn miżuri intiżi li jiżguraw l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom, u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, HR Rail, C‑485/20, EU:C:2022:85, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Sussegwentement, għandu jitfakkar ukoll li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU jistgħu jiġu invokati għall-finijiet ta’ interpretazzjoni ta’ dawk tad-Direttiva 2000/78, b’mod li din tal-aħħar għandha tiġi interpretata, sa fejn possibbli, b’mod konformi ma’ din il-konvenzjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Komisia za zashtita ot diskriminatsia, C‑824/19, EU:C:2021:862, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Issa, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija konvenzjoni, il-kunċett ta’ “diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà” tfisser kwalunkwe distinzjoni, esklużjoni jew restrizzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà li għandha l-għan jew l-effett li tfixkel jew li xxejjen l-għarfien, it-tgawdija jew l-eżerċitar, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha fil-qasam politiku, ekonomiku, soċjali, kulturali, ċivili jew fi kwalunkwe qasam ieħor. Dan il-kunċett jinkludi l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni, inkluża ċ-ċaħda ta’ arranġamenti raġonevoli.

43      Fir-rigward ta’ dawn l-arranġamenti, mill-kliem tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, moqri fid-dawl tal-premessi 20 u 21 tagħha, jirriżulta li l-persuna li timpjega hija obbligata tieħu l-miżuri xierqa, jiġifieri miżuri effikaċi u prattiċi, billi tieħu inkunsiderazzjoni kull sitwazzjoni individwali, sabiex tippermetti lil kull persuna b’diżabbiltà taċċedi għal impjieg, teżerċitah jew tavvanza fih, jew sabiex tingħata taħriġ mingħajr ma jiġi impost fuq il-persuna li timpjega piż sproporzjonat (sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, HR Rail, C‑485/20, EU:C:2022:85, punt 37).

44      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta ħaddiem isir definittivament inkapaċi li jokkupa l-pożizzjoni tax-xogħol tiegħu minħabba l-okkorrenza ta’ diżabbiltà, l-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu f’pożizzjoni tax-xogħol oħra tista’ tikkostitwixxi miżura xierqa fil-kuntest ta’ arranġamenti raġonevoli, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, peress li din tippermetti lil dan il-ħaddiem iżomm l-impjieg tiegħu, billi tiżgura l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tiegħu fil-ħajja professjonali abbażi tal-prinċipju ta’ ugwaljanza mal-ħaddiema l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022 HR Rail, C‑485/20, EU:C:2019:85, punti 41 sa 43).

45      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 ma jistax jobbliga lill-persuna li timpjega tieħu miżuri li jimponulha piż sproporzjonat. F’dan ir-rigward, mill-premessa 21 ta’ din id-direttiva jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżuri inkwistjoni joħolqux piż sproporzjonat, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-ispejjeż finanzjarji implikati, id-daqs u r-riżorsi finanzjarji tal-organizzazzjoni jew tal-impriża u l-possibbiltà li jinkisbu fondi pubbliċi jew kull għajnuna oħra. Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, fi kwalunkwe każ, il-possibbiltà li persuna b’diżabbiltà tiġi assenjata f’pożizzjoni tax-xogħol oħra teżisti biss fil-preżenza ta’ mill-inqas pożizzjoni vakanti waħda li l-ħaddiem ikkonċernat jista’ jokkupa (sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, HR Rail, C‑485/20, EU:C:2022:85, punti 45 u 48).

46      Konsegwentement, il-kunċett ta’ “arranġamenti raġonevoli” jimplika li ħaddiem li, minħabba d-diżabbiltà tiegħu, ikun ġie ddikjarat inkapaċi għall-funzjonijiet essenzjali tal-pożizzjoni okkupata minnu, jiġi assenjat mill-ġdid f’pożizzjoni oħra li għaliha jkollu l-kompetenzi, il-kapaċitajiet u d-disponibbiltà meħtieġa, sakemm din il-miżura ma timponix fuq il-persuna li timpjegah piż sproporzjonat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, HR Rail, C‑485/20, EU:C:2022:85, punt 49).

47      F’dan il-każ, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li din tippermetti t-tkeċċija ta’ ħaddiem meta dan tal-aħħar jiġi formalment irrikonoxxut bħala inkapaċi li jokkupa l-pożizzjoni tiegħu minħabba l-okkorrenza ta’ diżabbiltà, mingħajr ma timponi fuq il-persuna li timpjegah li tieħu, qabelxejn, miżuri xierqa, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, jew li żżomm il-miżuri xierqa li hija tkun diġà ħadet. Fil-fatt, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ġie assenjat mill-ġdid fi ħdan l-impriża bejn is‑6 ta’ Awwissu 2018 u t‑13 ta’ Marzu 2020, data tat-tkeċċija, innotifikata mill-persuna li timpjega ħdax-il jum wara r-rikonoxximent formali tal-inkapaċità tiegħu li jeżerċita l-funzjoni abitwali preċedenti tiegħu. Issa, skont il-qorti tar-rinviju, il-pożizzjoni l-ġdida li għaliha l-ħaddiem kien ġie assenjat mill-ġdid, għal iktar minn sena, kienet tidher kompatibbli mal-limitazzjonijiet fiżiċi li jirriżultaw mill-inċident fuq il-post tax-xogħol tiegħu.

48      Kif irrilevaw il-Gvern Elleniku u l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, tali leġiżlazzjoni tidher li għandha l-effett, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li teżenta lill-persuna li timpjega mill-obbligu tagħha li tieħu jew, jekk ikun il-każ, li żżomm arranġamenti raġonevoli, bħal assenjazzjoni mill-ġdid f’pożizzjoni oħra, anki jekk il-ħaddiem ikkonċernat ikollu l-kompetenzi, il-kapaċitajiet u d-disponibbiltajiet meħtieġa sabiex jissodisfa l-funzjonijiet essenzjali ta’ din il-pożizzjoni l-oħra, fis-sens tal-premessa 17 tal-istess direttiva u tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 46 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, l-imsemmija leġiżlazzjoni lanqas ma tidher li teżiġi li l-persuna li timpjega għandha turi li tali assenjazzjoni mill-ġdid hija ta’ natura li timponi fuqha piż sproporzjonat, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, qabel ma tipproċedi bit-tkeċċija tal-ħaddiem.

49      Il-fatt li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-inkapaċità permanenti totali hija rrikonoxxuta fuq talba tal-ħaddiem u li din tagħtih dritt għal benefiċċju tas-sigurtà soċjali, jiġifieri allowance mensili, filwaqt li jżomm il-possibbiltà li jeżerċita funzjonijiet oħra, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

50      Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprovdi li ħaddiem b’diżabbiltà huwa obbligat iġarrab ir-riskju li jitlef l-impjieg tiegħu sabiex ikun jista’ jibbenefika minn benefiċċju tas-sigurtà soċjali, tippreġudika l-effett utli tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, moqri fid-dawl tal-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni tan-NU, li jipprovdi li hemm lok li jiġi ggarantit u ffavorit l-eżerċizzju tad-dritt għax-xogħol, inkluż għal dawk li ntlaqtu minn diżabbiltà matul l-impjieg, kif ukoll iż-żamma fl-impjieg. Sa fejn tassimila “inkapaċità permanenti totali”, li tikkonċerna biss il-funzjonijiet abitwali, mal-mewt ta’ ħaddiem jew ma’ “inkapaċità permanenti assoluta” li tindika, skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Spanjol, inkapaċità għal kull xogħol, l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra l-għan ta’ integrazzjoni professjonali tal-persuni b’diżabbiltà, imsemmi fl-Artikolu 26 tal-Karta.

51      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument ippreżentat mill-Gvern Spanjol fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li jgħid li l-Istat Membru kkonċernat biss huwa kompetenti sabiex jorganizza s-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu u jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji fil-qasam tas-sigurtà soċjali, għandu jitfakkar li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, dan l-Istat Membru għandu josserva d-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, INSS (Kumulu ta’ pensjonijiet għal invalidità professjonali totali), C‑625/20, EU:C:2022:508, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali ma tistax tmur kontra, b’mod partikolari, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, moqri fid-dawl tal-Artikoli 21 u 26 tal-Karta, billi tistabbilixxi bħala raġuni għal tkeċċija d-diżabbiltà tal-ħaddiem, mingħajr ma l-persuna li timpjega tkun obbligata, qabelxejn, tipprevedi jew iżżomm arranġamenti raġonevoli sabiex dan il-ħaddiem ikun jista’ jżomm l-impjieg tiegħu, jew turi, jekk ikun il-każ, li tali arranġamenti jikkostitwixxu piż sproporzjonat, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 45 ta’ din is-sentenza.

53      Konsegwentement, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, moqri fid-dawl tal-Artikoli 21 u 26 tal-Karta u kif ukoll tal-Artikoli 2 u 27 tal-Konvenzjoni tan-NU, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-persuna li timpjega tista’ tittermina l-kuntratt tax-xogħol abbażi tal-fatt li l-ħaddiem ikollu inkapaċità permanenti li jwettaq il-kompiti tiegħu skont dan il-kuntratt, minħabba l-okkorrenza, matul ir-relazzjoni tax-xogħol, ta’ diżabbiltà, mingħajr ma l-persuna li timpjega tkun obbligata, qabelxejn, tipprevedi jew iżżomm arranġamenti raġonevoli sabiex dan il-ħaddiem ikun jista’ jżomm l-impjieg tiegħu, jew turi, jekk ikun il-każ, li tali arranġamenti jikkostitwixxu piż sproporzjonat.

 Fuq lispejjeż

54      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, moqri fid-dawl tal-Artikoli 21 u 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u kif ukoll tal-Artikoli 2 u 27 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, konkluża fi New York fit13 ta’ Diċembru 2006 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas26 ta’ Novembru 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-persuna li timpjega tista’ tittermina l-kuntratt tax-xogħol abbażi tal-fatt li l-ħaddiem ikollu inkapaċità permanenti li jwettaq il-kompiti tiegħu skont dan il-kuntratt, minħabba l-okkorrenza, matul ir-relazzjoni tax-xogħol, ta’ diżabbiltà, mingħajr ma l-persuna li timpjega tkun obbligata, qabelxejn, tipprevedi jew iżżomm arranġamenti raġonevoli sabiex dan il-ħaddiem ikun jista’ jżomm l-impjieg tiegħu, jew turi, jekk ikun il-każ, li tali arranġamenti jikkostitwixxu piż sproporzjonat.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.