Language of document : ECLI:EU:C:2021:201

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Marzu 2021 (*)

[Test rettifikat permezz ta’ digriet tat‑13 ta’ April 2021]

“Appell – Artikolu 107(1) TFUE – Għajnuna mill-Istat – Taxxa Pollakka fis-settur tal-bejgħ bl-imnut – Artikolu 108(2) TFUE – Deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Elementi għad-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza – Progressjoni tar-rati – Eżistenza ta’ vantaġġ ta’ natura selettiva – Oneru tal-prova”

Fil-Kawża C‑562/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑24 ta’ Lulju 2019,

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Herrmann, P.‑J. Loewenthal u V. Bottka, bħala aġenti,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

[Kif rettifikat permezz ta’ digriet tat‑13 ta’ April 2021] IrRepubblika talPolonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, M. Rzotkiewicz u M. Szydło, bħala aġenti,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

LUngerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, J.‑C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev, E. Regan, A. Kumin u N. Wahl, Presidenti ta’ Awla, M. Safjan, D. Šváby, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos, P. G. Xuereb u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑1 ta’ Settembru 2020,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑16 ta’ Mejju 2019, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni (T‑836/16 u T‑624/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:338), li permezz tagħha din annullat, minn naħa, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 5596 final tad‑19 ta’ Settembru 2016 dwar il-miżura SA.44351 (2016/C) (ex 2016/NN) – Il‑Polonja – Taxxa Pollakka fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward ta’ din il-miżura u li tordna lir-Repubblika tal-Polonja tissospendi r-rati progressivi tat-taxxa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali”), u, min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/160 tat‑30 ta’ Ġunju 2017 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.44351 (2016/C) (ex 2016/NN) implimentata mill-Polonja għat-taxxa fuq is-settur tal-bejgħ bl-imnut (ĠU 2018, L 29, p. 38, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni negattiva”) (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 16 tas-sentenza appellata. Huma jistgħu jitqassru kif ġej.

3        Fil-bidu tas-sena 2016, il-Gvern Pollakk ippreveda l-ħolqien ta’ taxxa ġdida fis-settur tal-bejgħ bl-imnut ta’ merkanzija, li l-bażi taxxabbli tagħha hija d-dħul mill-bejgħ u li għandha natura progressiva.

4        Informata b’dan il-proġett, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Pollakki talba għal informazzjoni li tindika li r-rati tat-taxxa progressiva fuq id-dħul mill-bejgħ kienu, fil-fatt, marbuta mad-daqs tal-impriża u mhux mal-profittabbiltà tagħha, b’tali mod li kienu jwasslu għal diskriminazzjoni bejn impriżi u setgħu jikkawżaw tfixkil serju fis-suq. Skont din l-istituzzjoni, dawn ir-rati jistabbilixxu inugwaljanza fit-trattament bejn l-impriżi, u għandhom, għaldaqstant, jiġu kkunsidrati bħala selettivi. Peress li qieset li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE kienu ssodisfatti, hija kkonkludiet li l-imsemmija rati kienu jagħtu lok għal “għajnuna mill-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

5        Fis‑6 ta’ Lulju 2016, ir-Repubblika tal-Polonja adottat il-Liġi dwar it-Taxxa fis-Settur tal-Bejgħ bl-Imnut, li tikkonċerna l-bejgħ bl-imnut ta’ merkanzija lill-konsumatur li huwa persuna fiżika u daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Settembru 2016 (iktar ’il quddiem il-“miżura fiskali inkwistjoni”). Il-persuni taxxabbli li għandhom iħallsu din it-taxxa huma l-bejjiegħa bl-imnut kollha, irrispettivament mill-istatus ġuridiku tagħhom, u l-bażi taxxabbli tagħha hija kkostitwita mid-dħul mill-bejgħ fix-xahar, sa fejn dan tal-aħħar huwa ogħla minn 17‑il miljun zloty Pollakk (PLN) (madwar EUR 3 750 000). Ir-rata tagħha hija żero għal dħul mill-bejgħ fix-xahar li huwa inqas minn dak ekwivalenti għal dan l-ammont, imbagħad tiżdied għal 0.8 % għall-parti tad-dħul mill-bejgħ fix-xahar bejn PLN 17‑il miljun u 170 miljun (madwar EUR 37 500 000) u għal 1.4 % għall-parti tad-dħul mill-bejgħ fix-xahar li taqbeż dan l-aħħar ammont.

6        Fid‑19 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, hija mhux biss intimat lill-awtoritajiet Pollakki sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, iżda ordnatilhom ukoll, abbażi tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), li jissospendu mingħajr dewmien “l-applikazzjoni tar-rata progressiva [tal-miżura fiskali inkwistjoni sal-adozzjoni ta’] deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni, ir-Repubblika tal-Polonja ssospendiet l-applikazzjoni tal-miżura fiskali inkwistjoni.

7        Fit‑30 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali billi adottat id-deċiżjoni negattiva. Hija essenzjalment qieset li l-miżura fiskali inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern u li din kienet ġiet implimentata b’mod illegali, b’tali mod li l-awtoritajiet Pollakki kellhom definittivament jannullaw il-ħlasijiet kollha sospiżi wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Peress li l-miżura fiskali inkwistjoni ma kinitx ġiet implimentata fil-prattika, hija qieset li ma kienx hemm lok li jsir l-irkupru ta’ kwalunkwe għajnuna mingħand il-benefiċjarji.

8        Fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, il-Kummissjoni, essenzjalment, iġġustifikat il-klassifikazzjoni tal-miżura fiskali inkwistjoni bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, bil-mod li ġej.

9        Fir-rigward tal-imputabbiltà ta’ din il-miżura lill-Istat u l-finanzjament tagħha permezz ta’ riżorsi tal-Istat, il-Kummissjoni qieset li, billi għażlet taxxa progressiva fuq id-dħul mill-bejgħ, ir-Repubblika tal-Polonja kienet irrinunzjat għal parti mir-riżorsi fiskali li kienet tirċievi kieku l-impriżi kollha kienu ġew intaxxati bl-istess rata effettiva medja. Il-miżura fiskali inkwistjoni twassal għalhekk għal trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat favur ċerti impriżi.

10      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ, il-Kummissjoni fakkret li miżuri li jnaqqsu l-piżijiet li normalment jaqgħu fuq l-impriżi jikkostitwixxu, bħal kull benefiċċju pożittiv, vantaġġ. Hija indikat li l-impriżi li għandhom dħul mill-bejgħ baxx jibbenefikaw, minħabba l-applikazzjoni tal-miżura fiskali inkwistjoni, minn trattament fiskali vantaġġuż meta mqabbla mal-impriżi l-oħra suġġetti għal din it-taxxa. Fil-fatt, ir-rati medji ta’ taxxa żero jew inqas għolja tal-impriżi bi dħul mill-bejgħ baxx meta mqabbla mar-rati medji tat-taxxa ogħla ta’ impriżi bi dħul mill-bejgħ ogħla kienu jiffavorixxu lil tal-ewwel.

11      Fil-kuntest tal-eżami tal-kundizzjoni dwar is-selettività, intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżura fiskali inkwistjoni hijiex ta’ natura li tiffavorixxi indebitament ċerti impriżi, il-Kummissjoni qieset li s-sistema fiskali ta’ referenza rilevanti kienet ikkostitwita mit-taxxa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, inkluż għall-impriżi li jagħmlu dħul mill-bejgħ inqas minn PLN 17‑il miljun (madwar EUR 3 750 000), iżda mingħajr ma tagħmel parti minnha n-natura progressiva tat-taxxa. Peress li din il-progressjoni ma tirriżultax biss f’rati marġinali, iżda wkoll f’rati medji ta’ taxxi differenti bejn l-impriżi, hija tikkostitwixxi deroga minn din is-sistema ta’ referenza, meqjusa li tinkludi biss rata ta’ taxxa unika.

12      Issa, din id-deroga ma hijiex iġġustifikata min-natura jew mill-istruttura ġenerali tal-imsemmija sistema ta’ referenza. Fil-fatt, fil-fehma tal-Kummissjoni, l-għan ta’ ridistribuzzjoni mressaq mill-awtoritajiet Pollakki huwa inkompatibbli mal-għażla ta’ taxxa bbażata fuq id-dħul mill-bejgħ, peress li taffettwa l-impriżi skont il-volum tal-attività tagħhom biss, iżda mhux skont il-piżijiet tagħhom, il-profittabbiltà tagħhom, il-kapaċità kontributtiva tagħhom jew tal-faċilitajiet li, skont dawn l-awtoritajiet, l-impriżi l-kbar biss jistgħu jibbenefikaw minnhom.

13      Fl-aħħar nett, peress li l-awtoritajiet Pollakki indikaw li n-natura progressiva tat-taxxa tippermetti ż-żamma tal-kummerċ żgħir quddiem il-bejjiegħa bl-imnut il-kbar, il-Kummissjoni f’dan l-argument rat il-prova li huma kienu qegħdin jipprovaw jinfluwenzaw l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

14      Fit‑30 ta’ Novembru 2016, ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali (Kawża T‑836/16). Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ April 2017, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza l-intervent tal-Ungerija insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja.

15      Fit‑13 ta’ Settembru 2017, ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat it-tieni rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni negattiva (Kawża T‑624/17). Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Jannar 2018, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza wkoll l-intervent tal-Ungerija insostenn tat-talbiet imressqa mir-Repubblika tal-Polonja fil-kuntest ta’ dan it-tieni rikors.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Lulju 2018, il-Kawżi T‑836/16 u T‑624/17 ġew magħquda mill-Qorti Ġenerali għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 68(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

17      Insostenn tar-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali (Kawża T‑836/16), ir-Repubblika tal-Polonja invokat erba’ motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq il-fatt li l-miżura fiskali inkwistjoni kienet ġiet ikklassifikata b’mod żbaljat bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, it-tieni u t-tielet motiv kienu bbażati fuq il-fatt li l-ordni ta’ sospensjoni meħuda mill-Kummissjoni kienet tikser l-Artikolu 13(1) tar-Regolament 2015/1589 kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, u r-raba’ motiv kien ibbażat fuq in-natura kemm żbaljata u insuffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

18      Insostenn tar-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni negattiva (Kawża T‑624/17), ir-Repubblika tal-Polonja invokat żewġ motivi, ibbażati, fl-ewwel lok, fuq il-fatt li l-miżura fiskali inkwistjoni kienet ġiet ikklassifikata b’mod żbaljat bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u, fit-tieni lok, fuq in-natura żbaljata u insuffiċjenti tal-motivazzjoni adottata mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika din id-deċiżjoni.

19      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv invokat mir-Repubblika tal-Polonja fil-Kawża T‑624/17, billi ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset li l-istabbiliment ta’ taxxa progressiva fuq id-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-bejgħ bl-imnut tal-merkanzija kien jagħti lok għal vantaġġ selettiv. Hija laqgħet ukoll ir-raba’ motiv invokat mir-Repubblika tal-Polonja fil-Kawża T‑836/16, billi ddeċidiet li l-Kummissjoni ma setgħetx tikklassifika provviżorjament il-miżura fiskali inkwistjoni bħala għajnuna ġdida mingħajr ma tibbaża ruħha fuq l-eżistenza ta’ dubji leġittimi fuq dan il-punt, fl-istat tal-fajl. Konsegwentement, hija annullat id-deċiżjonijiet kontenzjużi, inkluż l-ordni ta’ sospensjoni tal-miżura fiskali inkwistjoni flimkien mad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, mingħajr ma ddeċidiet dwar il-motivi l-oħra mressqa quddiemha.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

20      Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiddeċiedi definittivament il-kawża, billi tiċħad il-motivi mqajma fl-ewwel istanza mir-Repubblika tal-Polonja kontra d-deċiżjonijiet kontenzjużi, u tikkundannaha għall-ispejjeż, u

–        sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar il-motivi li dwarhom għadha ma tatx deċiżjoni.

21      Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell bħala infondat; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22      L-Ungerija, insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell bħala infondat.

 Fuq l-appell

23      Il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE

24      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, billi ddeċidiet li n-natura progressiva tal-miżura fiskali inkwistjoni ma kinitx tagħti vantaġġ selettiv favur l-impriżi li għandhom dħul mill-bejgħ baxx marbut mal-bejgħ bl-imnut ta’ merkanzija, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE. Skont din l-istituzzjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni ta’ kull wieħed mit-tliet stadji tal-analiżi tas-selettività ta’ din il-miżura. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis, qabelxejn, li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-progressjoni tat-taxxa kienet tagħmel parti mis-sistema ta’ referenza li fir-rigward tagħha kellha tiġi evalwata s-selettività tal-miżura fiskali inkwistjoni. Sussegwentement, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx teżamina l-komparabbiltà tal-impriżi suġġetti għall-imsemmija miżura fid-dawl ta’ għan differenti mill-għan fiskali ta’ din tal-aħħar. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-kuntest tal-analiżi tal-ġustifikazzjoni tal-istess miżura, adottat għan, jiġifieri l-għan ta’ ridistribuzzjoni, li ma huwiex intrinsikament marbut mal-imsemmija miżura.

25      Ir-Repubblika tal-Polonja u l-Ungerija jikkontestaw dan l-argument.

26      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interventi tal-Istati Membri fl-oqsma li ma kinux is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fid-dritt tal-Unjoni ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 81). L-Istati Membri għandhom għalhekk jastjenu milli jadottaw kull miżura fiskali li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern.

27      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta wkoll li l-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha segwenti jkunu ssodisfatti. L-ewwel, għandu jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet, dan irid jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’, huwa għandu jikkostitwixxi distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar is-selettività tal-vantaġġ, inerenti għall-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li hija l-unika waħda li hija suġġetta għall-kontestazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel aggravju ta’ dan l-appell, minn ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-kundizzjoni timponi li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, il-miżura nazzjonali inkwistjoni hijiex ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li huma, fir-rigward tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli u li għalhekk huma suġġetti għal trattament iddifferenzjat li jista’ essenzjalment jiġi kklassifikat bħala diskriminatorju (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, A‑Brauerei, C‑374/17, EU:C:2018:1024, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Barra minn hekk, meta l-miżura inkwistjoni tkun maħsuba bħala sistema ta’ għajnuna u mhux bħala għajnuna individwali, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi jekk din il-miżura, minkejja li hija tipprevedi vantaġġ ta’ portata ġenerali, tagħtix il-benefiċċju esklużiv lil ċerti impriżi jew lil ċerti setturi ta’ attività (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑270/15 P, EU:C:2016:489, punt 49).

30      Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ miżuri nazzjonali li jagħtu vantaġġ fiskali, għandu jitfakkar li miżura ta’ din in-natura li, minkejja li ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni iktar favorevoli mill-persuni taxxabbli l-oħra tista’ tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji u tikkostitwixxi, għaldaqstant, “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għalhekk, huwa kkunsidrat b’mod partikolari bħala għajnuna mill-Istat intervent li jtaffi l-piżijiet li normalment huma ta’ piż għall-baġit ta’ impriża u li, minħabba f’dan, mingħajr ma jkun sussidju fis-sens strett tal-kelma, huwa tal-istess natura u għandu effetti identiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, EU:C:1994:100, punti 13 u 14, kif ukoll tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir‑Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punti 71 u 72). Għall-kuntrarju, ma jikkostitwixxix tali għajnuna fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni vantaġġ fiskali li jirriżulta minn miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, A‑Brauerei, C‑374/17, EU:C:2018:1024, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan il-kuntest, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali nazzjonali bħala “selettiva”, il-Kummissjoni għandha tidentifika, qabelxejn, is-sistema ta’ referenza, jiġifieri s-sistema fiskali “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, u turi, sussegwentement, li l-miżura fiskali inkwistjoni tidderoga minn din is-sistema ta’ referenza, sa fejn hija tintroduċi differenzazzjoni bejn operaturi li, fir-rigward tal-għan imfittex minn din is-sistema ta’ referenza, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, A‑Brauerei, C‑374/17, EU:C:2018:1024, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” madankollu ma jirrigwardax il-miżuri li jintroduċu differenzazzjoni bejn impriżi li, fir-rigward tal-għan imfittex mis-sistema legali inkwistjoni, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta l-Istat Membru kkonċernat jasal juri li din id-differenzazzjoni hija ġġustifikata, fis-sens li din tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li jagħmlu parti minnha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑159/01, EU:C:2004:246, punti 42 u 43; tad‑29 ta’ Marzu 2012, 3M Italia, C‑417/10, EU:C:2012:184, punt 40; kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2018, A‑Brauerei, C‑374/17, EU:C:2018:1024, punt 44).

33      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kisritx l-Artikolu 107(1) TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, meta ddeċidiet, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma kinitx wriet li n-natura progressiva tal-miżura fiskali inkwistjoni kellha l-konsegwenza li tagħti vantaġġ selettiv lil “ċerti impriżi jew [lil] ċerti produtturi”.

34      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, billi kkritikatha li evalwat l-eżistenza eventwali ta’ vantaġġ selettiv fir-rigward ta’ sistema ta’ referenza żbaljata u billi kkunsidrat li kienu jagħmlu parti integrali minn din is-sistema ta’ referenza r-rati ta’ tassazzjoni progressivi adottati mil-leġiżlatur Pollakk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

35      Skont il-Kummissjoni, il-vantaġġ selettiv li jirriżulta mill-miżura fiskali inkwistjoni ma jinsabx fl-eżistenza ta’ eżenzjoni fir-rigward tal-parti tad-dħul mill-bejgħ inqas minn ċertu ammont, peress li l-impriżi kollha kkonċernati jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni għall-parti tad-dħul mill-bejgħ tagħhom li ma taqbiżx il-limitu li jikkorrispondi mal-parti eżentata, iżda fid-differenza tar-rata medja ta’ tassazzjoni li tirriżulta mill-progressjoni tar-rati. Din id-differenza tiffavorixxi lill-impriżi li jagħmlu dħul mill-bejgħ baxx billi jtaffu, b’mod inġustifikat, il-piż fiskali li huwa tagħhom meta mqabbel ma’ dak impost fuq l-impriżi l-oħra fil-kuntest tas-sistema ta’ referenza, fejn din tal-aħħar tikkonsisti, skont il-Kummissjoni, f’taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ b’rata unika. Għalhekk, it-tassazzjoni b’rata progressiva ma hijiex differenti mis-sitwazzjoni li fiha grupp ta’ persuni taxxabbli huwa intaxxat b’rata speċifika u grupp ieħor ta’ persuni taxxabbli b’rata oħra, li tkun ekwivalenti għal trattament iddifferenzjat ta’ impriżi komparabbli.

36      Għaldaqstant, tqum l-ewwel nett il-kwistjoni dwar jekk, kif issostni l-Kummissjoni, il-progressjoni tar-rati prevista mill-miżura fiskali inkwistjoni kellhiex tiġi eskluża mis-sistema ta’ referenza li fir-rigward tagħha għandu jiġi evalwat jekk l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv setgħetx tiġi stabbilita, jew jekk, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 63 sa 67 tas-sentenza appellata, hija tagħmilx, għall-kuntrarju, parti integrali minnu.

37      Fil-qasam tal-libertajiet fundamentali tas-suq intern, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-istat attwali tal-armonizzazzjoni tad-dritt fiskali tal-Unjoni, l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu s-sistema ta’ tassazzjoni li huma jqisu l-iktar xierqa, b’mod li l-applikazzjoni ta’ tassazzjoni progressiva taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali ta’ kull Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 2020, Vodafone Magyarország, C‑75/18, EU:C:2020:139, punt 49, u Tesco-Global Áruházak, C‑323/18, EU:C:2020:140, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Din l-affermazzjoni hija valida wkoll fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, ANGED, C‑233/16, EU:C:2018:280, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Minn dan isegwi li, barra mill-oqsma li fihom id-dritt fiskali tal-Unjoni huwa s-suġġett ta’ armonizzazzjoni, id-determinazzjoni tal-karatteristiċi kostituttivi ta’ kull taxxa taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri, fl-osservanza tal-awtonomija fiskali tagħhom, peress li din is-setgħa għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi eżerċitata fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Dan jgħodd ukoll, b’mod partikolari, għall-għażla tar-rata tat-taxxa, li tista’ tkun proporzjonali jew progressiva, iżda wkoll għad-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli tagħha u tal-fatt taxxabbli tagħha.

39      Dawn il-karatteristiċi kostituttivi jiddefinixxu għalhekk, bħala prinċipju, is-sistema ta’ referenza jew is-sistema fiskali “normali”, li minnha għandha tiġi analizzata l-kundizzjoni dwar is-selettività konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ma jipprekludix, bħala prinċipju, li l-Istati Membri jiddeċiedu li jagħżlu rati ta’ tassazzjoni progressivi, intiżi sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni l-kapaċità kontributtiva tal-persuni taxxabbli. Il-fatt li l-użu ta’ tassazzjoni progressiva huwa, fil-prattika, iktar komuni fil-qasam tat-tassazzjoni tal-persuni fiżiċi ma jimplikax li huma pprojbiti milli jirrikorru għaliha sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kapaċità kontributtiva tal-persuni ġuridiċi, b’mod partikolari tal-impriżi.

41      Għalhekk, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li taxxa progressiva tkun ibbażata fuq id-dħul mill-bejgħ, inkluż fil-każ fejn din ma tkunx intiża sabiex tikkumpensa l-effetti negattivi li jistgħu jiġu ġġenerati mill-attività taxxabbli. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-ammont tad-dħul mill-bejgħ jikkostitwixxi, b’mod ġenerali, kemm kriterju ta’ distinzjoni newtrali kif ukoll indikatur rilevanti tal-kapaċità kontributtiva tal-persuni taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 2020, Vodafone Magyarország, C‑75/18, EU:C:2020:139, punt 50, u Tesco-Global Áruházak, C‑323/18, EU:C:2020:140, punt 70). Minn ebda regola u minn ebda prinċipju tad-dritt tal-Unjoni, inkluż fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ma jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ rati progressivi hija rriżervata biss għat-taxxi fuq il-profitti. Barra minn hekk, l-istess bħad-dħul mill-bejgħ, il-profitt innifsu huwa biss indikatur relattiv tal-kapaċità kontributtiva. Il-fatt li jikkostitwixxi, kif tqis il-Kummissjoni, indikatur iktar rilevanti jew iktar preċiż mid-dħul mill-bejgħ huwa indifferenti fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, peress li d-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam jirrigwarda biss it-tneħħija tal-vantaġġi selettivi li minnhom jistgħu jibbenefikaw ċerti impriżi għad-detriment ta’ oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli. L-istess japplika għall-eżistenza ta’ eventwali sitwazzjoni ta’ taxxa doppja ekonomika, marbuta mal-kumulu ta’ tassazzjoni fuq id-dħul mill-bejgħ u ta’ tassazzjoni fuq il-profitti.

42      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-karatteristiċi li jikkostitwixxu t-taxxa, li minnha jagħmlu parti r-rati ta’ tassazzjoni progressivi, jifformaw, bħala prinċipju, is-sistema ta’ referenza jew is-sistema fiskali “normali” għall-finijiet tal-analiżi tal-kundizzjoni ta’ selettività. Madankollu, ma huwiex eskluż li dawn il-karatteristiċi jistgħu, f’ċerti każijiet, jiżvelaw element manifestament diskriminatorju, fatt li madankollu għandu jintwera mill-Kummissjoni.

43      Is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir‑Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732), ma tikkontestax il-kunsiderazzjonijiet preċedenti. Għall-kuntrarju, kif irrilevat, essenzjalment, mill-Avukata Ġenerali fil-punti 40 sa 45 tal-konklużjonijiet tagħha, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, is-sistema fiskali kienet ġiet ikkonfigurata skont parametri manifestament diskriminatorji, intiżi sabiex jiġi evitat id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Dan huwa dak li kienet turi, f’din il-kawża, l-għażla ta’ kriterji ta’ tassazzjoni li jiffavorixxu ċerti kumpanniji offshore, li tidher inkoerenti fir-rigward tal-għan li tinħoloq taxxa ġenerali, imposta fuq l-impriżi kollha, murija mil-leġiżlatur ikkonċernat.

44      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 3 sa 5 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur Pollakk, permezz tal-miżura fiskali inkwistjoni, stabbilixxa taxxa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, ibbażata fuq id-dħul mill-bejgħ fix-xahar iġġenerat minn din l-attività, li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, għandha n-natura ta’ taxxa diretta. Ir-rata tagħha hija żero sa PLN 17‑il miljun (madwar EUR 3 750 000), imbagħad tiżdied għal 0.8 % bejn PLN 17‑il miljun u 170 miljun (madwar EUR 37 500 000) u għal 1.4 % lil hinn minn dan l-aħħar ammont. Il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li din il-progressjoni tar-rati, adottata mil-leġiżlatur Pollakk billi għamel użu mis-setgħa diskrezzjonali li huwa għandu fil-kuntest tal-awtonomija fiskali tiegħu, kienet ġiet imfassla b’mod manifestament diskriminatorju, bil-għan li jiġu evitati r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-progressjoni tar-rati tal-miżura fiskali inkwistjoni kellha titqies bħala inerenti għas-sistema ta’ referenza jew għas-sistema fiskali “normali” li fid-dawl tagħha kellha tiġi evalwata l-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ vantaġġ selettiv.

45      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-punti 63 sa 67 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li, billi qieset li l-iskala progressiva tal-miżura fiskali inkwistjoni ma kinitx tagħmel parti mis-sistema ta’ referenza li fid-dawl tagħha kellha tiġi evalwata n-natura selettiva ta’ din il-miżura, il-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha b’mod żbaljat fuq sistema ta’ referenza inkompleta u fittizja. Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

46      Minħabba fl-iżball imwettaq fid-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza li jivvizzja neċessarjament l-analiżi kollha tal-kundizzjoni dwar is-selettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Andres (Falliment ta’ Heitkamp BauHolding) vs Il‑Kummissjoni, C‑203/16 P, EU:C:2018:505, punt 107), ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni u t-tielet parti tal-ewwel aggravju.

47      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud, kollu kemm huwa, bħala infondat.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 13 tar-Regolament 2015/1589

48      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, billi annullat id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, inkluża l-ordni ta’ sospensjoni, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 13 tar-Regolament 2015/1589. B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, eżerċitat fuq din id-deċiżjoni stħarriġ tal-istess intensità bħal dak li hija eżerċitat fuq id-deċiżjoni negattiva, meta hija kellha tillimita ruħha għal stħarriġ ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, li ma kienx ikkaratterizzat f’dan il-każ. Min-naħa l-oħra, hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli annullat l-ordni ta’ sospensjoni meħuda mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament 2015/1589 bħala konsegwenza tal-annullament tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, minħabba li ma qisitx id-destin tagħha bħala separabbli minn dak ta’ din id-deċiżjoni, meta din kienet tikkostitwixxi deċiżjoni distinta minn din tal-aħħar, li l-legalità tagħha kellha tiġi evalwata b’mod awtonomu.

49      Ir-Repubblika tal-Polonja u l-Ungerija jikkontestaw dan l-argument.

50      Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni hija obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali jekk, wara l-eżami preliminari msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589, hija ma kinitx f’pożizzjoni tkun konvinta li l-miżura nnotifikata hija kompatibbli mas-suq intern. L-istess japplika meta jibqgħalha dubji dwar il-klassifikazzjoni stess bħala “għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, ta’ din il-miżura (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2005, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑400/99, EU:C:2005:275, punt 47; tal‑21 ta’ Lulju 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il‑Kummissjoni, C‑194/09 P, EU:C:2011:497, punt 60; u tal‑24 ta’ Jannar 2013, 3F vs Il‑Kummissjoni, C‑646/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:36, punt 27).

51      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament 2015/1589, il-Kummissjoni għandha l-fakultà, wara li tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, li tordnalu jissospendi l-ħlas ta’ kull għajnuna illegali, sakemm tieħu deċiżjoni finali dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Tali deċiżjoni li tingħata ordni hija distinta mid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u tista’ barra minn hekk kemm tittieħed fl-istess ħin bħal din tal-aħħar kif ukoll tkun sussegwenti għaliha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ottubru 2001, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑400/99, EU:C:2001:528, punt 47, u tal‑4 ta’ Ġunju 2020, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni, C‑456/18 P, EU:C:2020:421, punt 35).

52      Fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, l-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni, meta r-rikorrent jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-miżura kkonċernata bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, huwa limitat għall-verifika tal-punt dwar jekk din l-istituzzjoni wettqitx, fl-istadju tal-eżami preliminari previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589, żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il‑Kummissjoni, C‑194/09 P, EU:C:2011:497, punt 61, u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 78). L-istess japplika għall-istħarriġ tal-legalità ta’ ordni ta’ sospensjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament, fid-dawl tan-natura provviżorja tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat tal-miżura adottata f’dan l-istadju mill-Kummissjoni.

53      Madankollu, hemm lok li jiġi ppreċiżat li, fid-dawl tal-konsegwenzi legali tal-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE f’dak li jikkonċerna miżuri ttrattati bħala għajnuna ġdida, li huma marbuta mal-obbligu li tiġi sospiża l-implimentazzjoni immedjata tagħha, meta l-Istat Membru kkonċernat jallega li dawn il-miżuri ma jikkostitwixxux għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni għandha twettaq eżami suffiċjenti tal-kwistjoni abbażi tal-informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata lilha f’dan l-istadju mill-imsemmi Stat, anki jekk dan l-eżami ma jwassalx għal evalwazzjoni definittiva (sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2005, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑400/99, EU:C:2005:275, punt 48). Għalhekk, għalkemm, fid-dawl tal-elementi li diġà kellha l-Kummissjoni fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura, kien jidher li l-klassifikazzjoni ta’ għajnuna ġdida tal-miżura inkwistjoni kellha manifestament tiġi skartata f’dan l-istadju, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura fir-rigward ta’ din il-miżura għandha tiġi annullata.

54      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali essenzjalment iddeċidiet, fil-punt 108 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet ibbażat il-klassifikazzjoni provviżorja bħala għajnuna ġdida tal-miżura fiskali inkwistjoni fuq analiżi manifestament żbaljata. B’mod iktar preċiż, hija kkritikatha li bbażat ruħha prinċipalment fuq l-idea li l-istabbiliment ta’ taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ b’rati progressivi kien jikkostitwixxi, bħala prinċipju, għajnuna mill-Istat, filwaqt li hija kellha tagħmel analiżi ddettaljata intiża sabiex issostni l-eżistenza, fil-fehma tagħha, ta’ dubji leġittimi dwar il-klassifikazzjoni bħala tali tal-miżura fiskali inkwistjoni, fid-dawl tal-elementi fil-pussess tagħha. Minn dan hija ddeduċiet li kellhom jiġu annullati kemm id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u l-ordni ta’ sospensjoni marbuta magħha.

55      Billi ddeċidiet b’dan il-mod, wara li fakkret il-prinċipji li jinsabu fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali sempliċement eżerċitat fuq il-klassifikazzjoni provviżorja ta’ għajnuna mill-Istat adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali stħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, kif kellha tagħmel. Fil-fatt, mill-punt 108 tas-sentenza appellata jirriżulta li hija l-assenza ta’ provi ddettaljati li jsostnu l-eżistenza f’dan il-każ ta’ dubji leġittimi tal-Kummissjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat tal-miżura fiskali inkwistjoni li ġġustifikat l-annullament, mill-Qorti Ġenerali, tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u mhux, fi kwalunkwe każ, it-tkomplija tal-motivi li permezz tagħhom hija kienet iddeċidiet minn qabel li d-deċiżjoni negattiva kellha tiġi annullata, li hija rreferiet għalihom biss b’mod inċidentali.

56      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma annullatx id-deċiżjoni ta’ ordni ta’ sospensjoni tal-miżura fiskali inkwistjoni sempliċement bħala konsegwenza tal-annullament tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Hija ddeċidiet biss, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, li l-motivi li jiġġustifikaw l-annullament ta’ din l-aħħar deċiżjoni, ibbażati fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni provviżorja tal-miżura fiskali inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, jiġġustifikaw f’dan il-każ ukoll l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ordni ta’ sospensjoni ta’ din il-miżura, li l-adozzjoni tagħha kienet, hija wkoll, suġġetta għal tali klassifikazzjoni provviżorja.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud, kollu kemm huwa, bħala infondat.

58      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

59      Konformement mal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-Repubblika tal-Polonja.

60      L-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprevedi li, meta, fil-każ li ma tkunx hija stess ippreżentat l-appell, intervenjenti fl-ewwel istanza tipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’ tiddeċiedi li l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. F’dan il-każ, l-Ungerija, intervenjenti fl-ewwel istanza, mingħajr ma kienet l-awtur tal-appell, ipparteċipat fil-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda ma talbitx il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi deċiż li hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati mal-proċedura tal-appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Andres (Falliment ta’ Heitkamp BauHolding) vs Il‑Kummissjoni (C‑203/16 P, EU:C:2018:505, punti 113 u 114).

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      L-Ungerija għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.