Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Lulju 2007 - Zhejiang Harmonic Hardware Products vs Il-Kunsill

(Kawża T-274/07)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Zhejiang Harmonic Hardware Products Co. Ltd (Zhejiang, iċ-Ċina) (rappreżentant: R. MacLean, Solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

li jiġu annullati l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2007, tat-23 ta' April 2007, safejn jikkonċernaw ir-rikorrenti; u

li l-Kunsill jiġi ordnat ibati l-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti, li timmanifattura twavel għall-mogħdija tal-ħwejjeġ u l-partijiet tagħhom fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, titlob l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2007, tat-23 ta' April 2007, li jistabbilixxi dazju definittiv kontra d-dumping u li jimponi definittivament id-dazju provviżorju stabbilit fir-rigward ta' l-importazzjoni ta' twavel għall-mogħdija tal-ħwejjeġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u milll-Ukraina 1 safejn jikkonċerna r-rikorrenti.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti, l-ewwel nett, issostni li l-istituzzjonijiet tal-Komunità kisru l-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament Bażiku2 peress li l-Kummissjoni ppreżentat proposta għal miżuri kontra d-dumping lill-Kunsill ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata li r-rikorrenti ma ssoddisfatx il-kriterji għall-istatus ta' ekonomija tas-suq, imsemmija fl-Artikolu 2(7)(ċ).

It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li l-istituzzjonijiet tal-Komunità kisru l-Artikolu 20(4) u (5) tar-Regolament Bażiku u d-dritt għal smigħ peress li r-rikorrenti ngħatat sitt ijiem biss sabiex twieġeb għall-ittra finali riveduta ta' żvelar ta' l-informazzjoni tal-Kummissjoni.

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-istituzzjonijiet tal-Komunità kisru l-Artikolu 8 tar-Regolament Bażiku billi naqsu milli ma kkunsidrawx b'mod xieraq l-impenn fil-prezz offrut mir-rikorrenti.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-istituzzjonijiet tal-Komunità kisru l-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Bażiku billi ma żvelawx l-identità ta' min għamel l-ilment li ta bidu għall-investigazzjoni li tat lok għar-regolament ikkontestat.

____________

1 - ĠU 2007 L 109, p. 12.

2 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta' Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l- importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1996 L 56, p. 1).