Language of document : ECLI:EU:C:2008:745

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fit-18 ta’ Diċembru 2008 1(1)

Kawża C‑343/07

Bavaria NV

Bavaria Italia Srl

vs

Bayerischer Brauerbund eV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte d’Appello di Torino (l-Italja))

“Validità tar-Regolamenti (KEE) Nru 2081/92 u (KE) Nru 1347/2001 – Ammissibbiltà – Protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel – Indikazzjoni geografika “Bayerisches Bier” – Trade mark “Bavaria” – Rekwiżiti proċedurali u sostantivi għar-reġistrazzjoni – Koeżistenza bejn trade mark u indikazzjoni ġeografika protetta”





I –    Introduzzjoni

1.        B’digriet tas-6 ta’ Lulju 2007 li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Lulju 2007, il-Corte d’Appello di Torino (Qorti tal-Appell ta’ Turin) (Italja) irrinvjat diversi domandi għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, rigward minn naħa waħda, il-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2001 li jissupplimenta l-Anness mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 dwar ir-reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ oriġini skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1347/2001”) kif ukoll il-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 tal-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel (3) (iktar ’il quddiem ir-“ir-Regolament Nru 2081/92”) innifsu u, min-naħa l-oħra, rigward l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1347/2001.

2.        B’mod partikolari, bid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq li tkun taf jekk l-isem “Bayerisches Bier” kienx, meta jiġu meqjusa r-rekwiżiti formali u sostantivi stabbiliti bir-Regolament Nru 2081/92, irreġistrat b’mod validu taħt ir-Regolament Nru 1347/2001 bħala indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) u, jekk dan huwa l-każ, sa liema punt dik l-IĠP taffettwa il-validità jew l-użu ta’ trade marks preeżistenti użati għal birra fejn ikun jidher l-isem “Bavaria”.

3.        Dawn id-domandi ġew issollevati fi proċeduri bejn, min-naħa waħda, il-Bayerischer Brauerbund eV (iktar ’il quddiem “Bayerischer Brauerbund ”) u, mill-oħra, Bavaria NV u Bavaria Italia Srl (“Bavaria” u “Bavaria Italia”) dwar l-użu minn tal-aħħar ta’ trade marks internazzjonali li fihom tidher il-kelma “Bavaria”.

4.        Tressqu proċeduri relatati quddiem il-qrati Komunitarji, jiġifieri, fis-6 ta’ Diċembru 2007, T‑178/06, Bavaria vs Il-Kunsill, quddiem il-Qorti ta’ Prim’Istanza u, fl-20 ta’ Marzu 2008, C‑120/08, Bayerischer Brauerbund, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Iż-żewġ kawżi ġew sospiżi, fis-6 ta’ Diċembru 2007 u fl-20 ta’ Marzu 2008 rispettivament, sakemm tingħata d-deċiżjoni fil-kawża preżenti.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Ir-Regolament Nru 2081/92

5.        Ir-Regolament Nru 2081/92 huwa intiż li jistabbilixxi struttura ta’ regoli Komunitarji għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati u indikazzjonijiet ġeografiċi għal ċerti prodotti agrikoli u prodotti tal-ikel meta jkun hemm rabta bejn il-karatteristiċi tal-prodott jew prodott tal-ikel u l-oriġini ġeografika tiegħu. Dak ir-regolament jipprovdi għal sistema ta’ reġistrazzjoni fuq livell Komunitarju ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini li se jipprovdu protezzjoni f’kull Stat Membru.

6.        L-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 2081/92 jipprovdi:

“1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-protezzjoni dwar id-denominazzjoni ta’ oriġini u l-indikazzjoni ġeografika ta’ prodotti agrikoli għal konsum tal-bniedem imsemmija fl-Anness II tat-Trattat u tal-prodotti tal-ikel imsemmija fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament u l-prodotti agrikoli elenkati fl-Anness II ta[‘ dan i]r-Regolament.

[...]

2. Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet speċifiċi l-oħra tal-Komunità.”

7.        L-Anness I għal dak ir-Regolament, intitolat “Il-prodotti tal-ikel li għalihom issir referenza fl-Artikolu 1”, isemmi “Birra” fl-ewwel sub-inċiż tiegħu.

8.        L-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2081/92 jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(b) indikazzjoni ġeografika: tfisser l-isem ta’ reġjun, ta’ post speċifiku, jew f’każijiet eċċezzjonali, pajjiż, użati biex jiddeskrivu prodott agrikolu jew prodott tal-ikel:

–        illi joriġinaw f’dak ir-reġjun, post speċifiku jew pajjiż, u

–        li jippossjedu kwalità speċifika, reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi marbuta ma’ dik l-oriġini ġeografika u li l-produzzjoni u/jew l-ipproċessar u/jew it-tħejjija tagħhom iseħħu fiż-żona ġeografika definita.”

9.        L-Artikolu 3(1) jipprovdi:

“Ismijiet li jkunu saru ġeneriċi ma jistgħux jiġu reġistrati.

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, “isem li sar ġeneriku” ifisser l-isem ta’ prodott agrikolu jew tal-ikel illi, minkejja li hu relatat mal-post jew ir-reġjun fejn dan il-prodott jew dan l-ikel ġie magħmul jew manifatturat oriġinarjament, dan l-isem ikun sar l-isem komuni ta’ prodott agrikolu jew ta’ prodott tal-ikel.

Sabiex jiġi stabbilit jekk isem sarx ġeneriku jew le, għandhom jiġu meqjusa l-fatturi kollha, b’mod partikolari:

–        is-sitwazzjoni eżistenti fl-Istat Membru fejn joriġina l-isem u fiż-żoni ta’ konsum,

–        is-sitwazzjoni eżistenti fl-Istati Membri l-oħra,

–        il-liġijiet nazzjonali jew il-liġijiet tal-Komunità [rilevanti].

Meta, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 6 u 7, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiġi miċħuda minħabba illi l-isem ikun sar ġeneriku, il-Kummissjoni għandha tippubblika dik id-deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.”

10.      Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 2081/92:

“1. L-ismijiet irreġistrati għandhom ikun protetti kontra:

(a) kull użu kummerċjali dirett jew indirett ta’ isem irreġistrat fir-rigward ta’ prodotti li m’humiex koperti bir-reġistrazzjoni biss jekk dawk il-prodotti jistgħu jiġu pparagunati mal-prodotti reġistrati taħt dak l-isem jew sakemm l-użu tal-isem jisfrutta r-reputazzjoni tal-isem protett;

(b) kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, anki jekk l-oriġini vera tal-prodott hija ndikata jew jekk l-isem protett huwa tradott jew użat flimkien ma’ xi espressjoni bħal m’huma “stil”, “tip”, “metodu”, “kif prodott fi”, “imitazzjoni” jew “simili”;

(ċ) kull indikazzjoni oħra falza jew qarrieqa dwar il-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew kwalitajiet essenzjali tal-prodott, fuq ġewwa jew fuq barra tal-pakkett, fir-reklamar jew fid-dokumenti dwar il-prodott in kw[i]stjoni, u l-ippakkjar tal-prodott f’reċipjent, li jistgħu jagħtu impressjoni qarrieqa dwar l-oriġini tiegħu;

(d) kull prattika oħra li tista’ tiżvija lill-pubbliku dwar l-oriġini vera tal-prodott.

[...]”

11.      L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2081/92 jirrigwarda r-relazzjoni bejn denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti jew indikazzjonijiet ġeografiċi u trade marks. L-Artikolu 14(2) (kif promulgat oriġinarjament) u (3) jipprovdi:

“2. B’rispett għall-liġijiet tal-Komunità, l-użu ta’ [trade mark] li tikkorrispondi għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 li kienet ġiet irreġistrata bil-buona fede qabel id-data meta saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ deskrizzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika jista’ jissokta minkejja r-reġistrazzjoni ta’ deskrizzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika, meta ma jkunx hemm raġuni għall-invalidità jew ir-revoka tat-trade mark kif stabbilit rispettivament bl-Artikolu 3(1)(ċ) u (g) tal-Artikolu 12(2)(b) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 sabiex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks. [(4)]

3. Deskrizzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika m’għandhomx jiġu rreġistrati meta, fid-dawl tar-reputazzjoni u l-fama tat-trade mark u t-tul ta’ żmien li ilha tintuża, ir-reġistrazzjoni tista’ tqarraq lill-konsumatur dwar l-identità vera tal-prodott.”

12.      L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2081/92 ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 692/2003 (5) b’effett mill-24 ta’ April 2003.

13.      Il-Premessa 11 fil-preambolu tar-Regolament Nru 692/2003 jistipula f’dak ir-rigward:

“L-Artikolu 24(5) tal-Ftehim [dwar Aspetti Relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali] jgħodd mhux biss għat-[trade marks] irreġistrati jew li għalihom saret applikazzjoni iżda wkoll għal dawk li għalihom ġew akkwistati d-drittijiet permezz tal-użu qabel data speċifikata, notevolment dak tal-protezzjoni tal-isem fil-pajjiż tal-oriġini. L-Artikolu 14(2) għandu għalhekk jiġi emendat: id-data ta’ referenza speċifikata issa għandha tinbidel għad-data tal-protezzjoni fil-pajjiż tal-oriġini jew tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika jew id-denominazzjoni ta’ oriġini, skont jekk l-isem jaqax taħt l-Artikolu 17 jew l-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament; ukoll, fl-Artikolu 14(1) tiegħu id-data tar-referenza għandha ssir id-data tal-applikazzjoni minflok id-data tal-ewwel pubblikazzjoni.”

14.      L-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 2081/92, kif emendat bir-Regolament Nru 692/2003, jaqra kif ġej:

“B’qisien dovuta għal liġi tal-Komunità, trade mark li l-użu tiegħu jinvolvi waħda mis-sitwazzjonijiet indikati fl-Artikolu 13 u li saret applikazzjoni għalih, irreġistrat jew stabbilit bl-użu, jekk dik il-possibbiltà hija prevista mill-leġiżlazzjoni in kwistjoni, bil-buona fede fit-territorju tal-Komunità, jew qabel id-data tal-protezzjoni fil-pajjiż tal-oriġini jew qabel id-data tas-sottomissjoni lill-Kummissjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini jew tal-indikazzjoni ġeografika, jista’ jkompli jintuża minkejja r-reġistrazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika, kemm–il darba ma teżisti ebda raġuni għall-invalidità jew għar-revoka tagħha, kif speċifikat fl-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks u/jew ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade marks Komunitarji.”

15.      Bħala deroga mill-proċedura normali prevista bl-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 2081/92, l-Artikolu 17 ta’ dak ir-regolament jistabbilixxi proċedura simplifikata għar-reġistrazzjoni ta’ IĠP jew ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta applikabbli għar-reġistrazzjoni ta’ ismijiet li diġà kienu jeżistu fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-regolament. L-Artikolu 17 jipprovdi kif ġej:

“1. Fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar liema mill-ismijiet tagħhom protetti legalment jew, f’dawk l-Istat Membri fejn m’hemmx sistema ta’ protezzjoni, liema mill-ismijiet stabbiliti permezz tal-użu huma jixtiequ jirreġistraw permezz ta’ dan ir-Regolament.

2. B’mod konformi mal-proċedura stabbilita bl-Artikolu 15, il-Kummissjoni għandha tirreġistra l-ismijiet li għalihom issir referenza fil-paragrafu 1 li huma konformi mal-Artikoli 2 u 4. L-Artikolu 7 m’għandux japplika. Madankollu, m’għandhomx jiġu miżjuda ismijiet ġeneriċi.

3. L-Istati Membri jistgħu jżommu sistema ta’ protezzjoni nazzjonali tal-ismijiet komunikati skont il-paragrafu 1 saż-żmien meta ttieħed deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni.”

16.      Il-proċedura simplifikata prevista fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 ġiet imħassra, b’effett mill-24 ta’ April 2003, bir-Regolament Nru 692/2003.

B –    Ir-Regolament Nru 1347/2001

17.      L-effett tar-Regolament Nru 1347/2001 kien li jiġi rreġistrat l-isem “Bayerisches Bier”, innotifikat mill-Ġermanja bħala IĠP skont il-proċedura simplifikata stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 u biex dan l-isem jiġi miżjud mal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 (6) b’effett mill-5 ta’ Lulju 2001.

18.      It-Premessi 3 u 4 fil-preamboli għar-Regolament Nru 1347/2001 jaqraw kif ġej:

“(3) It-tagħrif ipprovdut jikkonferma l-eżistenza tal-isem “Bavaria” bħala [trade mark] validu. Minħabba l-fatti u t-tagħrif disponibbli, madankollu ġie meqjus li r-reġistrazzjoni tal-isem “Bayerisches Bier” x’aktarx li ma kienx jiżgwida lill-konsumatur dwar l-identità vera tal-prodott. B’konsegwenza ta’ dan, l-indikazzjoni ġeografika “Bayerisches Bier” u t-trade mark “Bavaria” mhumiex fis-sitwazzjoni riferita fl-Artikolu (3) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92.

(4) L-użu ta’ ċerti trade marks, per eżempju, it-trade mark Olandiż ‘Bavaria’ u t-trade mark Daniż ‘Høker Bajer’ jistgħu jissoktaw minkejja r-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika ‘Bayerisches Bier’ sakemm iwettqu l-kundizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92.”

III – Il-kuntest fattwali, il-proċedura u d-domandi preliminari

19.      Bayerischer Brauerbund, li ġiet imwaqqfa fl-1880, hija assoċjazzjoni Ġermaniża bil-għan li tippromwovi l-interessi komuni tal-kumpanniji tal-birra Bavariża u, b’mod partikolari, li tipproteġi l-IĠP “Bayerisches Bier” fil-Ġermanja u barra l-pajjiż, li tagħha ilha proprjetarja sa mir-reġistrazzjoni tagħha bir-Regolament Nru 1347/2001. Mill-1968, hija wkoll il-proprjetarja tat-trade marks kollettivi internazzjonali “Bayrisch Bier” u “Bayerisches Bier”.

20.      Bavaria hija produttriċi tal-birra Olandiża li topera fis-suq internazzjonali. Oriġinarjament bl-isem “Firma Gebroeders Swinkels”, “Bavaria” ilha l-isem uffiċjali tal-kumpannija tagħha mill-1930. Bavaria Italia hija parti mill-grupp ta’ kumpanniji Bavaria.

21.      Bavaria u Bavaria Italia huma, rispettivament, il-proprjetarju u l-utenti ta’ diversi trade marks internazzjonali, li huma fis-seħħ fl-Italja u postijiet oħra, li jinkludu, flimkien ma’ espressjonijiet u elementi figurattivi oħra, il-kelma “Bavaria” bħala l-qalba ta’ dawk it-trade marks.

22.      B’rikors ippreżentat quddiem it-Tribunale di Torino (Qorti Distrettwali, Turin) fis-27 ta’ Settembru 2004, insegwitu għal proċeduri simili f’diversi Stati Ewropej oħra, b’mod partikolari fil-Ġermanja u Spanja, Bayerischer Brauerbund ipprovat twaqqaf lil Bavaria u Bavaria Italia milli jużaw, fir-rigward tal-Italja, dawk it-trade marks, billi talbet li tingħata deċiżjoni interlokutorja li tiddikjara lil dawk it-trade marks bħala invalidi jew li jirrevokahom. Bayerischer Brauerbund ħadet il-pożizzjoni li t-trade marks kienu konfliġġenti, għall-iskopijiet tal-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament Nru 2081/92, mal-IĠP “Bayerisches Bier” u, fi kwalunkwe każ, li dawn kienu jinkludu indikazzjoni ġeografika – il-kelma “Bavaria” – li kienet ġenerika u qarrieqa dwar l-oriġini ġeografika tal-birra inkwistjoni, peress li l-birer inkwistjoni huma Olandiżi.

23.      B’sentenza tat-30 ta’ Novembru 2006, it-Tribunale di Torino laqa’ r-rikors ta’ Bayerischer Brauerbund u pprojbixxa l-użu, fir-rigward tal-Italja, tat-trade marks inkwistjoni, għar-raġunijiet li kienu jiżgwidaw u kienu konfliġġenti mal-IĠP “Bayerisches Bier”.

24.      Bavaria u Bavaria Italia puntwalment appellaw minn dik id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, minħabba diversi raġunijiet.

25.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-bażi tal-appell li huwa essenzjali fil-kuntest preżenti jirrigwarda l-pożizzjoni meħuda mit-Tribunale di Torino li hi ma setgħetx tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE dwar il-validità tar-Regolament Nru 1347/2001, għar-raġuni li Bavaria Italia imissha kkontestat dak l-att direttament abbażi tal-Artikolu 230 KE, jiġifieri, fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tiegħu.

26.      Il-qorti tar-rinviju tissottometti f’dak ir-rigward li d-dubji ssollevati dwar il-possibbiltà ta’ deċiżjoni preliminari fiċ-ċirkustanzi preżenti għandhom jiġu indirizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

27.      Minbarra dan, il-qorti tar-rinviju tagħmel referenza ddettaljata għal numru ta’ argumenti mressqa minn Bavaria u Bavaria Italia sabiex jikkontestaw il-validità tar-Regolament Nru 1347/2001 u tar-reġistrazzjoni, permezz ta’ dak ir-regolament, ta’ “Bayerisches Bier” bħala IĠP, inkluż il-ksur ta’ prinċipji ġenerali ta’ dritt u n-nuqqas ta’ konformità ma’ diversi obbligi proċedurali u sostantivi stabbiliti fir-Regolament Nru 2081/92, partikolarment l-Artikoli 2(2)(b), 14(3) u 17 tiegħu.

28.      Fuq dan l-isfond, il-Corte d’Appello di Torino (il-Qorti tal-Appell ta’ Turin) issospendiet il-proċeduri u għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1. Ir-Regolament Nru 1347/2001 huwa invalidu jew le […] possibbilment bħala konsegwenza tal-invalidità ta’ atti oħra, fid-dawl ta’ dan li ġej:

Ksur ta’ prinċipji ġenerali

–        l-invalidità tal-Artikolu 1(1) tar-[Regolament Nru 2081/92], moqri flimkien mal-Anness I tiegħu, sa fejn jippermetti r-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi konnessi ma’ “birra”, li hija xarba alkoħolika elenkata (b’mod żbaljat) f’dak l-Anness bħala “prodotti ta’ l-ikel” imsemmi fl-Artikolu 1(1), iżda li mhuwiex wieħed mill-“prodotti agrikoli” elenkati fl-Anness I għat-Trattat KE u msemmi fl-Artikolu 32 (li qabel kien l-Artikolu 38) u l-Artikolu 37 (li qabel kien l-Artikolu 43) tiegħu, li l-Kunsill ħadhom bħala l-bażi legali għall-kompetenza tiegħu biex jadotta ir-Regolament Nru 2081/92;

–        l-invalidità tal-Artikolu 17 tar-[Regolament Nru 2081/92] sa fejn dan jipprovdi għal proċedura ta’ reġistrazzjoni aċċellerata li fiha d-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati huma limitati u mdgħajfa b’mod sostanzjali, peress li ma jagħmel ebda dispożizzjoni għal dritt ta’ oġġezzjoni, bi ksur ċar tal-prinċipji tat-trasparenza u taċ-ċertezza legali, kif inhu evidenti b’mod partikolari mill-kumplessità tal-proċedura biex ġiet irreġistrata “Bayerisches Bier”, l-indikazzjoni ġeografika protetta inkwistjoni, li ħadet iktar minn seba’ snin mill-1994 sal-2001, u mir-rikonoxximent espress f’dan is-sens fil-Premessa 13 fil-preambolu tar-Regolament [Nru 692/2003], li l-Artikolu 15 tiegħu ħassar – għal dawn ir-raġunijiet – l-Artikolu 17 tar-[Regolament Nru 2081/92];

Nuqqas ta’ konformità ma’ rekwiżiti proċedurali

–        in-nuqqas tal-indikazzjoni “Bayerisches Bier” li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17 tar-[Regolament Nru 2081/92] għall-eliġibbiltà għal reġistrazzjoni skont il-proċedura simplifikata pprovduta hemmhekk, peress li, fil-perijodu meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, dik l-indikazzjoni ma kinitx “isem protett legalment” fil-Ġermanja, u lanqas ma kienet “stabbilita permezz tal-użu” hemmhekk;

–        il-fatt li d-domanda jekk il-prekundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni “Bayerisches Bier” kinux ġew issodisfati ma ngħatatx il-kunsiderazzjoni dovuta la mill-Gvern Ġermaniż qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni, u lanqas mill-Kummissjoni nnifisha wara li rċeviet dik l-applikazzjoni, kontra r-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2001, Carl Kühne et, [Kawża C-269/99] Ġabra I‑9517);

–        il-fatt li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni “Bayerisches Bier” ma ġietx ippreżentata mill-Gvern Ġermaniż fiż-żmien stipulat skont l-Artikolu 17(1) tar-[Regolament Nru 2081/92] (sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament, li seħħ fl-24 ta’ Lulju 1993), u l-fatt li s-suġġett tal-applikazzjoni ppreżentata oriġinarjament mill-kumpannija applikanta kien jikkontempla tmien indikazzjonijiet varji – b’riżerva għall-possibbiltà ta’ varjazzjonijiet ta’ natura mhux speċifikata iktar tard – li ma kinux ikkonverġew flimkien biex jiffurmaw l-indikazzjoni unika attwali “Bayerisches Bier” sa ħafna wara t-terminu tal-24 ta’ Jannar 1994;

Nuqqas ta’ konformità ma’ rekwiżiti sostantivi

–        in-nuqqas tal-indikazzjoni “Bayerisches Bier” li tissodisfa l-obbligi sostantivi stabbiliti fl-Artikolu 2(2)(b) tar-[Regolament Nru 2081/92] għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika protetta, meta titqies in-natura ġenerika ta’ dik l-indikazzjoni, li storikament iddenominat il-birra maħduma skont metodu partikolari ta’ produzzjoni li oriġina fis-seklu dsatax fil-Bavarja, li nfirex f’kull parti tal-Ewropa u l-bqija tad-dinja (il-metodu magħruf bħala “il-metodu Bavariż”, ibbażat fuq il-fermentazzjoni fil-qiegħ), u li anki llum tintuża f’numru ta’ ilsna Ewropej (id-Daniż, l-Isvediż, u l-Finlandiż) bħala terminu ġeneriku għal birra u li, fi kwalunkwe każ, tista’ tidentifika l-aktar, unikament u b’mod ġeneriku, minn fost in-numru kbir ta’ varjetajiet ta’ birra li jeżistu kwalunkwe tip ta’ “birra prodotta fil-Land Ġermaniż tal-Bavarja”, mingħajr ma hemm ebda “rabta diretta” (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2000, Warsteiner Brauerei, C-312/98, Ġabra I‑9187) bejn kwalità speċifika, reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott (birra) u l-oriġini ġeografika speċifika tagħha (il-Bavarja), u lanqas provi li dan huwa wieħed mill-“każijiet eċċezzjonali” mitlub taħt l-Artikolu 2(2)(b) tar-[Regolament Nru 2081/92] sabiex ikun possibbli għalih li jirreġistra indikazzjoni ġeografika li tinkludi l-isem ta’ pajjiż;

–        il-fatt li, kif jirriżulta mill-paragrafu preċedenti, l-indikazzjoni “Bayerisches Bier” hija indikazzjoni “ġenerika” u bħala tali, mhijiex eliġibbli għal reġistrazzjoni skont l-Artikoli 3(1) u 17(2) tar-[Regolament Nru 2081/92];

–        il-fatt li r-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni “Bayerisches Bier” kellha tiġi rrifjutata skont l-Artikolu 14(3) tar-[Regolament Nru 2081/92], peress, li fid-dawl tar-“reputazzjoni u l-fama” tat-trade marks tal-Bavarja u “it-tul ta’ żmien li [ilhom] jintużaw”, ir-reġistrazzjoni “[setgħet] tqarraq lill-konsumatur dwar l-identità vera tal-prodott”?

2. Alternattivament, jekk jiġi deċiż li d-domanda 1 mhijiex ammissibbli jew li hija infondata, għandu [ir-Regolament Nru 1347/2001] jiġi interpretat li jfisser li rikonoxximent tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Bayerisches Bier” m’għandux ikollu effetti avversi fuq il-validità u l-użu ta’ trade marks preeżistenti ta’ terzi persuni li fihom tidher il-kelma ‘Bavaria’?”

IV – Analiżi ġuridika

A –    L-ewwel domanda

29.      Bl-ewwel domanda tagħha, li hija maqsuma fi tmien subdomandi (jew talbiet ta’ invalidità), il-Corte d’Appello di Torino tagħmel mistoqsijiet dwar il-validità tar-Regolament Nru 1347/2001 fid-dawl ta’ ksur possibbli tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju jew tal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Nru 2081/92, kemm formali u kemm sostantivi. Is-subdomandi li għandhom x’jaqsmu ma’ konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju jirrigwardaw ir-Regolament Nru 2081/92, bħala l-bażi legali għar-Regolament Nru 1347/2001.

1.      Ammissibbiltà

a)      L-argumenti prinċipali tal-partijiet

30.      F’dawn il-proċeduri, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Bavaria u Bavaria Italia (flimkien), Bayerischer Brauerbund, il-Kummissjoni, il-Kunsill kif ukoll mill-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Grieg, il-Gvern Taljan u l-Gvern Olandiż. Dawn il-partijiet kienu rappreżentati matul is-seduta tat-18 ta’ Settembru 2008, li matulha l-Gvern Ċek għamel ukoll osservazzjonijiet. Dan l-aħħar gvern iddikjara li jaqbel, fir-rigward tas-sustanza tal-ewwel domanda preliminari, mal-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Ġermanja u l-Italja, iżda, minbarra dan, ikkonċentra l-osservazzjonijiet tiegħu fuq il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-ewwel domanda u t-tieni domanda preliminari.

31.      Bayerischer Brauerbund, il-Kunsill, u l-Gvern tar-Repubblika Ċeka, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Grieg u l-Gvern Taljan isostnu li d-domanda hija inammissibbli. Peress li Bavaria u Bavaria Italia huma direttament u individwalment ikkonċernati mir-Regolament Nru 1347/2001, kif inhu evidenti mill-Premessi 3 u 4 tal-preambolu tiegħu, iżda ma ressqux rikors għal annullament taħt l-Artikolu 230 KE, huma ma jistgħux isostnu quddiem il-qrati nazzjonali li dak ir-regolament hu illegali. Skont il-Kunsill, kien isegwi b’mod ċar mir-reġistrazzjoni li saret b’dak ir-regolament li l-użu tat-trade mark “Bavaria” jista’ jiġi affettwat. Għalhekk Bavaria setgħet tifhem b’mod ċar il-konsegwenzi ta’ dik ir-reġistrazzjoni.

32.      Bavaria u Bavaria Italia, il-Kummissjoni u l-Gvern Olandiż jissottomettu, għall-kuntrarju, li l-ewwel domanda hija ammissibbli. Dawk il-partijiet isostnu li Bavaria u Bavaria Italia seta’ kellhom dubji leġittimi dwar jekk kinux direttament u individwalment ikkonċernati bid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1347/2001, peress li l-effetti ta’ dak ir-regolament fir-rigward ta’ dawk il-kumpanniji kienu nħolqu mill-applikazzjoni mill-qorti nazzjonali, fil-kawża quddiemha, tal-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament Nru 2081/92, li għandhom l-għan li jirregolaw l-koeżistenza ta’ trade marks eżistenti ma’ IĠP irreġistrati iktar tard. Il-Kummissjoni f’dan il-kuntest enfasizzat li r-reġistrazzjoni inkwistjoni ma timplikax awtomatikament li t-trade mark “Bavaria” ma tistax tiġi użata aktar.

b)      Evalwazzjoni

33.      Il-kwistjoni preliminari li ġiet issollevata f’dan il-kuntest mill-qorti tar-rinviju kif ukoll minn diversi partijiet hija jekk l-ewwel domanda preliminari, li tikkontesta l-validità tar-Regolament Nru 1347/2001, kif ukoll ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2081/92 li fuqhom huwa bbażata, hija inammissibbli meta jitqies il-fatt li Bavaria u Bavaria Italia ma ressqux rikors għall-annullament tar-Regolament Nru 1347/2001 quddiem il-Qorti ta’ Prim’Istanza qabel ma jgħaddi ż-żmien stabbilit fl-Artikolu 230 KE minkejja li huma setgħu kienu intitolati li jagħmlu dan.

34.      Kif isegwi mill-ġurisprudenza f’TWD Textilwerke Deggendorf, persuna naturali jew legali ma tistax, fil-prinċipju, tikkontesta indirettament il-validità ta’ att ta’ istituzzjoni Komunitarja permezz tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jekk dik il-persuna kienet tkun intitolata li tagħmel dan b’mod dirett abbażi tal-Artikolu 230 KE (7).

35.      Dik il-limitazzjoni dwar il-possibbiltà li jiġi kkontestat att Komunitarju permezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari hija maħsuba biex tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju taċ-ċertezza legali billi tipprevjeni miżuri Komunitarji li jinvolvu effetti legali li ma jiġux ikkontestati b’mod indefinit. Altrimenti, persuna tkun tista’ tmur oltre n-natura definittiva li miżura tal-Komunitarja li tifforma l-bażi ta’ deċiżjoni li taffettwah b’mod avvers tassumi fir-rigward ta’ dik il-persuna, anki wara li jkun skada l-perijodu biex titressaq azzjoni diretta prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE (8).

36.      Madankollu, huwa evidenti mill-ġurisprudenza stabbilita li persuna ma titħalliex teċċepixxi l-illegalità ta’ att Komunitarju quddiem il-qorti nazzjonali u milli tikkontesta l-validità tiegħu b’mod indirett taħt l-Artikolu 234 KE f’każ biss li l-dritt tiegħu li jitlob annullament ta’ dak l-att skont l-Artikolu 230 KE kien ċar u anki mingħajr dubju (9).

37.      Għalhekk, peress li l-każ preżenti jikkonċerna regolament, il-mistoqsija li għandha ssir hija jekk rikors minn Bavaria jew Bavaria Italia kontra r-Regolament Nru 1347/2001 kien ikun bla dubju ammissibbli, peress li d-dispożizzjonijiet tiegħu fir-realtà jikkostitwixxu deċiżjoni li tikkonċernhom b’mod dirett u individwali (10).

38.      Fil-fehma tiegħi, ma ġiex stabbilit li dan huwa l-każ hawnhekk.

39.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-rekwiżit li persuna għandha tkun direttament ikkonċernata (11), għandu jiġi nnotat li jekk u sa liema punt is-sitwazzjoni legali ta’ kumpanniji u proprjetarji ta’ trade marks li mhumiex dawk li jużaw l-isem “Bayerisches Bier”, irreġistrat bir-Regolament Nru 1347/2001 bħala IĠP, tiġi affettwata b’dak ir-regolament jiddependi fil-fatt fuq l-għan ta’ protezzjoni marbut ma’ dik ir-reġistrazzjoni. Għalhekk, jekk minn juża isem bħal “Bavaria” jiġix affettwat bir-reġistrazzjoni ta’ “Bayerisches Bier” bħala IĠP jiddependi essenzjalment fuq jekk l-isem ikkonċernat jidħolx fuq – skont it-termini tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2081/92, jew, jekk l-isem ikkonċernat huwiex protett bħala trade mark, skont it-termini tal-Artikolu 14 ta’ dak ir-regolament – fuq l-IĠP.

40.      It-tweġiba għal dik id-domanda, madankollu, ma ssegwix awtomatikament u mingħajr xejn iktar mir-Regolament Nru 1347/2001 jew ir-Regolament Nru 2081/92, punt li huwa, barra minn hekk, ipprovat mis-sustanza stess tal-kawża preżenti.

41.      F’dak il-kuntest, ġie wkoll osservat ġustament minn uħud mill-partijiet fil-kawża preżenti, li fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 2081/92, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni humiex issodisfati u jekk, b’riżultat, l-użu ta’ trade mark bħal “Bavaria” jistax jitkompla (12).

42.      Fl-aħħar nett, huwa tal-inqas dubjuż – u dan huwa wkoll punt importanti li joħroġ mill-proċeduri legali preżenti – sa fejn is-sitwazzjoni legali ta’ Bavaria tista’ tiġi direttament affettwata mill-Premessi 3 u 4 fil-preambolu għar-regolament nnifishom.

43.      Fid-dawl ta’ dan, ma jistax jingħad li huwa ċar li Bavaria hija direttament ikkonċernata mir-Regolament Nru 1347/2001, flimkien mar-Regolament Nru 2081/92, għall-iskopijiet li jiġi ppreżentat rikors għal annullament skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 230 KE.

44.      Għar-rigward, fit-tieni lok, tar-rekwiżit li l-miżura kkontestata trid tkun tikkonċerna individwalment lill-persuni li jikkontestawha, jiġifieri, li din taffetwahom skont it- “test ta’ Plaumann”, “minħabba ċerti attributi li huma partikolari għalihom jew minħabba ċirkustanzi permezz tagħhom huma jiġu differenzjati minn kull persuni oħra” (13), fil-fehma tiegħi il-każ preżenti huwa differenti minn dak ta’ Codorníu li saret referenza għalih minn uħud mill-partijiet fil-proċeduri preżenti.

45.      L-ewwel nett, kuntrarju għal Codorníu, fejn kien ċar li d-dispożizzjoni Komunitarja inkwistjoni f’dak il-każ, meta irriżervat id-dritt tal-użu tat-terminu “crémant” lil produtturi minn Franza u l-Lussemburgu, żammet lil Codorníu milli tuża’ t-trade mark grafika tagħha “Grand Cremant de Codorníu” (14), huwa ferm inqas evidenti fil-każ preżenti sa liema punt l-IĠP “Bayerisches Bier” b’mod partikolari taffettwa l-użu tat-trade mark “Bavaria” u għalhekk tiddistingwi l-proprjetarju ta’ dik it-trade mark mill-kummerċjanti l-oħra kollha skont it-tifsira ta’ dik il-ġurisprudenza.

46.      It-tieni nett, u x’aktar iktar importanti minn dan, filwaqt li huwa veru li t-trade mark “Bavaria” tispikka – flimkien mat-trade mark “Høker Bajer” – billi ssir referenza espressa għalihom fil-Premessi 3 u 4 fil-preambolu għar-regolament ikkontestat, fil-fehma tiegħi għandha tingħata kunsiderazzjoni wkoll għas-sustanza ta’ dik ir-referenza, jiġifieri dikjarazzjoni li tindika li l-użu tat-trade mark “Bavaria” ma tiġix avversament affettwata bir-reġistrazzjoni ta’ “Bayerisches Bier” bħala IĠP.

47.      Isegwi li Bavaria u Bavaria Italia jistgħu fil-fehma tiegħi ikollhom dubji leġittimi dwar kemm kienu direttament jew individwalment ikkonċernati mir-Regolament Nru 1347/2001, flimkien mar-Regolament Nru 2081/92, u li mhuwiex ovvju li rikors ippreżentat minnhom taħt l-Artikolu 230 KE kien ikun ammissibbli (15).

48.      Għalhekk jien nikkunsidra li l-ewwel domanda preliminari hija ammissibbli.

2.      Is-sustanza

a)      L-ewwel subdomanda li tikkonċerna l-bażi legali tar-Regolament Nru 2081/92

49.      B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tfisser id-dubji tagħha dwar il-legalità tar-Regolament Nru 2081/92, peress li dan ikopri l-birra. Peress li l-birra hija xarba alkoħolika, ma tistax tiġi ttrattata bħala “prodott tal-ikel” kif ġiet ittrattata f’dak ir-regolament, u konsegwentement din kellha tiġi eskluża mill-iskop tar-regolament. Il-qorti tar-rinviju tfisser ukoll id-dubji tagħha dwar il-legalità tar-Regolament Nru 2081/92 fid-dawl tal-fatt li, peress li l-birra mhijiex fost il-“prodotti agrikoli” elenkati fl-Anness I tat-Trattat KE, l-Artikoli 32 KE u 37 KE mhumiex bażi legali adegwata għall-adozzjoni ta’ dak ir-regolament.

i)      L-argumenti prinċipali tal-partijiet

50.      Il-Gvern Olandiż, Bavaria u Bavaria Italia jikkondividu d-dubji li ġew espressi fl-ewwel subdomanda. Bavaria u Bavaria Italia jsostnu li l-inklużjoni tal-birra fost “il-prodotti tal-ikel” hija arbitrarja u skorretta u li l-birra imissha ġiet eskluża mill-iskop tar-Regolament Nru 2081/92 bl-istess mod kif l-inbid ġie eskluż skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tiegħu. Huma jżidu jgħidu li l-birra mhijiex koperta biss tanġenzjalment bir-Regolamenti Nru 2081/92 u Nru 1347/2001. Skont Bavaria u Bavaria Italia, in-natura legali tal-IĠP bħala drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ġenwini għamlet neċessarja li r-Regolament Nru 2081/92 jiġi bbażat, mhux fuq l-Artikolu 37 KE, iżda fuq l-Artikolu 308 KE u/jew l-Artikoli 94 KE u 95 KE.

51.      Bayerischer Brauerbund, il-Kummissjoni u l-Kunsill, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Grieg u l-Gvern Taljan jikkontestaw l-interpretazzjoni ssuġġerita mill-qorti tar-rinviju u jsostnu li l-Artikolu 37 KE hija l-bażi legali korretta għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 2081/92. Minbarra dan u b’mod iktar ġenerali, il-Gvern Taljan ma jaċċettax li l-legalità tar-Regolament Nru 2081/92 tista’ titqiegħed fid-dubju sabiex tiġi kkontestata il-legalità tar-Regolament Nru 1347/2001.

52.      Skont il-Gvern Ġermaniż u l-Kunsill, il-birra hi prodott tal-ikel meta tiġi kkunsidrata fid-dawl tad-definizzjoni ta’ “prodott tal-ikel” stabbilita bl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 (16). Il-Gvern Ġermaniż isostni wkoll, kif jagħmel il-Gvern Taljan, li interpretazzjoni skematika tar-Regolament Nru 2081/92 turi li l-esklużjoni ta’ nbejjed u spirti mill-iskop tiegħu hija bbażata fuq raġunijiet oħra u li m’hemm l-ebda ħtieġa li jiġu esklużi x-xarbiet alkoħoliċi kollha.

53.      Bayerischer Brauerbund, il-Kummissjoni u l-Kunsill, u l-Gvernijiet tal-Ġermanja u l-Italja jissottomettu wkoll li l-għan primarju jew dominanti tar-Regolament Nru 2081/92 huwa dak stipulat fl-Artikolu 37 KE u, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tiġi użata dik id-dispożizzjoni bħala bażi legali.

ii)    Evalwazzjoni

54.      L-ewwel nett, għandha tiġi mwarrba l-fehma li l-birra m’għandhiex titqies bħala “prodott tal-ikel” u li għalhekk ma setgħetx tiġi nkluża bħala tali fl-Anness I għar-Regolament Nru 2081/92. Dik il-fehma mhux biss hija kontradetta bir-rwol importanti li tradizzjonalment għandha l-birra, kif ġie enfasizzat mill-Gvern Ċek, fil-gastronomija u fid-drawwiet tal-ikel ta’ diversi Stati Membri. Kif osservaw il-Gvern Ġermaniż u l-Kunsill, il-birra tidher ukoll li tidħol, pereżempju, taħt it-tifsira ta’ “ikel” stabbilita bl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002, skont liema “ikel” jew “oġġetti tal-ikel” tfisser “kull sustanza jew prodott, sew jekk ipproċessat parzjalment, jew mhux ipproċessat, maħsub li jkun jew raġonevolment mistenni li jittiekel mill-bniedem”.

55.      It-tieni, għandu jiġi nnotat, li ma jistax jiġi dedott mill-fatt li, kif speċifikat fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2081/92, il-leġiżlatura tal-Komunità ddeċidiet li teskludi nbejjed u xorb alkoħoliku mill-għan tal-applikazzjoni ta’ dak ir-regolament, u li ma kellhiex kompetenza sabiex tinkludi xi xorb alkoħoliku jew, b’mod aktar partikolari, il-birra fl-għan ta’ dan ir-regolament. Kif jidher ċar mit-tmien premessa fil-preambolu tar-Regolament Nru 2081/92, nbejjed u spirti ma ġewx inklużi fir-regolament għar-raġuni li dak ix-xorb kien diġà kopert b’leġiżlazzjoni speċifika Komunitarja li kienet tipprovdi għal livell ta’ protezzjoni iktar għoli.

56.      It-tielet nett, għar-rigward tal-użu tal-Artikolu 37 KE bħala bażi legali, għalkemm il-birra mhijiex wieħed mill-prodotti agrikoli msemmija fl-Anness I għat-Trattat KE, jidher mill-ġurisprudenza stabbilita li dak l-artikolu huwa l-bażi legali adegwat għal kwalunkwe leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli elenkati fl-Anness I tat-Trattat li jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ wieħed jew iktar mill-għanijiet tal-politika agrikola komuni stabbilita fl-Artikolu 33 KE (17).

57.      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li jekk l-eżami ta’ miżura Komunitarja jiżvela li din ssegwi għan doppju jew li għandha komponent doppju u jekk wieħed minnhom jiġi identifikat bħala l-iskop prinċipali jew predominanti jew komponent filwaqt li l-ieħor huwa sempliċement inċidentali, l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali wieħed, jiġifieri dak meħtieġ mill-iskop jew komponenti prinċipali jew predominanti (18).

58.      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja, waslet għall-konklużjoni, f’kuntest paragunabbli għal dak tal-każ preżenti, li fejn miżura leġiżlattiva tikkontribwixxi għall-kisba ta’ wieħed jew iktar mill-għanijiet tal-politika agrikola komuni stabbiliti bl-Artikolu 33 KE, din għandha tiġi adottata abbażi tal-Artikolu 37 KE, anki jekk, minbarra li tapplika essenzjalment għal prodotti msemmija fl-Anness għat-Trattat li ssir referenza għalih f’dak l-artikolu, dan ikopri wkoll prodotti oħra li mhumiex inklużi f’dak l-anness (19).

59.      Fid-dawl ta’ dan, jidher li r-Regolament Nru 2081/92 jista’ jiġi adottat b’mod validu abbażi tal-Artikolu 37 KE peress li hu ċar li dan ikopri primarjament prodotti li huma elenkati fl-Anness I tat-Trattat u numru limitat ta’ prodotti biss, bħal birra, li mhumiex imsemmija f’dak l-anness. Għalhekk, il-fatt li dak ir-regolament jagħmel referenza wkoll għall-birra, li mhijiex imsemmija fl-Anness I tat-Trattat, fil-fehma tiegħi ma jqiegħedx fid-dubju l-għażla tal-Artikolu 37 KE bħala bażi legali, partikolarment peress li l-birra tikkostitwixxi prodott li l-produzzjoni u l-promozzjoni tiegħu jikkontribwixxu b’mod ċar għall-kisba tal-għanijiet tal-politika agrikola komuni.

60.      Jien għalhekk nieħu l-pożizzjoni li l-eċċezzjoni ta’ invalidità dwar il-bażi legali tar-Regolament Nru 2081/92 hija infondata.

b)      It-tieni subdomanda dwar il-validità tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92

61.      Bit-tieni subdomanda, il-qorti nazzjonali qed tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 – li bis-saħħa tiegħu ġie approvat ir-Regolament Nru 1347/2001 – huwiex null, peress li l-proċedura tar-reġistrazzjoni mħaffa stabbilita taħtu evidentement tikser il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ċertezza legali peress li ma tinkludi ebda dispożizzjoni fih ta’ dritt ta’ oġġezzjoni għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

i)      Argumenti prinċipali tal-partijiet

62.      Skont il-Gvern Olandiż, Bavaria u Bavaria Italja, ir-raġunijiet għall-invalidità msemmija fit-tieni subdomanda huma fondati sew.

63.      Bavaria u Bavaria Italia jirrilevaw id-differenza bejn l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 u l-Artikolu 7 ta’ dak ir-regolament, li jagħmel dispożizzjoni speċifika għal dritt ta’ oġġezzjoni għall- proċedura ta’ reġistrazzjoni normali. Il-kliem tal-Premessa 13 fil-preambolu tar-Regolament Nru 692/2003 impliċitament jirrikonoxxi li l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 huwa null. Minbarra dan, is-sentenza Kühne (20) fil-fehma tagħhom mhijiex applikabbli fil-każ preżenti, peress li f’dak il-każ it-terzi persuni kkonċernati setgħu kellhom rwol attiv fil-proċedura nazzjonali li konformi magħha l-Gvern Ġermaniż kien ippropona l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

64.      Bayerischer Brauerbund, il-Kummissjoni u l-Kunsill, u l-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Grieg u l-Gvern Taljan jikkontestaw l-interpretazzjoni proposta mill-qorti tar-rinviju. Huma jsostnu essenzjalment li, għalkemm l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 m’għamel l-ebda provvediment għal dritt ta’ oppożizzjoni fuq l-istess linji tal-Artikolu 7, jibqa’ l-fatt li t-terzi persuni kkonċernati huma liberi li jistqarru l-oġġezzjonijiet tagħhom quddiem l-awtoritajiet tal-Istati Membri, li mbagħad jistgħu jressquhom quddiem il-Kumitat Regolatorju mwaqqaf skont l-Artikolu 15 tar-Regolament, kif fil-fatt ġara fil-każ preżenti. Huma jenfasizzaw ukoll li r-raġuni essenzjali biex jiġi mħassar l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 kienet li dan kien oriġinarjament maħsub li jkun provviżorju u kien eżawrixxa l-effetti tiegħu.

65.      Il-Kummissjoni u l-Kunsill jirrilevaw li l-legalità tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 ġiet irrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’numru ta’ okkażjonijiet u li l-proċedura stabbilita f’dik id-dispożizzjoni mhijiex waħda li twassal biex jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet sostantivi għar-reġistrazzjoni mingħajr id-diliġenza dovuta – pjuttost il-kontra minn dak li jidher mill-każ preżenti. Huma jkomplu jsostnu li l-Premessa 13 fil-preambolu tar-Regolament Nru 692/2003 sempliċement tagħmel ċerti osservazzjonijiet dwar id-diffikultajiet li jqumu minħabba n-nuqqas ta’ dritt ta’ oġġezzjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92: madankollu, din ma tqiegħedx fid-dubju l-legalità ta’ dik id-dispożizzjoni.

ii)    Evalwazzjoni

66.      Kuntrarjament għall-pożizzjoni li ħadu l-Gvern Olandiż u Bavaria u Bavaria Italia, mis-sentenza Kühne (21) jista’ jiġi dedott li l-proċedura ta’ reġistrazzjoni simplifikata prevista fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 ma kinitx ikkunsidrata li hi illegali mill-Qorti tal-Ġustizzja għar-raġuni li – kuntrarjament għall-pożizzjoni skont il-proċedura normali, fejn japplika l-Artikolu 7 ta’ dak ir-regolament – din m’għamlitx possibbli għat-terzi persuni interessati li joġġezzjonaw għal reġistrazzjoni proposta.

67.      F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, għalkemm kienet saret referenza għall-fatt li l-proċedura għar-reġistrazzjoni simplifikata naqset li tipprovdi dritt favur terzi persuni biex ikunu jistgħu joġġezzjonaw għal reġistrazzjoni proposta, l-applikazzjoni ta’ dik il-proċedura kienet legali anki meta terzi persuni kienu ressqu, fuq livell nazzjonali, oġġezzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-isem inkwistjoni (22). F’dak il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ukoll li huwa tabilħaqq fil-livell nazzjonali fejn għandha tingħata kunsiderazzjoni għal oġġezzjonijiet possibbli ta’ terzi persuni li jikkunsidraw li d-drittijiet tagħhom ġew miksura mir-reġistrazzjoni jew bl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (23).

68.      F’dak ir-rigward, kif issottometta l-Gvern Ġermaniż, anki partijiet interessati minn Stati Membri oħra setgħu jagħmlu oġġezzjonijiet mal-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti – jew mal-Istat Membru tagħhom – rigward ir-reġistrazzjoni tal-IĠP inkwistjoni, għalkemm il-legalità tal-applikazzjoni tal-proċedura simplifikata mhijiex, b’kuntrast ma’ dan, kif jista’ jiġi dedott mis-sentenza Kühne, soġġetta għal kundizzjoni li terzi persuni attwalment jagħmlu użu minn dik il-possibbiltà. (24)

69.      Barra dan, jidher mill-informazzjoni li kienet disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja li Bavaria setgħet fil-fatt, fl-istruttura tal-proċedura leġiżlattiva li twassal għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1347/2001, tagħmel il-pożizzjoni tagħha magħrufa lill-Kummissjoni permezz tal-awtoritajiet Olandiżi u li tippreżenta osservazzjonijiet iddettaljati f’dak ir-rigward.

70.      Fir-rigward, sussegwentement, tal-abolizzjoni tal-proċedura simplifikata bir-Regolament Nru 692/2003 u fir-rigward tal-Premessa 13 fil-preambolu ta’ dak ir-regolament, li tagħmel referenza għal tali abolizzjoni, jiena naqbel mal-Kunsill u l-Kummissjoni li dik il-premessa ma tfissirx “rikonoxximent”, mid-dritt Komunitarju, li l-proċedura simplifikata hekk abolita kienet illegali. L-ewwel, dik il-premessa tista’ sempliċement tiġi interpretata bħala rikonoxximent li dik il-proċedura tqajjem tħassib dwar ċertezza legali u trasparenza, li hu inqas milli wieħed jgħid li għal dik ir-raġuni din hi illegali. It-tieni u f’kull każ, jekk dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju sekondarju bħall-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 hijiex attwalment legali jew le jiddependi fuq indikazzjoni possibbli f’dak is-sens mid-dritt Komunitarju fil-preambolu ta’ att Komunitarju li jemenda dik id-dispożizzjoni.

71.      Għalhekk, ir-raġuni għall-oppożizzjoni għall-validità tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 hija infondata.

c)      It-tielet, ir-raba’ u l-ħames subdomandi li jirrigwardaw nuqqas ta’ konformità possibbli ma’ ħtiġiet proċedurali

72.      B’dawn id-domandi, li huwa xieraq li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel, jekk l-indikazzjoni “Bayerisches Bier” issodisfatx il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-proċedura simplifikata skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92, jiġifieri, jekk – fiż-żmien meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni – l-indikazzjoni inkwistjoni kinitx “legalment protetta”, jew “stabbilita bl-użu”, fl-Istat Membru li kien ippreżenta l-applikazzjoni. It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 1347/2001 huwiex null peress li l-prekundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-IĠP “Bayerisches Bier” ma kinux ingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta la mill-Gvern Ġermaniż u lanqas mill-Kummissjoni, u l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ma kinitx ġiet ippreżentata fil-ħin.

i)      L-argumenti prinċipali tal-partijiet

73.      Il-Gvern Olandiż u Bavaria u Bavaria Italia jsostnu li l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 ma ġiet issodisfata u li r-Regolament Nru 1347/2001 huwa null għar-raġunijiet imsemmija mill-qorti tar-rinviju.

74.      Għar-rigward tal-kundizzjoni li l-isem ikun “protett legalment”, Bavaria u Bavaria Italia jirrilevaw li fiż-żmien meta saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ma kien hemm ebda sistema fis-seħħ fil-Ġermanja li tittratta speċifikament il-protezzjoni legali ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi. Dwar dak il-punt, huma jsostnu li la r-regoli dwar kompetizzjoni inġusta u lanqas it-trade marks kollettivi rreġistrati f’isem Bayerischer Brauerbund ma setgħu jitqiesu bħala li jikkostitwixxu protezzjoni legali għall-iskopijiet tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 – u l-istess japplika għar-rigward tal-ftehim bilaterali dwar il-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografiċi ffirmati bejn il-Ġermanja u Franza (1960), l-Italja (1963), il-Greċja (1964), l-Isvizzera (1967) u Spanja (1970) (25).

75.      Għar-rigward tal-kundizzjoni li l-isem ikun “stabbilit permezz tal-użu”, Bavaria u Bavaria Italia jsostnu li l-indikazzjoni “Bayerisches Bier” qatt ma ddenominat xi prodott partikolari: għall-kuntrarju, din tindika kwalunkwe birra prodotta fil-Bavarja, anki jekk il-karatteristiċi ta’ dawk il-birer jvarjaw ħafna.

76.      Bavaria u Bavaria Italia jkomplu jissottomettu li, fid-dawl tal-istqarrijiet li saru b’sostenn tar-reġistrazzjoni u l-osservazzjonijiet sostantivi nklużi fihom, kien ovvju li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ma kellha ebda bażi u li, konsegwentement, il-verifika li saret kemm mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet skont ir-Regolament Nru 2081/92 ġewx osservati kienet ivvizjata bi żball manifest. Bavaria u Bavaria Italia jsostnu f’dak ir-rigward li l-applikazzjoni oriġinali għamlet referenza ġenerali għat-tipi kollha ta’ birra prodotti fil-Bavarja, mingħajr ma għamlet distinzjoni fir-rigward ta’ birer oħra, u li d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet mogħtija fir-Regolament 1347/2001 hija inadegwata.

77.      Fl-aħħar nett, Bavaria u Bavaria Italia jsostnu li l-emendi għall-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, li saru wara li kienet għaddiet l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 huma materjali u li għalhekk hu leġittimu li jiġi konkluż li l-applikazzjoni ma ġietx ippreżentata fiż-żmien stipulat.

78.      Bayerischer Brauerbund, il-Kummissjoni, il-Kunsill, u l-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Grieg u l-Gvern Taljan jieħdu l-pożizzjoni kuntrarja billi essenzjalment isostnu li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 ġew issodisfati fil-każ preżenti, meta jiġu kkunsidrati l-ftehim bilaterali msemmija hawn fuq u d-dokumenti mressqa mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Il-Kunsill u l-Gvern Taljan jsostnu li fi kwalunkwe każ huma l-Istati Membri li għandhom jivvalutaw jekk l-indikazzjoni kinitx legalment protetta jew stabbilita permezz tal-użu. Fit-tieni lok, l-argumenti rigward l-eżami tal-prekundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-IĠP u l-iskadenza tal-perijodu għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huma infondati, peress li l-applikazzjoni ġiet eżaminata bid-diliġenza dovuta u l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ġiet ippreżentata fiż-żmien stipulat. Il-Kummissjoni tirrileva f’dak ir-rigward li l-elementi essenzjali tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott elenkati fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 2081/92 qatt ma ġew emendati.

ii)    Evalwazzjoni

79.      Fir-rigward tal-kwistjoni tal-konformità mal-perijodu ta’ sitt xhur stabbilit taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, għandu jiġi nnotat mal-ewwel li mhux ikkontestat li l-applikazzjoni oriġinali ġiet ippreżentata mill-Gvern Ġermaniż lill-Kummissjoni fl-20 ta’ Jannar 1994, u għalhekk qabel ma skada dak il-perijodu fis-26 ta’ Jannar 1994.

80.      Għar-rigward tal-emendi sussegwenti għall-applikazzjoni oriġinali li għamlet referenza għalihom il-qorti tar-rinviju u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ġermaniżi li seħħew wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ sitt xhur, għandu jiġi mfakkar li fis-sentenza Kühne, li wkoll kienet tikkonċerna applikazzjoni magħmula mill-Gvern Ġermaniż, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li “mhux bħall-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2081/92, li jipprovdi espressament li, fil-proċedura normali, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni trid tkun akkumpanjata b’dik l-ispeċifikazzjoni, l-Artikolu 17 tar-regolament huwa limitat li jeħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni liema mill-ismijiet tagħhom protetti legalment, jew f’dawk il-pajjiżi fejn m’hemm l-ebda sistema ta’ protezzjoni, liema mill-ismijiet tagħhom stabbiliti permezz tal-użu huma jixtiequ jirreġistraw”. Din ikkonkludiet li f’dawk iċ-ċirkustanzi l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 “ma jistax jiġi interpretat bħala li jobbliga lill-Istati Membri li jikkomunikaw, fi żmien terminu ta’ sitt xhur, il-verżjoni finali tal-ispeċifikazzjoni u d-dokumenti rilevanti oħra, sabiex kwalunkwe emenda għall-ispeċifikazzjoni kif oriġinarjament ippreżentata twassal għall-applikazzjoni tal-proċedura normali” (26).

81.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet f’dak il-każ li l-emendi inkwistjoni (27), li saru wara l-iskadenza tal-perijodu tas-sitt xhur, m’għamilx l-applikazzjoni tal-proċedura simplifikata illegali (28).

82.      Fid-dawl ta’ dan u b’kunsiderazzjoni tal-grad ta’ preċiżjoni u kompletezza li realistikament ikun mistenni mill-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjoni oriġinali li għandha tiġi ppreżentata matul il-perijodu ta’ sitt xhur stabbilit mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92, ma jidhirx li l-emendi għall-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u d-dokumenti u l-informazzjoni supplimentari pprovduti mill-Gvern Ġermaniż fil-każ preżenti, rigward b’mod partikolari l-varjetajiet ta’ birra affettwati bl-applikazzjoni, ibiddlu sostanzjalment is-suġġett tal-applikazzjoni oriġinali b’tali mod li jagħmlu l-proċedura għal reġistrazzjoni illegali.

83.      F’dak ir-rigward għandu jiġi nnotat b’mod partikolari li elementi essenzjali tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott bħall-isem tal-prodott u l-indikazzjoni ġeografika “Bayerisches Bier”, id-deskrizzjoni tal-prodott u d-definizzjoni taż-żona ġeografika baqgħu mhux mibdula matul il-proċedura ta’ reġistrazzjoni.

84.      Jien għalhekk nikkonkludi li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ‘Bayerisches Bier’ m’għandhiex tiġi kkunsidrata bħala li saret wara li kien għadda l-perijodu stabbilit fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92.

85.      Sabiex jiġu evalwat jekk ir-raġunijiet l-oħra li ġew issollevati mill-qorti tar-rinviju rigward il-konformità mal-ħtiġiet proċedurali taħt il-proċedura simplifikata humiex fondati sew, huwa xieraq li jiġi mfakkar fid-diviżjoni tas-setgħat u obbligi fis-sistema ta’ reġistrazzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 2081/92 bejn l-Istati Membri kkonċernati, min-naħa waħda, u l-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja spjegat fis-sentenza Kühne (29).

86.      Skont dik is-sistema, kemm fil-kuntest ta’ proċedura normali u anki dik simplifikata, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jivverifika jekk l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hijiex ġustifikata fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 2081/92 u, jekk dan jikkunsidra li l-ħtiġiet ta’ dak ir-regolament huma sodisfatti, li jressaqha quddiem il-Kummissjoni. Il-Kummissjoni mbagħad twettaq biss “eżami formali sempliċi” biex tivverifika jekk dawk il-ħtiġiet ġewx sodisfatti (30).

87.      Il-Qorti tal-Ġustizzja attribwiet dik is-sistema ta’ diviżjoni ta’ setgħat partikolarment għall-fatt li r-reġistrazzjoni tassumi li jkun ġie vverifikat li ċertu numru ta’ kundizzjonijiet ikunu twettqu, li jkun jeħtieġ, fil-parti l-kbira, għarfien iddettaljat ta’ kwistjonijiet partikolari għall-Istat Membru ikkonċernat, kwistjonijiet li l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat huma fl-aħjar pożizzjoni biex jivverifikaw (31).

88.      F’dak il-kuntest, peress li l-qorti tar-rinviju tagħmel, l-ewwel nett, referenza għan-nuqqas possibbli min-naħa tal-Gvern Ġermaniż li jikkunsidra sew, qabel ma jippreżenta l-applikazzjoni, jekk il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ‘Bayerisches Bier’ kinux ġew sodisfatti, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi dwar il-legalità tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni (32).

89.      It-tieni nett, fir-rigward tad-domanda jekk il-Kummissjoni wettqitx sew id-dmir tagħha fil-każ preżenti li tivverifika jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 2081/92, għandu jingħad li fil-proċess m’hemm xejn li jindika, b’mod ġenerali, li l-Kummissjoni ma wettqitx id-dmir tagħha li tagħmel l-eżamijiet formali li kienu meħtieġa. Għal kuntrarju, kif il-Kummissjoni u l-Kunsill ġustament jenfasizzaw, jidher li l-indikazzjoni inkwistjoni ġiet irreġistrata biss wara proċedura fit-tul ta’ seba’ snin u bħala riżultat ta’ diskussjoni u evalwazzjoni estensivi tad-domanda jekk id-diversi kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ġewx osservati f’dan il-każ. F’dak ir-rigward, għandu jintqal ukoll li l-Premessa 1 fil-preambolu għar-Regolament Nru 1347/2001 innifisha tindika li ġiet mitluba informazzjoni addizzjonali sabiex jiġi żgurat li r-reġistrazzjoni ta’ “Bayerisches Bier” kienet konformi mal-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament Nru 2081/92.

90.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-kritika ġenerali fis-sens li l-kwistjoni tal-konformità mal-prekundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 ma ngħatatx il-kunsiderazzjoni dovuta hija b’mod ċar infondata.

91.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjoni ssollevata mill-qorti tar-rinviju dwar jekk l-indikazzjoni “Bayerisches Bier” kinitx “isem protett legalment” jew “stabbilit permezz tal-użu” kif meħtieġ taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92, għandu jiġi nnotat ukoll li huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati li għandhom jagħmlu dik l-evalwazzjoni, abbażi ta’ liema l-Kummissjoni tista’ tipproċedi, sakemm dik l-evalwazzjoni ma tkunx ġiet ivvizjata b’xi żball manifest, għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni (33).

92.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat fil-każ preżenti li, sa fejn Bavaria u Bavaria Italia jsostnu li ma kien hemm ebda sistema fis-seħħ fil-Ġermanja mfassla speċifikament biex tindirizza l-protezzjoni legali ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi jew għall-inqas sistema li jkollha effett jew skop komparabbli, l-argumenti tagħhom fil-fehma tiegħi huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata jew, fi kwalunkwe każ, interpretazzjoni ristretta wisq tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 2081/92. Għandha tingħata kunsiderazzjoni għall-fatt li fiż-żmien meta is-sistema Komunitarja ta’ protezzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 2081/92 daħlet fis-seħħ, sistema ta’ dik ix-xorta għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ma kinitx teżisti f’numru ta’ Stati Membri, inkluż il-Ġermanja (34). Il-kunċetti ta’ “ismijiet protetti legalment” u “l-istabbiliment permezz tal-użu” għandhom għalhekk jiġu interpretati b’mod strett, peress li kwalunkwe interpretazzjoni għandha jkollha r-riżultat li tagħmel possibbli għad-diversi Stati Membri, minkejja t-tradizzjonijiet legali differenti tagħhom, li japplikaw għar-reġistrazzjoni ta’ denominazzjonijiet u indikazzjonijiet taħt il-proċedura ssimplifikata.

93.      Wara li ntqal dan, jiena naqbel mal-Gvern Ġermaniż li l-ħames ftehim bilaterali dwar il-protezzjoni tal-indikazzjoni “Bayerisches Bier” imsemmija fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni minnhom infushom ikunu biżżejjed biex jistabbilixxu protezzjoni legali ta’ dak l-isem fil-Ġermanja għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-proċedura simplifikata.

94.      Minbarra dan, jidher fi kwalunkwe każ li l-Kummissjoni ddeduċiet minn dawn il-ftehim, b’rabta mad-diversi tikketti tal-birra li għandhom inkluża fihom l-isem “Bayerisches Bier” u ċerti pubblikazzjonijiet ippreżentati lilha mill-Gvern Ġermaniż, li dak l-isem ġie stabbilit bl-użu, konklużjoni li fil-fehma tiegħi tista’ ssir b’mod validu, jew fi kwalunkwe każ tista’ ssir mingħajr ma jiġi kommess xi żball manifest. Għandu jingħad ukoll f’dak ir-rigward li l-protezzjoni legali u l-użu ta’ isem mhumiex neċessarjament kunċetti li jeskludu lil xulxin, partikolarment għax l-użu ta’ isem jista’ taħt ċerti sistemi jikkostitwixxi prerekwiżit għall-protezzjoni legali tiegħu.

95.      Għalhekk jidher li l-Kummissjoni setgħet ġustament tassumi li l-indikazzjoni “Bayerisches Bier” issodisfat il-kundizzjonijiet biex tkun legalment protetta jew stabbilita permezz tal-użu biex tikkwalifika għar-reġistrazzjoni taħt il-proċedura simplifikata taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92.

96.      Isegwi li għandu jiġi deċiż li r-raġunijiet imsemmija mill-qorti tar-rinviju għar-rigward ta’ nuqqas possibbli ta’ konformità mal-ħtiġiet proċedurali għall-applikazzjoni tal-proċedura simplifikata taħt ir-Regolament Nru 2081/92 huma infondati.

d)      Is-sitt u s-seba’ subdomandi li jirrigwardaw nuqqas possibbli ta’ konformità mal-ħtiġiet sostantivi stabbiliti fl-Artikoli 2(2)(b), 3(1) u 17(2) tar-Regolament Nru 2081/92

97.      B’dawk is-subdomandi, li huwa xieraq li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qed tistaqsi jekk ir-reġistrazzjoni “Bayerisches Bier” bħala IĠP tista’ tkun nulla peress li fir-realtà hija “terminu ġeneriku” u ma turi ebda “rabta diretta”, skont it-tifsira tas-sentenza Warsteiner (35), bejn kwalità speċifika, reputazzjoni jew karatteristika oħra u l-oriġini speċifika tagħha (il-Bavarja), bir-riżultat li din tonqos li tissodisfa l-kundizzjonijiet sostantivi stabbiliti fl-Artikolu 2(2)(b), 3(1) u 17(2) tar-Regolament Nru 2081/92.

i)      L-argumenti prinċipali tal-partijiet

98.      Fil-fehma tal-Gvern Olandiż u Bavaria u Bavaria Italia, ir-raġunijiet għall-invalidità issollevat f’dawk iż-żewġ subdomandi huma fondati sew.

99.      Bavaria u Bavaria Italia jissottomettu, l-ewwel, li, peress li Bavarja huwa pajjiż, ir-reġistrazzjoni ta’ IĠP bl-istess isem f’ċirkustanzi fejn ma jkun hemm ebda fattur speċjali li jiġġustifika li jsir dan hija ksur tal-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament Nru 2081/92. It-tieni nett, m’hemm ebda rabta diretta bejn xi kwalità, reputazzjoni jew xi karatteristika oħra tal-birra inkwistjoni u l-oriġini ġeografika tagħha fil-Bavarja.

100. Bavaria u Bavaria Italia jsostnu, imbagħad, li n-natura ġenerika tal-indikazzjoni “Bayerisches Bier” żviluppat bl-użu mifrux tal-metodu tal-produzzjoni Bavariż ibbażat fuq il-fermentazzjoni fil-qiegħ. Wieħed mill-modi li bih il-verità ta’ dik l-asserzjoni toħroġ fid-deher hija l-użu tal-kelma “Bavaria”, jew it-traduzzjoni tagħha f’ilsna oħra, bħala element ta’ ismijiet, trade marks u tikketti ta’ kumpanniji fid-dinja kollha, inkluża l-Ġermanja, u bħala sinonimu għal birra f’tal-inqas tliet Stati Membri (id-Danimarka, l-Isvezja u l-Finlandja).

101. Bayerischer Brauerbund, il-Kummissjoni u l-Kunsill, u l-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Grieg u l-Gvern Taljan jikkontestaw l-interpretazzjoni suġġerita mill-qorti tar-rinviju.

102. Speċifikament fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament Nru 2081/92, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li huma l-Istati Membri kkonċernati li għandhom jivverifikaw li dawn jiġu sodisfatti, peress illi l-kontrolli mwettqa mill-Kummissjoni u l-Kunsill ikunu periferali u limitati sabiex jikkonfermaw in-nuqqas ta’ xi żball manifest.

103. Fi kwalunkwe każ, kif isostnu Bayerischer Brauerbund, il-Kummissjoni, il-Kunsill, u l-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Taljan, skont ir-Regolament Nru 1347/2001, il-fattur determinanti li jiġġustifika r-reġistrazzjoni ta’ “Bayerisches Bier” bħala IĠP ma kienx l-iktar il-kwalità tal-birra, jew xi karatteristika oħra, iżda r-reputazzjoni tagħha. Minbarra dan, huwa ċar li “pajjiż” tirreferi għal Stat Membru jew għal pajjiż terz, iżda mhux għal reġjun.

104. Għar-rigward tan-natura ġenerika tat-terminu, dawk l-intervenjenti huma tal-istess fehma li m’hemm xejn fl-ordni tar-rinviju li jinvalida r-raġunament spjegat fil-premessi fil-preambolu tar-Regolament Nru 1347/2001. Il-Gvern Taljan iżid igħid li din hija kwistjoni li tista’ titqajjem biss matul il-proċedura tar-reġistrazzjoni u li, fi kwalunkwe każ, Bavaria u Bavaria Italia naqsu milli juru li, fi żmien meta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ġiet ippreżentata, l-indikazzjoni kienet saret ġenerika. Bayerischer Brauerbund issostni li din hija kwistjoni ta’ fatt, li l-evalwazzjoni tagħha tinsab barra mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari. Il-Gvern Ġermaniż mill-ġdid jagħmel referenza għall-ftehim bilaterali msemmija f’punt 74 bħala evidenza li l-indikazzjoni mhijiex ġenerika.

ii)    Evalwazzjoni

105. Għandu jiġu nnotat mill-bidu nett li għalkemm ir-reġistrazzjoni skont il-proċedura simplifikata tippreżupponi li l-isem ikkonċernat jissodisfa l-ħtiġiet sostantivi tar-Regolament Nru 2081/92, li jirriżultaw mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ indikazzjoni ġeografika stabbilit fl-Artikolu 2(2)(b) ta’ dak ir-regolament u mill-projbizzjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ ismijiet li huma jew li saru ġeneriċi stipulata bl-Artikoli 3(1) u 17(2) ta’ dak ir-regolament (36), u għalkemm il-Kummissjoni għandha dmir li tivverifika qabel reġistrazzjoni li l-isem jidher li jissodisfa dawk il-ħtiġiet (37). l-istħarriġ ġudizzjarju tas-sustanza ta’ dawk id-domandi għandu madankollu jibqa’ limitat f’ċerti aspetti.

106. Dawn il-limitazzjonijiet isegwu, min-naħa waħda, mill-fatt li, kif ġie stabbilit hawn fuq, l-obbligu li tiġi vverifikata l-konformità mal-ħtiġiet sostantivi tar-Regolament Nru 2081/92 li jaqa’ fuq il-Kummissjoni jista’ dan stess, bħala konsegwenza tad-diviżjoni tas-setgħat bejn l-Istati Membri kkonċernati u l-Kummissjoni, jiġi limitat peress li din il-verifika teħtieġ konoxxenza dettaljata ta’ affarijiet li l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat huma fl-aħjar pożizzjoni li jivverifikaw (38).

107. Min-naħa l-oħra, peress illi hi l-Kummissjoni li tabilħaqq għandha tagħmel l-evalwazzjoni neċessarja tal-konformità mal-ħtiġiet sostantivi għar-reġistrazzjoni, għandu jiġi nnotat li sal-punt li huwa ċar li din l-evalwazzjoni tista’ tinvolvi determinazzjonijiet kumplessi u fattwalment sensittivi – li hu partikolarment il-każ fir-rigward tal-kwistjoni jekk terminu huwiex użat jew le b’mod ġeneriku fl-Istati Membri – il-Kummissjoni għandha fil-fatt tingħata ċertu marġini ta’ diskrezzjoni (39).

108. Fuq dan l-isfond, jiena ma naħsibx li l-punti ssollevati mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-ħtiġiet sostantivi tar-Regolament Nru 2081/92 jistabbilixxu li r-reġistrazzjoni tal-isem “Bayerisches Bier” permezz tar-Regolament Nru 1347/2001 għandha tiġi kkunsidrata bħala invalida.

109. Fir-rigward tal-konformità tal-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament Nru 2081/92, dak l-artikolu jeħtieġ, l-ewwel, li tkun teżisti rabta diretta bejn kemm kwalità speċifika, reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott u l-oriġini ġeografika speċifika tagħha (40).

110. F’dak ir-rigward, kif ġie kkjarifikat mill-Kummissjoni u l-Kunsill, id-deċiżjoni li jiġi rreġistrat l-isem “Bayerisches Bier” bħala IĠP kienet, konformement mal-ispeċifikazzjoni ppreżentata, ibbażata primarjament fuq ir-reputazzjoni li fil-fehma tagħhom hija marbuta, b’mod ġenerali, mal-birra li toriġina fil-Bavarja.

111. Apparentement il-Kummissjoni kkonkludiet li dik ir-reputazzjoni partikolari ta’ birra prodotta fil-Bavarja, fiż-żmien tar-reġistrazzjoni, li kellha l-għeruq tagħha fit-tradizzjoni twila ta’ produzzjoni tal-birra fil-Bavarja u miżuri bikrija li ttieħdu hemmhekk biex tiġi żgurata ċerta kwalità ta’ produzzjoni, kif jixhed, pereżempju, ir-’Reinheitsgebot’ Ġermaniż li jmur lura sal-1516. Fil-fehma tiegħi setgħet issir dik il-konklużjoni b’mod leġittimu.

112. Peress li l-qorti tar-rinviju nnotat ukoll li preżentement fis-suq m’hemm l-ebda prodott li jissejjaħ “Bayerisches Bier” li għandu rabta diretta bħal din mal-oriġini tiegħu iżda pjuttost medda wiesgħa ta’ birra ta’ diversi tipi li għandhom inkomuni biss li jiġu prodotti minn birreriji fil-Bavarja, dik l-oġġezzjoni tidher li hi bbażata fuq fehma żbaljata dwar in-natura ta’ IĠP u fuq livell ta’ konfużjoni bejn il-kunċett ta’ IĠP u dik ta’ trade mark. Dak li hu deċiżiv, għall-iskopijiet tar-reġistrazzjoni ta’ IĠP, mhuwiex jekk il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra ta’ tip jew ditta speċifika ta’ birra hija attribwibbli għall-oriġini ġeografika tagħha, iżda jekk rabta bħal din tistax tiġi stabbilita bejn ix-xarba tal-“birra” u l-oriġini ġeografika kkonċernata. Bl-istess mod, IĠP li mhumiex imfassla biex jiddistingwu prodott jew produttur speċifiku iżda li jistgħu jiġu użati mill-produtturi kollha u fir-rigward tal-prodotti kollha, f’dan il-każ mit-tipi kollha ta’ birer, li joriġinaw miż-żona ġeografika kkonċernata u li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott rilevanti.

113. It-tieni nett, id-definizzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika stabbilita bl-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament 2081/92 teħtieġ li indikazzjoni bħal din irid ikun fiha “l-isem ta’ reġjun, post speċifiku jew, f’każijiet eċċezzjonali, pajjiż”.

114. Għalkemm xorta jista’ jkun possibbli eċċezzjonalment li tiġi rreġistrata l-IĠP inkwistjoni anki jekk il-Bavarja kellha tiġi kkunsidrata bħala “pajjiż”, jiena naħseb li dik il-pożizzjoni, sostnuta minn Bavaria u Bavaria Italia u mill-Gvern Olandiż, għandha tiġi miċħuda. Il-Bavarja hija Land, u għalhekk wieħed mill-entitajiet federali tal-Istat Federali tal-Ġermanja u bħala tali mhuwiex xieraq – meta hu evidenti li l-Ġermanja tikkostitwixxi pajjiż – li l-Bavarja tiġi ttrattata bħala li hija wkoll “pajjiż” skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament Nru 2081/92. Għalhekk, il-Bavarja għandha, pjuttost, tiġi kkunsidrata bħala “reġjun” skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni – reġjun, wieħed għandu jżid jgħid, b’identità kulturali partikolarment b’saħħitha u bi tradizzjonijiet partikolari fejn anki l-birra għandha l-pożizzjoni prominenti tagħha.

115. Għalhekk mill-kwistjonijiet li saret referenza għalihom mill-qorti tar-rinviju ma jidhirx li r-reġistrazzjoni ta’ “Bayerisches Bier” naqset milli tikkonforma mal-ħtiġiet tal-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament Nru 2081/92.

116. Dwar il-kwistjoni jekk l-indikazzjoni “Bayerisches Bier” kellhiex tiġi meqjusa bħala terminu ġeneriku skont it-tifsira tal-Artikoli 3(1) u 17(2) tar-Regolament Nru 2081/92, għandu jiġi mfakkar li skont il-ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi evalwata n-natura ġenerika ta’ isem, huwa meħtieġ li “għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-postijiet ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat eżistenti kemm ġewwa kif ukoll barra mill-Istat Membru li jkun kiseb ir-reġistrazzjoni tal-isem inkwistjoni, il-konsum ta’ dan il-prodott u l-mod kif dan l-isem huwa pperċepit mill-konsumaturi ġewwa u barra dan l-Istat Membru, l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali partikolari li tikkonċerna dan il-prodott kif ukoll il-mod li bih dan l-isem intuża fid-dritt Komunitarju” (41).

117. Għar-rigward, b’mod aktar speċifiku, l-argument indirizzat mill-qorti tar-rinviju li l-indikazzjoni inkwistjoni storikament kienet ġiet użata biex tindika – sa mid-dsatax-il seklu – metodu partikolari ta’ produzzjoni, ibbażat fuq il-fermentazzjoni fil-qiegħ, li oriġina fil-Bavarja iżda li fil-frattemp infirex fl-Ewropa, għandu jiġi nnotat, l-ewwel nett, li anki jekk dan seta’ kien il-każ, bl-istess mod li isem li oriġinarjament kien jorbot prodotti ma’ ċertu reġjun jista’ maż-żmien isir ġeneriku, huwa possibbli għal termini li qabel kienu ġeneriċi li jiġu użati mill-ġdid fis-sens ta’ indikazzjoni ġeografika ta’ prodott, kif kien, skont il-Kummissjoni u l-Kunsill, il-każ b’“Bayerisches Bier” wara l-1940.

118. Minbarra dan, f’dan ir-rigward, kif irrilevat il-Kummissjoni u kif huwa evidenti wkoll mill-Premessa 5 fil-preambolu tar-Regolament Nru 1347/2001, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri kollha biex jippreżentaw informazzjoni dwar l-użu tal-isem “Bayerisches Bier” jew partijiet minnu sabiex jiġi evalwat, fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-Komunità kollha kemm hi, jekk dak it-terminu kienx ta’ natura ġenerika.

119. Għalkemm huwa veru li ħames Stati Membri, kif ġie enfasizzat minn Bavaria u Bavaria Italia, jidhru li jindikaw li dak l-isem u t-traduzzjonijiet tiegħu setgħu saru ġeneriċi ġewwa l-Istat Membru rispettiv, il-Kummissjoni kkonkludiet, wara li evalwat l-evidenza li kienet disponibbli għaliha, li fid-Danimarka biss it-termini “bajersk” u “bajer” jinsabu fil-punt li jkunu użati ġenerikament biex ifissru birra.

120. Dik il-konklużjoni tal-Kummissjoni fis-sens li fi Stat Membru partikolari t-termini relatati ma’ “Bayerisches Bier” qed isiru ġeneriċi, li hija bbażata fuq evalwazzjoni tal-evidenza li jiena ma nikkunsidrax li hija manifestament ivvizjata bi żbalji, minnha nnifisha ma teskludix dik l-indikazzjoni milli tkun eliġibbli għar-reġistrazzjoni konformement mal-Artikoli 3(1) u 17(2) tar-Regolament Nru 2081/92 (42).

121. Għalhekk jidher li l-fatturi msemmija mill-qorti tar-rinviju ma jiġġustifikawx il-konklużjoni li l-indikazzjoni “Bayerisches Bier” kienet irreġistrata bi ksur tal-projbizzjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ ismijiet li huma jew li saru ġeneriċi stabbilita bl-Artikoli 3(1) u 17(2) ta’ dak ir-Regolament jew li l-Kummissjoni marret lilhinn mill-marġini ta’ evalwazzjoni tagħha meta kkunsidrat jekk dik il-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni ġietx sodisfatta.

122. Isegwi li r-raġunijiet għall-invalidità li jinsabu fis-sitt u s-seba’ subdomandi huma infondati.

e)      It-tmien subdomanda li tirrigwarda nuqqas possibbli ta’ konformità mal-ħtiġiet sostantivi stabbiliti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2081/92

123. B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq essenzjalment tkun taf jekk ir-reġistrazzjoni ta’ “Bayerisches Bier” kellhiex tiġi rrifjutata skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2081/92, peress li, fid-dawl ta’ “r-reputazzjoni u l-fama” tat-trade marks Bavaria u t-tul ta’ żmien li ilhom jintużaw, l-indikazzjoni “Bayerisches Bier” kienet “tista’ tqarraq lill-konsumatur dwar l-identità vera tal-prodott”.

i)      L-argumenti prinċipali tal-partijiet

124. Skont il-Gvern Olandiż u Bavaria u Bavaria Italia, dik id-domanda għandha tiġi mwieġba fl-affermattiv.

125. Bavaria u Bavaria Italia jikkunsidraw din id-domanda bħala li hija konnessa mill-qrib mat-tieni domanda, li tirrigwarda l-koeżistenza tal-IĠP “Bayerisches Bier” mat-trade mark “Bavaria”. Huma jargumentaw li, peress li l-Premessa 3 tal-preambolu għar-Regolament Nru 1347/2001 ma taċċettax li hemm probabbiltà li konsumaturi jiġu żgwidati skont it-tifsira tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2081/92, probabbiltà bħal din għandha tiġi miċħuda fil-kuntest tal-analiżi li tirrigwarda l-koeżistenza ta’ dawn it-termini u, konsegwentement, il-koeżistenza tagħhom għandha tiġi permessa.

126. Bayerischer Brauerbund, il-Kummissjoni, il-Kunsill, u l-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Grieg u l-Gvern Taljan isostnu li s-sitwazzjoni kkontemplata fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2081/92 mhijiex dik ta’ “Bayerisches Bier” u “Bavaria”.

127. Il-Kummissjoni u l-Kunsill jirreferu għad-diskrezzjoni wiesgħa li titħalla lill-istituzzjonijiet bl-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2081/92. Flimkien mal-Gvern Ġermaniż, huma jenfasizzaw li abbażi tal-informazzjoni u tal-fatti miġbura matul il-proċedura u minħabba n-numru ta’ trade marks li fihom il-kelma “Bavaria” jew termini simili, anki jekk ma jistax jiġi eskluż li dawk it-trade marks kisbu karattru distintiv permezz tal-użu fit-tul u intensiv tagħhom, l-evidenza pprovvduta ma kinitx biżżejjed biex issostni l-konklużjoni li konsumaturi kienu jassoċjaw birer bit-tikketta “Bavaria” mal-(kumpanniji) Bavaria u Bavaria Italia, pjuttost milli l-Land tal-Bavarja. Dan huwa speċjalment il-każ, peress li ħafna birer “Bavariżi” u prodotti oħra mill-Bavarja li jġibu dak l-isem kienu disponibbli b’mod kummerċjali f’dak iż-żmien. Għal din ir-raġuni, ġie konkluż abbażi tal-informazzjoni disponibbli li ma kienx probabbli li r-reġistrazzjoni ta’ “Bayerisches Bier” kienet ser tqarraq lill-konsumatur dwar l-identità vera tal-prodott.

ii)    Evalwazzjoni

128. L-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2081/92 evidentement hu mfassal biex jipproteġi trade mark eżistenti fiż-żmien tar-reġistrazzjoni peress li jipprojbixxi reġistrazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika jekk ir-reġistrazzjoni tista’ tqarraq lill-konsumatur dwar l-identità vera tal-prodott. Kif nifhem jien dik id-dispożizzjoni, hija hekk imfassla biex ma tħallix prodott li għandu IĠP milli jkun konfuż mill-konsumatur ma’ trade mark ta’ prodott partikolari.

129. Jekk dan ikunx il-każ għandu jiġi evalwat mil-leġiżlatura Komunitarja, skont il-kliem ta’ dik id-dispożizzjoni, “fid-dawl tar-reputazzjoni u l-fama tat-trade mark u t-tul ta’ żmien li ilha tintuża”.

130. Fil-każ preżenti, kif inhu evidenti mill-Premessa 3 fil-preambolu għar-Regolament Nru 1347/2001, il-Kunsill u l-Kummissjoni, filwaqt li rrikonoxxew l-eżistenza tal-isem “Bavaria” bħala trade mark valida, ikkonkludew abbażi tal-fatti u informazzjoni disponibbli li r-reġistrazzjoni ta’ “Bayerisches Bier” bħala IĠP ma kinitx probabbli li se tqarraq lill-konsumatur dwar l-identità vera tal-prodott fir-rigward tat-trade mark “Bavaria”.

131. Għandu jiġi nnotat f’dak ir-rigward li la l-qorti tar-rinviju u lanqas il-partijiet fil-proċeduri legali preżenti, b’mod partikolari Bavaria u Bavaria Italia u l-Gvern Olandiż, ma pprovdew fil-fatt xi materjal li juri sa liema punt dik il-konklużjoni tista’ tkun inkorretta.

132. Għalhekk hu biżżejjed li wieħed jinnota li mhuwiex ikkontestat li l-isem “Bavaria” huwa magħruf sew u trade mark stabbilita li ilha tiġi użata għal żmien twil, kif Bavaria u Bavaria Italia nnifishom enfasizzaw. Jidher ukoll min-noti ppreżentati mill-Kummissjoni u l-Kunsill li, meta eżaminaw jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2081/92 ġewx sodisfatti, huma kkunsidraw partikolarment it-tul ta’ żmien li għalih u l-intensità li biha ġiet użata t-trade mark Bavaria u l-karattru distintiv li minħabba f’hekk kisbet.

133. Fid-dawl ta’ dan, il-konklużjoni fis-sens li l-indikazzjoni ġeografika “Bayerisches Bier” u t-trade mark “Bavaria” mhumiex fis-sitwazzjoni li l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2081/92 huwa mfassal biex ikopri ma tidhirx li hi skorretta jew li tmur lilhinn mid-diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-Kunsill meta ddeterminaw dik il-kwistjoni (43), peress li iktar ma tkun għolja r-reputazzjoni jew il-fama ta’ trade mark, u għalhekk iktar tkun b’saħħitha d-distintività tagħha, iktar m’hi se tkun baxxa l-probabbiltà li konsumaturi jistgħu jiġu mqarrqa sal-punt li jattribwixxu prodott b’IĠP partikolari għal dak it-trade mark.

134. Isegwi li raġuni għal invalidità li tikkonċerna nuqqas possibbli ta’ konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2081/92 għandha tiġi kkunsidrata bħala infondata.

f)      Il-konklużjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-validità

135. Fid-dawl ta’ dak kollu li ssemma’ hawn fuq, għandu jiġi konkluż li din l-evalwazzjoni ma rrivelatx xejn li jista’ jistabbilixxi l-invalidità tar-Regolament Nru 1347/2001, jew tar-Regolament Nru 2081/92 li fuqu hija bbażata.

B –    It-tieni domanda

136. Bit-tieni domanda tagħha, li qed issir għall-eventwalità li l-ewwel domanda tiġi kkunsidrata li hija inammissibbli jew infondata, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment x’effetti r-reġistrazzjoni ta’ “Bayerisches Bier” bħala IĠP jista’ jkollha fuq trade marks preeżistenti li fihom il-kelma “Bavaria”. B’mod partikolari, hija tixtieq tkun taf jekk ir-Regolament Nru 1347/2001 għandux jiġi interpretat li jfisser li dik ir-reġistrazzjoni jista’ ma jkollhiex effetti avversi fuq il-validità jew l-użu ta’ dawk it-trade marks.

1.      L-argumenti prinċipali tal-partijiet

137. Bavaria u Bavaria Italia jsostnu li l-koeżistenza tal-IĠP “Bayerisches Bier” ma’ trade marks preeżistenti li fihom il-kelma “Bavaria” hija permessa espressament, b’effett vinkolanti fuq il-qrati nazzjonali, konformi mal-Premessa 4 fil-preambolu tar-Regolament Nru 1347/2001. Fi kwalunkwe każ, isegwi mill-Premessi 3 u 4 fil-preambolu għal dak ir-regolament li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 2081/92 huma ssodisfatti.

138. Huma jenfasizzaw, fl-ewwel lok, li t-trade marks ippreċedew ir-reġistrazzjoni tal-IĠP, kif għamel l-użu tat-terminu “Bavaria” fl-isem tal-kumpannija. Fit-tieni lok, il-validità u l-bona fide tat-trade mark, kif ukoll in-nuqqas ta’ kwalunkwe riskju li dawn jistgħu jkunu qarrieqa, ġew ikkonfermati kemm bil-pożizzjoni tad-diversi rappreżentanti matul it-travaux préparatoires għar-Regolament Nru 1347/2001, espressa f’numru ta’ dokumenti kif ukoll fil-Premessa 4 tar-regolament, u bir-referenzi kostanti għall-Olanda bħala li l-pajjiż tal-oriġini tal-birra fit-trade marks u l-indikazzjonijiet ta’ hawn fuq.

139. Il-Gvern Olandiż jaqbel mal-pożizzjoni meħuda minn Bavaria u Bavaria Italia u jsostni li, matul il-proċedura ta’ reġistrazzjoni, il-Kummissjoni u l-Gvern Ġermaniż iffavorew il-koeżistenza tat-trade marks irreġistrati “Bavaria” mal-IĠP “Bayerisches Bier”, u dan ġie rifless fil-minuti rreġistrati fl-atti tal-proċess u fil-Premessa 4 fil-preambolu tar-Regolament Nru 1347/2001. Anki jekk hija l-qorti nazzjonali li għandha tapplika l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 2081/92, ma jistax jiġi raġonevolment sostnut li konklużjoni min-naħa tal-leġiżlatura tal-Komunità ma tapplikax kemm għall-Komunità u għall-Istati Membri. Fi kwalunkwe każ, il-qrati nazzjonali jistgħu japplikaw l-Artikolu 14 (2) biss għar-rigward taż­-żmien wara r-reġistrazzjoni.

140. Bl-istess mod, imur kontra l-loġika wiesgħa tar-Regolament Nru 2081/92 jekk l-indikazzjoni “Bayerisches Bier” tiġi protetta bħala IĠP għaliex il-Kummissjoni u l-Kunsill ma sabu ebda konflitt bejn t-trade marks irreġistrati “Bavaria”, filwaqt li b’kuntrast ma’ dan, jekk il-qrati nazzjonali jsibu ebda konflitt bħal dan, il-protezzjoni li tingħata ser tkun għal “Bayerisches Bier”, għad-dannu tat-trade marks “Bavaria”.

141. Bayerischer Brauerbund u l-Kummissjoni, kif ukoll il-Gvern Ċek, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Grieg u l-Gvern Taljan jirrilevaw, b’kuntrast ma’ dan, li fi kwalunkwe każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk il-kundizzjonijiet taħt l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 2081/92 ġewx sodisfatti u, għaldaqstant, jekk l-użu tat-trade marks “Bavaria” jistax jitkompla.

142. Il-Gvern Ċek isostni li l-Artikolu 14(2) u 14(3) tar-Regolament Nru 2081/92 għandhom għanijiet distinti li ma jistgħux jingħaqdu flimkien. Filwaqt li l-konformità mal-Artikolu 14(3) għandha tiġi evalwata qabel ir-reġistrazzjoni, l-Artikolu 14(2) jirrigwarda l-użu ta’ trade mark wara reġistrazzjoni u jista’ għalhekk iwassal biex qorti nazzjonali tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark preċedenti.

143. Skont il-Kummissjoni, ir-Regolament Nru 1347/2001 ma jirriflettix xi pożizzjoni definittiva dwar il-koeżistenza tal-IĠP “Bayerisches Bier” mat-trade marks li fihom il-kelma “Bavaria”. Fil-fehma tal-Gvern Grieg, il-premessi fil-preambolu għal dak ir-regolament jikkostitwixxu evidenza li konsumaturi mhumiex se jiġu żgwidati.

144. Bayerischer Brauerbund issostni li l-Premessa 3 fil-preambolu tar-Regolament Nru 1347/2001 tirrigwarda biss l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2081/92, u ma tistax tiġi applikata għall-Artikolu 14(2). Skont Bayerischer Brauerbund, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(2) ma ġewx issodisfati fil-każ preżenti, peress illi, l-ewwel, it-trade marks inkwistjoni x’aktarx jiżgwidaw konsumaturi dwar il-provenjenza ġeografika tal-birra inkwistjoni u, t-tieni nett, it-trade marks ma ġewx irreġistrati bil-bona fide, peress li dawn jiksru l-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali applikabbli fl-Istat ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark fiż-żmien meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

2.      Evalwazzjoni

145. Kif jidher mid-digriet tar-rinviju u n-noti ppreżentati, inter alia, ta’ Bavaria u Bavaria Italia, id-domanda inkwistjoni dwar jekk ir-reġistrazzjoni ta’ “Bayerisches Bier” bħala IĠP mir-Regolament Nru 1347/2001 tistax taffettwa il-validità jew l-użu ta’ trade marks preeżistenti li fihom il-kelma “Bavaria ” qed tiġi magħmula b’referenza, b’mod partikolari, għall-Premessi 3 u 4 fil-preambolu għal dak ir-regolament.

146. Għalhekk mill-bidu nett għandu jiġi nnotat li l-preambolu għal att tal-Komunità huwa deskrittiv tal-motivazzjoni u l-intenzjoni tal-leġiżlatura Komunitarja għar-rigward tal-adozzjoni ta’ dak l-att. Bħala tali, il-premessi fil-preambolu għal att tal-Komunità jistgħu għalhekk iservu lill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li dawn jistabbilixxu r-raġunijiet għall-adozzjoni tiegħu, bħala bażi għal evalwazzjoni tal-validità tal-att ikkonċernat (44), jew, peress li dawn jistgħu jispjegaw is-suġġett u l-għan ta’ att leġiżlattiv, jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet operattivi ta’ dak l-att (45).

147. B’kuntrast ma’ dan, il-premessi fil-preambolu ta’ att Komunitarju m’għandhom l-ebda saħħa legali vinkolanti minnhom innifishom u indipendentement mid-dispożizzjonijiet operattivi ta’ dak l-att (46).

148. Għalhekk, fil-każ preżenti, il-Premessi 3 u 4 fil-preambolu tar-Regolament Nru 1347/2001 bħala tali ma jistgħux jintużaw bħala l-bażi għall-koeżistenza tat-trade marks li fihom il-kelma “Bavaria” mal-IĠP “Bayerisches Bier”.

149. L-effetti legali li jinvolvi l-att ta’ reġistrazzjoni bħala IĠP, bħar-Regolament Nru 1347/2001 fil-każ preżenti, jiġu ddeterminati pjuttost bir-Regolament Nru 2081/92, li fuqu hija bbażata dik ir-reġistrazzjoni (47). Jekk u sa liema punt ir-reġistrazzjoni ta’ “Bayerisches Bier” bħala IĠP bir-Regolament Nru 1347/2001 tista’ taffettwa l-validità jew l-użu tat-trade marks preeżistenti “Bavaria” għaldaqstant għandu jiġu evalwat b’referenza għall-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2081/92, li speċifikament jirregola r-relazzjoni bejn ismijiet irreġistrati taħt dak ir-regolament u trade marks.

150. F’dak ir-rigward, kif osservaw korrettement diversi partijiet, l-Artikolu 14(2) u 14(3) tar-Regolament Nru 2081/92 kull wieħed minnhom għandu oġġettivi u funzjonijiet distinti fil-bilanċ li dak ir-regolament jipprova jilħaq bejn il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini, min-naħa, u drittijiet ta’ trade marks min-naħa l-oħra.

151. Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 14(3) tar-regolament, dik id-dispożizzjoni toffri, kif issemma hawn fuq, protezzjoni għal trade marks preeżistenti peress li din ma tħallix li ssir ir-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni jew denominazzjoni ta’ oriġini, li l-użu tiegħu jista’ jirriżulta fil-probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade mark preċedenti (48).

152. L-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2081/92 għalhekk, jekk jiġi applikat kif suppost mil-leġiżlatura Komunitarja joħloq ostakolu għal reġistrazzjoni, ta’ indikazzjonijiet jew denominazzjonijiet li x’aktarx jiġu konfużi ma’ trade mark eżistenti skont it-tifsira speċifika ta’ dik id-dispożizzjoni, mingħajr madankollu, ma tiġi eskluża l-possibbiltà li t-trade mark preeżistenti tkun f’kunflitt mal-isem irreġistrat għall-għanijiet tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2081/92.

153. It-“test tal-kompatibbiltà” ibbażat fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni, kif previst fl-Artikolu 14(3) tar-regolament, jonqos milli jkopri s-sitwazzjonijiet kollha li fihom, skont l-għan ta’ protezzjoni mogħti taħt l-Artikolu 13 tar-regolament, trade marks jistgħu jieħdu mill-ismijiet irreġistrati skont dak ir-regolament. Pereżempju, huwa ċar li jkun possibbli għal denominazzjoni protetta li tiġi invokata, għall-għanijiet tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 2081/92, fejn ma kien hemm l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn il-prodotti kkonċernati u anki fejn l-ebda protezzjoni Komunitarja ma kienet estiża għall-partijiet tad-denominazzjoni li ġew replikati fit-terminu jew termini inkwistjoni (49).

154. Isegwi li l-konklużjoni mil-leġiżlatura Komunitarja fil-każ preżenti, imsemmija fil-Premessa 3 fil-preambolu tar-Regolament Nru 1347/2001, fis-sens li l-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni stabbilita fl-Artikolu 14(3) ġiet sodisfatta, ma tistax tammonta għal determinazzjoni vinkolanti li l-indikazzjoni ġeografika “Bayerisches Bier” tista’ tikkoeżisti mat-trade marks li fihom il-kelma “Bavaria”.

155. B’kuntrast ma’ dan, il-prinċipju tal-koeżistenza huwa stabbilit fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 2081/92, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom trade mark preċedenti – anki jekk l-użu tagħha jikkorrispondi ma’ waħda mis-sitwazzjonijiet koperti bl-Artikolu 13 tar-regolament (50) – jista’ jissokta jiġi użat minkejja r-reġistrazzjoni ta’ denominazzjoni jew indikazzjoni.

156. Kif inhu evidenti mill-kliem tagħha, dik id-dispożizzjoni tippermetti l-użu kontinwu ta’ trade mark li tidħol f’kunflitt ma’ indikazzjoni jew denominazzjoni ta’ oriġini protetta għall-għanijiet tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2081/92 biss bil-kundizzjoni li, l-ewwel nett, dik it-trade mark kienet irreġistrata bil-bona fide qabel id-data li fiha l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika kienet ippreżentata u, it-tieni nett, bil-kundizzjoni li ma kien hemm ebda raġunijiet għall-invalidità jew għar-revoka tat-trade mark kif stabbilit taħt l-Artikolu 3(1)(ċ) u (g) u l-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva dwar it-trade marks.

157. Fi kliem ieħor, f’dawk iċ-ċirkustanzi limitati, jiġifieri meta t-trade mark preċedenti ma kinitx irreġistrat bil-bona fide – punt li, skont is-sentenza Gorgonzola, jiddependi essenzjalment fuq il-punt importanti jekk l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni kinitx saret b’mod konformi mar-regoli ta’ dritt, kemm nazzjonali u internazzjonali, fis-seħħ fiż-żmien meta dik l-applikazzjoni ġiet ippreżentata – jew, anki jekk ġie rreġistrata bil-bona fide, jekk dik it-trade mark jistax tiġi ddikjarata bħala invalida jew irrevokata għar-raġunijiet speċifiċi stabbiliti bid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva dwar it-trade marks, il-protezzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika irreġistrata tkunx tipprevali fuq it-trade mark preeżistenti (51).

158. F’dak ir-rigward, huwa importanti li wieħed jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja b’mod ċar iddikjarat fis-sentenza Gorgonzola li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk it-trade mark kienet ġiet irreġistrata bil-bona fide u jekk tistax jiġi ddikjarata invalida jew imħassra abbażi tad-Direttiva dwar it-trade marks (52).

159. Dan ifisser li mhijiex il-leġiżlatura Komunitarja li għandha tiddetermina meta tiġi tirreġistra denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika taħt ir-Regolament Nru 2081/92.

160. Huwa ċar mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li meta fil-Premessa 4 fil-preambolu tar-Regolament Nru 1347/2001 jintqal li l-użu ta’ ċerti trade marks bħal “Bavaria” jista’ jitkompla minkejja r-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Bayerisches Bier” sakemm dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 2081/92, il-leġiżlatura Komunitarja sempliċement stqarret mill-ġdid is-sitwazzjoni legali li fi kwalunkwe każ tirriżulta minn dak l-artikolu.

161. Għalhekk jien nipproponi li t-tieni domanda preliminari għandha tiġi mwieġba fis-sens li r-Regolament Nru 1347/2001, flimkien mar-Regolament Nru 2081/92, għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li r-reġistrazzjoni ta’ “Bayerisches Bier” bħala indikazzjoni ġeografika protetta ma taffettwax il-validità jew l-użu ta’ trade marks preeżistenti ta’ terzi persuni li fihom il-kelma “Bavaria”, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawk it-trade marks kienu rreġistrati bil-bona fide u ma jistgħux ikunu invalidi jew imħassra abbażi tad-Direttiva dwar it-trade marks, kif stipulat fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 2081/92, ħaġa li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina.

V –    Konklużjoni

162. Jien għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domandi rrinvjati kif ġej:

(1)      L-evalwazzjoni tad-domanda preliminari ma rrivelat l-ebda fattur li jista’ jaffettwa l-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2001 li jissupplimenta l-Anness mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 dwar ir-reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ oriġini skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 jew tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 tal-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel li fuqu huwa bbażat.

(2)      Ir-Regolament Nru 1347/2001 flimkien mar-Regolament Nru 2081/92, għandu jiġi nterpretat bħala li jfisser li r-reġistrazzjoni ta’ “Bayerisches Bier” bħala indikazzjoni ġeografika protetta ma taffettwax il-validità jew l-użu ta’ trade marks preeżistenti ta’ terzi persuni li fihom il-kelma “Bavaria”, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawk it-trade marks kienu rreġistrati bil-bona fide u ma jistgħux ikunu invalidi jew imħassra abbażi tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, kif stipulat fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 2081/92, ħaġa li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi.



1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – ĠU L 182, p. 3.


3 – ĠU L 208, p. 1.


4 –      ĠU 1989 L 40, p. 1 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar it-trade marks”).


5 – Regolament tat-8 ta’ April 2003 li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2081/92 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini għall-prodotti tal-agrikoltura u l-ikel (ĠU 2003 L 99, p. 1).


6 – Regolament tat-12 ta’ Ġunju 1996 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (ĠU L 148, p. 1).


7 – Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf, C‑188/92, Ġabra I‑833, punti 13 sa 15 u tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe, C-239/99, Ġabra p. I-1197, punt 36.


8 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi TWD Textilwerke Deggendorf, iċċitata fin-nota tal-qiegħ il-paġna 7, punti 16 sa 18, Nachi Europe, iċċitata fin-nota tal-qiegħ il-paġna 7, punt 37 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Roquette Frères, C‑441/05, Ġabra I‑1993, punt 40.


9 – Ara, b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, is-sentenza TWD Textilwerke Deggendorf, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punti 24 u 25, is-sentenza Nachi Europe, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 37; is-sentenza Roquette Frères, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 40 u 41 u s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1996, Accrington Beef et, C‑241/95, Ġabra I‑6699, punt 15.


10 – Ara s-sentenza Roquette Frères, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 41, u s-sentenza Nachi Europe, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 37.


11 – Ara, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il-Kummissjoni, C‑386/96 P, Ġabra p. I‑2309, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata.


12 – Ara s-sentenza tal-4 ta’ Marzu 1999, Gorgonzola, C‑87/97, Ġabra I‑1301, punt 36; ara wkoll il-punti 156 sa 158 iktar ’il quddiem.


13 – Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 199, tat-18 ta’ Mejju 1994, Codorníu, C‑309/89, Ġabra p. I‑1853, punt 20, u tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C‑50/00 P, Ġabra I‑6677, punt 36.


14 – Sentenza Cordorníu, iċċitata fin-nota tal-qiegħ il-paġna 13, punti 21 u 22.


15 – Jien għandi nżid li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tasal għall-konklużjoni li fiċ-ċirkustanzi fattwali u legali tal-każ preżenti, fejn jista’ jiġi argumentat li għall-inqas ġie ssuġġerit bir-regolament inkwistjoni nnifsu li Bavaria tista’ ma tiġix affettwata bir-reġistrazzjoni inkwistjoni, Bavaria madankollu imissha ppreżentat rikors għal annullament, u li kieku kellha l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu pożizzjoni relattivament restrittiva dwar l-ammissibbiltà ta’ rinviji għal deċiżjonijiet preliminari dwar il-validità, dan seta’ kellu l-effett li jinkoraġġixxi rikorsi “preventivi” għall-annullament li mhumiex meħtieġa, pereżempju minn proprjetarji ta’ trade marks, li ma jkunux fl-interess tal-amministrazzjoni effiċjenti tal-ġustizzja fil-Komunità.


16 – Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, p. 1).


17 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 1988, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, 68/86, Ġabra p. 855, punt 14; tat-23 ta’ Frar 1988, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, 131/86, Ġabra p. 905, punt 19; tas-16 ta’ Novembru 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑131/87, Ġabra 3743, punt 28; tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C‑180/96, Ġabra I‑2265, punt 133.


18 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-338/01, Ġabra p. I‑4829, punt 55, tas-17 ta’ Marzu 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-155/92, Ġabra p, I‑939, punti 19 u 21 u tat-30 ta’ Jannar 2001, Spanja vs Il-Kunsill, C‑36/98, Ġabra I‑779, punt 59.


19 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-11/88, Ġabra p. 3799, punt 15, u s-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota tal-qiegħ il-paġna 17, punti 133 u 134.


20 – Sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2001, C‑269/99, Ġabra I‑9517.


21 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.


22 – Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, il-punti 35 u 40 ta’ din is-sentenza.


23 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 41, 57 u 58 tas-sentenza.


24 – Ara l-punt 40 tas-sentenza.


25 – Franza: BGBl. 1961 II, p. 23 (Trattat tat-8 ta’ Marzu 1960, United Nations Treaty Series (UNTS) 1969 II Nru 2064, Vol. 747, p. 2); L-Italja: BGBl. 1965 II, p. 157 (Trattat tat-23 ta’ Lulju 1963, United Nations Treaty Series (UNTS) 1967 II Nru 1815); Greċja: BGBl. 1965 II, p. 177 (Trattat tas-16 ta’ April 1964, United Nations Treaty Series (UNTS) 1972 II Nru 564, Vol. 609, p. 27); l-Iżvizzera: BGBl. 1969 II, p. 139, u BGBl. 1965 II, p. 157 (Trattat tas-7 ta’ Marzu 1967); u Spanja: BGBl. 1972 II, p. 110 (Trattat tal-11 ta’ Settembru 1970, United Nations Treaty Series (UNTS) 1995 II Nru 492, Vol. 992, p. 87).


26 – Ara s-sentenza Kühne, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 32.


27 – L-emendi inkwistjoni kienu jirrigwardaw applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala indikazzjoni ġeografika pjuttost milli denominazzjoni ta’ oriġini, bidla fiz-zona koperta u bidla fil-proporzjon ta’ materja prima ta’ provenjenza minn barra dik iz -zona. Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenrali Jacobs f’dik il-kawża, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punti 40 u 44.


28 – Ara l-punti 33 u 34 tas-sentenza.


29 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punti 50 sa 54.


30 – Ara s-sentenza Kühne, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 52.


31 – Ara punt 53 ta’ dik is-sentenza.


32 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Kühne, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punti 57 u 58.


33 – Ara s-sentenza Kühne, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, b’mod partikolari l-punt 60.


34 – Ara s-sentenza Kühne, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 33; ara wkoll f’dan il-kuntest, Il-Ġermanja u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, kawżi magħquda C-465/02 u C-466/02, Ġabra p. I‑9115, punt 98.


35 – Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2000, C‑312/98, Ġabra I‑9187.


36 – Ara, f’dan ir-rigward, Id-Danimarka, Il-Ġermanja u Franza vs Il-Kummissjoni, kawżi magħquda C‑289/96 u C‑293/96, Ġabra p. I‑1541, punt 92.


37 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 86 hawn fuq, u s-sentenza Id-Danimarka, Il-Ġermanja u Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, b’mod partikolari l-punt 54.


38 – Ara l-punti 85 sa 87 hawn fuq, u s-sentenza Kühne, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punti 50 sa 54 u 59 et seq.


39 – Ara f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza f’diversi oqsma tad-dritt Komunitarju li tikkonċerna l-eżerċizzju ta’ setgħat mill-istituzzjonijiet Komunitarji f’kwistjonijiet li jinvovlu evalwazzjonijiet ekonomiċi u/jew soċjali kumplessi: b’mod partikolari is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑99/99, Ġabra p. I‑11535, punt 26; Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C‑150/94, Ġabra p. I‑7235, punt 49;Omega Air, kawżi maqgħuda C‑27/00 u C‑122/00, Ġabra p. I‑2569, punt 65; Nicoli vs Eridania, C‑87/00, Ġabra I‑9397, punt 37; L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑372/97, Ġabra p. I‑3679, punt 83; u Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑169/95, Ġabra I‑135, punt 34.


40 – Ara s-sentenza Warsteiner, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 43, u Pistre et, kawżi magħquda C‑321/94 sa C‑324/94, Ġabra I‑2343, punt 35.


41 – Ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑132/05, Ġabra I-957, punt 53 u s-sentenza Il-Ġermanja u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punti 76 sa 99.


42 – Ara, f’dan ir-rigward, Il-Ġermanja u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punti 75 sa 84.


43 – Ara l-punti 106 u 107 hawn fuq.


44 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il-Kummisjoni, C‑304/01, Ġabra I‑7655, punt 50, tad-19 ta’ Settembru 2002, Martin Huber, Ġabra p. I‑7699, punt 35; u tat-22 ta’ Jannar 1986, Eridania et, 250/84, Ġabra p. 117, punt 37.


45 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, Ġabra p. I‑8531, punti 42 u 44, u tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C‑184/99, Ġabra I‑6193, punt 44.


46 – Ara f’dan ir-rigward, pereżempju, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1998, Nilsson, C‑162/97, Ġabra I‑7477, punt 54.


47 – Il-fatt li l-qorti tar-rinviju għamlet referenza f’din id-domanda għar-Regolament Nru 1347/2001 biss ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tieħu inkunsiderazzjoni wkoll ir-Regolament Nru 2081/92: ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenzi Verband Sozialer Wettbewerb (“Clinique”), C-315/92, Ġabra p. I‑317, punt 7, u Weide, C-153/03, Ġabra p. I‑6017, punt 25.


48 – Ara l-punti 128 u 129 hawn fuq.


49 – Ara s-sentenza Gorgonzola, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 26.


50 – Jekk dan mhuwiex il-każ, mill-perspettiva tal-protezzjoni mogħtija taħt ir-Regolament Nru 2081/92, a priori m’hemm ebda konflitt bejn l-isem irreġistrat u t-trade mark ikkonċernata.


51 – Ara s-sentenza Gorgonzola, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 35 u 38.


52 – Ara s-sentenza Gorgonzola, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 36 u 42.