Language of document : ECLI:EU:C:2021:250

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil‑25 ta’ Marzu 2021 (1)

Kawża C22/20

IlKummissjoni Ewropea

vs

IrRenju talIsvezja

(Impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi)

“Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Direttiva 91/271/KEE – Trattament ta’ ilma urban mormi – Trattament sekondarju ta’ ilma mormi – Trattament iktar strett tal-iskariki f’żoni sensittivi – Kooperazzjoni leali – Preżentazzjoni ta’ informazzjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        Skont id-Direttiva dwar l-ilma mormi (2), l-Unjoni Ewropea tobbliga lill-Istati Membri li jibnu u joperaw impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi b’kapaċità partikolari ta’ trattament għal insedjamenti ta’ ċertu kobor. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Kummissjoni takkuża lill-Isvezja li naqset milli twettaq dan l-obbligu f’ċerti agglomerazzjonijiet.

2.        F’dan ir-rigward, għandu, fl-ewwel lok, jiġi ddeterminat jekk minħabba l-kundizzjonijiet ambjentali simili, għandhiex tapplika eċċezzjoni prevista minn din id-direttiva dwar siti li jinsabu fil-muntanji għoljin għal siti li jinsabu fiż-żoni Nordiċi wkoll. Fit-tieni lok, il-partijiet ma jaqblux dwar liema data ta’ kejl għandha tiddetermina l-prestazzjoni ta’ impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tilmenta li l-Isvezja ma pprovdietx ċerta data ta’ kejl neċessarja sabiex jiġi evalwat motiv ta’ difiża, jiġifieri l-hekk imsejjaħ tnaqqis naturali tan-nitroġenu.

II.    Il-kuntest ġuridiku

3.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi jipprovdi trattament sekondarju ta’ ilma:

“(1)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir għandu ma jkun skarikat ikun suġġett għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti ieħor kif ġej:

— sa mhux aktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2000 għall-skariki kollha minn agglomerazzjoni ta’ aktar minn 15 000 e.p.,

— sa mhux aktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2005 għall-skariki kollha minn agglomerazzjoni ta’ bejn l-10 000 u l-15 000 e.p.,

— sa mhux aktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2005 għal skariki li jispiċċaw f’ilma ħelu u estwarji minn agglomerazzjonijiet ta’ bejn l-2 000 u l-10 000 e.p.

(1a)      […]

(2)      Skariki ta’ ilma mormi urban għal ġo ilmijiet li jinsabu f’reġjuni ta’ muntanji għoljin (aktar minn 1 500 mil fuq mil-livell tal-baħar), fejnhuwa diffiċli li wieħed japplika trattament bioloġiku effettiv minħabba t-temperaturi baxxi, jista jkun suġġett għal trattament inqas strett minndak preskritt fil-paragrafu 1, sakemm studji dettaljati juru li dawk l-skariki ma jaffettwawx lill-ambjent b’mod negattiv.

(3)      L-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban deskritti fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jilħqu l-kriterji rilevanti tal-Anness I.B. […]”

4.        L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għar-rimi fiż-żoni partikolarment sensittivi:

“(1)      Għall-għanijiet tal-paragrafu 2, l-Istati Membri sal‑31 ta’ Diċembru 1993 għandhom jidentifikaw żoni sensittivi skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness II.

(2)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir ikun, qabel ma jippermettu l-iskarikar tiegħu f’żoni sensittivi, soġġett għal trattament iktar strett minn dak deskritt fl-Artikolu 4, sa mhux aktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 1998 għall-skariki kollha minn agglomerazzjonijiet ta’ aktar minn 10 000 e.p.

(2a)      […]

(3)      L-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban deskritti fil-paragrafu 2 għandhom jilħqu l-kriterji rilevanti ta’ l-Anness I B. […]”

5.        L-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi jikkonċerna l-klima lokali:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban mibnija biex iħarsu l-kriterji ta’ l-Artikoli 4, 5, 6 u 7 ikunu ppjanati, mibnija, mħaddma u miżmuma biex jiżguraw operat suffiċjenti taħt il-kondizzjonijiet klimatiċi normali kollha. Meta dawn l-impjanti jkunu qed jiġu mfassla, għandhom jiġu kkunsidrati varjazzjonijiet tat-toqol skond l-istaġuni tas-sena.”

6.        Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar l-ilma mormi, l-awtoritajiet jew l-entitajiet kompetenti jissorveljaw l-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban sabiex jivverifikaw il-konformità mal-kriterji tal-Anness I(B) skont il-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti fl-Anness I(D).

7.        L-Anness I(B) tal-istess direttiva (“Skarikar minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi għall-ilmijiet li riċeventi”) jipprevedi dan li ġej fit-tieni punt tiegħu:

“Skariki minn impjant tat-trattment ta’ l-ilma mormi urban soġġetti għat-trattament skond l-Artikoli 4 u 5 għandhom jilħqu l-kondizzjonijiet murija fit-Tabella 1.”

8.        It-Tabella 1 tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-ilma mormi hija intitolata “Ħtiġiet għar-rimi minn makkinarju għat-trattament ta’ skart urban ta’ ilma skond l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva.” u taqra kif ġej:

“Parametri

Konċentrazzjoni

Perċentaġġ minimu ta’ tnaqqis

Domanda għal ossiġnu bio-kemikali (BOD5 f’temperatura ta’ 20 °C) mingħajr nitrifikazzjoni …

25 mg/l O2

70-90

40 taħt l-Artikolu 4(2)

Domanda għal ossiġnu kemikali (DOK)

125 mg/l O2

75


9.        Skont it-tielet punt tal-Anness I(B) tad-Direttiva dwar l-ilma mormi, “Skariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban għal ġo dawk iż-żoni sensittivi […] għandhom jilħqu wkoll il-kriterji murija fit-Tabella 2 ta’ dan l-Anness”.

10.      It-Tabella 2 tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-ilma mormi tirregola b’mod partikolari t-tnaqqis tan-nitroġenu:

“Rekwiżiti ghal tnixxijiet minn impjanti ta’ l-ilma ta’ l-iskart urban għal wesgħat sensittivi li huma suġġetti għal ewtrofikazzjoni kif identifikat fl-Anness II.A(a). Parametru wieħed jew it-tnejn li huma jistgħu jiġu applikati, skond is-sitwazzjoni lokali. Il-valuri għall-konċentrazzjoni jew għall-perċentwal tat-tnaqqis għandhom jgħoddu.”

“Parametri

Konċentrazzjoni

Perċentaġġ minimu Tat-Tnaqqis …

Nitroġenu Totali …

15-il mg/l (10 000-100 000) […]

70-80


10-il mg/l (iktar minn 100 000 p.e.)


…”


11.      Il-punt D tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-ilma mormi jelenka l-metodi ta’ riferiment għas-sorveljanza u għall-evalwazzjoni tar-riżultati. Skont it-tielet punt, in-numru minimu annwali ta’ teħid ta’ kampjuni għandu jkun iddeterminat skont il-qies tal-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi u li dawn għandhom jinġabru f’intervalli regolari matul is-sena. Għal impjanti ta’ trattament ta’ qies bejn l-2 000 u d-9 999 e.p., in-numru minimu huwa ta’ 12-il kampjun matul l-ewwel sena. Fis-snin ta’ wara, huma meħtieġa erba’ kampjuni jekk il-kampjuni miġbura matul l-ewwel sena jkunu konformi mad-Direttiva dwar l-ilma mormi. Jekk wieħed mill-erba’ kampjuni jfalli, ikollhom jittieħdu 12-il kampjun ieħor fis-sena ta’ wara. Għal impjanti ta’ trattament ta’ qies bejn l-10 000 u d-49 000 e.p., in-numru minimu huwa ta’ 12-il kampjun.

12.      Il-punt D.4 tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-ilma mormi jirregola r-relazzjoni bejn id-diversi riżultati ta’ kejl u l-valuri limitu:

“L-ilma mormi ittrattat għandu jitqies li jikkonforma mal-parametri relevanti jekk, għal kull parametru relevanti kkunsidrat individwalment, il-kampjuni ta’ l-ilma juru li dan ikun jikkonforma mal-valuri parametriċi relevanti bil-mod kif ġej:

(a)      għall-parametri speċifikati fit-Tabella 1 u l-Artikolu 2(7), in-numru massimu ta’ kampjuni li jistgħu ma jissodisfawx il-kriterji, espressi f’termini ta’ konċentrazzjonijiet u/jew tnaqqis fil-perċentaġġi fit-Tabella 1 u fl-Artikolu 2(7), huwa speċifikat fit-Tabella 3;

(b)      għall-parametri tat-Tabella 1 espressi f’konċentrazzjonijiet, il-kampjuni li jeħlu li jkunu ttieħdu taħt kondizzjonijiet normali ta’ użu m’għandhomx jiddevjaw mill-valuri parametriċi b’aktar minn 100 %. …

(ċ)      għal dawk il-parametri speċifikati fit-Tabella 2 il-medja annwali tal-kampjuni għal kull parametru għandha tikkonforma mal-valuri parametriċi relevanti.”

13.      It-Tabella 3 tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-ilma mormi tippreċiża n-numru ta’ kampjuni u d-diskrepanzi ammissibbli meta mqabbla mal-valuri limitu msemmija fl-Artikolu 4.

Serje ta’ kampjuni meħuda f’sena

In-numru massimu permess ta’ kampjuni li jonqsu milli jikkonformaw

4-7

1

8-16

2

17-28

3

29-40

4

41-53

5

54-67

6

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża u t-talbiet

14.      Matul is-snin 2010, 2014 u 2017, il-Kummissjoni talbet lill-Isvezja sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-ilma mormi. Abbażi ta’ dan, fit‑8 ta’ Novembru 2018, hija indirizzat opinjoni motivata lill-Isvezja fejn talbet lil dan l-Istat Membru jikkonforma ruħu mal-kontestazzjonijiet fi żmien xahrejn, jiġifieri sat‑8 ta’ Jannar 2019.

15.      Peress li ma kinitx issodisfatta bit-tweġibiet Svediżi, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors fejn titlob:

–      li jiġi stabbilit li r-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(3) TUE billi ma pprovdiex l-informazzjoni neċessarja sabiex tkun tista’ tevalwa l-eżattezza tal-allegazzjoni li l-agglomerazzjonijiet ta’ Habo u ta’ Töreboda jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-ilma mormi;

–      li jiġi stabbilit li r-Renju tal-Iżvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4 moqri flimkien mal-Artikoli 10 u 15 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi, billi ma żgurax li l-ilma mormi tal-agglomerazzjonijiet ta’ Lycksele, ta’ Malå, ta’ Mockfjärd, ta’ Pajala, ta’ Robertsfors u ta’ Tänndalen ikun suġġett, skont ir-rekwiżiti tad-direttiva, għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti qabel ma jiġi skarikat;

–      li jiġi stabbilit li r-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5 moqri flimkien mal-Artikoli 10 u 15 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi billi ma żgurax li, skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva, l-ilma mormi tal-agglomerazzjonijiet ta’ Borås, ta’ Skoghall, ta’ Habo u ta’ Töreboda jkun suġġett għal trattament iktar strett minn dak deskritt fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva qabel ma jiġi skarikat;

–      li r-Renju tal-Isvezja jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-proċedura.

16.      Ir-Renju tal-Isvezja jammetti li l-impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi tal-agglomerazzjonijiet ta’ Lycksele, ta’ Pajala u ta’ Malå ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi u jitlob:

–      li jiġi miċħud ir-rikors fuq il-punti l-oħra kif ukoll

–      li l-Kummissjoni Ewropea tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

17.      Il-partijiet ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

IV.    Evalwazzjoni ġuridika

18.      Il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tikkonċerna l-osservanza ta’ żewġ obbligi imposti mid-Direttiva dwar l-ilma mormi, jiġifieri t-trattament sekondarju previst fl-Artikolu 4 (ara A) u trattament addizzjonali previst fl-Artikolu 5 (ara B), f’total ta’ għaxar agglomerazzjonijiet Svediżi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-Isvezja ma ħadmitx lealment magħha peress li din naqset milli tipprovdi ċerta informazzjoni (ara C).

A.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi – Trattament sekondarju ta’ ilma mormi

19.      Fir-rigward tas-sitt agglomerazzjonijiet, Lycksele, Malå, Pajala, Mockfjärd, Robertsfors u Tänndalen, il-Kummissjoni tinvoka ksur tal-Artikoli 4, 10 u 15 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi.

20.      Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-ilma mormi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li f’agglomerazzjonijiet ta’ bejn l‑10 000 u l‑15 000 ekwivalenti ta’ popolazzjoni (e.p.), l-ilma urban mormi li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir jkun suġġett għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti qabel ma jiġi skarikat. F’din il-kawża, dan l-obbligu jikkonċerna l-agglomerazzjoni ta’ Lycksele. L-istess obbligu japplika, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-ilma mormi, għal agglomerazzjonijiet ta’ bejn l‑2 000 u l‑10 000 e.p., li jiżbokkaw fl-ilma ħelu u fl-estwarji. F’dan il-każ, dawn huma l-agglomerazzjonijiet ta’ Malå, ta’ Mockfjärd, ta’ Pajala, ta’ Robertsfors u ta’ Tänndalen.

21.      Għall-kjarifika tar-rekwiżiti, l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva dwar l-ilma mormi jirreferi għat-trattament ta’ ilma mormi fil-punt B tal-Anness I, li t-tieni punt tiegħu jirreferi min-naħa tiegħu għat-Tabella 1 tal-Anness I. Minn dan jirriżulta li d-“domanda għal ossiġenu bijokimiku” tal-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi, li huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva, tista’ tilħaq massimu ta’ 25 mg/l ta’ ossiġenu jew jeħtieġ li titnaqqas b’mill-inqas 70 % skont il-piż tal-provvista ta’ dawn l-impjanti u li d-“domanda għal ossiġenu kemikali” ta’ dawn l-iskariki ma għandhiex taqbeż il-125 mg/l ta’ ossiġenu jew jeħtieġ li titnaqqas b’75 % skont il-piż tal-provvista tal-impjanti (3).

22.      Għalkemm il-Kummissjoni ma ssemmix l-agglomerazzjoni ta’ Töreboda fil-konklużjonijiet tagħha dwar l-Artikoli 4, 10 u 15 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi, hija tikkritika wkoll, fil-kuntest tat-konklużjonijiet dwar l-Artikoli 5, 10 u 15, domanda eċċessiva għal ossiġenu bijokimiku. Ir-rekwiżiti korrispondenti msemmija fit-Tabella 1 tal-Anness I huma applikabbli wkoll, skont il-punt B.2 tat-Anness I, anki taħt l-Artikolu 5. Abbażi tal-affinità tematika, se nkun qed neżamina dan l-argument fit-Taqsima A.

23.      Skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi, sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4, ikunu ppjanati, mibnija, mħaddma u miżmuma biex jiżguraw operat suffiċjenti taħt il-kundizzjonijiet klimatiċi normali kollha tal-post fejn huma stabbiliti.

24.      Fl-aħħar nett, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 15(1) u l-punt D tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-ilma mormi jirregolaw il-proċeduri ta’ kontroll. Il-punt D.3 tal-Anness I jipprevedi tnax-il kampjun għall-agglomerazzjonijiet ta’ bejn l‑10 000 u d‑49 999 e.p., jiġifieri, f’dan il-każ, l-agglomerazzjonijiet ta’ Lycksele u ta’ Töreboda. Fil-każ ta’ agglomerazzjonijiet li għandhom bejn l‑2 000 u d‑9 999 e.p., jiġifieri l-ħames agglomerazzjonijiet l-oħra, huma previsti mill-inqas tnax-il kampjun matul l-ewwel sena ta’ operat tal-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi. Matul is-snin sussegwenti, erba’ kampjuni jkunu suffiċjenti, ħlief jekk wieħed mill-kampjuni tas-sena preċedenti ma jkunx konformi mar-rekwiżiti. F’dan il-każ, għandhom jittieħdu tnax-il kampjun. Fil-każijiet kollha, il-kampjuni għandhom jittieħdu f’intervalli regolari. Barra minn hekk, it-Tabella 3 tal-Anness I tiddefinixxi, abbażi tan-numru ta’ kampjuni, kemm kampjuni jistgħu ma jkunux konformi mal-valuri limitu.

1.      Fuq l-agglomerazzjonijiet ta’ Lycksele, ta’ Malå u ta’ Pajala – ksur mhux ikkontestat

25.      Il-partijiet jaqblu li d-domanda għal ossiġenu kemikali tal-ilma fl-iskariki tal-impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi tal-agglomerazzjonijiet ta’ Lycksele, ta’ Malå u ta’ Pajala hija ogħla minn dik awtorizzata mill-Artikolu 4(3) u mill-punt B tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-ilma mormi. Fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Lycksele, dan japplika wkoll għad-domanda għal ossiġenu bijokimiku.

26.      Dan il-ksur, fir-rigward tal-kapaċità ta’ trattament skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi, iwassal b’mod neċessarju għal ksur tal-Artikolu 10, sa fejn dawn l-impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi manifestament ma jkunux ġew ppjanati, mibnija, mħaddma u miżmuma biex jiżguraw operat suffiċjenti taħt il-kundizzjonijiet klimatiċi normali kollha, jiġifieri konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4.

27.      Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni jitqies bħala fondat.

28.      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma pprovdietx evidenza li t-teħid ta’ kampjuni tal-ilma mormi f’dawn l-agglomerazzjonijiet kien inkompatibbli mal-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi. Fuq dan il-punt, ir-rikors huwa għalhekk infondat.

2.      Fuq l-agglomerazzjonijiet ta’ Malå u ta’ Pajala – Domanda għal ossiġenu bijokimiku

29.      Huwa stabbilit ukoll li, fl-iskarika tal-impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi tal-agglomerazzjonijiet ta’ Malå u ta’ Pajala, id-domanda għal ossiġenu bijokimiku tal-ilma taqbeż il-valuri msemmija fl-Artikolu 4(3) u fl-Anness I(B) tad-Direttiva dwar l-ilma mormi, b’tali mod li l-kapaċità ta’ trattament tal-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi hija dgħajfa wisq.

a)      L-assimilazzjoni ma’ siti li jinsabu fil-muntanji għoljin

30.      Madankollu, l-Isvezja tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-ilma mormi sabiex tiġġustifika dan. Abbażi ta’ dan, ilma urban mormi li jinsab f’reġjuni ta’ muntanji għoljin (iktar minn 1500 mil fuq il-livell tal-baħar), fejn huwa diffiċli li wieħed japplika trattament bijoloġiku effettiv minħabba t-temperaturi baxxi, jista’ jkun suġġett għal trattament inqas strett minn dak deskritt fil-paragrafu 1, sa fejn studji ddettaljati juru li dawn l-iskariki ta’ ilma mormi ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.

31.      Għalkemm huwa minnu li l-agglomerazzjonijiet ta’ Malå u ta’ Pajala ma jinsabux f’reġjun ta’ muntanji għoljin, l-Isvezja ssostni, mingħajr kontradizzjoni, li l-kundizzjonijiet klimatiċi f’dan ir-reġjun fit-Tramuntana tal-pajjiż jirrendu iktar diffiċli trattament bijoloġiku effettiv tal-ilma mormi bħal fil-każ ta’ reġjuni ta’ muntanji għoljin f’żoni oħra tal-Unjoni. Minn dan, l-Isvezja tikkonkludi li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-ilma mormi japplika wkoll għall-imsemmija agglomerazzjonijiet.

32.      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Isvezja, dan ir-riżultat ma għandux jintlaħaq permezz ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-ilma mormi peress li fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha, dan tal-aħħar huwa limitat b’mod inekwivokabbli għal reġjuni ta’ muntanji għoljin iddemarkati b’mod ċar b’għoli ta’ iktar minn 1 500 m fuq il-livell tal-baħar. Fir-realtà, il-pożizzjoni Svediża għalhekk tinjora totalment ir-rekwiżit ġeografiku tal-Artikolu 4(2). Fejn, minħabba temperaturi baxxi, trattament bijoloġiku effettiv tal-ilma mormi jkun diffiċli, ikollu jiġi awtorizzat trattament inqas effettiv, sa fejn studji ddettaljati juru li l-iskarikar ta’ dan l-ilma ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. L-Isvezja teżiġi għalhekk interpretazzjoni contra legem u b’hekk impliċitament tqajjem eċċezzjoni tan-nullità parzjali tal-Artikolu 4(2) fid-dawl tar-rekwiżit dwar sit fil-muntanji għoljin (4).

33.      Huwa veru li d-dritt superjuri jimmilita favur din l-eċċezzjoni (ara punt b), madankollu l-Istati Membri ma jistgħux ipoġġu f’dubju l-validità tad-dritt sekondarju fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu b’argumenti bħal dawn (ara punt c).

b)      Fuq id-dritt superjuri

34.      Il-limitazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-ilma mormi għar-reġjuni ta’ muntanji għoljin tista’ tmur kontra d-dritt superjuri. Għalhekk f’dan is-sens, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni tosserva l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati. Barra minn hekk, mit-tieni inċiż tal-Artikolu 191(3) TFUE jirriżulta li l-Unjoni, fl-iżvilupp tal-politika tagħha fil-qasam tal-ambjent, tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet tal-ambjent fir-reġjuni differenti tal-Unjoni.

35.      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ppreċiżatx l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-ugwaljanza bejn l-Istati Membri, għandu jiġi kkunsidrat li l-ġurisprudenza dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tapplika wkoll favur l-Istati Membri. Dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (5).

36.      Il-limitazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-ilma mormi għas-siti espressament imsemmija fil-muntanji għoljin tista’ twassal għal inugwaljanza fit-trattament bejn l-Istati Membri li hija inkompatibbli ma’ dawn il-prinċipji. Is-siti li jinsabu f’ċerti Stati Membri jiġu eżentati mir-rekwiżiti, filwaqt li siti fi Stati Membri oħra ma jkunux, għalkemm il-kundizzjonijiet ambjentali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fiż-żewġ każijiet jirriżultaw f’diffikultajiet simili sabiex jiġu ssodisfatti dawn ir-rekwiżiti u eċċezzjoni tirrikjedi l-assenza ta’ effetti dannużi fuq l-ambjent.

37.      F’dan il-każ, jista’ jitħalla miftuħ sa fejn individwi, impriżi jew NGOs, li huma suġġetti għad-dritt tal-Unjoni, jistgħu, f’tali każijiet, jinvokaw l-ugwaljanza tal-Istati jew il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

c)      Fuq l-oġġezzjonijiet tal-Istati Membri

38.      Fi kwalunkwe każ, Stat Membru ma jistax jikkontesta, wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors għal annullament, il-legalità ta’ att adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni li jkun sar definittiv fir-rigward tiegħu. Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa ma jistax utilment jinvoka l-illegalità ta’ din id-direttiva sabiex jiddefendi ruħu kontra rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat fuq ksur ta’ din id-direttiva (6). Barra minn hekk, għall-istess raġunijiet, il-Kummissjoni hija wkoll prekluża milli tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minħabba ksur tad-dritt primarju jekk il-miżuri nazzjonali ma jkunux konformi mad-dritt sekondarju kkontestat (7). Partijiet oħra lanqas ma jistgħu jinvokaw l-annullament ta’ miżura tad-dritt tal-Unjoni b’mod inċidentali jekk mingħajr dubju huma kellhom locus standi li jitolbu l-annullament kontra dan l-att permezz ta’ rikors dirett (8).

39.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża din il-ġurisprudenza fuq is-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja stabbilita mit-Trattati u, b’mod partikolari, fuq il-funzjoni tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, li hija li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali. Madankollu, il-limitazzjoni tal-argument tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni hija ġġustifikata wkoll mill-fatt li huma jipparteċipaw b’mod deċiżiv fit-tfassil tad-dritt tal-Unjoni u li jibbenefikaw, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, minn pożizzjoni privileġġata fir-rigward tal-kontroll tiegħu.

40.      Għalhekk, hija r-responsabbiltà tagħhom li jevitaw, sa mill-proċedura leġiżlattiva, ksur tal-ugwaljanza tal-Istati jew li jikkontestawh direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja wara l-proċedura. Fin-nuqqas ta’ dan, imur kontra s-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkorreġi sussegwentement, permezz ta’ interpretazzjoni letterali, l-obbligi tal-Istati Membri, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, favur tagħhom fil-kuntest ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

41.      Ċertament, l-Isvezja ma pparteċipatx fil-proċess leġiżlattiv tal-adozzjoni tad-Direttiva dwar l-ilma mormi, iżda aderixxiet mal-Unjoni biss iktar tard. Madankollu, billi aderixxiet, l-Isvezja approvat espressament id-Direttiva dwar l-ilma mormi, inkluż l-Artikolu 4(2) tagħha, u naqset milli tiżgura li l-leġiżlazzjoni tkun adattata għall-kundizzjonijiet ambjentali fiż-Żoni Nordiċi (9). In-natura possibbli ta’ tali adattamenti hija kkonfermata, pereżempju, mid-derogi territorjali għall-protezzjoni tal-kastur (Castor Fiber) u tal-lupu (Canis lupus), previsti mid-Direttiva dwar il-habitat (10).

42.      Barra minn hekk, anki fl-assenza ta’ tali adattament, l-Isvezja, bħala Membru tal-Kunsill, dejjem tista’ tieħu l-inizjattiva li tagħmlu realtà. Minbarra kuntatti informali mal-Kummissjoni (11), l-Isvezja tista’ b’mod partikolari tikkontribwixxi sabiex il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 241 TFUE, twettaq investigazzjonijiet xierqa u tissottometti proposti adegwati.

43.      Huwa ferm iktar possibbli f’kuntest bħal dan li jiġu evalwati l-effetti fuq l-ambjent ta’ estensjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-ilma mormi fiż-Żoni Nordiċi milli fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja. F’dan ir-rigward, ir-reġjuni kkonċernati jistgħu wkoll jiġu ddefiniti bi preċiżjoni. Fil-fatt, il-qari Svediż ta’ din id-dispożizzjoni jqajjem diffikultajiet kbar fid-demarkazzjoni tat-territorji msemmija. Liema huma s-siti Nordiċi li jikkorrispondu għar-reġjuni b’għoli ta’ iktar minn 1 500 metru?

44.      B’hekk, l-effett barriera tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors ma huwiex neċessarju biss għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, iżda huwa wkoll xieraq. Minn dan isegwi li l-invokazzjoni tal-Isvezja bbażata fuq l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-ilma mormi għandha tiġi miċħuda.

d)      Konklużjoni ad interim

45.      Għaldaqstant, f’dak li jikkonċerna d-domanda għal ossiġenu bijokimiku tal-ilma fl-iskarikar tal-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi tal-agglomerazzjonijiet ta’ Malå u ta’ Pajala, l-Isvezja naqset ukoll milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4 u 10 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi.

3.      Fuq l-agglomerazzjoni ta’ Mockfjärd – teħid irregolari ta’ kampjuni

46.      Fl-agglomerazzjoni ta’ Mockfjärd, ir-riżultati tal-kampjuni huma konformi mal-Artikolu 4 u mal-Anness I tad-Direttiva dwar l-ilma mormi. Ċertament, bejn il‑11 ta’ Jannar u s‑27 ta’ Diċembru 2018, tliet kampjuni minn 19 urew domanda eċċessiva għal ossiġenu bijokimiku u kampjun minn 17 wera domanda eċċessiva għal ossiġenu kemikali (12). Madankollu, skont it-Tabella 3 tal-Anness I, jistgħu jiġu awtorizzati sa 3 li jonqsu milli jikkonformaw fis-sena minn 17 sa 28 kampjun.

47.      Madankollu, ma ttieħed l-ebda kampjun bejn is‑16 ta’ Mejju u t‑18 ta’ Ottubru 2018. Minn dan, il-Kummissjoni tiddeduċi ksur tal‑Artikoli 4, 10 u 15 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi.

48.      Dan il-perijodu ta’ lakuna ta’ teħid ta’ kampjuni huwa inkompatibbli mal-Artikolu 15 u mal-punt D.3 tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-ilma mormi, peress li dawn jeżiġu li l-kampjuni jittieħdu f’intervalli regolari. Madankollu, l-intervalli ma jkunux regolari meta l-kampjuni kollha jittieħdu matul perijodu ta’ seba’ xhur, filwaqt li fil-ħames xhur l-oħra ma jittieħed ebda kampjun. L-istess japplika jekk jiġi limitat l-obbligu tar-regolarità għan-numru minimu ta’ erba’ kampjuni obbligatorji li kellhom jittieħdu fl-2018 fil-każ tal-agglomerazzjoni ta’ Mockfjärd.

49.      Il-Kummissjoni tqis li minn dan jirriżulta inevitabbilment ksur tal-istandards tat-trattament previsti fl-Artikoli 4 u 10 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi minħabba l-fatt li hija, mingħajr teħid ta’ kampjuni regolari, ma kellhiex l-informazzjoni neċessarja għal matul sena sħiħa sabiex tistabbilixxi l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti.

50.      Madankollu, din il-pożizzjoni ma hijiex konvinċenti. Diġà indikajt li t-teħid ta’ kampjuni ma huwiex rekwiżit għall-osservanza tal-Artikoli 4 u 10 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi, iżda huwa mezz ta’ prova li għandha tiġi prodotta tal-osservanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jew ta’ ksur (13). Għalhekk, għandu jiġi spjegat ukoll li, fil-kuntest ta’ proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li kampjun wieħed biss kien suffiċjenti sabiex tiġi rrikonoxxuta l-kapaċità tal-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi kkonċernat (14).

51.      Madankollu, il-programm ta’ teħid ta’ kampjuni previst fl-Artikolu 15 u fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-ilma mormi għandu valur indikattiv kunsiderevoli fuq l-evalwazzjoni tal-konformità ta’ impjant partikolari tat-trattament ta’ ilma mormi mar-rekwiżiti tal-Artikoli 4 u 10 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi. Jekk, pereżempju, il-kampjuni ta’ impjant regolarment jaqbżu l-valuri limitu minħabba kundizzjonijiet esterni, bħat-temp jew l-akkomodazzjoni ta’ diversi turisti matul ċerti staġuni tas-sena, għandu jiġi konkluż li l-kapaċità ta’ trattament ma hijiex konformi mar-rekwiżiti ta’ trattament sekondarju skont l-Artikoli 4 u 10 tad-Direttiva.

52.      Il-fatt li ċerti kampjuni individwali jissodisfaw ir-rekwiżiti waqt perijodi oħra ma jkunx suffiċjenti sabiex jikkonfuta dan l-indizju. Fil-fatt, sabiex l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi jiġi osservat, ma huwiex suffiċjenti li impjant jiżgura trattament suffiċjenti f’ċerti dati jew matul ċerti perijodi. Għall-kuntrarju, bla ħsara għal ċerti sitwazzjonijiet eċċezzjonali rari ħafna, l-impjant jeħtieġ li dejjem jiżgura trattament suffiċjenti tal-ilma mormi. L-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi jeżiġi, preċiżament għal din ir-raġuni, li l-impjanti jkunu għaddew minn varjazzjonijiet staġjonali fil-piż tax-xogħol u l-kundizzjonijiet klimatiċi normali tal-post.

53.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi jinkiser meta l-impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi kkonċernati u s-sistemi ta’ drenaġġ jiskarikaw ta’ spiss wisq ilma mormi mhux ittrattat mit-tifwir ta’ xita qawwija (15). Għal din il-mistoqsija, huwa irrilevanti jekk jeżistux kampjuni li jistgħu jipproduċu prova għal dati oħra, ta’ kapaċità ta’ trattament suffiċjenti.

54.      Minn din il-perspettiva, il-lakuna ta’ teħid ta’ kampjuni tikkostitwixxi element li jindika li l-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi tal-agglomerazzjoni ta’ Mockfjärd ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikoli 4 u 10 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi bejn Mejju u Ottubru 2018. Element ieħor li jimmilita favur ksur ta’ dan ir-rekwiżit jinsab fil-fatt li l-Isvezja tispjega l-lakuna ta’ teħid ta’ kampjuni b’xogħlijiet ta’ rikostruzzjoni fl-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi. Ma jkunx sorprendenti li l-kapaċità ta’ trattament tal-impjant kienet imnaqqsa minħabba f’hekk.

55.      Madankollu, il-Kummissjoni ma titlobx li jiġi kkonstatat li l-prestazzjoni tal-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi tal-agglomerazzjoni ta’ Mockfjärd baqgħet lura milli tissodisfa r-rekwiżiti bejn Mejju u Ottubru 2018. Tali talba, filwaqt li tista’ tiġi kkunsidrata (16), tkun inammissibbli f’dan il-każ, peress li dan il-perijodu ma kienx is-suġġett tal-ittra ta’ intimazzjoni jew tal-opinjoni motivata.

56.      Bl-istess mod, it-talbiet tar-rikors tal-Kummissjoni ma humiex intiżi sabiex jistabbilixxu ċertu livell ta’ prassi konsistenti u ġenerali jew inkella nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġenerali u kontinwu (17). Għalkemm tali interpretazzjoni tat-talba hija possibbli, jidher ċar li l-argument tal-Kummissjoni ma huwiex intiż sabiex juri l-eżistenza ta’ ksur fuq perijodu itwal. Dan huwa b’mod partikolari evidenti, peress li r-rikors jiddiskuti biss id-data tal-2018, mingħajr ma jippreċiża data dwar perijodi preċedenti jew sussegwenti.

57.      It-talbiet tar-rikors huma pjuttost intiżi sabiex jiġi kkonstatat li l-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi tal-agglomerazzjoni ta’ Mockfjärd ma jissodisfax, bħala prinċipju, ir-rekwiżiti tal-Artikoli 4 u 10 kif ukoll tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-ilma mormi. Il-ksur tal-Artikolu 15 ma għandux portata awtonoma f’dan il-kuntest, iżda jservi biss sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur.

58.      Madankollu, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-Istat Membru fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (18). Barra minn hekk, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE jista’ jiġi ppreżentat biss jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx osserva l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni fit-terminu stabbilit għal dan l-iskop (19).

59.      Għalhekk, f’dan il-każ, hija rilevanti l-kundizzjoni fit-8 ta’ Jannar 2019.

60.      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ trattament tal-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi f’dik id-data, il-konklużjonijiet dwar il-kapaċità ta’ trattament matul il-perijodu ta’ lakuna fir-rigward ta’ teħid ta’ kampjuni jikkostitwixxu biss indizju li huwa mdgħajjef minn indizji oħra.

61.      Fil-fatt, fit-8 ta’ Jannar 2019, ħdax-il kampjun tad-domanda għal ossiġenu bijokimiku kienu disponibbli sa mit-tmiem tal-perijodu tal-lakuna ta’ teħid ta’ kampjuni, jiġifieri kważi iktar minn tliet xhur, u kollha kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikoli 4 u 10 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi.

62.      Fir-rigward tad-domanda għal ossiġenu kemikali, tmien kampjuni huma disponibbli wara l-lakuna, fejn wieħed (nettament) jippreżenta domanda eċċessiva, madankollu l-valuri għad-domanda għal ossiġenu kemikali kienu jissodisfaw b’mod sistematiku r-rekwiżiti qabel il-lakuna ta’ teħid ta’ kampjuni. Fl-istess waqt, skont it-Tabella 3 tal-Anness I, kienu awtorizzati saħansitra tliet nuqqasijiet ta’ konformità għal total ta’ 17-il kampjun.

63.      Fl-assenza ta’ indizji oħra ta’ kapaċità insuffiċjenti ta’ trattament, dawn ir-riżultati huma suffiċjenti sabiex jitwarbu dubji dwar il-kapaċità ta’ trattament tal-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi tal-agglomerazzjoni ta’ Mockfjärd fir-rigward tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkunsidrat li, f’dan il-jum, l-impjant kien jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikoli 4 u 15 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi, inkluż, eventwalment, minħabba x-xogħlijiet ta’ rikostruzzjoni (20).

64.      Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud f’dak li jikkonċerna l-agglomerazzjoni ta’ Mockfjärd.

4.      Fuq l-agglomerazzjoni ta’ Robertsfors– Domanda għal ossiġenu bijokimiku

65.      Għall-agglomerazzjoni ta’ Robertsfors, is-sitwazzjoni tidher simili għal dik tal-agglomerazzjoni ta’ Mockfjärd. Għalkemm, inizjalment, ħdax-il kampjun minn 24 ippreżentaw domanda eċċessiva għal ossiġenu bijokimiku, xorta jibqa’ l-fatt li sa mit‑23 ta’ Ottubru 2018, is-sitt kampjuni wrew tnaqqis ta’ mill-inqas 70 %, li kien jissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa (21). Madankollu, il-Kummissjoni tesponi wkoll li s-sitwazzjoni fl-2018 tirriżulta nettament iktar żvantaġġuża milli fl-2016. F’dak iż-żmien, sitt kampjuni biss minn 24 urew domanda eċċessiva (22).

66.      B’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha, dan l-element ma huwiex suffiċjenti biex iwassal għal deterjorament tal-kapaċità ta’ trattament tal-impjant sabiex jiġi konkluż li jeżisti ksur fil-jum rilevanti. Fil-fatt, l-Isvezja kienet esponiet, fit-tweġiba għal opinjoni motivata, li dan l-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi kellu problemi ta’ operat fl-2018 u li kienu ttieħdu miżuri ta’ rimedju (23). Għaldaqstant, il-valuri tal-aħħar sitt kampjuni jikkostitwixxu elementi li jistabbilixxu li, minħabba dawn il-miżuri, l-impjant kellu kapaċità ta’ trattament suffiċjenti fit‑8 ta’ Jannar 2019.

67.      Minn dan isegwi li r-rikors għandu wkoll jiġi miċħud f’dak li jikkonċerna l-agglomerazzjoni ta’ Robertsfors.

5.      Fuq l-agglomerazzjoni ta’ Tänndalen – Domanda għal ossiġenu bijokimiku

68.      Fl-agglomerazzjoni ta’ Tänndalen, fl-2018, sitt kampjuni minn 35 urew domanda eċċessiva għal ossiġenu bijokimiku, minkejja li erba’ domandi eċċessivi biss kienu awtorizzati.

69.      Ir-riżultati insuffiċjenti kollha joriġinaw mill-perijodu tal-aħħar ta’ Frar sa nofs April. Min-naħa l-oħra, il-21 kampjun segwenti sal-aħħar ta’ Diċembru ppreżentaw domanda baxxa ħafna (24). Minn dan jista’ jiġi konkluż titjib fil-kapaċità ta’ trattament tal-impjant.

70.      Madankollu, huwa dubjuż jekk il-kampjuni tal-2016 għandhomx disinn simili, jiġifieri erba’ kampjuni b’domanda eċċessiva minn Jannar sa April li huma segwiti b’kampjuni li juru domanda baxxa ħafna. Dan huwa kkonfermat b’ittra ċċitata mill-Kummissjoni tal-amministrazzjoni komunali kompetenti tal‑20 ta’ Diċembru 2018. Din tispeċifika li l-miżuri ta’ titjib meħuda fl-2018 ma kinux suffiċjenti sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-ilma mormi matul il-perijodu l-iktar intensiv (“högbelastningssäsong”) (25).

71.      Madankollu, permezz tar-risposta, l-Isvezja tippreżenta data addizzjonali sa Mejju 2019 dwar il-kampjuni, li ma baqgħux jippreżentaw domanda eċċessiva għal ossiġenu bijokimiku.

72.      Ċertament, il-Kummissjoni tirribatti li din id-data (kważi kompleta) toriġina mill-perijodu wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit tal-opinjoni motivata, jiġifieri fit‑8 ta’ Jannar 2019, u li għalhekk hija irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-ilment. Madankollu, billi tagħmel dan, il-Kummissjoni tinjora l-fatt li anki d-data, li nġabret wara ż-żmien rilevanti, tippermetti wkoll li jinsiltu konklużjonijiet dwar il-kapaċità ta’ trattament tal-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi f’dan iż-żmien (26). Fil-fatt, li kieku kien hemm eċċessi tal-valuri limitu għal darba oħra matul il-perijodu l-iktar intensiv fl-ewwel xhur tas-sena, kien ikollu jiġi konkluż li l-impjant kien baqa’ insuffiċjenti. Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ ta’ tali eċċessi, għandu jiġi kkunsidrat li, b’differenza mis-snin preċedenti, l-impjant kien jissodisfa r-rekwiżiti fiż-żmien rilevanti – probabbilment minħabba l-miżuri ta’ titjib li seħħew fil-frattemp.

73.      Minn dan isegwi li r-rikors għandu wkoll jiġi miċħud f’dak li jikkonċerna l-agglomerazzjoni ta’ Tänndalen.

6.      Fuq l-agglomerazzjoni ta’ Töreboda – Domanda għal ossiġenu bijokimiku

74.      Fl-aħħar nett, il-partijiet ma jaqblux fuq il-punt dwar jekk l-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi tal-agglomerazzjoni ta’ Töreboda jnaqqasx b’mod suffiċjenti d-domanda għal ossiġenu bijokimiku.

75.      Fit-tweġiba tagħha għall-opinjoni motivata, l-Isvezja kkomunikat 50 kampjun għall-perijodu ta’ bejn it‑8 ta’ Novembru 2017 u s‑6 ta’ Novembru 2018 (27). Ċertament li fil-kontroreplika, l-Isvezja tippreżenta data addizzjonali għax-xhur ta’ Novembru u ta’ Diċembru 2018 (28), madankollu jibqa’ l-fatt li, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 128(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan id-dewmien ma jinkludi ebda motivazzjoni. Din il-prova hija għaldaqstant inammissibbli (29).

76.      Il-partijiet ma jaqblux dwar jekk id-disa’ kampjuni li jonqsu milli jikkonformaw matul l-ewwel nofs tas-sena jurux li l-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi qed inaqqas id-domanda għal ossiġenu bijokimiku b’mod insuffiċjenti. Madankollu, dan ma huwiex rilevanti fi kwalunkwe każ.

77.      Fil-fatt, skont it-tweġiba għall-opinjoni motivata, l-istadju bijoloġiku ta’ trattament tal-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi inbena mill-ġdid matul l-ewwel nofs tal-2018 (30). Peress li dan l-istadju huwa l-qofol tat-trattament sekondarju (31), din ir-rikostruzzjoni tispjega għaliex id-domanda għal ossiġenu bijokimiku hija ħafna iktar baxxa matul it-tieni nofs tas-sena milli matul l-ewwel nofs tas-sena u għaliex ir-riżultati tal-kampjuni sussegwenti huma nettament superjuri għar-rekwiżiti tad-direttiva.

78.      Id-data, ippreżentata fil-ħin, dwar it-tieni nofs tas-sena b’hekk tippermetti li jiġi konkluż li, fil-jum rilevanti, jiġifieri fit‑8 ta’ Jannar 2019, l-impjant huwa konformi mal-Artikoli 4 u 10 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi. F’dan ir-rigward, ir-rikors għandu għalhekk jiġi miċħud f’dak li jikkonċerna l-agglomerazzjoni ta’ Töreboda.

79.      Madankollu, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tixtieq tindirizza d-data dwar l-ewwel nofs tas-sena 2018, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4 u t-Tabella 1 tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-ilma mormi, id-domanda għal ossiġenu bijokimiku tista’ tilħaq massimu ta’ 25 mg/l ta’ ossiġenu jew ikun jeħtieġ li titnaqqas b’mill-inqas 70 % skont il-piż tal-provvista tal-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi. It-titolu tat-tabella jippreċiża li għandu jiġi applikat il-valur tal-konċentrazzjoni jew il-perċentwali ta’ tnaqqis.

80.      Ċertament li l-Kummissjoni tenfasizza li 18-il kampjun kien jippreżenta domanda għal ossiġenu li taqbeż il-25 mg/l, disgħa minn dawn il-kampjuni madankollu ġarrbu tnaqqis ta’ mill-inqas 70 % tad-domanda għal ossiġenu skont il-piż tal-provvista. Għaldaqstant, huma kienu jippreżentaw diskrepanzi meta mqabbla mat-Tabella 1 tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-ilma mormi.

81.      Min-naħa l-oħra, għad-disa’ kampjuni li jifdal, il-perċentwali ta’ tnaqqis tad-domanda ma ġietx iddeterminata. Għaldaqstant, huma juru nuqqas ta’ konformità mat-Tabella 1 tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-ilma mormi. Skont it-Tabella 3, massimu ta’ ħames nuqqasijiet ta’ konformità huwa ammissibbli matul sena għal bejn 41sa 53 kampjun.

82.      Madankollu, skont l-Isvezja, huma biss it-23 kampjun, li għalihom ġie kkalkolat il-perċentwali ta’ tnaqqis tad-domanda għal ossiġenu, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fost dawn il-kampjuni, hemm biss nuqqas ta’ konformità waħda, filwaqt li, għal dan in-numru ta’ kampjuni, anki tliet nuqqasijiet ta’ konformità jkunu ammissibbli.

83.      Peress li, skont it-titolu tat-Tabella 2 tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-ilma mormi, għandhom jiġu applikati l-valuri għall-konċentrazzjoni jew il-perċentwali ta’ tnaqqis, il-pożizzjoni Svediża tista’ tinftiehem bħala deċiżjoni skont it-tieni kriterju ta’ evalwazzjoni. Madankollu, jekk il-kampjuni jitqiesu bħala prova tal-osservanza tal-Artikolu 4, ma jistgħux jiġu injorati disa’ nuqqasijiet ta’ konformità ddokumentati mit-termini stipulati. Għaldaqstant, dawn jikkostitwixxu elementi ta’ ksur matul l-ewwel nofs tas-sena 2018.

84.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġustament tikkritika li din id-data ma nġabritx b’mod suffiċjentement regolari, minħabba l-fatt li d-data pprovduta b’mod validu fil-kuntest ta’ din il-proċedura (32) ma tkoprix, b’mod partikolari, ix-xhur ta’ Novembru u ta’ Diċembru 2018.

85.      Madankollu, dawn l-elementi ma jikkontestawx l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ trattament tal-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi fit‑8 ta’ Jannar 2019, peress li din tal-aħħar, kif diġà jirriżulta mill-punti 77 u 78, hija pprovata mir-riżultati ta’ kejl tat-tieni nofs tas-sena 2018 li ġew prodotti fil-ħin u dawk ir-riżultati inferjuri jistgħu jiġu attribwiti għax-xogħlijiet ta’ rikostruzzjoni tal-ewwel nofs tas-sena.

86.      Għalhekk, fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Töreboda, ma jistax jiġi kkonstatat, f’din il-proċedura, li fil-jum rilevanti, jiġifieri fit‑8 ta’ Jannar 2019, l-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi naqqas id-domanda għal ossiġenu bijokimiku b’mod insuffiċjenti.

7.      Konklużjoni ad interim

87.      Għalhekk, l-Isvezja ma ssodisfatx l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 4 moqri flimkien mal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi billi ma żguratx, qabel ma jiġi skarikat, li l-ilma mormi provenjenti mill-agglomerazzjonijiet ta’ Lycksele, ta’ Malå u ta’ Pajala jkun suġġett għal trattament sekondarju jew għal trattament ekwivalenti.

88.      Il-kumplament ta’ dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

B.      Fuq l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi – Tnaqqis tan-nitroġenu

89.      Fir-rigward ta’ erba’ agglomerazzjonijiet, Borås, Skoghall, Habo u Töreboda, il-Kummissjoni tinvoka ksur tal-obbligu ta’ trattament iktar strett previst fl-Artikoli 5, 10 u 15 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi.

90.      Skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar l-ilma mormi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-ilma urban mormi li jidħol f’sistemi ta’ ġbir ikun, qabel ma jippermettu l-iskarikar tiegħu f’żoni sensittivi, suġġett għal trattament iktar strett minn dak deskritt fl-Artikolu 4, sa mhux aktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 1998 għall-iskariki kollha minn agglomerazzjonijiet ta’ aktar minn 10 000 e.p.

91.      Ir-regoli li għalihom huwa suġġett it-trattament iktar strett tal-iskariki f’dawn iż-żoni sensittivi jirriżultaw minn sensiela ta’ riferimenti: l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva dwar l-ilma mormi jirreferi għall-punt B tal-Anness I. It-tielet punt ta’ dan il-paragrafu, min-naħa tiegħu, jirreferi għar-rekwiżiti li jinsabu fit-Tabella 2 ta’ dan l-anness.

92.      L-Isvezja identifikat l-ilmijiet kostali bejn il-fruntiera Norveġiża u l-agglomerazzjoni ta’ Norrtälje bħala sensittivi għall-ewtrofikazzjoni jew għar-riskju ta’ ewtrofikazzjoni minħabba l-iskariki tan-nitroġenu. L-agglomerazzjonijiet ikkonċernati jiskarikaw l-ilma mormi tagħhom f’dawn l-ilmijiet indirettament. Għaldaqstant, huma jeħtieġu li jnaqqsu n-nitroġenu fit-trattament tal-ilma mormi.

93.      Il-punt D.4(ċ) u t-Tabella 2 tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-ilma mormi jeżiġu, għan-nitroġenu, jew tnaqqis li jippermetti li tiġi osservata medja annwali ta’ 15 mg/l għall-agglomerazzjonijiet li għandhom e.p. ta’ bejn l‑10 000 u l‑100 000 u 10 mg/l għall-agglomerazzjonijiet ikbar, jew perċentwali minimu ta’ tnaqqis ta’ bejn is‑70 % u t‑80 %.

94.      Barra minn hekk, l-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi jimponi fuq l-Istati Membri li jippjanaw, jibnu, iħaddmu u jżommu biex jiżguraw operat suffiċjenti taħt il-kondizzjonijiet klimatiċi normali kollha, anki sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5.

1.      L-agglomerazzjoni ta’ Borås

95.      L-ilma mormi tal-agglomerazzjoni ta’ Borås ġie l-ewwel ittrattat mill-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi ta’ Gässlösa, madankollu dan tal-aħħar ġie ssostitwit mill-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi ta’ Sobacken fit‑28 ta’ Mejju 2018. Dan tal-aħħar għandu kapaċità ta’ iktar minn 100 000 e.p. u għalhekk jeħtieġ li jkollu valur ta’ inqas minn 10 mg/l ta’ nitroġenu jew perċentwali minimu ta’ tnaqqis ta’ 70 % sa 80 %.

96.      Minħabba din il-bidla, l-Isvezja ma kinitx f’pożizzjoni li tikkomunika valur medju annwali għal dan l-impjant bit-tweġiba għall-opinjoni motivata. Minflok, l-Isvezja kkomunikat, għal dawn iż-żewġ impjanti, valur medju annwali ta’ 18 mg/l ta’ nitroġenu, jiġifieri eċċess (33).

97.      Madankollu, permezz tar-risposta tagħha, l-Isvezja pprovdiet data addizzjonali dwar kampjuni sal‑5 ta’ Settembru 2019 li turi, għall-impjant ta’ Sobacken, valur medju annwali ta’ 9 mg/l u tnaqqis ta’ nitroġenu b’medja ta’ 70 % (34).

98.      Din id-data tippermetti li jiġi konkluż, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet dwar id-data tal-agglomerazzjoni ta’ Tänndalen (35), li l-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi ta’ Sobacken, fil-jum meta seħħew il-fatti, jiġifieri fit‑8 ta’ Jannar 2019, kien jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikoli 5 u 10 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi.

99.      Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija sostnuta mill-kunsiderazzjoni li jista’ jgħaddi ċertu żmien sakemm impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi, li jkun inbena mill-ġdid, jiġi operat bl-aħjar mod. Għalhekk, id-data pprovduta tippreżenta, qabelxejn, valuri nettament eċċessivi, iżda li, sussegwentement, jiġu mtejba b’mod sinjifikattiv u jibqgħu relattivament stabbli.

100. Minn dan isegwi li, fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Borås, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

2.      Fuq l-agglomerazzjoni ta’ Skoghall

101. L-agglomerazzjoni ta’ Skoghall għandha żewġ impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi, jiġifieri Sättersviken b’5 457 e.p. u Hammarö bi 15 000 e.p. Il-partijiet jaqblu fuq il-fatt li ż-żewġ impjanti jeħtieġ li josservaw il-valur limitu stabbilit għal kull impjant ta’ agglomerazzjoni ta’ bejn l‑10 000 u l‑100 000 e.p., jiġifieri valur massimu ta’ 15 mg/l ta’ nitroġenu jew tnaqqis ta’ nitroġenu ta’ bejn 70 % sa 80 %. Din il-fehma hija korretta, peress li r-rekwiżiti imposti fuq l-agglomerazzjonijiet il-kbar jistgħu jiġu evitati permezz tat-allokazzjoni tal-ilma mormi ma’ diversi impjanti ta’ trattament ta’ ilma.

102. Madankollu, fit-tweġiba tagħha għall-opinjoni motivata, l-Isvezja tindika, għall-impjant ta’ Sättersviken, valur medju annwali ta’ 17 mg/l għall-perijodu mid‑9 ta’ Novembru 2017 sas‑6 ta’ Novembru 2018 (36). Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkunsidra li kien hemm ksur tal-Artikoli 5 u 10 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi.

103. Fir-risposta tagħha, l-Isvezja ssostni li l-funzjonament ta’ dan l-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi qajjem problemi li kienu ġew ikkorreġuti. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jipprovdi data addizzjonali dwar il-kampjuni, b’tali mod li, għall-perijodu mis‑6 ta’ April 2018 sal‑15 ta’ Mejju 2019, ġew ipprovati valur medju annwali ta’ 12 mg/l ta’ nitroġenu u tnaqqis medju ta’ nitroġenu ta’ 73 % (37).

104. Dan l-argument, moqri flimkien mad-data ġdida, jippermetti, skont il-kunsiderazzjonijiet dwar id-data tal-agglomerazzjoni ta’ Tänndalen (38), li jiġi konkluż li l-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi ta’ Sättersviken tal-agglomerazzjoni ta’ Skoghall kien jissodisfa, fil-jum ikkonċernat, jiġifieri fit‑8 ta’ Jannar 2019, ir-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 5 u 10 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi.

105. Għaldaqstant, fuq dan il-punt, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

3.      Fuq l-agglomerazzjoni ta’ Habo

106. L-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi tal-agglomerazzjoni ta’ Habo għandu kapaċità ta’ 17 000 e.p. Dan l-impjant ma għandux tagħmir speċifiku li jippermetti t-tnaqqis tan-nitroġenu fl-ilma mormi u għalhekk jelimina biss madwar 30 %, li jwassal għal valur medju annwali ta’ 40 mg/l. Madankollu, l-Isvezja ssostni li l-parti tan-nitroġenu skarikat fix-xmajjar u fil-lagi huwa mnaqqas b’87 % permezz ta’ proċessi naturali. Dan it-tnaqqis jirriżulta minn mudell rikonoxxut xjentifikament. Bit-tnaqqis imwettaq mill-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi, 91 % tan-nitroġenu, li inizjalment kien jinsab fl-ilma mormi, jiġi eliminat qabel ma l-ilma jilħaq l-ilmijiet kostali sensittivi (39).

107. Dan l-impjant għandu jilħaq, abbażi tal-kapaċità tiegħu, il-valur limitu ta’ 15 mg/l ta’ nitroġenu jew tnaqqis tan-nitroġenu ta’ bejn 70 % u 80 %. Fl-evalwazzjoni tat-tnaqqis, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li tnaqqis naturali qed jittieħed inkunsiderazzjoni (40). Madankollu, il-Kummissjoni teżiġi li l-effettività ta’ dan it-tnaqqis tintwera permezz ta’ data attwali ta’ kejl. Din l-oġġezzjoni hija komprensibbli, għaliex huwa biss mid-data attwali ta’ kejl li l-Kummissjoni tkun tista’ tivverifika l-mudell.

108. Id-difiża tal-Isvezja ma hijiex eżentata minn kull kontradizzjoni. Min-naħa, ma jkunx prattikabbli li jitkejlu kontinwament id-dħul u l-ħruġ tan-nitroġenu mill-ilmijiet kollha tal-Isvezja li huma mniġġsin bin-nitroġenu (41). Min-naħa l-oħra, ittieħdu miżuri iktar ġodda, sabiex il-mudell jiġi kkonfermat kif ukoll ikkalibrat (42). Din id-data hija aċċessibbli fuq l-internet għall-pubbliku (43).

109. Il-Kummissjoni tirribatti dan l-argument fir-replika peress li l-Isvezja allegatament ma pprovdietx id-data mitluba. Din il-kritika ma tistax tiġi miċħuda ex ante, peress li, skont l-Artikolu 124(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-risposta jeħtieġ li tinkludi l-provi u l-provi proposti. Normalment, id-data insostenn tal-argumenti legali, jiġifieri l-provi, jeħtieġ li tiġi pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja fin-nota.

110. Madankollu, il-Kummissjoni ma tippreċiżax, la fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża u lanqas fl-opinjoni motivata, liema hija d-data ta’ kejl li hija teħtieġ sabiex tkun tista’ tivverifika l-mudell ta’ tnaqqis naturali tan-nitroġenu. Għaldaqstant, l-Isvezja ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi proprju din id-data. Ir-riferiment għad-data disponibbli fuq l-internet għandu għalhekk pjuttost jiġi kkunsidrat bħala proposta ta’ prova li tippermetti lill-Kummissjoni tippreċiża l-kritika tagħha dwar l-użu tal-mudell.

111. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni kellha teżamina l-kontenut tad-data disponibbli fuq l-internet. Kieku l-eżami tad-data kien jieħu ż-żmien, il-Kummissjoni kien ikollha titlob, jekk neċessarju, estensjoni tat-terminu jew sospensjoni tal-proċedura.

112. Dan ma seħħx.

113. Għalhekk, l-oġġezzjoni tal-Kummissjoni, li l-Isvezja ma pprovdietx id-data ta’ kejl neċessarja għall-finijiet ta’ verifika, għandha tiġi miċħuda. B’hekk, ir-rikors lanqas ma huwa fondat fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Habo.

4.      L-agglomerazzjoni ta’ Töreboda

114. Anki l-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi tal-agglomerazzjoni ta’ Töreboda għandu jilħaq, abbażi tal-kapaċità tiegħu ta’ 35 500 e.p., valur limitu ta’ 15 mg/l ta’ nitroġenu jew tnaqqis tan-nitroġenu ta’ bejn 70 % u 80 %.

115. Skont it-tweġiba għall-opinjoni motivata, dan l-impjant ma għandux tagħmir speċifiku li jippermetti t-tnaqqis tan-nitroġenu fl-ilma mormi u għalhekk huwa elimina madwar 43 % biss. Madankollu, l-Isvezja invokat tnaqqis naturali ta’ 50 % addizzjonali, b’tali mod li t-total tan-nitroġenu fl-ilma mormi jitnaqqas b’71 % qabel ma dan tal-aħħar jilħaq l-ilmijiet kostali sensittivi (44). Skont il-kunsiderazzjonijiet li għadni kif esponejt fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Habo, dawn il-valuri huma biżżejjed sabiex juru tnaqqis suffiċjenti tan-nitroġenu.

116. Fir-risposta tagħha, l-Isvezja tippreżenta wkoll ir-riżultati ta’ kampjuni ta’ tnaqqis tan-nitroġenu li ttieħdu bejn l‑4 ta’ Jannar u t‑30 ta’ Diċembru 2019. Sussegwentement, anki fin-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ tnaqqis naturali fl-2019, l-impjant laħaq valur medju ta’ 14 mg/l u tnaqqis medju ta’ 73 %, probabbilment wara r-rikostruzzjonijiet imwettqa matul l-ewwel nofs tas-sena 2018 (45). Dawn il-valuri juru, ġustament, li l-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi tal-agglomerazzjoni ta’ Töreboda, fil-mument tal-fatti, naqqas b’mod suffiċjenti l-ammont ta’ nitroġenu fl-ilma mormi.

117. Għaldaqstant, huwa infondat l-ilment li l-Isvezja kisret, fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Töreboda, l-Artikoli 5, 10 u 15 tad-Direttiva dwar l-ilma mormi.

5.      Konklużjoni ad interim

118. Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

C.      Fuq l-Artikolu 4(3) TUE – Kooperazzjoni leali

119. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Isvezja naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni leali skont l-Artikolu 4(3) TUE, sa fejn, fir-rigward tal-agglomerazzjonijiet ta’ Habo u ta’ Töreboda, hija ma pprovdietx, matul il-proċedura prekontenzjuża, id-data neċessarja kollha. B’mod partikolari, l-Isvezja ma kkomunikatx lill-Kummissjoni l-informazzjoni neċessarja sabiex tevalwa l-eżattezza tal-allegazzjonijiet tal-Isvezja dwar il-volum tat-tnaqqis naturali tan-nitroġenu u dwar l-osservanza tar-rekwiżiti tad-Direttiva fir-rigward ta’ eliminazzjoni tan-nitroġenu fuq din il-bażi.

120. Huwa veru li fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas. Għaldaqstant, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma jkollha tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni. Madankollu, skont l-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw lill-Kummissjoni t-twettiq tal-missjoni tagħha, li tikkonsisti, b’mod partikolari skont l-Artikolu 17(1) TUE inter alia, li tiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE kif ukoll tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet bis-saħħa tiegħu. B’mod partikolari, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fir-rigward tal-verifika tal-applikazzjoni korretta fil-prattika tad-dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi li jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva ta’ direttiva, il-Kummissjoni, li ma għandhiex setgħat investigattivi tagħha stess rigward dan il-qasam, tiddependi, fil-biċċa l-kbira, fuq informazzjoni pprovduta minn persuni li eventwalment jippreżentaw ilment kif ukoll mill-Istat Membru kkonċernat. Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li meta l-Kummissjoni tkun ipproduċiet biżżejjed provi li juru ċerti fatti fit-territorju tal-Istat Membru konvenut, huwa dan li għandu jikkontesta, b’mod sostanzjali u fid-dettall, l-informazzjoni hekk ippreżentata u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha (46).

121. Fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni esponiet li l-Isvezja ma kinitx ikkonformat ruħha ma’ dan l-obbligu peress li hija ma kinitx ippreżentat riżultati ta’ kejl ġodda li jippermettu t-tnaqqis tan-nitroġenu bejn l-iskarikar tal-ilma mill-impjanti ta’ trattament u l-ilmijiet tal-kosta sensittivi (47). Kif diġà indikajt (48), dan ir-rekwiżit huwa ġustifikabbli peress li teknika ta’ mmudellar tista’ tiġi vverifikata biss abbażi ta’ valuri ta’ kejl effettivi.

122. L-Isvezja wieġbet, b’mod partikolari, permezz ta’ opinjoni tal-iSveriges meteorologiska och hydrologiska institut (l-Istitut Meteoroloġiku u Idroloġiku, iktar ’il quddiem l-iSMHI) (49). F’dan ir-rigward, l-iSMHI jippreċiża espressament li valuri ta’ kejl iktar reċenti ntużaw għall-kontenut ta’ nitroġenu fl-ilmijiet, madankollu dawn ma humiex disponibbli fuq il-paġna web tal-iSMHI, peress li huma ġew estratti mid-database ta’ istituzzjoni oħra (50).

123. Billi pprovdiet tali informazzjoni inkompleta, l-Isvezja kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u ostakolat din il-proċedura. Minkejja li l-Kummissjoni lmentat dwar in-nuqqas ta’ data, l-iSMHI la kkomunika tali data u lanqas ma identifika s-sors tad-data reċenti jew ir-referenza fuq l-internet. Din l-ommissjoni hija iktar u iktar serja peress li, kif turi r-risposta, tali dettalji setgħu jingħataw faċilment. Fl-istess ħin, kien ikun konformi ma’ prassi xjentifika tajba li tiġi indikata r-referenza aċċessibbli b’mod ġenerali tad-data użata. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni setgħet tipprepara ħafna aħjar dan ir-rikors u saħansitra setgħet forsi tabbanduna anki l-ilmenti dwar l-agglomerazzjonijiet ta’ Habo u ta’ Töreboda.

124. Ċertament, peress li din l-informazzjoni kienet daqstant importanti, kien ikun ukoll konformi mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li kieku l-Kummissjoni talbet darba oħra, tal-inqas b’mod informali, il-komunikazzjoni ta’ dawn il-valuri ta’ kejl. Madankollu, hija ma setgħetx tkun taf li l-aċċess kien ikun possibbli mingħajr problemi ta’ xejn. Għaldaqstant, l-assenza ta’ talba ġdida min-naħa tal-Kummissjoni ma teskludix il-konstatazzjoni ta’ ksur mill-Isvezja tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

125. Minn dan isegwi li l-Isvezja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(3) TUE, peress li, matul il-proċedura prekontenzjuża, ma pprovdietx lill-Kummissjoni l-informazzjoni li kienet teħtieġ sabiex tkun tista’ tevalwa jekk l-impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi tal-agglomerazzjonijiet ta’ Habo u ta’ Töreboda kinux konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-ilma mormi.

V.      Spejjeż

126. Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, jekk, bħal f’dan il-każ, it-tnejn parzjalment jirbħu parzjalment jitilfu.

VI.    Konklużjoni

127. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)      Ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4 moqri flimkien mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/271/KEE dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi, billi ma żgurax, qabel ma ġie skarikat, li l-ilma mormi provenjenti mill-agglomerazzjonijiet ta’ Lycksele, ta’ Malå u ta’ Pajala kien suġġett għal trattament sekondarju jew għal trattament ekwivalenti.

2)      Ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(3) TUE, peress li, matul il-proċedura prekontenzjuża, ma pprovdiex lill-Kummissjoni l-informazzjoni li kienet teħtieġ sabiex tkun tista’ tevalwa jekk l-impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi tal-agglomerazzjonijiet ta’ Habo u ta’ Töreboda kinux konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/271.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


1      Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.


2      Hawn tapplika d-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/64/UE tas‑17 ta’ Diċembru 2013 (ĠU 2013, L 353, p. 8).


3      Ara d-dokument tax-xogħol tas-servizzi tal-Kummissjoni “Evaluation of the Council Directive 91/271/EEC of 21 May 1991, concerning urban waste-water treatment”, SWD(2019) 700 final, p. 3, Entrati “Biochemical oxygen demand” u “Chemical oxygen demand”.


4      Ara s-sentenzi tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Entoma (C‑526/19, EU:C:2020:769, punt 43), kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2020, De Masi u Varoufakis vs BĊE (C‑342/19 P, EU:C:2020:1035, punti 35 u 36). Ara wkoll, dwar it-tifsira tal-formulazzjoni, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2005, Deutsches Milch-Kontor (C‑136/04, EU:C:2005:716, punt 32), u tad-19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni (C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punt 76).


5      Sentenzi tad‑19 ta’ Ottubru 1977, Ruckdeschel et (117/76 u 16/77, EU:C:1977:160, punt 7); tat‑3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld (C‑303/05, EU:C:2007:261, punt 56); tat‑12 ta’ Mejju 2011, Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑176/09, EU:C:2011:290, punt 31); u tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑626/18, EU:C:2020:1000, punt 93).


6      Sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1992, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑74/91, EU:C:1992:409, punt 10); tas‑6 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑53/05, EU:C:2006:448, punt 30); u tad‑29 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑189/09, mhux ippubblikata, EU:C:2010:455, punt 15).


7      Sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑475/01, EU:C:2004:585, punti 17 et seq.).


8      Sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90, punt 17), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Georgsmarienhütte et (C‑135/16, EU:C:2018:582, punt 17).


9      Bl-istess mod, fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-ilma mormi għall-Istati taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), b’mod partikolari għan-Norveġja u għall-Islanda, ma jidhirx li kien hemm lok li tiġi estiża l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-ilma mormi għall-agglomerazzjonijiet li jinsabu fiż-Żoni Nordiċi. Ara l-Artikolu 74 u l-punt 13 tal-Anness XX tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU 1994, L 1, p. 496).


10      Il-punt 4(d)(1) tat-Taqsima E tal-Kapitolu VIII tal-Anness I tal-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Renju tan-Norveġja, tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja u dwar l-adattamenti tat-trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 241, p. 175).


11      Ara d-dokument tax-xogħol tas-servizzi tal-Kummissjoni “Evalwazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi” (SWD (2019) 700, p. 167).


12      Anness 8 tar-rikors, p. 1133.


13      Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑557/14, EU:C:2016:119, punti 29 sa 31). Ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs il-Greċja (C‑320/15, EU:C:2017:678, punt 34), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’din il-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑320/15, EU:C:2017:246, punt 57).


14      Sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑398/14, EU:C:2016:61, punt 39).


15      Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑301/10, EU:C:2012:633, punti 85, 86 u 93), u tal‑4 ta’ Mejju 2017, Il-Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑502/15, mhux ippubblikata, EU:C:2017:334, punti 44 sa 46).


16      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2011 dwar il-kwalità tal-arja, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja (C‑479/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:287).


17      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (C‑488/15, EU:C:2016:862, punti 39 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1997, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑316/96, EU:C:1997:614, punt 14); tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑456/05, EU:C:2007:755); u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (inġiniera ċivili, aġenti tal-privattivi u veterinarji) (C‑209/18, EU:C:2019:632, punt 48).


19      Sentenzi tal‑31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑362/90, EU:C:1992:158, punt 9); tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑525/03, EU:C:2005:648, punt 13); u tat‑18 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (lontra) (C‑221/04, EU:C:2006:329, punti 22 u 23).


20      Ara l-ittra tad-Dala Vatten och Avfall AB tal‑21 ta’ Diċembru 2018, Anness 10 tar-rikors, p. 1175 kif ukoll punt 54.


21      Anness 10 tar-rikors, p. 1131.


22      Anness 7 tar-rikors, p. 937.


23      Ara Anness 10 tar-rikors, p. 1085 u 1086 kif ukoll 1173.


24      Anness 10 tar-rikors, p. 1115.


25      Ara Anness 10 tar-rikors, p. 1167 u 1168.


26      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑38/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:156, punt 45).


27      Anness 10 tar-rikors, p. 1150.


28      Anness 4 tal-kontroreplika.


29      Sentenzi tal‑10 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑504/14, EU:C:2016:847, punt 86), kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2005, Gaki-Kakouri vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja (C‑243/04 P, mhux ippubblikata, EU:C:2005:238, punt 33).


30      Anness 10 tar-rikors, p. 991.


31      Ara d-definizzjoni tal-kunċett ta’ trattament sekondarju fid-dokument tax-xogħol (p. 6) iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


32 Għad-data ppreżentata tardivament, li kienet timla din il-lakuna, ara l-punt 75.


33      Anness 10 tar-rikors, p. 1153.


34      Anness B.15


35      Ara iktar ’il fuq, punt 72.


36      Anness 10 tar-rikors, p. 1145.


37      Anness B.16


38      Ara l-punt 72.


39      Anness 10 tar-rikors, p. 1139 u 1140.


40      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja (C‑438/07, EU:C:2009:613, punti 101 u 104).


41      Punt 21 tar-risposta.


42      Punt 29 tar-risposta.


43      L-Isvezja tirreferi għas-sit internet miljodata.slu.se/mvm/.


44      Anness 10 tar-rikors, p. 1149 u 1150.


45      Ara l-punt 77 iktar ’il fuq.


46      Sentenzi tas‑26 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑494/01, EU:C:2005:250, punti 41 sa 44), u tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑301/10, EU:C:2012:633, punti 70 sa 72).


47      Ara, fir-rigward tal-agglomerazzjoni Habo, il-punt 95 u fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Töreboda, il-punt 122 (Anness 9 tar-rikors, p. 1149 kif ukoll 1152 u 1153).


48      Ara l-punt 107 iktar ’il fuq.


49      Anness 10 tar-rikors, p. 1349 et seq.


50      Anness 10 tar-rikors, p. 1350.