Language of document :

Appell ippreżentat fis-16 ta’ Diċembru 2013 mill-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija fis-17 ta’ Ottubru 2013 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-69/11, BF vs Il-Qorti tal-Awdituri

(Kawża T-663/13 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: T. Kennedy u J. Vermer, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: BF (Lussemburgu, il-Lussemburgu)

Talbiet tal-appellanti

–    tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-69/11;

–    tilqa’ t-talbiet ippreżentati, mill-Qorti tal-Awdituri, fl-ewwel istanza, jiġifieri tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–    tikkundanna lil BF għall-ispejjeż ta’ din l-istanza u għal dawk ta’ dik quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka erba’ aggravji.

1.    L-ewwel aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) interpreta u applika l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 45-2010, tas-17 ta’ Ġunju 2010, rigward il-proċeduri ta’ selezzjoni tal-kapijiet tal-unità u tad-diretturi b’mod żbaljat.

2.    It-tieni aggravju bbażat fuq żnaturament ta’ prova mwettaq mit-TSP meta qies li n-noti attribwiti lill-kandidati mill-Kumitat ta’ Preselezzjoni kienu jikkostitwixxu element ta’ informazzjoni li kellu jinkludi r-rapport ta’ dan tal-aħħar mibgħut lill-Awtorità tal-Ħatra.

3.    It-tielet aggravju bbażat fuq żnaturament tal-fatti, peress li t-TSP kiser l-obbligu tiegħu li jeżamina l-fatti li fuqhom jibbaża ruħu sabiex jikkonstata irregolarità fil-proċedura.

4.    Ir-raba’ aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq żball ta’ liġi li jippreġudika l-unità tal-ġurisprudenza sa fejn it-TSP qies li l-irregolarità bbażata fuq l-assenza ta’ motivazzjoni mitluba permezz tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 45-2010 f’dak li jirrigwarda r-rapport tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni hija tali li twassal għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati fl-ewwel istanza.