Language of document : ECLI:EU:T:2010:300

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

tat-8 ta’ Lulju 2010

Kawża T-368/09 P

Roberto Sevenier

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Riżenja — Rifjut tal-Kummissjoni li taċċetta l-irtirar tar-riżenja u li tirreferi lill-Kumitat tal-Invalidità — Terminu għall-preżentata ta’ lment — Dewmien — Nuqqas ta’ żball skużabbli”

Suġġett: Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tat-8 ta’ Lulju 2009, Sevenier vs Il-Kummissjoni (F-62/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑249 u II‑A‑1‑1351), u intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Roberto Sevenier għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Appelli — Ilment amministrattiv minn qabel — Deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ta’ talba mhux ikkontestata fit-termini

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Appelli — Ilment amministrattiv minn qabel — Termini — Dekadenza — Żball skużabbli — Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Appell — Aggravji — Aggravju bbażat fuq żnaturament tal-provi

1.      Deċiżjoni li tiċħad espliċitament talba li saret wara ċ-ċaħda impliċita tal-istess talba, għandha karattru ta’ att li purament jikkonferma, u b’hekk ma tibdiex, favur il-parti kkonċernata, terminu ġdid għall-preżentata ta’ lment, peress li t-tieni inċiż tal-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, li skont dan “fejn ilment mhux aċċettat b’deċiżjoni espressa wara li ma jkunx aċċettat b’deċiżjoni taċita iżda qabel jiskadi l-perjodu li fih jista’ jsir appell, il-perjodu li fih jista’ jsir appell jerġa’ jibda mill-ġdid”, ma jistax jiġi applikat, b’analoġija, fl-istadju tad-domanda u qabel il-preżentata tal-ilment.

(ara l-punt 29)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 17 ta’ Novembru 2000, Martinelli vs Il-Kummissjoni, T‑200/99, ĠabraSP p. I‑A‑253 u II‑1161, punt 11, u l-ġurisprudenza ċċitata.

2.      Bis-saħħa tal-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, appell huwa ammissibbli quddiem qorti tal-Unjoni biss jekk l-awtorità tal-ħatra tkun qabel irċeviet ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra l-att li jikkawża preġudizzju lill-uffiċjal, u fit-terminu previst. It-termini li jirrigwardaw il-proċedura prekontenzjuża preskritti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal huma ta’ natura ta’ ordni pubbliku u ma jistgħux jitħallew għad-diskrezzjoni tal-partijiet jew tal-qorti, peress li huma ġew stabbiliti sabiex tiġi żgurata l-kjarezza u ċ-ċertezza tar-relazzjonijiet ġuridiċi. Rikors tardiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, sakemm l-appellant ma jistax jipprevali, b’mod partikolari, minn żball skużabbli. Fil-fatt, żball bħal dan jista’ jiġġustifika l-introduzzjoni tardiva ta’ lment.

Il-kunċett ta’ żball skużabbli huwa intiż għal ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom, b’mod partikolari, l-istituzzjoni kkonċernata adottat aġir tali, waħedha jew b’mod determinanti, li toħloq konfużjoni ammissibbli f’moħħ il-parti f’kawża li hija in bona fede u li teżerċita d-diliġenza kollha mitluba minn persuna normalment prudenti. F’sitwazzjoni bħal din, l-amministrazzjoni ma tistax fil-fatt, tiddependi fuq l-injorar tagħha tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li wassal għal żball imwettaq mill-parti fil-kawża.

(ara l-punti 42, 43, 46 u 57)

Referenza: Martinelli vs Il-Kummissjoni, iċċitata, punt 10, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti Ġenerali 2 ta’ Mejju 2001, Barleycorn Mongolue u Boixader Rivas vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑208/00 ĠabraSP p. I‑A‑103 u II‑479, punt 29; Il-Qorti Ġenerali 16 ta’ Settembru 2009, Boudova et vs Il-Kummissjoni, T‑271/08 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑71 et II‑B‑1‑441, punti 71 u 72, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Fejn appellant jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, huwa jrid jindika preċiżament il-provi li ġew żnaturati u juri l-iżbalji tal-evalwazzjoni li jkunu wasslu lill-imsemmija qorti tal-ewwel istanza għall-iżnaturament.

(ara l-punt 53)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 50; Il-Qorti tal-Ġustizzja 25 ta’ Ottubru 2007, Komninou et vs Il-Kummissjoni, C‑167/06 P, Ġabra p. I-141, punt 41