Language of document : ECLI:EU:C:2024:372

Kawża C670/22

Proċedura kriminali

kontra

M. N. (EncroChat)

(talba għal deċiżjoni preliminari,
imressqa mil-Landgericht Berlin)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat30 ta’ April 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2014/41/UE – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali – Kisba ta’ provi diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni – Kundizzjonijiet għall-ħruġ – Servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet kriptati – EncroChat – Neċessità għad-deċiżjoni ta’ mħallef – Użu ta’ provi miksuba bi ksur tad-dritt tal-Unjoni”

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali – Direttiva 2014/41 – Kunċett ta’ awtorità emittenti – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea intiża sabiex jinkisbu provi diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni – Prosekutur li jista’ jordna t-trażmissjoni ta’ tali provi fil-kuntest ta’ proċedura purament interna – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/41, Artikoli 1(1) u 2(c)(i))

(ara l-punti 71 sa 75, u 77, u d-dispożittiv 1)

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali – Direttiva 2014/41 – Kundizzjonijiet għall-ħruġ u għat-trażmissjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea intiża sabiex jinkisbu provi diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni – Provi miksuba wara l-interċettazzjoni, fit-territorju tal-Istat emittenti, ta’ telekomunikazzjonijiet kriptati – Ammissibbiltà – Osservanza tal-kundizzjonijiet previsti mid-dritt tal-Istat emittenti għat-trażmissjoni ta’ tali provi f’sitwazzjoni purament interna

(Artikolu 82(1) TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/41, premessi 2, 6 u 19, u Artikoli 1(1), 6(1)(a) u (b), u 14(7))

(ara l-punti 88 sa 93, 99 sa 101, u 104 sa 106, u d-dispożittiv 2)

3.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali – Direttiva 2014/41 – Interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet li ma teħtieġx l-assistenza tal-Istat Membru tal-post fejn tkun tinsab il-mira – Kunċett – Interpretazzjoni awtonoma u uniformi – Infiltrazzjoni ta’ tagħmir terminali maħsub sabiex tiġi estratta data dwar it-traffiku, il-lokalizzazzjoni u l-komunikazzjoni minn servizz ta’ komunikazzjoni bbażat fuq l-internet – Inklużjoni – Notifika ta’ dan l-Istat Membru – Identifikazzjoni tal-awtorità kompetenti – Portata

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/41, premessa 30, u Artikoli 31(1) sa (3), u 33, u Anness C)

(ara l-punti 110 sa 119, u d-dispożittiv 3)

4.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali – Direttiva 2014/41 – Interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet li ma teħtieġx l-assistenza tal-Istat Membru tal-post fejn tkun tinsab il-mira – Notifika ta’ dan l-Istat Membru – Għanijiet – Protezzjoni tad-drittijiet tal-utenti kkonċernati – Inklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 7; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/41, Artikolu 31)

(ara l-punti 123 sa 125, u d-dispożittiv 4)

5.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali – Direttiva 2014/41 – Rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-ekwità tal-proċedura fl-Istat emittenti – Informazzjoni u provi miksuba bi ksur tad-direttiva – Obbligi tal-imħallef nazzjonali – Portata

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/41, Artikolu 14(7))

(ara l-punti 128, 130 u 131, u d-dispożittiv 5)

Sunt

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mil-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja), il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, tat deċiżjoni dwar il-kundizzjonijiet għall-ħruġ, minn prosekutur, ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali meta l-awtorità emittenti ta’ Stat Membru tkun tixtieq tikseb it-trażmissjoni ta’ data ta’ telekomunikazzjonijiet interċettata li tkun diġà fil-pussess ta’ Stat Membru ieħor. Hija ppreċiżat ukoll il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, għall-użu ta’ din id-data, mill-ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam.

Fil-kuntest ta’ investigazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet Franċiżi, deher li l-persuni akkużati kienu jużaw telefons mobbli kriptati abbażi tas-servizz “EncroChat” biex iwettqu reati prinċipalment marbuta mat-traffikar tad-drogi narkotiċi. Dan is-servizz kien jippermetti li tiġi stabbilita, permezz ta’ server installat fi Franza, komunikazzjoni kriptata li ma setgħetx tiġi interċettata b’metodi ta’ investigazzjoni tradizzjonali.

Fir-rebbiegħa tal-2020, bl-awtorizzazzjoni ta’ qorti Franċiża, ġie installat softwer tat-tip “Trojan”, żviluppat minn skwadra ta’ investigazzjoni Franko-Olandiża, fuq l-imsemmi server u, minn hemm, fuq it-telefons mobbli ta’ utenti f’122 pajjiż, fosthom madwar 4 600 fil-Ġermanja.

Waqt konferenza organizzata minn Eurojust (1) f’Marzu 2020, ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet Franċiżi u Olandiżi informaw lill-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħrajn dwar il-miżura ta’ interċettazzjoni tad-data li huma kienu qed jippjanaw, inkluża data minn telefons mobbli li kienu jinsabu barra mit-territorju Franċiż. Ir-rappreżentanti tal-Bundeskriminalamt (l-Uffiċċju Federali tal-Pulizija Ġudizzjarja, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“BKA”) u tal-Generalstaatsanwaltschaft Frankfurt am Main (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Frankfurt”) urew l-interess tagħhom fid-data tal-utenti Ġermaniżi.

Bejn Ġunju 2020 u Lulju 2021, fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa kontra X, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Frankfurt ħareġ ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropea sabiex jitlob lill-awtoritajiet Franċiżi l-awtorizzazzjoni għall-użu mingħajr restrizzjoni, fi proċeduri kriminali, tad-data miġbura minnhom. Huwa ġġustifika t-talba tiegħu billi espona li l-BKA kien ġie informat minn Europol li twettqu numru kbir ta’ reati serji ħafna fil-Ġermanja bl-għajnuna ta’ telefons mobbli mgħammra bis-servizz “EncroChat” u li persuni li kienu għadhom mhux identifikati kienu ssuspettati bl-ippjanar u t-twettiq ta’ tali ksur fil-Ġermanja bl-użu tal-komunikazzjonijiet kriptati. Qorti Franċiża awtorizzat it-trażmissjoni u l-użu legali tad-data interċettata tal-utenti Ġermaniżi.

Sussegwentement, l-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Frankfurt assenja mill-ġdid il-proċeduri ta’ investigazzjoni mibdija, fost l-oħrajn, kontra M. N. lil uffiċċji tal-prosekutur lokali. F’waħda mill-proċeduri kriminali mibdija quddiem il-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar kellha dubju dwar il-legalità tal-imsemmija ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropea fid-dawl tad-Direttiva 2014/41 (2) u dwar il-konsegwenzi ta’ ksur potenzjali tad-dritt tal-Unjoni għall-użu, f’dik il-proċedura, tad-data interċettata. Konsegwentement, hija ddeċidiet li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-kunċett ta’ “awtorità emittenti”, fis-sens tad-Direttiva 2014/41, ma huwiex limitat għall-imħallfin. Fil-fatt, il-prosekutur jissemma fl-Artikolu 2(c)(i) ta’ din id-direttiva fost l-awtoritajiet li huma mifhuma li huma “awtorità emittenti”, bl-unika kundizzjoni li huwa jkollu kompetenza fil-kawża kkonċernata. Għaldaqstant, peress li, skont id-dritt tal-Istat emittenti, prosekutur huwa kompetenti, f’sitwazzjoni purament interna għal dan l-Istat, sabiex jordna miżura investigattiva intiża għat-trażmissjoni ta’ provi diġà fil-pussess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “awtorità emittenti” għall-finijiet tal-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea intiża għat-trażmissjoni ta’ provi diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

Fit-tieni lok, mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2014/41 jirriżulta li ordni ta’ investigazzjoni Ewropea intiża għat-trażmissjoni ta’ provi miksuba bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jkunu diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, għandha tosserva l-kundizzjonijiet kollha previsti, jekk ikun il-każ, mid-dritt tal-Istat emittenti għat-trażmissjoni ta’ tali provi f’sitwazzjoni purament interna għal dan l-Istat.

Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa intiż li jevita evażjoni tar-regoli u tal-garanziji previsti mid-dritt tal-Istat emittenti, l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2014/41 ma jeħtieġx, inkluż f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn id-data inkwistjoni tkun inġabret mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni fit-territorju tal-Istat emittenti u fl-interess tiegħu, li l-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea intiża għat-trażmissjoni ta’ provi diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni jkun suġġett għall-istess kundizzjonijiet sostantivi bħal dawk applikati, fl-Istat emittenti, fil-qasam tal-ġbir ta’ dawn il-provi.

Barra minn hekk, fid-dawl tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet li fuqu hija bbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li taħtha taqa’ d-Direttiva 2014/41, l-awtorità emittenti ma hijiex awtorizzata tistħarreġ ir-regolarità tal-proċedura distinta li permezz tagħha l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkun ġabar il-provi diġà fil-pussess ta’ dan tal-aħħar u li l-awtorità emittenti titlob it-trażmissjoni tagħhom.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, minn naħa, l-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2014/41 ma jeżiġix li l-ħruġ ta’ tali ordni ta’ investigazzjoni Ewropea jkun neċessarjament suġġett għall-eżistenza ta’ preżunzjoni ta’ ksur serju bbażata fuq fatti konkreti, kontra kull persuna kkonċernata, fil-mument meta tinħareġ din l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, meta tali rekwiżit ma jirriżultax mid-dritt tal-Istat emittenti għat-trażmissjoni ta’ provi bejn l-uffiċċji tal-prosekuturi nazzjonali. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni lanqas ma tipprekludi l-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea meta l-integrità tad-data interċettata ma tkunx tista’ tiġi vverifikata f’dan l-istadju minħabba l-kunfidenzjalità tat-teknoloġija tal-interċettazzjoni, sakemm id-dritt għal smigħ xieraq ikun iggarantit fil-proċedura kriminali sussegwenti. Fil-fatt, l-integrità tal-provi prodotti tista’, bħala prinċipju, tiġi evalwata biss fil-mument meta l-awtoritajiet kompetenti effettivament ikollhom il-provi inkwistjoni.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-infiltrazzjoni ta’ tagħmir terminali intiż għall-estrazzjoni ta’ data dwar it-traffiku, il-lokalizzazzjoni u l-komunikazzjoni ta’ servizz ta’ komunikazzjoni bbażat fuq l-internet tikkostitwixxi “interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2014/41, li għandha tiġi nnotifikata lill-awtorità nnominata għal dan l-għan mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab il-mira tal-interċettazzjoni. Fil-każ li l-Istat Membru li jinterċetta ma jkunx f’pożizzjoni li jidentifika l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru nnotifikat, din in-notifika tista’ tiġi indirizzata lil kwalunkwe awtorità tal-Istat Membru nnotifikat li l-Istat Membru li jinterċetta jqis li hija adatta għal dan l-għan.

Skont l-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2014/41, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru nnotifikat għandha għalhekk il-possibbiltà, fil-każ fejn l-interċettazzjoni ma tkunx awtorizzata fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, li tindika li l-interċettazzjoni ma tistax issir jew għandha tiġi interrotta jew, saħansitra, li d-data interċettata ma tistax tintuża jew tista’ tintuża biss taħt il-kundizzjonijiet speċifikati minnha. Għaldaqstant, l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2014/41 huwa intiż mhux biss sabiex jiggarantixxi l-osservanza tas-sovranità tal-Istat Membru nnotifikat, iżda wkoll sabiex jipproteġi d-drittijiet tal-persuni kkonċernati minn tali miżura ta’ interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet.

Fl-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, bħala prinċipju, huwa biss id-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina r-regoli dwar l-ammissibbiltà u l-evalwazzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, ta’ informazzjoni u ta’ provi li jkunu nkisbu b’mod li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

B’dan premess, l-Artikolu 14(7) tad-Direttiva 2014/41 jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw, bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli proċedurali nazzjonali, li, fi proċeduri kriminali fl-Istat emittenti, id-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċedura jiġu osservati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-provi miksuba permezz tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea. Konsegwentement, meta qorti tqis li parti ma tkunx f’pożizzjoni li tikkummenta b’mod effettiv fuq tali prova li tista’ tinfluwenza b’mod predominanti l-evalwazzjoni tal-fatti, din il-qorti għandha tikkonstata ksur tad-dritt għal smigħ xieraq u twarrab din il-prova.


1      Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali.


2      Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 143, p. 16).