Language of document : ECLI:EU:C:2023:938

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit‑30 ta’ Novembru 2023 (1)

Kawża C538/22

SB

vs

Agrárminiszter

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fġvárosi Törvényszék (il‑Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Politika agrikola komuni – Regolament (UE) Nru 1307/2013 – Artikolu 52 – Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014 – Artikolu 53(1) – Kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għal miżuri ta’ appoġġ akkoppjat – Setgħa diskrezzjonali tal-Istat Membru – Regolament Delegat (UE) Nru 640/2014 – Punti 13 u 15 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) – Appoġġ akkoppjat volontarju bbażat fuq applikazzjonijiet għal għajnuna fil-kuntest ta’ skemi ta’ għajnuna għall-annimali – Applikazzjoni għal għajnuna għall-annimali – Artikoli 30 u 31 – Kalkolu tal-għajnuna – Penali amministrattivi – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 – Artikolu 15(3) – Emenda a posteriori tal-applikazzjoni għal għajnuna – Inammissibbiltà – Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-osservanza ta’ kwota ta’ twellid għat-trobbija ta’ baqar li jreddgħu – Rifjut totali tal-għajnuna akkoppjata fil-każ li ma tintlaħaqx il-kwota tat-twellid”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna rikors ippreżentat minn bidwi, SB (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”), quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) kontra r-rifjut tal-Agrárminiszter (il-Ministru għall-Agrikoltura, l-Ungerija) li jagħti l-hekk imsejjaħ appoġġ akkoppjat volontarju (2) jew għajnuna għat-trobbija tal-baqar li jreddgħu. Fil-fatt, matul is-sena koperta mill-applikazzjoni, ir-rikorrent ma kienx laħaq il-kwota ta’ riproduzzjoni legalment meħtieġa, imsejħa l-“kwota tat-twellid”, għan-numru ta’ annimali ddikjarati fl-applikazzjoni.

2.        Id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju huma intiżi, essenzjalment, sabiex isir magħruf jekk huwiex permess li jiġi rrifjutat totalment l-għoti tal-għajnuna jew jekk din għandhiex titnaqqas biss b’mod proporzjonat, skont in-numru ta’ annimali li jissodisfaw il-kwota ta’ twellid meħtieġa.

3.        Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, li għall-iffissar tagħhom l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali, u, min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi legali possibbli ta’ ksur imwettaq waqt l-implimentazzjoni tagħha. Fil-każ li ma jkunux issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-għoti, ma jkunx hemm dritt għall-għajnuna. F’dan il-każ, ma jkunux possibbli, a priori, eventwali kalkolu mill-ġdid jew tnaqqis proporzjonali tal-għajnuna.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IrRegolament (UE) Nru 1306/2013

4.        L-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (3), intitolat “Pagamenti mhux dovuti u pieni amministrattivi”, jipprovdi b’mod partikolari dan li ġej:

“1.      Fejn jinstab li benefiċjarju ma jkunx konformi mal-impenji tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, impenji jew obbligi oħrajn relatati mal-kondizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna jew appoġġ, kif previst fil-leġislazzjoni agrikola settorjali, l-għajnuna ma għandhiex titħallas jew għandha tiġi rtirata kollha jew parzjalment u, fejn ikun rilevanti, id-drittijiet għal pagamenti korrispondenti kif imsemmijin fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 ma għandhomx jiġu allokati jew għandhom jiġu rtirati.

[…]”

2.      IrRegolament (UE) Nru 1307/2013

5.        Ir-“Regoli ġenerali” li jinsabu fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 (4), tal-Kapitolu 1 intitolat “Appoġġ akkoppjat volontarju”, jipprovdu b’mod partikolari:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jagħtu appoġġ akkoppjat lill-bdiewa skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu […].

[…]

6.       L-appoġġ akkoppjat huwa skema li tillimita l-produzzjoni li għandha tieħu l-forma ta’ pagament annwali ibbażat fuq żoni u rendimenti fissi jew fuq numru fiss ta’ annimali u għandu jirrispetta l-limiti massimi finanzjarji li għandhom jiġu determinati mill-Istati Membri għal kull miżura u nnotifikati lill-Kummissjoni.

[…]”

3.      IrRegolament Delegat (UE) Nru 639/2014

6.        L-Artikolu 53(1) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014 (5), intitolat “Kundizzjonijiet għall-għoti tal-appoġġ”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jistipulaw kriterji tal-eliġibbiltà għall-miżuri tal-appoġġ akkoppjat f’konformità mal-qafas stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1307/2013 u mal-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament.”

4.      IrRegolament Delegat (UE) Nru 640/2014

7.        Il-premessi 28 u 31 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 640/2014 (6) huma fformulati, b’mod partikolari, kif ġej:

“(28)      Sa fejn huma kkonċernati l-applikazzjonijiet għall-għajnuna taħt l-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali jew it-talbiet għall-pagament li jaqgħu taħt il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali, in-nuqqasijiet ta’ konformità jwasslu għall-ineliġibbiltà tal-annimal ikkonċernat. Tnaqqis varju għandu jiġi stipulat sa mill-ewwel annimal li jinstab b’nuqqas ta’ konformità iżda, irrispettivament mil-livell ta’ tnaqqis, għandu jkun hemm penali amministrattiva inqas ħarxa meta tliet annimali jew inqas jinstabu b’nuqqasijiet ta’ konformità. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, is-severità tal-penali amministrattivi għandha tiddependi fuq il-perċentwal tal-annimali li jinstabu b’nuqqasijiet ta’ konformità.

[…]

(31)            Rifjuti u rtirar tal-appoġġ u penali amministrattivi għandhom jiġu stabbiliti għal miżuri ta’ għajnuna għall-iżvilupp rurali wara li jiġi kkunsidrat il-prinċipji ta’ dissważjoni u proporzjonalità. Ir-rifjut u l-irtirar tal-appoġġ għandhom ikunu kklassifikati abbażi tas-severità, il-firxa, it-tul ta’ żmien u r-ripetizzjoni tan-nuqqas ta’ konformità li jkun instab. Rifjut u rtirar tal-appoġġ u penali amministrattivi għandhom, fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, l-impenji u obbligi oħrajn, iqisu l-karatteristiċi partikolari tad-diversi miżuri ta’ appoġġ. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità serju jew fil-każ li l-benefiċjarju jkun ipprovda evidenza falza sabiex ikun jista’ jirċievi l-appoġġ, l-appoġġ għandu jkun irrifjutat u tiġi imposta penali amministrattiva. Il-penali amministrattivi għandhom jaslu sal-esklużjoni sħiħa minn miżura waħda jew iktar ta’ appoġġ [jew tipi ta’ operazzjonijiet] għal perjodu speċifikat.”

8.        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jipprevedi, b’mod partikolari, id-definizzjonijiet li ġejjin:

“[…]

(2) ‘nuqqas ta’ konformità’ tfisser:

(a)      għall-kriterji ta’ eliġibbiltà, l-impenji jew obbligi oħra relatati mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna jew l-appoġġ imsemmi fl-Artikolu 67(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, kwalunkwe nuqqas ta’ ħarsien ta’ dawn il-kriterji ta’ eliġibbiltà, impenji jew obbligi oħra; […]

[…]

(13)      ‘skema ta’ għajnuna għall-annimali’ tfisser miżura ta’ appoġġ akkoppjat u volontarju prevista fil-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fejn il-pagament annwali li għandu jingħata fi ħdan limiti kwantitattivi ddefiniti huwa bbażat fuq għadd fiss ta’ annimali;

[…]

(15)       ‘applikazzjoni ta’ għajnuna għall-bhejjem’ tfisser l-applikazzjonijiet għall-pagamenti tal-għajnuna fejn il-pagament annwali li għandu jingħata fi ħdan limiti kwantitattivi ddefiniti huwa bbażat fuq għadd fiss ta’ annimali taħt l-appoġġ akkoppjat u volontarju previst fil-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(16)       ‘annimali ddikjarati’ tfisser l-annimali soġġetti għal għajnuna għall-bhejjem taħt l-iskema ta’ għajnuna għall-annimali jew soġġetti għal talba għall-pagament għal miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali;

[…]

(18)       ‘annimal determinat’ tfisser:

(a)       għal skema ta’ għajnuna għall-annimali, annimal li fil-każ tiegħu jkunu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha stipulati fir-regoli għall-għoti tal-għajnuna; jew

(b)       għal miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali, annimal identifikat permezz ta’ verifiki amministrattivi jew verifiki fuq il-post; […]”

9.        L-Artikolu 30(1) sa (3) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, intitolat “Bażi tal-kalkolu”, jipprovdi:

“1.       Fl-ebda każ ma għandha tingħata għajnuna jew appoġġ għal għadd ta’ annimali akbar minn dak muri fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew fit-talba għall-pagament.

2.       L-annimali preżenti fl-impriża agrikola għandhom jiġu kkunsidrati biss bħala stabbiliti jekk ikunu identifikati fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew fit-talba għall-pagament. L-annimali identifikati jistgħu jinbidlu mingħajr ma jintilef id-dritt għall-pagament tal-għajnuna jew l-appoġġ, sakemm il-benefiċjarju ma jkunx għadu ġie infurmat mill-awtorità kompetenti b’nuqqas ta’ konformità fl-applikazzjoni jew it-talba jew ma jkunx għadu ngħata avviż dwar l-intenzjoni tal-awtorità li twettaq verifika fuq il-post. Meta Stat Membru ma jużax il-possibbiltà li jkollu sistema mingħajr talbiet għall-pagament, skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, dan għandu jiżgura bi kwalunkwe mezz li ma hemmx dubju dwar liema annimali huma koperti mill-applikazzjonijiet jew it-talbiet tal-benefiċjarji.

3.       Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 31, jekk l-għadd ta’ annimali ddikjarati f’applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament jaqbeż dak stabbilit bħala riżultat ta’ kontrolli amministrattivi jew verifiki fuq il-post, l-għajnuna jew l-appoġġ għandhom jiġu kkalkolati abbażi tal-annimali stabbiliti.”

10.      Skont l-Artikolu 31(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, intitolat “Penali amministrattivi fir-rigward ta’ annimali ddikjarati fil-qafas tal-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali jew tal-miżuri ta’ appoġġ marbuta mal-annimali”:

“Meta, fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-għajnuna fil-qafas ta’ skema ta’ għajnuna għall-annimali jew fir-rigward ta’ talba għall-pagament fil-qafas ta’ miżura ta’ appoġġ marbuta mal-annimali jew ta’ tip ta’ operazzjoni fil-qafas ta’ tali miżura ta’ appoġġ, tinstab differenza bejn l-għadd ta’ annimali ddikjarati u dak stabbilit skont l-Artikolu 30(3), l-ammont totali ta’ għajnuna jew ta’ appoġġ li jkun intitolat għalih il-benefiċjarju fil-qafas ta’ dik l-iskema ta’ għajnuna jew ta’ dik il-miżura ta’ appoġġ jew ta’ tip ta’ operazzjoni fil-qafas ta’ tali miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata għandu jitnaqqas bil-perċentwal li jrid jiġi stabbilit skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, jekk ma jinstabux iżjed minn tliet annimali b’nuqqas ta’ konformità.”

5.      IrRegolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014

11.      L-Artikolu 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 (7), intitolat “Emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas”, jipprovdi b’mod partikolari:

“1.      Wara d-data finali ta’ tressiq tal-applikazzjoni unika jew tat-talba għall-ħlas, fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas jistgħu jiżdiedu jew jiġu rranġati l-ħbula raba’ individwali jew id-drittijiet individwali għall-pagamenti, dejjem jekk jitħarsu r-rekwiżiti tal-iskemi ta’ pagament dirett jew tal-miżuri tal-iżvilupp rurali kkonċernati.

[…]

3.       Meta l-awtorità kompetenti tkun diġà għarrfet lill-benefiċjarju dwar xi każ ta’ nuqqas ta’ konformità fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas, jew meta hija tkun avżat lill-benefiċjarju li beħsiebha twettaq verifika fuq il-post, jew meta verifika fuq il-post tiżvela xi nuqqas ta’ konformità, l-emendi skont il-paragrafu 1 ma għandhomx ikunu awtorizzati għall-ħbula raba’ affettwati min-nuqqas ta’ konformità.

[…]”

12.      L-Artikolu 21(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, intitolat “Rekwiżiti marbutin mal-applikazzjoni għall-għajnuna relatata mal-bhejjem u mat-talbiet għall-ħlas fil-kuntest ta’ miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali” jipprovdi, b’mod partikolari:

“Applikazzjoni għall-għajnuna relatata mal-bhejjem kif iddefinita fil-punt (15) tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 jew talba għall-ħlas fil-kuntest ta’ miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali kif iddefinita fil-punt (14) tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 2(1) ta’ dak ir-Regolament għandu jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiġi stabbilita l-eliġibbiltà għall-għajnuna u/jew għall-appoġġ, u b’mod partikulari:

[…]

c)      l-għadd ta’ annimali ta’ kull tip li għalihom tkun qed titressaq applikazzjoni għall-għajnuna relatata mal-bhejjem jew talba għall-ħlas u, għall-annimali bovini, il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali;

[…]”

B.      Iddritt nazzjonali

13.      L-Artikolu 4 tal-A termeléshez kötött közvetlen támogatások igénybevételének szabályairól szóló 9/2015. (III. 13.) FM rendelet  (id-Digriet Nru 9/2015 tal-Ministru għall-Agrikoltura, tat‑13 ta’ Marzu 2015, dwar ir-Regoli ta’ Użu tal-Għajnuniet Diretti Akkoppjati, iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali Nru 9”) jipprovdi kif ġej:

“(2)      It-Teżor tal-Istat għandu jiddeċiedi dwar l-għajnuna skont […] il-kontrolli previsti fir-Regolament Delegat Nru 640/2014 u fid-dawl tar-regoli dwar it-tnaqqis u pieni oħra previsti f’dan ir-regolament delegat.

[…]”

14.      Skont l-Artikolu 7(3) tad-Digriet Ministerjali Nru 9, “[i]n-numru minimu ta’ annimali eliġibbli għall-għajnuna huwa […] annimal wieħed”.

15.      Skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Digriet Ministerjali Nru 9:

“Bidwi għandu dritt għal għajnuna għat-trobbija ta’ baqar li jreddgħu jekk […] fil-merħla tiegħu ddikjarata għall-għajnuna jżomm iktar minn 50 % tal-għoġġiela għall-produzzjoni tal-laħam, u fil-merħla tiegħu li għaliha tkun intalbet l-għajnuna jkunu welldu mill-inqas 30 % tal-annimali matul is-sena ta’ referenza u li minn dawk l-annimali li għalihom tkun intalbet l-għajnuna, jinżammu l-għoġġiela li twieldu matul il-perijodu ta’ trobbija fl-istess merħla mal-ommijiet tagħhom għal mill-inqas xahar mill-jum tat-twelid tagħhom [...].”

III. Ilfatti filkawża prinċipali, iddomandi preliminari u lproċedura quddiem il-Qorti talĠustizzja

16.      Fid‑9 ta’ Mejju 2019, ir-rikorrent ressaq, quddiem l-awtorità tal-ewwel istanza kompetenti fil-qasam tal-għajnuna agrikola, talba għall-ħlas ta’ għajnuna akkoppjata marbuta mal-produzzjoni għat-trobbija ta’ baqar li jreddgħu fir-rigward ta’ ħdax-il annimal.

17.      Fil‑25 ta’ Ġunju 2020, din l-awtorità ċaħdet it-talba għall-ħlas ta’ għajnuna minħabba li tliet annimali biss minn ħdax kienu welldu matul il-perijodu ta’ referenza, li kien jikkorrispondi għal rata ta’ twellid ta’ 27 %, b’tali mod li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11(1)(e) tad-Digriet Ministerjali Nru 9 ma kinux issodisfatti. L-imsemmija awtorità qieset li, f’dan il-każ, l-ebda wieħed mill-annimali msemmija fl-applikazzjoni ma kien eliġibbli għall-għajnuna u li lanqas l-Artikolu 31 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 ma kien applikabbli.

18.      Fuq ilment imressaq mir-rikorrent, il-Ministru għall-Agrikoltura kkonferma d-deċiżjoni tal-ewwel istanza billi indika li n-numru ta’ annimali eliġibbli, skont l-Artikolu 7(3) tad-Digriet Ministerjali Nru 9, kien żero minħabba li ma kinux welldu mill-inqas 30 % tal-annimali li kienu s-suġġett tal-applikazzjoni.

19.      Ir-rikorrent ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni mogħtija fuq l-ilment. Insostenn ta’ dan ir-rikors, huwa jsostni li l-Ministru għall-Agrikoltura illegalment astjena milli japplika l-konsegwenzi legali previsti fl-Artikoli 30 u 31 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, jiġifieri t-tnaqqis u l-penali. Barra minn hekk, huwa ma ddeterminax, konformement mal-punt 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1), in-numru ta’ annimali ddeterminati u n-numru ta’ annimali li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ għajnuna, iżda ħa inkunsiderazzjoni biss in-numru ta’ annimali ddikjarati konformement mal-punt 16 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014. Madankollu, l-Artikolu 30(3) ta’ dan ir-regolament delegat jipprevedi li l-ammont tal-għajnuna huwa kkalkolat abbażi tan-numru tal-annimali ddeterminati. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent iqis li għaxra mill-ħdax-il baqar li jreddgħu li kienu s-suġġett tal-applikazzjoni jissodisfaw il-kriterji ta’ għajnuna, b’mod partikolari r-rata ta’ twellid ta’ 30 %, b’tali mod li huwa possibbli biss tnaqqis proporzjonali tal-għajnuna, u mhux ir-rifjut totali tagħha.

20.      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tar-rifjut totali tal-għajnuna akkoppjata b’mod partikolari mal-Artikoli 30 u 31 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, u għalhekk tagħmel id-domandi li ġejjin:

“1)      Il-prattika ta’ Stat Membru li skontha, meta, skont il-kriterju stabbilit mill-Istat Membru għad-dritt għal għajnuna, ir-rata ta’ twelid milħuqa fir-rigward tan-numru ta’ annimali ddikjarati tkun inqas minn dik meħtieġa u ddeterminata għall-annimali ddikjarati, it-talba għall-ħlas tal-għajnuna assoċjata mal-produzzjoni għall-baqar li jreddgħu għandha tiġi miċħuda kompletament, anki meta r-rata ta’ twelid meħtieġa tintlaħaq fi ħdan grupp iżgħar tal-annimali ddikjarati, peress li perċentwali ta’ twelid inqas minn dik meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tirriżulta f’li ebda wieħed mill-annimali ddikjarati ma jkun ammess, hija konformi mal-Artikolu 30(3) tar-[Regolament Delegat Nru 640/2014], fid-dawl tal-premessi 28 u 31, tal-punti 16 u 18 tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 31(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament [delegat]?

 2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda preliminari preċedenti, fil-każ inkwistjoni, meta l-perċentwali ta’ twelid milħuqa tkun inqas minn dik meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti ta’ gradazzjoni u ta’ proporzjonalità stabbiliti fil-premessi 28 u 31 tar-[Regolament Delegat Nru 640/2014] u tal-artikoli tad-dritt tal-Unjoni ċċitati fl-ewwel domanda preliminari, in-numru ta’ annimali ammessi fis-sens tal-punt 18 tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 30(3) tal-imsemmi regolament [delegat] għandu jiġi ddeterminat:

(a)      billi jiġu kklassifikati bħala annimali ammessi biss dawk li jkunu welldu, jew

(b)      billi jiġu kklassifikati bħala annimali ammessi dawk li, fost l-annimali ddikjarati, jifformaw il-grupp li fih tkun intlaħqet ir-rata ta’ twelid stipulata fil-leġiżlazzjoni nazzjonali?

3)      Fid-dawl tal-Artikolu 30(3) u tal-Artikolu 31(1) u (2) tar-Regolament [Delegat] Nru 640/2014 u tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità stabbilit fil-premessa 31 tiegħu, l-Artikolu 31(3) ta’ dan ir-regolament [delegat] għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi ddeterminata l-bażi tas-sanzjoni, għandu jiġi stabbilit jew il-proporzjon bejn l-annimali mhux konformi u dawk konformi, jew il-proporzjon bejn l-annimali ddikjarati u dawk konformi, u, barra minn hekk, il-kwozjent hekk miksub għandu jiġi mmultiplikat ukoll b’100 sabiex tiġi kkalkolata l-perċentwali?”

21.      Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub dwar dawn id-domandi kemm mir-rikorrent kif ukoll mill-Gvern Ungeriż u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrinunzjat, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għaż-żamma ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali.

IV.    Analiżi

A.      Issuġġett talewwel domanda preliminari

22.      L-ewwel domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar appoġġ akkoppjat volontarju abbażi ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna fil-kuntest ta’ skemi ta’ għajnuna għall-annimali (8), li l-implimentazzjoni tagħhom twettqet permezz tad-Digriet Ministerjali Nru 9. Għal dan l-għan, għandu b’mod partikolari jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1307/2013 u tar-Regolamenti Delegati Nri 639/2014 u 640/2014, kif ukoll tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, li jimplimentaw dan ir-regolament.

23.      Skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Digriet Ministerjali Nru 9, id-dritt għal għajnuna akkoppjata għat-trobbija ta’ baqar li jreddgħu huwa suġġett, b’mod partikolari, għall-kundizzjoni li mill-inqas 30 % tal-annimali ddikjarati għall-finijiet tal-għajnuna u li għalihom din l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata jkunu welldu matul is-sena koperta mill-applikazzjoni. Skont il-Gvern Ungeriż, ir-rata ta’ twellid ta’ 30 % hija intiża sabiex tinkoraġġixxi lill-bdiewa iżommu, jew saħansitra jkabbru, il-merħliet tagħhom fit-tul.

24.      Kien b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li l-Ministru għall-Agrikoltura ċaħad l-applikazzjoni għall-għajnuna tar-rikorrent kollha kemm hi, minħabba li l-ħdax-il baqar li jreddgħu li kienu ddikjarati fiha kienu laħqu biss rata ta’ twellid ta’ 27 % matul is-sena koperta mill-applikazzjoni. Ir-rikorrent ma jikkontestax dan, iżda, permezz tar-rikors tiegħu, huwa jixtieq jikseb li l-għajnuna mitluba tingħatalu għal għaxar baqriet li jreddgħu biss, li jissodisfaw ir-rata ta’ twellid ta’ 30 % mitluba. Ir-rikorrent u l-Gvern Ungeriż isostnu li din il-kwota tikkostitwixxi biss il-bażi ta’ kalkolu tal-ammont tal-għajnuna, b’tali mod li l-għajnuna tista’ sempliċement titnaqqas proporzjonalment.

25.      Ser nibda billi neżamina jekk l-Istati Membri jistgħux jistabbilixxu tali skema ta’ għajnuna. Barra minn hekk, għandu jiġi ddeterminat jekk applikazzjoni għall-għajnuna akkoppjata u n-numru ta’ annimali li huma ddikjarati fiha jistgħux, kif isostni r-rikorrent, jiġu emendati a posteriori (fil-parti B).

26.      Fl-aħħar nett, ser neżamina wkoll jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kalkolu tal-għajnuna akkoppjata u l-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi jippermettux f’dan il-każ sempliċi tnaqqis tal-għajnuna, minflok ir-rifjut tagħha (fil-parti C).

B.      Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna akkoppjata

27.      L-Artikolu 52(9) tar-Regolament Nru 1307/2013 jawtorizza lill-Kummissjoni tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 70 ta’ dan ir-regolament sabiex, b’mod partikolari, tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-appoġġ akkoppjat. Taħt it-titolu “Kundizzjonijiet għall-għoti tal-appoġġ”, l-Artikolu 53(1) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kriterji ta’ eliġibbiltà għall-miżuri ta’ appoġġ akkoppjati f’konformità mal-qafas stipulat fir-Regolament Nru 1307/2013 u mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-regolament delegat.

28.      Fil-fehma tiegħi, meta adottat l-iskema ta’ għajnuna prevista fl-Artikolu 11(1)(e) tad-Digriet Ministerjali Nru 9, l-Ungerija eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-kriterji għall-għoti tal-għajnuna akkoppjata li huma previsti fih huma “kundizzjonijiet […] tal-eliġibbiltà”, fis-sens tal-punt 3(g) tal-Anness I tar-Regolament Delegat Nru 639/2014 (9), li ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 67(1) ta’ dan ir-regolament (10).

29.      Għalhekk, l-Artikolu 11(1)(e) tad-Digriet Ministerjali Nru 9 jirregola, kif issostni l-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet għall-kisba tal-għajnuna akkoppjata prevista fih. Skont din id-dispożizzjoni, il-baqar li jreddgħu ddikjarati fl-applikazzjoni, jiġifieri n-numru ta’ annimali ddikjarati fis-sens tal-punt 16 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 (11), għandhom jilħqu rata ta’ twellid ta’ 30 % għas-sena koperta mill-applikazzjoni. Għaldaqstant din hija kundizzjoni għall-għoti tal-għajnuna marbuta strettament man-numru ta’ annimali ddikjarati fl-applikazzjoni.

30.      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 52(6) tar-Regolament Nru 1307/2013, li jipprovdi li l-ħlas annwali tal-appoġġ akkoppjat huwa bbażat, b’mod partikolari, fuq numru determinat ta’ annimali, kif ukoll mid-definizzjonijiet li jinsabu fil-punti 13 u 15 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 għal “skema ta’ għajnuna għall-annimali” u “applikazzjoni ta’ għajnuna għall-bhejjem” ibbażata fuq din l-iskema (12).

31.      F’konformità ma’ dan, l-Artikolu 11(1)(e) tad-Digriet Ministerjali Nru 9 huwa bbażat fuq l-“annimali ddikjarati” fl-applikazzjoni għall-għajnuna, fis-sens tal-punt 16 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, jiġifieri fuq numru fiss ta’ annimali. Huwa biss fid-dawl ta’ dan in-numru li għandu jiġi ddeterminat jekk ir-rata ta’ twellid ta’ 30 % kinitx issodisfatta matul is-sena koperta mill-applikazzjoni u jekk l-għajnuna kellhiex tingħata.

32.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi miċħud l-argument li l-Artikolu 11(1)(e) tad-Digriet Ministerjali Nru 9 ma jistabbilixxix il-kundizzjonijiet għall-għoti, iżda biss il-bażi tal-kalkolu tal-għajnuna akkoppjata skont in-numru ta’ “annimali ddeterminati” fis-sens tal-punt 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014.

33.      Ma huwiex ikkontestat li r-rikorrent ma kienx jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet għall-għoti fir-rigward tan-numru ta’ annimali li għalihom huwa kien applika sabiex jibbenefika minn għajnuna akkoppjata, jiġifieri ħdax-il baqra. Fil-fatt, ir-rata tat-twellid ikkalkolata abbażi ta’ din iċ-ċifra wara l-iskadenza tas-sena koperta mill-applikazzjoni kienet biss ta’ 27 %.

34.      Madankollu, ir-rikorrent isostni li huwa għandu jibbenefika minn għajnuna għal mill-inqas għaxar baqriet għaliex dawn laħqu r-rata ta’ twellid ta’ 30 %. Dan l-argument jimplika tnaqqis a posteriori fin-numru ta’ annimali ddikjarati fl-applikazzjoni għal għajnuna inizjali tad‑9 ta’ Mejju 2019.

35.      Madankollu, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, tali korrezzjoni a posteriori ma hijiex possibbli f’dan il-każ.

36.      Konformement mal-Artikolu 15(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, moqri flimkien mal-Artikolu 21(1)(c) ta’ dan ir-regolament, ebda emenda tat-talba għall-ħlas li tikkonċerna l-artijiet agrikoli kkonċernati, inkluż in-numru ta’ annimali ddikjarati fiha, ma hija awtorizzata jekk l-awtorità kompetenti tkun diġà informat lill-benefiċjarju dwar każ ta’ nuqqas ta’ konformità fit-talba għall-ħlas. Skont il-punt 2(a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, kull nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji tal-eliġibbiltà għandu jitqies bħala tali nuqqas ta’ konformità. L-awtorità kompetenti ħarġet tali indikazzjoni fil‑25 ta’ Ġunju 2020, jiġifieri wara l-iskadenza tas-sena koperta mill-applikazzjoni, meta ċaħdet l-applikazzjoni għall-għajnuna billi invokat in-nuqqas ta’ osservanza tar-rata tat-twellid ta’ 30 %.

37.      Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni eżaminati iktar ’il fuq għalhekk ma jipprekludux id-deċiżjoni tal-Ministru għall-Agrikoltura, ibbażata fuq l-Artikolu 11(1)(e) tad-Digriet Ministerjali Nru 9, li r-rikorrent jiġi rrifjutat l-għajnuna kollha mitluba.

C.      Inapplikabbiltà talArtikoli 30 u 31 tarRegolament Delegat Nru 640/2014

38.      Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrent u l-Gvern Ungeriż kif ukoll għad-dubji tal-qorti tar-rinviju, l-ebda konklużjoni differenti ma tirriżulta mill-Artikoli 30 u 31 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jikkonċernawx il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna akkoppjata, b’tali mod li ma jistgħux jirrestrinġu s-setgħa diskrezzjonali tal-Istat Membru f’dan ir-rigward, u lanqas ma jistgħu japplikaw fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ kundizzjoni għall-għoti ta’ għajnuna bħal dik f’dan il-każ.

1.      LArtikolu 30 tarRegolament Delegat Nru 640/2014

39.      Kif jindika t-titolu tiegħu stess, “Bażi tal-kalkolu”, l-Artikolu 30 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 ma jippreċiżax il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna akkoppjata, iżda jistabbilixxi biss il-kriterji għall-kalkolu tagħha. Skont l-Artikolu 30(1), l-għajnuna ma tistax tingħata għal numru ta’ annimali li jaqbeż dak indikat fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew fit-talba għall-ħlas. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 30(2), il-kundizzjoni hija li l-annimali preżenti fl-impriża agrikola jkunu ddeterminati għal dan il-għan fl-applikazzjoni għall-għajnuna. Skont l-Artikolu 30(3), jekk in-numru ta’ annimali ddikjarat fl-applikazzjoni għall-għajnuna jaqbeż in-numru ta’ annimali ddeterminat bħala riżultat ta’ kontrolli amministrattivi jew verifiki fuq il-post, l-applikazzjoni għall-għajnuna għandha tiġi kkalkolata fuq il-bażi tan-numru ta’ annimali ddeterminat (13).

40.      Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet ma jikkonċernawx il-kundizzjoni ta’ eliġibbiltà, prevista fl-Artikolu 11(1)(e) tad-Digriet Ministerjali Nru 9, marbuta man-numru ta’ annimali ddikjarati għas-sena koperta mill-applikazzjoni u huma inapplikabbli.

41.      Ċertament, il-formulazzjoni tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 ma tidhirx li teskludi li l-għajnuna tingħata għal numru inqas ta’ annimali minn dak indikat fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew fit-talba għall-ħlas.

42.      Madankollu, kif ġie espost fil-punti 28 sa 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-tnaqqis a posteriori fin-numru ta’ annimali ddikjarati fl-applikazzjoni, f’dan il-każ minn ħdax għal għaxar baqriet li jreddgħu, ma huwiex kompatibbli, la mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna taħt l-iskema ta’ għajnuna prevista fl-Artikolu 11(1)(e) tad-Digriet Ministerjali Nru 9 u lanqas mal-Artikolu 15(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 809/2014. Barra minn hekk, dan ikun imur kontra l-għan ta’ din l-iskema ta’ għajnuna, kif enfasizzat mill-Gvern Ungeriż. Il-kundizzjoni li mill-inqas 30 % tal-baqar li jreddgħu ddikjarati fl-applikazzjoni għall-għajnuna għandhom ikunu welldu matul is-sena koperta mill-applikazzjoni hija intiża sabiex tinkoraġġixxi lill-bdiewa sabiex iżommu, jew saħansitra jkabbru, il-merħliet tagħhom fit-tul (ara l-punt 23 iktar ’il fuq). Issa, la dan l-effett ta’ inċentiv u lanqas il-konservazzjoni tal-merħla ma jkunu ggarantiti jekk bidwi jkun jista’ jnaqqas a posteriori n-numru ta’ annimali ddikjarati fl-applikazzjoni għall-għajnuna sabiex josserva l-kwota ta’ twellid imposta.

2.      LArtikolu 31 tarRegolament Delegat Nru 640/2014

43.      Id-dispożizzjonijiet dwar il-penali amministrattivi previsti fl-Artikolu 31 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 lanqas ma huma applikabbli u għalhekk ma jistgħux jagħtu lok għal tnaqqis f’perċentwali tal-ammont tal-għajnuna mitluba.

44.      Huwa minnu li, skont il-punt 2(a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, kull nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna huwa każ ta’ nuqqas ta’ konformità (ara l-punt 36 iktar ’il fuq) li jista’, bħala prinċipju, iwassal għal penali amministrattivi. Huwa biss għal dan il-għan li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament delegat jirreferu għan-numru ta’ annimali ddeterminati kif ukoll għall-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward ta’ numru individwali ta’ annimali (14). Madankollu, il-kundizzjoni hija li d-dritt għall-għajnuna jkun jeżisti bħala prinċipju.

45.      Madankollu, kif diġà intqal, l-Artikolu 11(1)(e) tad-Digriet Ministerjali Nru 9 jeħtieġ, għal dan il-għan, li n-numru ta’ baqar li jreddgħu ddikjarati fl-applikazzjoni għall-għajnuna josserva rata ta’ twellid ta’ 30 % matul is-sena koperta mill-applikazzjoni. Din il-kundizzjoni għall-għoti tal-għajnuna hija, b’mod konformi mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 52(6) tar-Regolament Nru 1307/2013, moqri flimkien mal-punti 13 u 15 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 (ara l-punti 30 u 31 iktar ’il fuq), marbuta ma’ merħliet u mhux ma’ annimali (individwali).

46.      Għalhekk, tnaqqis proporzjonat tal-għajnuna skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 ma huwiex possibbli. Billi hawnhekk għandna każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet għall-għoti, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ikkonkretizzat minn dawn id-dispożizzjonijiet (15), lanqas ma jimponi konklużjoni differenti. Fil-fatt, għajnuna ma tistax tingħata, lanqas parzjalment, jekk il-kundizzjonijiet previsti għal dan l-għan ma jkunux issodisfatti.

D.      Konklużjoni intermedjarja

47.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30(3) u tal-Artikolu 31(1) sa (3) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 ma jipprekludux il-prassi deċiżjonali kontenzjuża.

48.      Għaldaqstant, għandha tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari.

49.      Għalhekk lanqas ma huwa neċessarju li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda preliminari fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-perċentwali ta’ tnaqqis previst fl-Artikolu 30(3) u fl-Artikolu 31(1) sa (3) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014.

V.      Konklużjoni

50.      Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari kif ġej:

Ir-rifjut totali ta’ talba għall-ħlas ta’ għajnuna akkoppjata marbuta mal-produzzjoni għall-baqar li jreddgħu minħabba li l-kwota tat-twellid imposta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma ġietx osservata fir-rigward tan-numru ta’ annimali ddikjarati fl-applikazzjoni għall-għajnuna huwa konformi mal-Artikolu 30(3) u mal-Artikolu 31(1) sa (3) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, anki jekk proporzjon mill-annimali, f’numru inqas min-numru ta’ annimali ddikjarati, josserva din il-kwota ta’ twellid.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea (https://agriculture.ec.europa.eu/common-agricultural-policy/income-support/additional-optional-schemes/voluntary-coupled-support_mt?etrans=mt), fil-politika agrikola komuni (PAK), ir-rabta bejn il-ħlasijiet li jappoġġaw id-dħul tal-bdiewa u l-produzzjoni ta’ ċerti prodotti tneħħiet gradwalment (“diżakkoppjat”). Dan għandu l-għan li jevita eċċessi ta’ ċerti prodotti u li jiżgura li l-bdiewa jaġġustaw il-produzzjoni tagħhom skont id-domanda reali tas-suq. Madankollu, tista’ tkun meħtieġa l-għajnuna mmirata f’setturi agrikoli speċifiċi li jgħaddu minn diffikultajiet. L-“appoġġ akkoppjat volontarju” għandu l-għan li jevita li dawn id-diffikultajiet jaggravaw minħabba li dan jista’ jwassal għall-abbandun tal-produzzjoni. Dan jaffettwa wkoll partijiet oħra tal-katina tal-provvista jew swieq relatati li huma affettwati b’mod negattiv. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jkomplu jagħtu appoġġ għad-dħul (akkoppjat) f’ċerti setturi jew għal ċerti prodotti b’mod limitat. Madankollu, tali miżura hija suġġetta għal kundizzjonijiet u għal limiti stretti sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ distorsjoni tas-suq jew tal-kompetizzjoni.


3      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83), kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 350, p.15).


4      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7), kif emendat bir-Regolament 2017/2393.


5      Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU 2014, L 181, p.1), kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1784 tad‑9 ta’ Lulju 2018 (ĠU 2018, L 293, p. 1).


6      Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 181, p. 48), kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1393 tal‑4 ta’ Mejju 2016 (ĠU 2016, L 225, p. 41).


7      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas‑17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 227, p. 69).


8      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1307/2013, moqri flimkien mal-punt 13 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014.


9      Dan il-kunċett jikkorrispondi għal dak tal-“kriterji tal-eliġibbiltà” li jinsab fl-Artikolu 53(1) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014.


10      Anki jekk dan ma jirriżultax mid-digriet tar-rinviju, għandu jitqies li l-awtoritajiet Ungeriżi kkomunikaw debitament dawn il-“kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà” lill-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014. Il-Kummissjoni tikkonferma dan meta tgħid li, wara l-komunikazzjoni tal-Ungerija, ma kienx hemm lok li tivverifika l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà kkomunikati.


11      Jiġifieri “l-annimali soġġetti għal għajnuna għall-bhejjem taħt l-iskema ta’ għajnuna għall-annimali [...]”.


12      Tali skema ta’ għajnuna hija “miżura ta’ appoġġ akkoppjat u volontarju prevista fil-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fejn il-pagament annwali [...] huwa bbażat fuq għadd fiss ta’ annimali”. L-“applikazzjoni ta’ għajnuna għall-bhejjem” jew l-“applikazzjonijiet għall-pagamenti tal-għajnuna ”, li huma bbażati fuq din l-iskema, jipprevedu wkoll li “il-pagament annwali li għandu jingħata […] huwa bbażat fuq għadd fiss ta’ annimali” (enfasi miżjuda).


13      Enfasi miżjuda.


14      Il-premessa 28 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 tirrigwarda wkoll il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità li jikkonċernaw annimali individwali, sa bejn wieħed u tlieta iktar jew inqas.


15      Ara l-ewwel sentenza tal-premessa 31 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014.