Rikors ippreżentat fl-14 ta' Ottubru 2009 - CEA vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-412/09)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Commissariat à l'énergie atomique (CEA) (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: J. García-Gallardo Gil-Fournier, M. Arias Díaz u C. Humpe, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrent
tgħarraf li rċeviet ir-rikors (rikors, setgħa ta' rappreżentazzjoni, u kopji dokumenti) u tiddikjarah ammissibbli;
teżamina r-rikors ippreżentat f'isem u għall-CEA mir-rappreżentanti legali tiegħu;
tiddikjara n-nullità, skont l-Artikolu 230 KE, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni - innotifikata lill-CEA b'ittra tad-29 ta' Lulju 2009 - li tirrifjuta li l-ħlasijiet ta' kumpens ta' waqfien mix-xogħol fid-dawl tal-irtirar mogħtija mill-CEA jiġu assimilati ma' spejjeż indiretti eliġibbli u li tagħti lill-CEA ċertifikat ta' metodoloġija tal-kontabbiltà;
sussidjarjament, skont l-Artikolu 238 KE, tiddikjara (i) li l-ħlasijiet ta' kumpens ta' waqfien mix-xogħol fid-dawl tal-irtirar huma spiża eliġibbli skont ir-regoli kuntrattwali tas-seba' Programm Qafas dwar Riċerka u Żvilupp, u (ii) tikkonstata li, fil-kuntest tas-seba' Programm Qafas dwar Riċerka u Żvilupp, il-Komunità Ewropea ma tosservax l-impenji kuntrattwali tagħha fil-konfront tal- CEA;
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Prinċipalment, ir-rikors ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE huwa intiż għall-ksib tal-annullament tad-deċiżjoni definittiva tal-Kummissjoni, innotifikata lill-Commissariat à l'énergie atomique (CEA) fid-29 ta' Lulju 2009, li tirrifjuta li l-ħlasijiet ta' kumpens ta' waqfien mix-xogħol fid-dawl tal-irtirar mogħtija minn CEA jiġu assimilati ma' spejjeż indiretti eliġibbli u li tagħti lill-CEA ċertifikat ta' metodoloġija tal-kontabbiltà sabiex ikun jista' jiddikjara l-ispejjeż indiretti tiegħu tal-persunal bil-għan li jikseb ir-rimbors tal-ispejjeż sostnuti għat-twettiq tal-proġetti kofinanzjati fil-kuntest tas-seba' Programm Qafas dwar Riċerka u Żvilupp.
Il-CEA tqis li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li l-ħlasijiet ta' kumpens ta' waqfien mix-xogħol fid-dawl tal-irtirar ma jikkostitwixxux spejjeż indiretti eliġibbli, hija msejsa fuq żbalji ta' liġi u fuq żbalji manifesti ta' evalwazzjoni tal-fatti u li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba, ta' ċertezza legali, ta' proporzjonalità u ta' protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
Sussidjarjament, ir-rikors huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat, abbażi tal-Artikolu 238 KE, li l-Kummissjoni ma tosservax l-impenji kuntrattwali tagħha fil-konfront tal-CEA meta tirrifjuta li l-ħlasijiet ta' kumpens ta' waqfien mix-xogħol fid-dawl tal-irtirar mogħtija minn CEA jiġu assimilati ma' spejjeż eliġibbli u, għaldaqstant, li tirrimborshom.
____________