Language of document : ECLI:EU:T:2012:260

Kawża T-111/08

MasterCard, Inc. et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi — Suq tas-servizzi ta’ akkwist ta’ tranżazzjonijiet imwettqa b’karti ta’ debitu, ta’ debitu differit u ta’ kreditu — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Drittijiet multilaterali tal-interskambju ta’ riżerva — Artikolu 81(1) u (3) KE — Kunċett ta’ restrizzjoni anċillari — Assenza ta’ natura oġġettivament neċessarja — Restrizzjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-effett — Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ eżenzjoni individwali — Drittijiet tad-difiża — Miżura korrettiva — Pagamenti ta’ penalità — Motivazzjoni — Proporzjonalità”

Sommarju tas-sentenza

1.      Proċedura — Rikors promotur — Risposta — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati — Dokumenti annessi mar-rikors jew mar-risposta — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 44(1)(ċ), 46(1)(b), u 47(1))

2.      Kompetizzjoni — Akkordji — Projbizzjoni — Eżenzjoni — Klawżola kklassifikata bħala restrizzjoni anċillari — Kunċett ta’ restrizzjoni anċillari — Portata — Restrizzjoni direttament relatata u meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ operazzjoni prinċipali — Natura oġġettiva u proporzjonata

(Artikolu 81(1) u (3) KE)

3.      Kompetizzjoni — Akkordji — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Għan antikompetittiv — Konstatazzjoni suffiċjenti

(Artikolu 81(1) KE)

4.      Kompetizzjoni — Akkordji — Delimitazzjoni tas-suq — Suġġett — Evalwazzjoni tal-impatt tal-akkordju fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Konsegwenzi tal-ilmenti mressqa fir-rigward tagħha

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

5.      Kompetizzjoni — Akkordji — Projbizzjoni — Eżenzjoni — Kundizzjonijiet — Oneru tal-prova

(Artikolu 81(3) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

6.      Kompetizzjoni — Akkordji — Projbizzjoni — Eżenzjoni — Kundizzjonijiet — Titjib tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni ta’ prodotti jew kontribuzzjoni għall-progress tekniku jew ekonomiku

(Artikolu 81(3) KE)

7.      Kompetizzjoni — Akkordji — Projbizzjoni — Eżenzjoni — Kundizzjonijiet — Evalwazzjoni ekonomika kumplessa — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Artikolu 81(3) KE)

8.      Kompetizzjoni — Akkordji — Deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi — Kunċett

(Artikolu 81(1) KE)

9.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Kontenut neċessarju

(Artikolu 81(1) KE, Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(1))

10.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Dritt ta’ aċċess għall-fajl — Ksur — Rifjut ta’ aċċess għal dokumenti li jistgħu jkunu utli għad-difiża tal-impriża

1.      Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u l-espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu. Għalkemm it-test proprju tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi ta’ dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk dawn ikunu annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għall-assenza tal-punti essenzjali tal-argumentazzjoni legali, li, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir-rikors.

Barra minn hekk, ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li għandha tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li hija tista’ tqis li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, u dan peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali.

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tapplika wkoll għall-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-replika li, skont l-Artikolu 47(1) tal-istess Regoli, hija intiża li tikkompleta r-rikors.

Minkejja li, fir-rigward tal-preżunzjoni ta’ legalità li minnha jibbenefikaw l-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, ir-rikors u r-risposta jservu, kull wieħed minnhom, għanijiet differenti, u, għaldaqstant, rekwiżiti differenti, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, f’dak li jikkonċerna l-possibbiltà ta’ riferimenti għal dokumenti annessi mar-risposta, hemm lok li jiġi segwit l-istess approċċ bħal dak li jipprevali fir-rigward tar-rikors, peress li l-Artikolu 46(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura jippreċiża li r-risposta għandu jkun fiha l-argumenti ta’ liġi u ta’ fatt invokati.

L-annessi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss sa fejn dawn jissostanzjaw jew jikkompletaw il-motivi jew l-argumenti espressament invokati mill-partijiet fit-test proprju tal-atti tagħhom u sa fejn ikun possibbli li jiġi identifikat bi preċiżjoni liema huma dawk il-punti li jinsabu fihom, li jissostanzjaw jew li jikkompletaw l-imsemmija motivi jew argumenti.

(ara l-punti 68-71)

2.      Il-kunċett ta’ restrizzjoni anċillari fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jkopri kwalunkwe restrizzjoni li hija direttament relatata u meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ operazzjoni prinċipali.

Restrizzjoni direttament relatata mal-implementazzjoni ta’ operazzjoni prinċipali għandha tinftiehem li hija kwalunkwe restrizzjoni li għandha importanza subordinata fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ dik l-operazzjoni u li għandha rabta evidenti magħha.

Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar in-natura neċessarja ta’ restrizzjoni, din timplika eżami minn żewġ aspetti. Fil-fatt, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit, minn naħa, jekk ir-restrizzjoni hijiex oġġettivament neċessarja għall-implementazzjoni tal-operazzjoni prinċipali u, min-naħa l-oħra, jekk din hijiex proporzjonali għaliha.

F’dak li jikkonċerna l-eżami tan-natura oġġettivament neċessarja ta’ restrizzjoni, għandu jitfakkar li, sa fejn l-eżistenza ta’ regola ta’ raġonevolezza (rule of reason) ma tistax tiġi aċċettata, il-kundizzjoni tan-neċessità oġġettiva ma tistax tiġi interpretata bħala li timplika bbilanċjar tal-effetti ta’ ftehim li huma favur u kontra l-kompetizzjoni. Fil-fatt, analiżi bħal din tista’ sseħħ biss fil-kuntest speċifiku tal-Artikolu 81(3) KE. Għaldaqstant, l-eżami tan-natura oġġettivament neċessarja ta’ restrizzjoni fir-rigward tal-operazzjoni prinċipali tista’ tkun biss relattivament astratta. Ma hijiex kwistjoni li jiġi analizzat jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq rilevanti, ir-restrizzjoni hijiex indispensabbli għas-suċċess kummerċjali tal-operazzjoni prinċipali, imma li jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest speċifiku tal-operazzjoni prinċipali, ir-restrizzjoni hijiex neċessarja sabiex tiġi implementata dik l-operazzjoni. Jekk, fl-assenza tar-restrizzjoni, l-operazzjoni prinċipali tkun diffiċli jew saħansitra impossibbli biex tiġi implementata, ir-restrizzjoni tista’ titqies bħala oġġettivament neċessarja għall-implementazzjoni tagħha.

Fir-rigward tal-eżami tan-natura proporzjonali tar-restrizzjoni fir-rigward tal-implementazzjoni tal-operazzjoni prinċipali, għandu jiġi vverifikat jekk it-tul tagħha u l-kamp ta’ applikazzjoni materjali u ġeografiku tagħha jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex tiġi implementata l-imsemmija operazzjoni. Jekk it-tul jew il-kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjoni jeċċedu dak li huwa neċessarju sabiex tiġi implementata l-operazzjoni, din għandha tiġi analizzata separatament fil-kuntest tal-Artikolu 81(3) KE.

Fl-aħħar nett, sa fejn l-evalwazzjoni tan-natura anċillari ta’ restrizzjoni fir-rigward ta’ operazzjoni prinċipali timplika evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mill-Kummissjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dik l-evalwazzjoni għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali, tan-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni u tal-eżattezza materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter.

(ara l-punti 77-82)

3.      L-għan u l-effett antikompetittiv ta’ ftehim huma kundizzjonijiet mhux kumulattivi, iżda alternattivi sabiex ikun evalwat jekk tali ftehim jaqax taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE. In-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, indikata bil-konġunzjoni “jew”, twassal għall-ħtieġa li jiġi kkunsidrat fl-ewwel lok l-għan stess tal-ftehim, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku li għandu jiġi applikat fih. Fil-każ madankollu fejn l-analiżi tal-kontenut tal-ftehim ma turix grad biżżejjed ta’ ħsara fil-konfront tal-kompetizzjoni, għandu għalhekk isir eżami tal-effetti u, sabiex ikun ipprojbit, jeħtieġ li jiġu sodisfatti elementi li jistabbilixxu li kien hemm jew prevenzjoni, jew restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod sostanzjali. Ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti ta’ ftehim meta l-għan antikompetittiv ta’ dan tal-aħħar jiġi stabbilit.

(ara l-punt 139)

4.      Id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni għandha rwol differenti skont jekk jiġix applikat l-Artikolu 81 KE jew l-Artikolu 82 KE. Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE, id-definizzjoni adatta tas-suq inkwistjoni hija kundizzjoni neċessarja u minn qabel għad-deċiżjoni dwar aġir allegatament antikompetittiv, peress li, qabel ma tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, għandha tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti f’suq partikolari, li jippresupponi li dan is-suq kien delimitat minn qabel. Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, is-suq inkwistjoni għandu jiġi ddefinit sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ftehim, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew il-prattika miftiehma inkwistjoni tistax taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u għandhiex l-għan jew l-effett li tipprevjeni, tirrestrinġi jew toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. Din hija r-raġuni li għaliha, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, l-ilmenti fformulati kontra d-definizzjoni tas-suq adottata mill-Kummissjoni ma jistgħux jitqiesu b’mod iżolat minn dawk li jirrigwardaw l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-ħsara għall-kompetizzjoni. Il-kontestazzjoni tad-definizzjoni tas-suq rilevanti hija ineffettiva jekk il-Kummissjoni, fuq il-bażi tad-dokumenti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, ġustament ikkonkludiet li l-ftehim inkwistjoni ħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u seta’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn Stati Membri.

(ara l-punt 171)

5.      Hekk kif tfakkar fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, hija l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi li tinvoka l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE li għandha tipprova li l-kundizzjonijiet ta’ dak il-paragrafu huma sodisfatti. Konsegwentement, il-persuna li tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 81(3) KE trid turi li dawn il-kundizzjonijiet ġew kollha sodisfatti, permezz ta’ argumenti u ta’ provi konvinċenti.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni għandha teżamina dawn l-argumenti u dawn il-provi b’mod adegwat, jiġifieri hija għandha tistabbilixxi jekk huma jurux li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE huma sodisfatti kollha. F’ċerti każijiet, dawn l-argumenti u dawn il-provi jistgħu jkunu ta’ natura li jobbligawha tipprovdi spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, u fin-nuqqas ta’ dan ikun permess li jiġi konkluż li l-oneru tal-prova li għandha l-persuna li tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 81(3) KE ġie sodisfatt. F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni għandha tikkonfuta dawn l-argumenti u dawn il-provi.

(ara l-punti 196, 197)

6.      Kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, sew jekk bl-effetti tagħha jew bl-għan tagħha, tista’ fil-prinċipju tibbenefika minn eżenzjoni skont l-Artikolu 81(3) KE.

L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet, li l-osservanza kollha tagħhom hija kemm neċessarja kif ukoll suffiċjenti. Hemm bżonn, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni jew il-kategorija ta’ deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi tkun tikkontribwixxi sabiex titjieb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti inkwistjoni jew sabiex tippromwovi l-progress tekniku jew ekonomiku, it-tieni nett, li parti xierqa tal-profitt li jirriżulta minnha jkun riżervat għall-utenti, it-tielet nett, li din ma tkun timponi l-ebda restrizzjoni li ma hijiex indispensabbli fuq l-impriżi parteċipanti u, ir-raba’ nett, li din ma tagħtihomx il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni għal parti sostanzjali tal-prodotti inkwistjoni.

Skont l-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 81(3) KE, il-ftehim li jistgħu jiġu eżentati għandhom “jikkontribwixxu biex itejbu l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni ta’ prodotti, jew biex jippromwovu progress tekniku jew ekonomiku”. It-titjib ma jistax jiġi identifikat għal kull vantaġġ li l-imsieħba jieħdu mill-ftehim fuq l-attività tagħhom ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni. Dan it-titjib għandu b’mod partikolari jkollu vantaġġi oġġettivi sinjifikattivi, ta’ natura li jikkumpensaw għall-inkonvenjenzi li l-ftehim joħloq fir-rigward tal-kompetizzjoni.

Il-vantaġġi oġġettivi sinjifikattivi kkonċernati bl-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 81(3) KE jistgħu jirriżultaw mhux biss fis-suq inkwistjoni, iżda wkoll għal kull suq ieħor li fih il-ftehim inkwistjoni jista’ jipproduċi effetti benefiċi, kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, għal kull servizz li l-kwalità jew l-effiċjenza tiegħu tista’ titjieb permezz tal-eżistenza tal-imsemmi ftehim.

(ara l-punti 199, 200, 206, 228)

7.      Il-qorti li quddiemha tkun tressqet talba għall-annullament ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 81(3) KE għandha twettaq, sa fejn hija tkun qed tanalizza evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, stħarriġ limitat, fir-rigward tal-mertu, għall-verifika tal-eżattezza materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u tal-eżattezza tal-konsegwenzi legali li huma dedotti minnhom.

Madankollu hija trid tivverifika mhux biss jekk il-provi invokati humiex materjalment eżatti, affidabbli u koerenti, iżda wkoll jekk huma jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn il-provi humiex ta’ natura li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li joħorġu minnhom. Min-naħa l-oħra, hija ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-awtur tad-deċiżjoni li hija ntalbet tistħarreġ il-legalità tagħha bl-evalwazzjoni ekonomika tagħha stess.

(ara l-punti 201, 202)

8.      L-Artikolu 81 KE japplika għall-assoċjazzjonijiet sa fejn l-attività proprja tagħhom jew dik tal-impriżi membri tagħhom għandha tendenza li tipproduċi l-effetti li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi.

Il-kunċetti ta’ “ftehim”, ta’ “deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi” u ta’ “prattika miftiehma” huma, mil-lat suġġettiv, forom ta’ kollużjoni li jaqsmu l-istess karatteristiċi u li jistgħu biss jiġu distinti mill-intensità tagħhom u mill-forom li fihom huma jimmanifestaw ruħhom.

Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-kunċett ta’ “deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi”, dan huwa intiż sabiex jiġi evitat li l-impriżi jkunu jistgħu jaħarbu mir-regoli tal-kompetizzjoni minħabba l-mod li bih huma jikkoordinaw l-aġir tagħhom fis-suq. Sabiex jiggarantixxi l-effettività ta’ dan il-prinċipju, l-Artikolu 81(1) KE jkopri mhux biss il-modalitajiet diretti ta’ koordinazzjoni ta’ aġir bejn impriżi (il-ftehim u l-prattiki miftiehma), iżda wkoll il-forom istituzzjonalizzati ta’ kooperazzjoni, jiġifieri s-sitwazzjonijiet fejn l-operaturi ekonomiċi jaġixxu permezz ta’ struttura kollettiva jew ta’ korp komuni.

L-eżistenza ta’ komunanza ta’ interessi, jew ta’ interess komuni, hija element rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

(ara l-punti 241-243, 251)

9.      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li, matul il-proċedura amministrattiva, l-impriża kkonċernata tkun ingħatat il-possibbiltà li tagħti b’mod utli l-opinjoni tagħha fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll dwar id-dokumenti invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur tat-Trattat.

L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirrifletti dan il-prinċipju, sa fejn huwa jipprevedi li għandha tintbagħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, lill-partijiet, li b’mod ċar għandha tinformahom bl-elementi essenzjali kollha li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom f’dan l-istadju tal-proċedura, sabiex tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu b’mod effettiv l-aġir li l-Kummissjoni qiegħda takkużahom bih u sabiex huma jkunu jistgħu jsostnu b’mod utli d-difiża tagħhom qabel ma din tadotta deċiżjoni definittiva. Dan ir-rekwiżit huwa osservat peress li l-imsemmija deċiżjoni ma takkużax lill-persuni kkonċernati bi ksur differenti minn dawk imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u tieħu inkunsiderazzjoni biss fatti li fuqhom il-persuni kkonċernati kellhom l-okkażjoni jispjegaw ruħhom.

Madankollu, din l-indikazzjoni tista’ tingħata b’mod sommarju u d-deċiżjoni finali ma għandhiex għalfejn tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, peress li din id-dikjarazzjoni tikkostitwixxi dokument preparatorju li l-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi tiegħu għandhom natura purament provviżorja. Għalhekk, huma permissibbli xi żidiet mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet imwettqa fid-dawl tar-risposta tal-partijiet, li l-argumenti tagħhom juru li huma setgħu effettivament jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ wkoll, fid-dawl tal-proċedura amministrattiva, tirrevedi jew iżżid argumenti ta’ fatt jew ta’ liġi insostenn tal-ilmenti li hija fformulat.

Għalhekk, il-komunikazzjoni, lill-persuni kkonċernati, ta’ lmenti addizzjonali hija neċessarja biss fil-każ fejn ir-riżultat tal-verifiki jwassal lill-Kummissjoni sabiex takkuża lil impriżi b’atti ġodda jew sabiex temenda b’mod sinjifikattiv il-provi tal-ksur ikkontestat.

(ara l-punti 265-268)

10.    Ikun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża meta tkun teżisti l-possibbiltà li, minħabba irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni, il-proċedura amministrattiva mwettqa minnha tkun setgħet wasslet għal riżultat differenti. Impriża rikorrenti tistabbilixxi li tali ksur kien seħħ meta hija turi b’mod suffiċjenti mhux li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti, iżda li hija setgħet tiżgura b’mod aħjar id-difiża tagħha fl-assenza tal-irregolarità, pereżempju minħabba l-fatt li, għad-difiża tagħha, hija setgħet użat dokumenti li l-aċċess tagħha għalihom ġie rrifjutat matul il-proċedura amministrattiva.

(ara l-punt 269)