Language of document :

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil‑11 ta’ Lulju 2024 (1)

Kawża C318/24 PPU [Breian] (i)

Direcţia Naţională Anticorupţie – Serviciul Teritorial Braşov (id-Direttorat Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni – Dipartiment ta’ Braşov, ir-Rumanija)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Braşov (il-Qorti tal-Appell ta’ Braşov, ir-Rumanija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Rifjut tal-konsenja ta’ persuni rikjesti – Awtorità ta’ res judicata tar-rifjut – Rikonoxximent reċiproku u fiduċja reċiproka – Nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati fil-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti – Ġurament tal-ħatra tal-imħallfin Rumeni – Obbligu li jiġi ppreżentat rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà ta’ deċiżjoni ta’ rifjut definittiv mad-dritt tal-Unjoni – Deċiżjoni tal-Commission for the Control of Interpol’s Files (il-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Fajls tal-Interpol, CCF) – Drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-awtorità ġudizzjarja emittenti fil-proċedura quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Talba lill-Kummissjoni – Kooperazzjoni bejn awtoritajiet ġudizzjarji – Standards ta’ protezzjoni ogħla tal-Istat Membru”






I.      Introduzzjoni

1.        Din il-kawża tikkonċerna mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ abbażi tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (2) dwar l-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà fir-Rumanija. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni fi Franza rrifjutat il-konsenja tal-persuna rikjesta (iktar ’il quddiem il-“persuna kkundannata”) b’mod definittiv. Hija tara fir-Rumanija nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati fir-rigward tal-ġurament tal-ħatra tal-imħallfin u għandha, b’mod partikolari, dubji dwar jekk tnejn mit-tliet imħallfin li ordnaw il-piena li ċċaħħad il-libertà kinux effettivament ħadu ġurament.

2.        Il-qorti Rumena, li għandha ġurisdizzjoni għall-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà, issa qiegħda tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċċara l-portata tal-impatt tad-deċiżjoni ta’ rifjut fir-rigward tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Din it-talba tirrigwarda prinċipalment l-effett tal-awtorità ta’ res judicata tad-deċiżjoni ta’ rifjut fir-rigward ta’ Stati Membri oħra u d-dubji dwar il-ġurament tal-ħatra. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata ta’ deċiżjoni tal-Interpol invokata mill-awtorità ġudizzjarja Franċiża ta’ eżekuzzjoni u dwar jekk hija tistax tipparteċipa hija stess fil-proċedura quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jew, tal-inqas, tirrikorri għall-Kummissjoni Ewropea.

3.        Sadanittant, awtorità ġudizzjarja oħra ta’ eżekuzzjoni f’Malta, fejn il-persuna kkundannata reġgħet ġiet arrestata, qiegħda teżamina jekk hemmx lok li din il-persuna tiġi kkonsenjata lir-Rumanija. Peress li l-ewwel istanza Maltija rrifjutat li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest minħabba dubji dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fir-Rumanija, il-qorti Rumena għamlet domanda addizzjonali lill-Qorti tal-Ġustizzja. Din tikkonċerna, minn naħa, il-kooperazzjoni mal-qorti Maltija u, min-naħa l-oħra, l-istandard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali applikat mill-qorti Maltija.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt internazzjonali

4.        Skont l-Artikolu 2(1) tal-Istatut tal-Interpol (Constitution of Interpol), adottat fl‑1956 u emendat l-aħħar fl‑2023, wieħed mill-għanijiet tal-Interpol huwa

“li tiġi żgurata u żviluppata iktar l-iktar assistenza reċiproka wiesgħa possibbli bejn l-awtoritajiet tal-pulizija kriminali kollha fi ħdan il-liġijiet eżistenti fil-pajjiżi individwali u fl-ispirtu tad-‘Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem’” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5.        L-Artikolu 5 tal-Istatut tal-Interpol isemmi lill-Commission for the Control of Interpol’s Files (il-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Fajls tal-Interpol, iktar ’il quddiem iċ-“CCF”) bħala parti mill-Interpol.

6.        F’konformità mal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Interpol, iċ-CCF hija awtorità indipendenti li għandha tiżgura li l-ipproċessar ta’ data personali mill-Interpol jikkonforma mar-regoli applikabbli (paragrafu 1). Għal dan l-għan, hija għandha, b’mod partikolari, tiddeċiedi dwar kull ilment dwar dan is-suġġett (paragrafu 3).

7.        Iċ-CCF għandha l-istatut tagħha stess (Statute of the Commission for the Control of Interpol’ s Files), li jirregola l-kompiti u s-setgħat tagħha f’iktar dettall. Hija tista’ b’mod partikolari tordna t-tħassir ta’ data personali mis-sistema ta’ informazzjoni tal-Interpol (Artikolu 3(1)(c)).

B.      Iddritt talUnjoni

8.        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jiddefinixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew u jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jeżegwixxuh:

“(1)      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

(2)      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

(3)      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

9.        Id-deċiżjoni dwar il-konsenja kif ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-awtorità ġudizzjarja emittenti u l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni huma rregolati mill-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584:

“(1)      L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.

(2)      Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti mhijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-wasla tagħha, waqt li tittieħed f’konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 17.

(3)      L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ fi kwalunkwe ħin titrasmetti kwalunkwe informazzjoni utli addizjonali lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni.”

III. Ilfatti u ttalba għal deċiżjoni preliminari

10.      It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà. Il-qrati Rumeni imponew fuq il-persuna kkundannata piena li ċċaħħad il-libertà ta’ diversi snin. Wara li din il-persuna telqet mir-Rumanija, il-qorti tar-rinviju ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew.

11.      Sussegwentement, il-persuna kkundannata l-ewwel twaqqfet fi Franza. Madankollu, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti kompetenti hemmhekk irrifjutat l-estradizzjoni lejn ir-Rumanija permezz ta’ deċiżjoni li minn dak iż-żmien saret finali. Il-ġudikatura Rumena tbati minn nuqqasijiet sistemiċi, li fil-kawża ineżami wrew ruħhom b’mod partikolari fil-fatt li mħallef li pparteċipat fil-kundanna fl-aħħar istanza kienet ħadet biss ġurament tal-ħatra bħala avukata tal-Istat u ma setgħet tiġi pprodotta ebda prova tat-teħid ta’ ġurament ta’ mħallef parteċipanti ieħor. Għalhekk kien jeżisti riskju reali li l-kundanna ma kinitx ingħatat minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, wara smigħ xieraq fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

12.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti Franċiża rreferiet ukoll għaċ-CCF li, wara lment min-naħa tal-persuna kkundannata, kienet qajmet dubji serji dwar l-elementi politiċi u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-proċedura kriminali Rumena li wasslet għall-kundanna tagħha. Għalhekk, iċ-CCF iddeċidiet li l-informazzjoni dwar il-persuna kkundannata kellha titneħħa mill-fajls tal-Interpol.

13.      Sussegwentement, fid‑29 ta’ April 2024, il-persuna kkundannata ġiet arrestata f’Malta bis-saħħa tal-istess mandat ta’ arrest Ewropew. L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni Maltija għalhekk talbet informazzjoni addizzjonali mingħand il-qorti tar-rinviju u indikat li l-persuna rikjesta kienet qiegħda tinvoka d-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni Franċiża.

14.      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li, fit‑30 ta’ April 2024, il-Curtea de Apel Braunov (il-Qorti tal-Appell ta’ Braşov, ir-Rumanija) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 15(1) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584] jista’ jiġi interpretat fis-sens li d-deċiżjoni definittiva li permezz tagħha awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta l-konsenja tal-persuna rikjesta għandha awtorità ta’ res judicata fir-rigward ta’ awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni oħra minn Stat Membru ieħor jew għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix [repetizzjoni] tat-talba għal konsenja bbażata fuq l-istess mandat ta’ arrest Ewropew, meta l-elementi li ostakolaw l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew preċedenti tneħħew jew meta d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew ma kinitx konformi mad-dritt tal-Unjoni, sakemm l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid ma twassalx għal ksur tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u sakemm ir-repetizzjoni tat-talba għal konsenja jkollha natura proporzjonali, konformement mal-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 mis-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57) (punt 141 u r-risposta għas-sitt domanda)?

2)      L-Artikolu 1(3) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584] ikkunsidrat flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-[Karta], jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat Ewropew maħruġ għall-fini tal-eżekuzzjoni ta’ piena meta, fil-kuntest tal-verifika tal-obbligu tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-proċedura għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, fir-rigward tad-dritt għal smigħ xieraq, f’termini tar-rekwiżit ta’ qorti stabbilita mil-liġi, previst mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-[Karta], ġew identifikati irregolaritajiet fir-rigward tat-teħid tal-ġurament tal-membri tal-kulleġġ ġudikanti tal-qorti [li tat is-sentenza ta’ kundanna], mingħajr ma tqiegħed f’diskussjoni l-indħil ta’ setgħat pubbliċi oħra fil-proċess tal-ħatra tal-imħallfin?

3)      L-Artikolu 1(3) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584], ikkunsidrat flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-[Karta] jista’ jiġi interpretat fis-sens li f’sitwazzjoni fejn persuna suġġetta għal mandat ta’ arrest Ewropew ssostni li l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti ser twassal għan-nuqqas ta’ rispett tad-dritt tagħha għal smigħ xieraq, l-eżistenza ta’ deċiżjoni [taċ-CFF] li tirrigwarda direttament is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna, ma tistax tiġġustifika, fiha nnifisha, ir-rifjut tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni? Iżda deċiżjoni bħal din tista’, minflok, tiġi kkunsidrata minn din l-awtorità ġudizzjarja, fost elementi oħra, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġenerali fil-funzjonament tas-sistema ġurisdizzjonali ta’ dan l-Istat Membru jew ta’ nuqqasijiet li jaffettwaw il-protezzjoni ġudizzjarja ta’ grupp oġġettivament identifikabbli ta’ persuni li għalih din il-persuna tkun tappartjeni?

4)      Id-[Deċiżjoni Qafas 2002/584] tista’ tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix ir-repetizzjoni tat-talba għal konsenja tal-persuna rikjesta, ibbażata fuq l-istess mandat ta’ arrest Ewropew [li l-eżekuzzjoni tiegħu ġiet irrifjutata] inizjalment minn qorti ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru, quddiem qorti ta’ eżekuzzjoni oħra fi Stat Membru ieħor, meta l-awtorità ġudizzjarja emittenti nnifisha ssib li d-deċiżjoni preċedenti li tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma kinitx konformi mad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tal-prassi ġudizzjarja diġà eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja jew biss bħala riżultat tar-rinviju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni applikabbli f’dik il-kawża?

5)      Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, previst mill-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif ukoll il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ kooperazzjoni leali, previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, ikkunsidrati flimkien mal-ħtieġa li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet tal-persuni involuti fil-proċedura, kollha b’riferiment għall-Artikoli 15 u 19 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jippermettu lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti (il-qorti emittenti [li tkun irrappreżentata minn] rappreżentant dirett jew, fuq stedina tagħha, minn korpi ġudizzjarji oħra bħalma huma membru tal-ġudikatura ta’ kollegament, il-membru nazzjonali tal-Eurojust jew il-prosekutur tal-Istat Membru emittenti) sabiex jipparteċipaw direttament, billi jifformulaw talbiet, offerti ta’ provi u billi jieħdu sehem f’dibattiti ġudizzjarji, fi ħdan il-proċeduri ġudizzjarji għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, imwettqa mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll sabiex jeżerċitaw d-dritt ta’ appell kontra d-deċiżjoni dwar ir-rifjut ta’ konsenja, sal-punt u taħt il-kundizzjonijiet li fihom tali dritt ta’ appell huwa previst fid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, ibbażat fuq u fl-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza?

6)      L-Artikolu 17(1) TUE dwar is-setgħat tal-Kummissjoni, ikkunsidrat b’riferiment għad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jista’ jiġi interpretat fis-sens li s-setgħat tal-Kummissjoni fir-rigward tal-promozzjoni tal-interess ġenerali tal-Unjoni bit-teħid ta’ inizjattivi xierqa għal dan il-għan u s-setgħat rigward l-iżgurar tas-superviżjoni tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jiġu eżerċitati fil-kwistjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, anki fuq talba tal-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew, jekk hija tqis li, billi tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, taffettwa serjament il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ kooperazzjoni leali, bil-għan li l-Kummissjoni tieħu l-miżuri li hija tqis meħtieġa konformement ma’ dawn is-setgħat u f’indipendenza sħiħa?”

15.      Il-Ħames Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis‑16 ta’ Mejju 2024, li tissuġġetta dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikoli 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u fl-Artikoli 107 et seq. tar-Regoli tal-Proċedura. Fl-istess ħin, hija talbet kjarifiki addizzjonali mingħand il-qorti tar-rinviju dwar il-proċedura pendenti quddiemha.

16.      Fl‑20 ta’ Mejju 2024, il-qorti Maltija kompetenti fl-ewwel istanza rrifjutat li tikkonsenja lill-persuna kkundannata lir-Rumanija, minħabba li l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fir-Rumanija u l-informazzjoni li hija kellha ma kinux jippermettulha tikkonstata li l-projbizzjoni tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti prevista fl-Artikolu 4 tal-Karta kienet ser tiġi osservata fir-rigward tal-persuna kkundannata. Fit‑22 ta’ Mejju 2024, il-qorti tar-rinviju, flimkien mal-informazzjoni mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk għamlet domanda oħra lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“7)      L-Artikolu 1(3) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 4 tal-[Karta] dwar il-projbizzjoni ta’ trattament inuman jew degradanti, għandu jiġi interpretat fis-sens li, abbażi tal-analiżi tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti, minn naħa, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew ibbażat fuq informazzjoni li ma ġietx miġjuba għall-attenzjoni tal-awtorità ġudizzjarja emittenti u li dwarha din tal-aħħar ma kellhiex l-opportunità li tipprovdi informazzjoni addizzjonali fis-sens tal-Artikolu 15(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas, u min-naħa l-oħra, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tapplika standard ogħla minn dak previst mill-Karta u mingħajr ma tis1peċifika b’mod preċiż in-normi li jirreferu għalihom, b’mod partikolari fir-rigward ta’ rekwiżiti ta’ detenzjoni bħall-istabbiliment ta’ ‘pjan ta’ eżekuzzjoni tal-piena preċiż’, ‘kriterji preċiżi sabiex tiġi stabbilita sistema ta’ eżekuzzjoni partikolari’ u garanziji kontra d-diskriminazzjoni minħabba ‘pożizzjoni partikolarment unika u sensittiva’?”

17.      Sadanittant, il-prosekutur pubbliku Malti ppreżenta rikors kontra r-rifjut tal-konsenja, li ntlaqa’, u b’hekk il-proċedura tinsab mill-ġdid pendenti quddiem il-qorti tal-ewwel istanza u l-persuna kkundannata għadha tinsab arrestata. Skont l-aħħar informazzjoni, il-qorti tal-ewwel istanza issa ordnat il-konsenja, iżda l-persuna kkundannata appellat minn din id-deċiżjoni.

18.      Il-Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie – Direcţia Naţională Anticorupţie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fil-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja – Direttorat Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni, ir-Rumanija), il-persuna kkundannata, ir-Rumanija, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika ta’ Malta u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-persuna kkundannata, ir-Rumanija, l-Irlanda u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li nżammet fl‑24 ta’ Ġunju 2024.

IV.    Evalwazzjoni ġuridika

19.      Din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija reazzjoni għad-deċiżjonijiet tal-qrati Franċiżi u Maltin li ma jeżegwixxux il-mandat ta’ arrest Ewropew kontenzjuż. Qabel kollox għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari u l-urġenza tagħha (ara iktar ’il quddiem, taħt il-punt A). Sostantivament, l-awtorità ta’ res judicata tad-deċiżjoni Franċiża tagħti lok għal kwistjonijiet relatati mal-effett tagħha fi Stati Membri oħra (ara iktar ’il quddiem taħt il-punt B) u mal-ħtieġa ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni (ara iktar ’il quddiem, taħt il-punt C). Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-istess ħin, jekk l-oġġezzjonijiet imqajma mill-qorti Franċiża fir-rigward tal-ġurament tal-ħatra tal-imħallfin Rumeni li pparteċipaw fl-għoti tad-deċiżjoni ta’ kundanna jistgħux jiġġustifikaw rifjut ta’ konsenja (ara iktar ’il quddiem, taħt il-punt D). Barra minn hekk, hija tistaqsi dwar l-importanza tal-konstatazzjonijiet magħmula minn organu tal-Interpol (ara iktar ’il quddiem, taħt il-punt E) kif ukoll dwar jekk hija tistax tipparteċipa direttament fil-proċedura quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni (ara iktar ’il quddiem, taħt il-punt F) jew jekk tistax tressaq il-kwistjoni quddiem il-Kummissjoni (ara iktar ’il quddiem, taħt il-punt G). Finalment, id-deċiżjoni ta’ rifjut Maltija tqajjem kwistjonijiet dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtorità ġudizzjarja emittenti u l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni kif ukoll dwar l-istandard tad-drittijiet fundamentali applikabbli (ara iktar ’il quddiem, taħt il-punt H).

A.      Lammissibbiltà u lurġenza

20.      Prima facie, jista’ jkun hemm dubju dwar jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari hijiex effettivament rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jiġifieri jekk hijiex ammissibbli. Barra minn hekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk hemmx urġenza fis-sens tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

21.      Il-qorti tar-rinviju Rumena ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew li l-eżekuzzjoni tiegħu qiegħda attwalment tiġi eżaminata f’Malta. Għalhekk, ma hijiex il-qorti tar-rinviju, iżda qorti Maltija, li ser tiddeċiedi jekk il-persuna kkundannata tibqax taħt detenzjoni hemmhekk u, jekk ikun il-każ, għal kemm żmien. Deċiżjoni ta’ detenzjoni tal-qorti tar-rinviju tista’ tiġi kkunsidrata biss fil-futur fil-każ li l-persuna kkundannata tiġi kkonsenjata minn Malta lir-Rumanija.

22.      Għalhekk, fir-rigward tar-rilevanza għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-qorti tar-rinviju għandhiex effettivament tieħu deċiżjoni li teħtieġ risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula.

23.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li, fil-kuntest ta’ proċedura dwar mandat ta’ arrest Ewropew, huwa primarjament l-Istat Membru emittenti li huwa responsabbli għall-garanzija tad-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta. Peress li l-ħruġ ta’ tali mandat ta’ arrest jista’ jagħti lok għall-arrest ta’ din il-persuna, awtorità ġudizzjarja emittenti għandu jkollha, sabiex tiggarantixxi dawn id-drittijiet, il-possibbiltà li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari sabiex tiddetermina jekk hija tistax iżżomm fis-seħħ mandat ta’ arrest Ewropew jew jekk għandhiex tirrevokaha jew tirtirah (3).

24.      B’mod partikolari, sabiex tikkonforma ruħha mal-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ kooperazzjoni leali, l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma tistax iżżomm fis-seħħ mandat ta’ arrest Ewropew li l-eżekuzzjoni tiegħu għandha tiġi rrifjutata sabiex jiġi evitat ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (4).

25.      Hija preċiżament din il-kwistjoni li tqum fil-kawża ineżami: Fid-dawl tal-oġġezzjonijiet imqajma mill-qrati Franċiżi u Maltin tal-ewwel istanza li rrifjutaw li jeżegwixxu l-mandat ta’ arrest Ewropew, il-qorti tar-rinviju Rumena għandha tiddeċiedi jekk iżżommx fis-seħħ il-mandat ta’ arrest u titlob l-eżekuzzjoni tiegħu lill-qorti Maltija, li issa hija kompetenti, jew jekk tannullahx jew tirtirahx. Sabiex tagħti din id-deċiżjoni, hija ressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, it-talba hija, bħala prinċipju, rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Ser neżamina eventwali dubji dwar ir-rilevanza ta’ ċerti domandi.

26.      Fir-rigward tal-urġenza, huwa minnu li, f’dan l-istadju, il-qorti tar-rinviju Rumena ma tiddeċidix hija stess dwar id-detenzjoni tal-persuna kkundannata, peress li din hija detenuta f’Malta. Madankollu, hija tinżamm f’detenzjoni biss abbażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li l-validità ulterjuri tiegħu għandha tiġi deċiża mill-qorti tar-rinviju abbażi tar-risposti li għandhom jingħataw għat-talba għal deċiżjoni preliminari. Għaldaqstant, sakemm tkompli d-detenzjoni f’Malta, it-talba hija urġenti u, ġustament, tiġi ttrattata skont il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

B.      Leffett ta’ rifjut definittiv ta’ konsenja fi Stat Membru ieħor

27.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi x’inhu l-impatt tar-rifjut tal-konsenja mill-qrati ta’ Stat Membru wieħed (fil-kawża ineżami Franza) għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew fi Stat Membru ieħor (fil-kawża ineżami Malta). Fil-veru sens tal-kelma, id-domanda f’din il-forma ma hijiex rilevanti għad-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju, peress li hija ma għandhiex tiddeċiedi direttament dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest. Din id-deċiżjoni hija pjuttost ir-responsabbiltà tal-qrati tal-Istat Membru l-ieħor, jiġifieri, fil-kawża ineżami, Malta.

28.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondiet għad-domandi magħmula minn qorti emittenti dwar is-setgħat ta’ qorti ta’ eżekuzzjoni fi Stat Membru ieħor (5). Dan l-approċċ huwa spjegat mill-fatt li l-qorti tar-rinviju xtaqet tkun taf jekk, minħabba d-deċiżjonijiet tal-qorti ta’ eżekuzzjoni, hija setgħetx iżżomm jew kellhiex tannulla l-mandati ta’ arrest Ewropej ikkonċernati (6).

29.      Ir-rilevanza ta’ din id-domanda għas-soluzzjoni tat-tilwima tkun iktar ċara jekk wieħed jifformulaha mill-ġdid fis-sens li tqajjem il-kwistjoni ta’ jekk ir-rifjut definittiv ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fi Stat Membru wieħed jeskludix diġà l-eżekuzzjoni tiegħu fl-Istati Membri l-oħra kollha, anki jekk ir-raġunijiet għal rifjut ikunu inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Li kieku r-rifjut definittiv kellu tali effett, il-mandat ta’ arrest ma jibqax validu u jkollu jiġi annullat mill-qorti tar-rinviju.

30.      Huwa minnu li, kemm fid-dritt tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata għandu importanza kbira. Konsegwentement, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji ġudizzjarji disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini previsti għall-preżentata ta’ dawn ir-rimedji ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati iktar (7).

31.      F’dan is-sens, id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ħruġ mill-ġdid ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (8) jistgħu jinftiehmu fis-sens li rifjut definittiv ta’ konsenja, kemm jekk ikun kompatibbli jew le mad-dritt tal-Unjoni, jista’ jostakola l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest inizjali, tal-inqas fl-Istat Membru li fih ikun ġie deċiż ir-rifjut.

32.      Madankollu, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tipprevedix li r-rifjut definittiv ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fi Stat Membru jipprekludi l-eżekuzzjoni tiegħu fi Stati Membri oħra. B’mod partikolari, tali rifjut ma jistax jiġi assimilat ma’ kundanna definittiva, fis-sens tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas, li jipprekludi proċeduri kriminali kontra din il-persuna għall-istess fatti fl-Istat emittenti jew it-tressiq ta’ tali proċeduri fi Stat ieħor (9).

33.      Il-kontenut normattiv tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rifjut ta’ konsenja li jinsabu fl-Artikoli 3, 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jikkonferma li r-rifjut ta’ konsenja fi Stat Membru ma għandux jostakola l-konsenja minn Stati Membri oħra.

34.      L-Artikoli 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jippermettu, iżda ma jimponux, li jiġi rrifjutat mandat ta’ arrest Ewropew għal diversi raġunijiet. Meta Stat Membru jirrifjuta konsenja fuq din il-bażi, din id-deċiżjoni ma jistax ikollha, min-natura tagħha stess, effett vinkolanti fir-rigward tal-qrati ta’ Stati Membri oħra, peress li dawn ma humiex obbligati, fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, li jsegwu l-eżempju ta’ Stati Membri oħra.

35.      B’kuntrast ma’ dan, għalkemm l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jinkludi raġunijiet obbligatorji għal rifjut, għall-inqas ir-raġunijiet taħt il-punti 1 u 3 tal-Artikolu 3 jiddependu mir-regoli tal-Istat ta’ eżekuzzjoni rispettiv. Lanqas tali deċiżjonijiet ma jista’ jkollhom effett vinkolanti fuq Stati Membri oħra, peress li f’dawn tal-aħħar japplikaw regoli differenti.

36.      Is-sitwazzjoni hija differenti fil-każ ta’ rifjut taħt il-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ne bis in idem, konformement mal-Artikolu 50 tal-Karta, fil-kuntest tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Jekk qorti ta’ Stat Membru ġustament tirrifjuta l-konsenja minħabba li l-fatti jkunu diġà ġew deċiżi fi Stat Membru ieħor, il-qrati tal-Istati Membri l-oħra għandhom ukoll jirrifjutaw il-konsenja.

37.      Dan għandu japplika, mutatis mutandis, fil-każ ta’ rifjut ibbażat fuq ir-riskju reali li l-konsenja jew is-segwitu tagħha jippreġudikaw id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni li għandhom jiġu rrispettati fl-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (10). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, fil-preżenza ta’ tali riskju, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tiġi awtorizzata tastjeni, b’mod eċċezzjonali, abbażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, milli teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew (11). Ser immur saħansitra pass oltre minn hekk: f’tali każ, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex teżegwixxi l-mandat ta’ arrest, għaliex, fil-każ kuntrarju, hija tkun qiegħda taċċetta ksur tad-drittijiet fundamentali (12).

38.      Fil-prattika, fil-każ ta’ konstatazzjoni korretta mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru ta’ riskju reali ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, l-ebda awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru ieħor ma tkun tista’ teżegwixxi l-mandat ta’ arrest. Madankollu, dan ma jirriżultax mill-awtorità ta’ res judicata marbuta mal-konstatazzjoni tal-ewwel awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, iżda mir-riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali.

39.      Dan huwa sostnut ukoll mill-fatt li l-Istat Membru emittenti huwa primarjament responsabbli għall-garanzija tad-drittijiet fundamentali marbuta mal-mandat ta’ arrest Ewropew (13). Il-qrati ta’ dan l-Istat Membru huma l-eqreb tal-proċedura kriminali u tal-eżekuzzjoni u għalhekk jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwaw ir-rispett tad-drittijiet fundamentali. Ikun kuntrarju għal din l-analiżi jekk awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni fi Stat Membru ieħor tkun tista’ tikkonstata b’mod definittiv u vinkolanti għall-Istati Membri kollha li drittijiet fundamentali jipprekludu l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest.

40.      Bl-istess mod, il-prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproċi msemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jistgħux jagħtu lil deċiżjoni definittiva ta’ awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tali effett vinkolanti fi Stati Membri oħra. Għall-kuntrarju, huma jipprekludu dan l-effett. Fil-fatt, billi tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun qiegħda tirrifjuta r-rikonoxximent, previst bħala regola fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li tista’ ssir deroga minnu biss f’eċċezzjonijiet li għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (14). B’dan il-mod, hija tesprimi wkoll li ma għandhiex fiduċja fl-awtorità ġudizzjarja emittenti fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali.

41.      Għalhekk, meta awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta definittivament li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, hija ma tistax torbot lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stati Membri oħra (15).

42.      Madankollu, ir-raġunijiet li fuqhom awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tibbaża r-rifjut tagħha għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni fi kwalunkwe deċiżjoni oħra dwar il-mandat ta’ arrest, b’mod partikolari meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tibża’ li hemm ksur tad-drittijiet fundamentali (16). Din ma tikkostitwixxix biss espressjoni oħra tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, din id-darba bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni, iżda hija wkoll konsegwenza neċessarja tar-rabta mad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni.

43.      Madankollu, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, dan ifisser ukoll li l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tieħu konjizzjoni ta’ dawn id-dubji u għandha teżamina, fid-dawl tagħhom, jekk hija tistax iżżomm fis-seħħ il-mandat ta’ arrest Ewropew jew jekk għandhiex tirtirah (17).

44.      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li r-rifjut definittiv li jiġi eżegwit mandat ta’ arrest Ewropew fi Stat Membru ma jipprekludix lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ta’ Stati Membri oħra milli jeżegwixxu dan il-mandat ta’ arrest. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja emittenti u, fil-każ li dan il-mandat jitressaq quddiemhom, anki l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni l-oħra għandhom jivverifikaw jekk ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni kienx ġustament ibbażat fuq raġunijiet li jipprekludu l-eżekuzzjoni tiegħu fi Stati Membri oħra.

C.      Lawtorità ġudizzjarja emittenti għandha lobbligu li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari filkaż ta’ rifjut definittiv ta’ eżekuzzjoni?

45.      Ir-raba’ domanda hija marbuta mill-qrib mar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda u, konsegwentement, mal-eżami, jekk ikun il-każ neċessarju, tal-kwistjoni dwar jekk awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni rrifjutatx ġustament li tikkonsenja l-persuna rikjesta. Fil-fatt, din id-domanda tfittex li tiddetermina jekk l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandhiex dritt tistħarreġ hija stess il-kompatibbiltà tar-rifjut ta’ konsenja mad-dritt tal-Unjoni jew jekk hijiex obbligata tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari f’dan ir-rigward.

46.      Skont l-Artikolu 267 TFUE, il-qrati tal-Istati Membri jistgħu jagħmlu domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja meta r-risposta għal dawn id-domandi tkun neċessarja għas-soluzzjoni ta’ tilwima pendenti. Dubji deċiżivi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tar-rifjut ta’ konsenja mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jippermettu għalhekk, bħala regola ġenerali, lill-awtorità ġudizzjarja emittenti tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari.

47.      Huwa biss meta tali kwistjoni titqajjem f’kawża pendenti quddiem qorti ta’ Stat Membru li kontra d-deċiżjonijiet tagħha ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali li dik il-qorti għandha l-obbligu li tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qrati kollha tal-Istati Membri huma obbligati jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dubji fir-rigward tal-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jkunu rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima quddiemhom (18).

48.      Fil-kawża ineżami, ma hemm ebda indikazzjoni li d-deċiżjonijiet tal-qorti tar-rinviju dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jistgħux ikunu suġġetti iktar għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali (19). U lanqas ma tqum il-kwistjoni tal-invalidità ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

49.      Il-kwistjoni hija pjuttost dwar jekk il-fatt li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni rrifjutat definittivament il-konsenja tal-persuna rikjesta jikkostitwixxix każ ieħor ta’ obbligu ta’ rinviju għall-qrati li d-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu jkunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju. Skont il-qorti tar-rinviju, l-importanza tal-awtorità ta’ res judicata timmilita f’dan is-sens.

50.      Kif diġà ġie espost, l-awtorità ta’ res judicata effettivament għandha, skont il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, importanza partikolari fid-dritt tal-Unjoni (20).

51.      Madankollu, obbligu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita huwa ġġustifikat biss jekk, fil-każ kuntrarju, ikunu jeżistu riskji partikolari għall-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, ukoll għaċ-ċertezza legali (21). Tali riskji huma preżunti li jeżistu meta l-qrati jiddeċiedu fl-aħħar istanza, peress li dan jippermetti li tiġi stabbilita f’dan l-Istat Membru ġurisprudenza nazzjonali li ma hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (22). Diverġenzi bejn il-qrati tal-Istati Membri dwar il-validità tal-atti tal-Unjoni huma wkoll ta’ natura li jikkompromettu l-unità stess tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u jippreġudikaw ir-rekwiżit fundamentali taċ-ċertezza legali (23).

52.      Ċertament, meta awtorità ġudizzjarja emittenti li d-deċiżjoni tagħha tista’ tkun is-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju tikkontradixxi l-konstatazzjonijiet finali tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru ieħor dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, id-dritt tal-Unjoni fil-forma tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jkunx is-suġġett ta’ applikazzjoni uniformi fl-Unjoni. Madankollu, tali kontradizzjoni hija tal-istess kwalità bħal kull kontradizzjoni oħra bejn id-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju.

53.      L-awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tbiddel xejn minn din il-konklużjoni. Fil-fatt, deċiżjonijiet diverġenti oħra mogħtija minn qrati inferjuri jistgħu wkoll isiru definittivi jekk ma jkunux is-suġġett ta’ appell. Barra minn hekk, diġà ġie kkonstatat li deċiżjoni definittiva mogħtija minn awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru ma torbotx lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stati Membri oħra (24).

54.      Minn dan isegwi li l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha d-dritt li tivverifika jekk ir-rifjut definittiv ta’ konsenja mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni mingħajr ma tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-deċiżjoni tagħha tista’ tkun suġġetta għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali.

D.      Limportanza talġurament talħatra

55.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk irregolaritajiet fil-ġurament ta’ ħatra tal-imħallfin li taw kundanna kriminali jippermettux lil awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta milli teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din il-kundanna, abbażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

56.      Kif diġà indikajt, l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jimponi fuq l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni l-obbligu li tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest jekk ikun hemm riskju reali ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali (25).

57.      F’dan ir-rigward, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tevalwa, fil-kuntest ta’ eżami f’żewġ stadji, ir-realtà ta’ tali riskju (26). Għal dan l-għan, hija għandha, fil-kuntest tal-ewwel stadju, tiddetermina jekk jeżistux elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati li jissuġġerixxu l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali fl-Istat Membru emittenti minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati (27). Fil-kuntest tat-tieni stadju, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tivverifika, b’mod konkret u preċiż, jekk il-persuna kkonċernata hijiex ser tkun f’riskju reali ta’ ksur ta’ dawn id-drittijiet fundamentali (28).

58.      Fil-kawża prinċipali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, il-qorti Franċiża, irrifjutat il-konsenja għar-raġuni li mill-informazzjoni pprovduta mill-awtorità ġudizzjarja emittenti Rumena kien jirriżulta li l-prova tat-teħid tal-ġurament tal-imħallfin fir-Rumanija ma kinitx dejjem iggarantita. L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni mmotivat ir-riskju konkret ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali bil-fatt li, għal wieħed mit-tliet imħallfin li pparteċipaw fl-għoti tad-deċiżjoni tal-kundanna rilevanti, it-teħid ta’ ġurament ma setax jiġi stabbilit. Imħallef ieħor kienet ħadet biss ġurament ta’ ħatra bħala avukata tal-Istat. Apparentement, il-qorti Franċiża ddeduċiet minn dan ir-riskju li l-persuna kkundannata tiskonta piena li ma kinitx ingħatat minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

59.      Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi effettivament jikkostitwixxu riskju reali ta’ ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta?

1.      Irrekwiżiti tattieni paragrafu talArtikolu 47 talKarta

60.      Il-garanziji ta’ aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel, previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, u b’mod partikolari dawk li jiddeterminaw il-kunċett kif ukoll il-kompożizzjoni tal-qorti, jirrappreżentaw il-bażi tad-dritt għal smigħ xieraq (29).

61.      Peress li l-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tikkorrispondi għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), hija għandha, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-istess sens u portata bħal dawk li tagħtiha din il-konvenzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk tiżgura li l-interpretazzjoni tagħha tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) (30).

62.      Ir-riferiment għal-liġi li jinsab fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB jirrifletti b’mod partikolari l-prinċipju tal-Istat tad-dritt u jinkludi mhux biss il-bażi legali tal-eżistenza tal-qorti, iżda wkoll il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti f’kull kawża kif ukoll kull dispożizzjoni oħra tad-dritt intern li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha jirrendi irregolari l-parteċipazzjoni ta’ mħallef wieħed jew iktar fl-eżami tal-kawża (31). Il-verifika tal-osservanza ta’ dawn il-garanziji hija neċessarja fid-dawl tal-fiduċja li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom jispiraw fl-individwu (32).

63.      Madankollu, mhux kull żball huwa ta’ natura li jfixkel din il-fiduċja permezz ta’ dubju leġittimu dwar il-kwalità ta’ kulleġġ ġudikanti bħala “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (33). Dak li huwa importanti huwa n-natura u l-gravità tal-ksur u l-kwistjoni dwar jekk dawn humiex regoli fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-istabbiliment u mill-funzjonament ta’ din is-sistema ġudizzjarja (34).

64.      Il-Qorti EDB tistħarreġ ukoll il-ħatra tal-imħallfin fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Madankollu, bħala regola ġenerali, hija tilmenta biss dwar ksur manifest tar-regoli nazzjonali applikabbli dwar il-ħatra (35). Huwa biss jekk l-applikazzjoni tar-regoli fis-seħħ twassal għal riżultati inkompatibbli mas-suġġett (object) jew mal-għan (purpose) tad-drittijiet tal-bniedem ikkonċernati li l-Qorti EDB tqis li huwa meħtieġ eżami iktar fil-fond (36). Fiż-żewġ każijiet, ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB fil-kuntest tal-ħatra ta’ mħallef jeħtieġ, bħala regola ġenerali, ksur serju tar-regoli applikabbli, b’mod partikolari permezz ta’ influwenza mhux prevista (37). F’dan ir-rigward, l-istħarriġ tal-proċedura ta’ ħatra mill-qrati nazzjonali għandu importanza partikolari, tal-inqas sakemm jiżgura effettivament, fi kwalunkwe każ, l-osservanza tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB (38).

65.      Il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti EDB tikkonċerna ksur regolatorju li jaffettwa l-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati fir-rigward ta’ fergħat oħra tal-Istat. Prima facie, dan jidher pjuttost imbiegħed fir-rigward tal-ksur relatat mal-ġurament tal-ħatra.

66.      Madankollu, il-ġurament tal-ħatra ma huwiex sempliċi formalità, iżda fuq kollox affermazzjoni ta’ dmirijiet uffiċjali partikolarment importanti. Għalhekk, l-imħallfin Rumeni jaħilfu li jirrispettaw il-Kostituzzjoni u l-liġijiet tal-pajjiż, li jiddefendu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tal-persuna u li jaqdu d-dmirijiet tagħhom b’unur, kuxjenza u mingħajr preġudizzju (39). Il-ksur li jista’ jkun il-bażi ta’ dubji leġittimi dwar l-amministrazzjoni legali tal-qrati ma huwiex irrilevanti fir-rigward tan-natura ekwa tal-proċeduri.

67.      B’mod partikolari, ir-rifjut li jittieħed ġurament tal-ħatra previst b’mod imperattiv mid-dritt nazzjonali jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tar-regoli dwar il-kompożizzjoni ta’ qorti sabiex jagħti lok għal dubju raġonevoli dwar jekk din il-qorti tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jew tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Fil-fatt, tali rifjut jista’ juri li l-persuna kkonċernata ma hijiex disposta li tissodisfa d-dmirijiet uffiċjali tagħha (40). F’dan il-każ, hija għandha tiġi eskluża mill-eżerċizzju tal-kariga ta’ mħallef.

68.      Madankollu, huwa dubjuż jekk il-kontestazzjonijiet inkwistjoni jiżvelawx ksur suffiċjentement serju, b’mod partikolari meta jiġu evalwati skont l-istandard tal-eżami f’żewġ stadji, li huwa prerekwiżit għal rifjut ta’ konsenja skont l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

69.      Dan japplika kemm għall-minuti dwar il-ġurament ta’ ħatra ta’ wieħed mill-imħallfin, li ma jistgħux jinstabu, kif ukoll għall-każ tal-imħallef li ħadet biss ġurament tal-ħatra bħala avukata tal-Istat.

2.      Innuqqas ta’ minuti

70.      Il-qorti Franċiża tqis li huwa nuqqas sistematiku jew iġġeneralizzat, li għandu jiġi kkonstatat fl-ewwel stadju tal-eżami, il-fatt li l-minuti tat-teħid tal-ġurament mill-imħallfin Rumeni qabel ix-xahar ta’ April 2014 ma ġewx inklużi fil-fajl personali tagħhom, iżda nżammu biss mill-qorti fejn huma kienu ħadu l-ġurament.

71.      Huwa minnu li din il-prattika effettivament irriżultat problematika fil-kawża ineżami peress li, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, wieħed mit-tliet imħallfin li ordna l-piena li ċċaħħad il-libertà tal-persuna kkundannata kien ħa l-ġurament 26 sena qabel, iżda l-minuti inkwistjoni ma setgħux jinstabu.

72.      Madankollu, huwa diġà dubjuż jekk il-leġiżlazzjoni Rumena preċedenti għandhiex titqies bħala nuqqas, u wisq inqas jekk tiżvelax riskju sistemiku jew iġġeneralizzat ta’ ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, hija ma tikkonċernax it-teħid ta’ ġurament bħala tali, iżda biss il-prova tiegħu.

73.      Il-kwistjoni tal-prova tat-teħid ta’ ġurament la hija rregolata mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, la mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB u lanqas mid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, bħala prinċipju, hija taqa’ taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri (41). Għalkemm huwa minnu li din l-awtonomija hija rregolata mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, ma jidhirx li dawn il-prinċipji jinkisru mil-leġiżlazzjoni Rumena.

74.      Għalkemm jistgħu jiġu previsti miżuri iktar effikaċi sabiex tiġi ggarantita l-prova tat-teħid ta’ ġurament, il-prinċipju ta’ effettività ma jeżiġix l-iktar leġiżlazzjoni effettiva, iżda jipprojbixxi biss li l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, fil-kawża ineżami d-dritt għal qorti stabbilita bil-liġi, ma jsirx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (42).

75.      Madankollu, kif issostni r-Rumanija, il-muniti tat-teħid tal-ġurament ma humiex l-uniku mezz sabiex jiġi pprovat it-teħid tiegħu f’każ ta’ dubju. Għalhekk, bħala regola ġenerali, diġà hemm lok li jiġi preżunt li mħallef li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu jkun ħa wkoll ġurament tal-ħatra, sa fejn dan huwa previst (43). Fil-fatt, għandu jiġi kkunsidrat li, qabel il-bidu tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, l-amministrazzjoni ġudizzjarja u l-imħallef innifsu kellhom iċ-ċertezza li l-imħallef kien ħa l-ġurament tal-ħatra. Kontestazzjoni ta’ din il-preżunzjoni teħtieġ l-eżistenza ta’ dubji fondati. Għal dan l-għan, ma huwiex biżżejjed li l-minuti tat-teħid tal-ġurament ma jkunx għadhom jistgħu jinstabu.

76.      Fl-assenza ta’ regoli speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni dwar il-prova tat-teħid tal-ġurament, ma huwiex għalhekk il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas tal-qrati ta’ Stati Membri oħra, fl-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej, li jikkunsidraw il-prattika Rumena preċedenti bħala nuqqas sistemiku jew iġġeneralizzat.

77.      Konsegwentement, ma jistax jiġi stabbilit fir-rigward ta’ dan l-imħallef li ġie miksur id-dritt tal-persuna kkundannata li l-kawża tagħha tinstema’ minn qorti stabbilita bil-liġi fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

3.      Ilġurament talħatra bħala avukata talIstat

78.      Fir-rigward tal-imħallef li ħadet il-ġurament tal-ħatra bħal avukata tal-Istat, il-prattika Rumena, identifikata mill-qorti Franċiża bħala nuqqas sistemiku jew iġġeneralizzat, ma kellhiex effett fil-każ tagħha peress li nstabu l-minuti dwar it-teħid tal-ġurament tagħha.

79.      Għall-kuntrarju, il-qorti Franċiża tikkritika l-fatt li hija ma ħaditx il-ġurament tal-ħatra tagħha bħala mħallef, iżda bħala avukata tal-Istat.

80.      Anki jekk dan kien jikkorrispondi għal prattika Rumena ġenerali, dan ma jikkostitwixxix nuqqas sistemiku jew iġġeneralizzat mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk u f’liema kundizzjonijiet għandu jittieħed ġurament tal-ħatra taqa’ wkoll taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri.

81.      Sa fejn jidher, il-ġurament tal-ħatra meħud mill-avukati tal-Istat jikkorrispondi, skont ir-regoli Rumeni applikabbli, għall-ġurament tal-ħatra meħud mill-imħallfin (44). Barra minn hekk, id-dritt Rumen jipprevedi u kien jipprevedi li, fil-każ ta’ bidla fil-kariga, l-imħallfin u l-avukati tal-Istat ma humiex obbligati jieħdu ġurament tal-ħatra mill-ġdid (45). Dan jista’ jinkludi kemm bidla bejn qrati jew kulleġġi ġudikanti differenti kif ukoll bidla bejn l-uffiċċju tal-prosekutur u l-ġudikatura (u vice versa), peress li l-istatus tal-imħallfin u tal-avukati tal-Istat ilu irregolat mill-istess liġijiet sa mill-inqas mill‑1992. Xorta jibqa’ l-fatt li, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, qorti Rumena diġà ċaħdet rikors fil-kawża prinċipali minħabba n-nuqqas ta’ teħid ta’ ġurament mill-ġdid tal-imħallef ikkonċernata f’dan il-każ (46). Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, fi kwalunkwe każ, skont id-dritt Rumen, din il-prattika ma tikkostitwixxix ksur serju.

82.      Għaldaqstant, it-teħid ta’ ġurament ta’ din it-tieni mħallef lanqas ma joħloq ir-riskju li l-persuna kkundannata ser ikollha tiskonta piena li tkun ingħatat minn qorti mhux stabbilita bil-liġi, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

4.      Konklużjoni intermedja

83.      L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta ma jippermettux għalhekk lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta l-konsenja ta’ persuna kkundannata għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija fir-Rumanija għas-sempliċi raġuni li l-minuti dwar it-teħid ta’ ġurament ta’ mħallef li pparteċipa fl-għoti tad-deċiżjoni tal-kundanna ma jistgħux jinstabu u li mħallef oħra li pparteċipat fl-għoti tad-deċiżjoni tal-kundanna ħadet il-ġurament tagħha bħala avukata tal-Istat.

E.      Iddeċiżjoni taċCCF

84.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-importanza ta’ deċiżjoni taċ-CCF, li tagħmel parti mill-Interpol, li qajmet dubji serji dwar elementi politiċi fil-kuntest ġenerali tal-prosekuzzjoni tal-persuna kkundannata u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-proċeduri kriminali.

85.      Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għal tali deċiżjonijiet. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li indizji ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, minn deċiżjonijiet, rapporti u dokumenti oħra redatti mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa jew li jaqgħu taħt is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti (47).

86.      Għalkemm huwa minnu li l-imsemmija deċiżjoni ma toriġinax minn waħda minn dawn l-organizzazzjonijiet, xorta jibqa’ l-fatt li l-Interpol għandha kwalità simili bħala sors ta’ informazzjoni.

87.      Fi ħdan din l-organizzazzjoni huma rrappreżentati 196 Stat. Għalkemm ma nħolqitx permezz ta’ trattat internazzjonali formali, hija għandha statut adottat mill-assemblea tal-membri, jiġifieri mir-rappreżentanti tal-Istati parteċipanti, li saħansitra jsir riferiment għalih, fil-verżjoni Ingliża, bħala Constitution (Kostituzzjoni).

88.      L-Unjoni ilha tikkoopera mal-Interpol għal żmien twil u b’mod intensiv, kif iddikjarat il-Kummissjoni f’rakkomandazzjoni dwar il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Interpol, fejn tikkwalifika l-Interpol bħala sieħeb ewlieni għall-Unjoni (48). Il-Kunsill sussegwentement awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati dwar il-ftehim ta’ kooperazzjoni (49). Barra minn hekk, anki n-Nazzjonijiet Uniti jikkooperaw mal-Interpol (50).

89.      Skont is-sitt inċiż tal-Artikolu 5 tal-Istatut tal-Interpol, iċ-CCF tagħmel parti mill-organizzazzjoni. It-tielet paragrafu tal-Artikolu 36 jipprevedi li ċ-CCF għandha tipproċessa t-talbiet għal informazzjoni li tinsab fil-fajls tal-Interpol. Dan ifisser, fil-prattika, skont l-Istatut taċ-CCF, li hija għandha, bħala istanza ta’ protezzjoni ġudizzjarja indipendenti, tittratta l-ilmenti tal-persuni mfittxija billi tiżgura b’mod partikolari r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.

90.      Għaldaqstant, bħal fil-kawża ineżami, iċ-CCF tista’ tieħu deċiżjoni fir-rigward ta’ persuna rikjesta, għall-istess raġuni, mill-Interpol u permezz ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. B’differenza mit-testi li l-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat sa issa, tali deċiżjoni tippreżenta għalhekk interess mhux biss sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati fl-Istat Membru emittenti (51), iżda wkoll sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuna rikjesta tinsabx f’riskju li ġġarrab ksur konkret tad-drittijiet tal-bniedem tagħha.

91.      Madankollu, la mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, la minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, inklużi d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, u lanqas mid-dispożizzjonijiet tal-Interpol ma jirriżulta li deċiżjoni taċ-CCF tkun vinkolanti għal awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jew emittenti. Għall-kuntrarju, dawn l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom jivverifikaw huma stess jekk mill-informazzjoni li tinsab f’deċiżjoni jirriżultax li hemm lok li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

92.      Bħala regola ġenerali, id-deċiżjoni taċ-CCF innifisha ma tippermettix lil awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta l-konsenja tal-persuna rikjesta. L-obbligu ta’ kooperazzjoni leali (52) stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE jimponi, tal-inqas, li l-awtorità ġudizzjarja emittenti tingħata l-opportunità li tikkummenta dwar id-deċiżjoni taċ-CCF (53).

93.      L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom għalhekk jiġu interpretati fis-sens li, fil-preżenza ta’ indizji li jirriżultaw minn deċiżjoni taċ-CFF u li jistabbilixxu riskju reali ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni tal-persuna rikjesta minħabba l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja emittenti u l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandhom jivverifikaw jekk dan il-mandat ta’ arrest jistax ikompli jiġi eżegwit.

F.      Ilparteċipazzjoni talawtorità ġudizzjarja emittenti filproċedura quddiem lawtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni

94.      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, bħala awtorità ġudizzjarja emittenti, hija tistax, abbażi tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, tal-prinċipji ta’ rikonoxximent reċiproku, ta’ fiduċja reċiproka u ta’ kooperazzjoni leali kif ukoll ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tipparteċipa direttament fil-proċedura quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni u, b’mod partikolari, twettaq atti proċedurali fiha.

95.      Din id-domanda tirrifletti n-nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-qorti Franċiża u, b’mod partikolari, il-fatt li d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-qorti Franċiża saret definittiva minħabba li l-uffiċċju tal-prosekutur Franċiż ippreżenta rikors mingħajr ma mmotiva r-rikors fit-termini mogħtija. Madankollu, anki jekk tingħata risposta għal din id-domanda, il-qorti tar-rinviju ma għadhiex f’pożizzjoni li tbiddel din il-konklużjoni. Għaldaqstant, din id-domanda ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima f’dak li jirrigwarda r-rifjut Franċiż ta’ eżekuzzjoni.

96.      Għall-kuntrarju, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni oħra, b’mod partikolari l-proċedura f’Malta, risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun kompletament rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima, sa fejn il-qorti tar-rinviju tkun għadha tista’ teżerċita eventwali drittijiet ta’ parteċipazzjoni kkonstatati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, hemm lok li tingħata risposta għal din id-domanda.

97.      Il-qorti tar-rinviju tesponi ġustament li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma teskludix tali parteċipazzjoni fil-proċedura. Madankollu, hija lanqas ma teżiġiha, iżda sempliċement tistabbilixxi r-rikonoxximent reċiproku tal-mandati ta’ arrest Ewropej u, għaldaqstant, il-fiduċja reċiproka fil-proċeduri kriminali li wasslu għal dawn il-mandati ta’ arrest. Bħala strumenti ta’ kooperazzjoni leali, u minbarra l-ħruġ ta’ mandati ta’ arrest u l-informazzjoni previsti fl-Artikolu 8, hija tipprevedi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 15(2) u (3), il-possibbiltà li jitressqu talbiet għal informazzjoni u li jsiru komunikazzjonijiet ta’ informazzjoni.

98.      Il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni iktar estiża mill-awtorità ġudizzjarja emittenti fil-proċedura quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni taqa’ għalhekk taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri.

99.      Din il-possibbiltà hija partikolarment limitata mill-prinċipju ta’ effettività, li tinvolvi l-qorti tar-rinviju meta tinvoka l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ċertament, wieħed jista’ jiddubita mill-eżistenza effettiva ta’ dritt mogħti mid-dritt tal-Unjoni li l-eżerċizzju tiegħu jirrendi neċessarju l-parteċipazzjoni tal-awtorità ġudizzjarja emittenti fil-proċedura quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni. Madankollu, jeżisti tal-inqas l-obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jiġi eżegwit il-mandat ta’ arrest Ewropew. Parteċipazzjoni diretta tal-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ dan l-obbligu, għall-inqas jekk ikun possibbli li jingħelbu d-diffikultajiet prattiċi involuti.

100. Bħall-prova tat-teħid ta’ ġurament (54), il-prinċipju ta’ effettività lanqas ma jeżiġi, għall-implimentazzjoni ta’ obbligu, l-adozzjoni ta’ regoli proċedurali li jsostnu b’mod partikolarment effikaċi din l-implimentazzjoni, iżda jipprojbixxi biss il-leġiżlazzjonijiet li jagħmlu din l-implimentazzjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

101. Tal-inqas, il-leġiżlatur tal-Unjoni manifestament ikkunsidra, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji, li dawn kienu suffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni effettiva tal-mandati ta’ arrest Ewropej. Fil-każ kuntrarju, huwa kien jistabbilixxi regoli iktar estiżi.

102. Din is-suppożizzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni hija ġġustifikata peress li, fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, l-awtoritajiet ġudizzjarji involuti għandhom, fi kwalunkwe każ, jissodisfaw l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali (55) stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE. Għalhekk, huma għandhom jipprovdu assistenza reċiproka u għandhom joffru lil xulxin biżżejjed opportunitajiet biex jikkomunikaw l-informazzjoni meħtieġa. Għalhekk, għandu jiġi eskluż li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, fl-assenza ta’ dritt ta’ parteċipazzjoni tal-awtorità ġudizzjarja emittenti fil-kuntest tal-proċedura quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, tkun prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

103. Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE għalhekk ma jistabbilixxu ebda dritt ta’ parteċipazzjoni tal-awtorità ġudizzjarja emittenti fil-proċedura quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li jmur lil hinn minn dak stabbilit fl-Artikolu 8 u fl-Artikolu 15(2) u (3) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

G.      Konsultazzjoni talKummissjoni

104. Is-sitt domanda tistaqsi jekk il-qorti tar-rinviju, bħala awtorità ġudizzjarja emittenti, tistax tadixxi lill-Kummissjoni jekk tqis li r-rifjut ta’ konsenja minn awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jikser serjament il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ kooperazzjoni leali. Din id-domanda hija bbażata wkoll fuq in-nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-iżvolġiment tal-proċedura fi Franza. Madankollu, kuntrarjament għall-ħames domanda, din ma hijiex rilevanti għal deċiżjoni ġudizzjarja u għalhekk hija inammissibbli.

105. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk il-qorti tar-rinviju tistax tilmenta mal-Kummissjoni dwar l-aġir ta’ awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma hijiex kwistjoni li dwarha tittieħed deċiżjoni minn din il-qorti fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja pendenti. Il-qorti tar-rinviju lanqas ma ssostni li l-Kummissjoni għandha direttament rwol fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

106. Il-kwistjoni għandha pjuttost bħala għan l-istħarriġ tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas mill-Kummissjoni skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE. Iżda lanqas dan l-istħarriġ ma jiġġustifika l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni. Ċertament, l-istrument ta’ stħarriġ l-iktar b’saħħtu tal-Kummissjoni, jiġifieri l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikoli 258 u 260 TFUE, jista’ jwassal sabiex jiġi kkonstatat li Stat Membru kiser id-dritt tal-Unjoni minħabba l-aġir tal-qrati tiegħu fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Fil-fatt, mhux iktar tard mill-iskadenza tal-perijodu tranżitorju previst fl-Artikolu 10(3) tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni hija awtorizzata tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu anki fil-każ ta’ ksur ta’ deċiżjoni qafas, iktar u iktar peress li hija diġà kisbet sentenzi f’dan is-sens (56). Madankollu, tali konstatazzjoni ma għandhiex effett dirett fuq il-proċedura ta’ eżekuzzjoni nnifisha.

107. Għaldaqstant ma hemmx lok li tingħata risposta għal din id-domanda.

H.      Irrifjut ta’ konsenja minn Malta

108. Is-seba’ domanda tirrigwarda r-rifjut ta’ konsenja tal-persuna kkundannata minn qorti Maltija minħabba dubji dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fir-Rumanija.

109. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tipposponi l-konsenja meta l-persuna rikjesta tkun esposta, fl-Istat Membru emittenti, għal riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, minħabba l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni prevedibbli (57).

110. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, konformement mal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u mal-Artikolu 4 tal-Karta, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tistax tibbaża rifjut fuq informazzjoni li dwarha l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma kellhiex l-okkażjoni tikkummenta minn qabel (ara, f’dan ir-rigward, taħt il-punt 1) u jekk ir-rifjut jistax ikun ibbażat fuq standards ta’ protezzjoni ogħla minn dawk previsti mill-Karta (ara, f’dan ir-rigward, taħt il-punt 2).

1.      Ilkooperazzjoni ġudizzjarja

111. Permezz tal-ewwel parti tas-seba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tikkontesta żewġ konstatazzjonijiet tal-qorti Maltija li dwarhom din tal-aħħar ma talbitx informazzjoni oħra. Għall-kuntrarju, il-qorti Maltija bbażat ruħha fuq ir-riċerki tagħha stess fuq l-internet u qieset bħala insuffiċjenti l-pożizzjoni tal-qorti Rumena dwar l-assigurazzjoni tal-amministrazzjoni penitenzjarja Rumena fis-sens li l-persuna kkonċernata ma kinitx ser tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti.

112. Ir-riċerki fuq l-internet huma, bħala prinċipju, ta’ natura li jipprovdu indizji ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati fl-Istati Membri. Għalhekk, ħafna drabi, id-dokumenti diġà msemmija redatti minn organizzazzjonijiet internazzjonali (58) jistgħu jinstabu b’mod relattivament faċli fuq l-internet.

113. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat ġustament li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax twettaq konstatazzjonijiet ibbażati neċessarjament fuq analiżi tad-dritt tal-Istat Membru emittenti mingħajr ma tkun talbet minn qabel lill-awtorità ġudizzjarja emittenti informazzjoni addizzjonali dwar dawn ir-regoli, għaliex inkella tkun qiegħda tikser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (59). Fil-każ kuntrarju, jista’ jkun hemm biża’ ta’ nuqqas ta’ ftehim u żbalji fir-rigward tal-kontenut jew tal-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet misjuba. L-istess għandu japplika għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni fattwali dwar l-applikazzjoni tad-dritt intern.

114. Għalhekk, huwa biss wara li tkun tat lill-awtorità ġudizzjarja emittenti l-possibbiltà li tesprimi ruħha li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tuża r-riżultati tar-riċerka tagħha stess, jew saħansitra l-allegazzjonijiet tal-persuna rikjesta. Fl-interess ta’ deċiżjoni mħaffa, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tistabbilixxi termini qosra għal dan l-għan.

115. Il-kwistjoni tal-assigurazzjoni (60) hija bbażata fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Skont din il-ġurisprudenza, l-assigurazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru emittenti li l-persuna kkonċernata ma tkunx ser tbati trattament inuman jew degradanti minħabba l-kundizzjonijiet konkreti u preċiżi ta’ detenzjoni jkun liema jkun l-istabbiliment penitenzjarju li fih tkun ser tinżamm fl-Istat Membru emittenti hija element li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tinjora (61). Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri li fuqha hija bbażata s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, tal-inqas, tafda fuq din l-assigurazzjoni meta din tkun ingħatat jew, tal-inqas, tkun ġiet approvata mill-awtorità ġudizzjarja emittenti u meta ma jeżisti ebda indizju konkret li jippermetti li jitqies li l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni f’ċentru ta’ detenzjoni partikolari jmorru kontra l-Artikolu 4 tal-Karta (62). Għall-kuntrarju, hija għandha twettaq eżami komplet tal-affidabbiltà tal-assigurazzjonijiet mogħtija minn awtoritajiet oħra (63).

116. Skont il-qorti tar-rinviju, l-għan tal-komunikazzjoni tagħha lill-qorti Maltija kien li tesprimi l-approvazzjoni tagħha tal-assigurazzjoni li kienet ingħatat, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza. F’din il-komunikazzjoni, hija għalhekk irreferiet espressament għas-silta rilevanti ta’ waħda mis-sentenzi rilevanti (64).

117. Minħabba dan ir-riferiment biss, huwa sorprendenti li l-qorti Maltija qieset, mingħajr ma għamlet ebda mistoqsija oħra, li l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma kinitx approvat l-assigurazzjoni.

118. Madankollu, il-qorti Maltija x’aktarx ukoll sfat vittma ta’ problema ta’ traduzzjoni. Hija bbażat il-konstatazzjoni tagħha li l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma kinitx approvat l-assigurazzjoni fuq il-fatt li l-qorti Rumena kienet esprimiet il-pożizzjoni tagħha fit-traduzzjoni Ingliża tal-komunikazzjoni tagħha bil-verb “to approve” minflok il-verb “to endorse”. Fil-fatt, il-verżjoni Ingliża tas-sentenzi rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tuża l-verb “to endorse” (65). Madankollu, il-verżjoni Franċiża, iddeliberata mill-Qorti tal-Ġustizzja, tuża l-verb “approuver” u t-traduzzjoni bil-lingwa Rumena tuża l-verb “a aproba”. Jekk fid-dikjarazzjoni tagħha l-qorti Rumena segwiet it-traduzzjoni Rumena tal-ġurisprudenza u użat il-verb “a aproba”, dan wassal biex it-traduzzjoni bl-Ingliż tad-dikjarazzjoni użat il-verb “to approve” mingħajr ma dan ifisser xi ħaġa oħra għajr approvazzjoni skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

119. Fil-fatt, il-problemi ta’ traduzzjoni ta’ spiss jistgħu jinfluwenzaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Formalment, hija biss il-verżjoni ta’ sentenza fil-lingwa tal-kawża li hija awtentika; għaż-żewġ sentenzi rilevanti (66) fil-kawża ineżami, din hija l-verżjoni Ġermaniża. Madankollu, la din il-verżjoni u lanqas il-verżjoni Ingliża, Maltija jew Rumena ma kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet jew ta’ verifiki konġunti mill-imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija biss il-verżjoni Franċiża li għalhekk hija verament affidabbli, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeliberat u kitbet is-sentenza f’din il-lingwa.

120. Fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji fil-kuntest tal-mandat ta’ arrest Ewropew, għandu jingħad ukoll li d-dikjarazzjoni ta’ awtorità għandha ta’ spiss tiġi tradotta qabel ma din tkun tista’ tintuża mill-awtorità ġudizzjarja l-oħra. B’dan il-mod, jistgħu jseħħu żbalji addizzjonali.

121. Għalhekk, l-awtoritajiet ġudizzjarji involuti ma għandhomx jimponu rekwiżiti ogħla mill-użu ta’ ċerti termini. Għall-kuntrarju, fil-każ ta’ dubji huma għandhom, fl-ispirtu tal-kooperazzjoni leali, jistaqsu dwar it-tifsira tad-dikjarazzjonijiet rilevanti.

2.      Listandards filqasam taddrittijiet fundamentali

122. Fir-rigward tal-istandards ogħla fil-qasam tad-drittijiet fundamentali msemmija fit-tieni parti tas-seba’ domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat diversi drabi li l-Istati Membri ma għandhomx il-possibbiltà jeżiġu minn Stat Membru ieħor livell ta’ protezzjoni nazzjonali tad-drittijiet fundamentali ogħla minn dak iggarantit mid-dritt tal-Unjoni (67).

123. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm huwa minnu li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, għas-sistema penitenzjarja tagħhom stess, rekwiżiti minimi fil-qasam tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni li jkunu iktar stretti minn dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 4 tal-Karta u mill-Artikolu 3 tal-KEDB, kif interpretati mill-Qorti EDB, Stat Membru, bħala Stat Membru ta’ eżekuzzjoni, ma jistax madankollu jissuġġetta l-konsenja lill-Istat Membru emittenti tal-persuna kkonċernata minn mandat ta’ arrest Ewropew għas-sodisfazzjon ta’ dawn l-aħħar rekwiżiti u mhux għall-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali tiegħu. Fil-fatt, approċċ kuntrarju, billi jqiegħed f’dubju l-uniformità tal-istandard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ddefiniti mid-dritt tal-Unjoni, jkun ta’ ħsara għall-prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproċi li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha l-għan li ssaħħaħ u, għalhekk, jikkomprometti l-effettività tagħha (68).

124. Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi osservat li l-elementi partikolari tal-persuna kkundannata enfasizzati mill-qorti Maltija, bħalma hija l-età tagħha, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evitat ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta minħabba d-detenzjoni. Fil-fatt, dan ir-riskju għandu jiġi evalwat b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, bħalma huma b’mod partikolari t-tul tat-trattament ikkonċernat, l-effetti fiżiċi jew mentali tiegħu kif ukoll, f’ċerti każijiet, is-sess, l-età u l-istat tas-saħħa tal-persuna (69). Madankollu, huwa inkompatibbli mal-għanijiet u mal-funzjoni urġenti tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni, imsemmija fl-Artikolu 17(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni teżiġi, qabel il-konsenja, ċertezza dwar dan it-teħid inkunsiderazzjoni għall-perijodu kollu ta’ detenzjoni (70). Bla ħsara għal indizji konkreti li juru li d-dritt fundamentali tal-persuna rikjesta skont l-Artikolu 4 tal-Karta qiegħed jiġi miksur, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, għall-kuntrarju, toqgħod fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti tal-Istat Membru emittenti.

3.      Konklużjoni intermedja

125. Għaldaqstant, l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tal-Karta dwar il-projbizzjoni ta’ trattament inuman jew degradanti, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew abbażi ta’ informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti, li dwarha l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma kellhiex l-okkażjoni tikkummenta u għandha, fil-każ ta’ dubji, tistaqsi dwar il-portata tad-dikjarazzjonijiet ta’ din l-awtorità. Barra minn hekk, fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tapplika standard ogħla minn dak li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mill-Karta.

V.      Konklużjoni

126. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Curtea de Apel Brasov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brasov, ir-Rumanija) kif ġej:

1)      Ir-rifjut definittiv li jiġi eżegwit fi Stat Membru mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ skont id-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI, ma jipprekludix lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ta’ Stati Membri oħra milli jeżegwixxu dan il-mandat ta’ arrest. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja emittenti u, fil-każ li dan il-mandat jitressaq quddiemhom, anki l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni l-oħra għandhom jivverifikaw jekk ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni kienx ġustament ibbażat fuq raġunijiet li jipprekludu l-eżekuzzjoni tiegħu fi Stati Membri oħra.

2)      L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha d-dritt li tivverifika jekk ir-rifjut definittiv ta’ konsenja mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni mingħajr ma tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-deċiżjoni tagħha tista’ tkun suġġetta għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali.

3)      L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma jippermettux lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta l-konsenja ta’ persuna kkundannata għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija fir-Rumanija għas-sempliċi raġuni li l-minuti dwar it-teħid ta’ ġurament ta’ mħallef li pparteċipa fl-għoti tad-deċiżjoni tal-kundanna ma jistgħux jinstabu u li mħallef oħra li pparteċipat fl-għoti tad-deċiżjoni tal-kundanna ħadet il-ġurament tagħha bħala avukata tal-Istat.

4)      L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-preżenza ta’ indizji li jirriżultaw minn deċiżjoni tal-Commission for the Control of Interpol’s Files (il-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Fajls tal-Interpol) u li jistabbilixxu riskju reali ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea tal-persuna rikjesta minħabba l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja emittenti u l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandhom jivverifikaw jekk dan il-mandat ta’ arrest jistax ikompli jiġi eżegwit.

5)      Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE ma jistabbilixxu ebda dritt ta’ parteċipazzjoni tal-awtorità ġudizzjarja emittenti fil-proċedura quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li jmur lil hinn minn dak stabbilit fl-Artikolu 8 u fl-Artikolu 15(2) u (3) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

6)      L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali dwar il-projbizzjoni ta’ trattament inuman jew degradanti, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew abbażi ta’ informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti, li dwarha l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma kellhiex l-okkażjoni tikkummenta u għandha, fil-każ ta’ dubji, tistaqsi dwar il-portata tad-dikjarazzjonijiet ta’ din l-awtorità. Barra minn hekk, fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tapplika standard ogħla minn dak li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.


2      Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).


3      Sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, AY (Mandat ta’ arrest – Xhud) (C‑268/17, EU:C:2018:602, punti 28 u 29), u tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 54). Fuq it-talbiet għal deċiżjoni preliminari qabel l-ewwel ħruġ ta’ mandat ta’ arrest, ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, AB et (Revoka ta’ amnestija) (C‑203/20, EU:C:2021:1016, punti 47 sa 49).


4      Sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 55).


5      Sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57, dispożittiv 1, 2, 3 u 5).


6      Sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57, punti 52 u 53).


7      Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2023, Minister for Justice and Equality (Talba għal kunsens – Effetti tal-mandat ta’ arrest Ewropew oriġinali) (C‑142/22, EU:C:2023:544, punt 35).


8      Sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57, punti 52, 141, 143 u 146), kif ukoll tal‑14 ta’ Settembru 2023, Sofiyska gradska prokuratura (Mandati ta’ arrest suċċessivi) (C‑71/21, EU:C:2023:668, punt 36).


9      Sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Sofiyska gradska prokuratura (Mandati ta’ arrest suċċessivi) (C‑71/21, EU:C:2023:668, punti 51 u 52).


10      F’dan is-sens is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 84), u tas‑6 ta’ Ġunju 2023, O. G. (Mandat ta’ arrest Ewropew kontra ċittadin ta’ pajjiż terz) (C‑700/21, EU:C:2023:444, punt 40).


11      Sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 59); tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 72); u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, GN (Rifjut għal raġunijiet tal-aħjar interessi tal-wild) (C‑261/22, EU:C:2023:1017, punt 43).


12      Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 88); tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu (C‑128/18, EU:C:2019:857, punti 50 u 51); kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57, punti 97 u 98).


13      Sentenzi tat‑23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski (C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 50); tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57, punti 54, 96 u 115); u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, GN (Rifjut għal raġunijiet tal-aħjar interessi tal-wild) (C‑261/22, EU:C:2023:1017, punt 43).


14      Sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 19), u tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 68).


15      Fir-rigward tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja (ĠU 2006, L 292, p. 2), ara s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Sofiyska gradska prokuratura (Mandati ta’ arrest suċċessivi) (C‑71/21, EU:C:2023:668, punti 52, 55 u 61).


16      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Sofiyska gradska prokuratura (Mandati ta’ arrest suċċessivi) (C‑71/21, EU:C:2023:668, punt 55).


17      Sentenzi tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57, punti 55 u 57 kif ukoll f’dan is-sens il-punti 142 u 143), u tal‑14 ta’ Settembru 2023, Sofiyska gradska prokuratura (Mandati ta’ arrest suċċessivi) (C‑71/21, EU:C:2023:668, punti 39 u 40, dwar il-Ftehim mal-Islanda u n-Norveġja).


18      Sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost (314/85, EU:C:1987:452, punt 15).


19      F’dan il-każ, obbligu li tiġi adita l-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi evalwat skont il-kriterji tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335).


20      Ara l-punt 30 iktar ’il fuq.


21      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost (314/85, EU:C:1987:452, punt 15).


22      Sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 1977, Hoffmann-Laroche (107/76, EU:C:1977:89, punt 5), u tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Franza (Taxxa minn ras il-għajn) (C‑416/17, EU:C:2018:811, punt 109).


23      Sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost (314/85, EU:C:1987:452, punt 15); tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 27); u tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 80).


24      Ara l-punti 38 sa 41 iktar ’il fuq.


25      Ara l-punt 37 iktar ’il fuq.


26      Sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 53), u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, GN (Rifjut għal raġunijiet tal-aħjar interessi tal-wild) (C‑261/22, EU:C:2023:1017, punt 46).


27      Sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 89), u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, GN (Rifjut għal raġunijiet tal-aħjar interessi tal-wild) (C‑261/22, EU:C:2023:1017, punt 47).


28      Sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 94), u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, GN (Rifjut għal raġunijiet tal-aħjar interessi tal-wild) (C‑261/22, EU:C:2023:1017, punt 48).


29      Sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et (C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 46); tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX-II, EU:C:2020:232, punt 57); u tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-Imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 71).


30      Sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX-II, EU:C:2020:232, punt 72), u tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 116).


31      Sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (L-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema - Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 129), u tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 121).


32      Sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste/UFEX et, (C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 46); tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX-II, EU:C:2020:232, punt 57); u tat‑8 ta’ Mejju 2024, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” (Assoċjazzjonijiet professjonali ta’ membri tal-ġudikatura) (C‑53/23, EU:C:2024:388, punt 55).


33      Sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX-II, EU:C:2020:232, punt 75), u tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 123).


34      Sentenzi tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 122).


35      Sentenza tal-Qorti EDB tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punt 244).


36      Sentenza tal-Qorti EDB tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punt 245).


37      Sentenza tal-Qorti EDB tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punti 246 u 247).


38      Sentenza tal-Qorti EDB tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punti 248 sa 252).


39      L-Artikolu 80(1) tal-Liġi Nru 303 tal‑2022, kif ukoll l-Artikolu 34(1) tal-Liġi Nru 303 tal‑2004, u l-Artikolu 48(1) tal-Liġi Nru 92 tal‑1992.


40      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) tat‑22 ta’ April 2021 fil-Kawża 125/A, imsemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari, mogħtija fl-okkażjoni ta’ rikors dwar it-teħid ta’ ġurament tal-imħallef, li ħadet il-ġurament tagħha bħala avukata tal-Istat.


41      Ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Vueling Airlines (C‑86/19, EU:C:2020:538, punt 38), kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 222 sa 225).


42      Sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral (33/76, EU:C:1976:188, punt 5); tal‑15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punti 44 u 46); u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe (C‑752/18, EU:C:2019:1114, punt 33).


43      F’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 69).


44      Ara l-elementi indikati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


45      L-Artikolu 80(5) tal-Liġi Nru 303 tal‑2022, kif ukoll l-Artikolu 34(5) tal-Liġi Nru 303 tal‑2004, u l-Artikolu 49 tal-Liġi Nru 303 tal‑1992.


46      Ara s-sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


47      Sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 89); tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu (C‑128/18, EU:C:2019:857, punt 52); u tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 124).


48      Rakkomandazzjoni tal‑14 ta’ April 2021 għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ Pulizija Kriminali (CIPO-INTERPOL) (COM (2021) 177 final, p. 1).


49      Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2021/1312 u 2021/1313 tad‑19 ta’ Lulju 2021 li jawtorizzaw il-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (CIPO-Interpol) (ĠU 2021, L 287, p. 2 u 6).


50      Ara r-Riżoluzzjoni 51/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal‑15 ta’ Ottubru 1996, il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal‑1997 bejn in-Nazzjonijiet Uniti u l-INTERPOL, UNTS 1996, Nru 1200 (p. 391), u r-Riżoluzzjoni 1699 (2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tat‑8 ta’ Awwissu 2006.


51      Ara s-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 123).


52      Sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punti 108 sa 110); tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punti 48 u 49); kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57, punti 131 u 132).


53      Ara dwar dan iktar ’il quddiem, il-punti 111 et seq.


54      Ara l-punt 74 iktar ’il fuq.


55      Sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punti 108 sa 110); tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 48 u 49); kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 131 u 132).


56      Sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909) (C‑125/21, EU:C:2022:213), u Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2009/829) (C‑126/21, EU:C:2022:214).


57      Sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 98), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 65).


58      Ara l-punt 85 iktar ’il fuq.


59      Sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 134).


60      Ara l-punt 111 iktar ’il fuq.


61      Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 111).


62      Sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 112), u tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu (C‑128/18, EU:C:2019:857, punt 68).


63      Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 114).


64      It-talba għal deċiżjoni preliminari ssemmi s-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu (C‑128/18, EU:C:2019:857, punt 68), fejn jissemma biss il-każ ta’ approvazzjoni tal-assigurazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja emittenti.


65      Sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 112), u tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu (C‑128/18, EU:C:2019:857, punt 68).


66      Sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 112), u tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu (C‑128/18, EU:C:2019:857, punt 68).


67      Rapport 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, EU:C:2014:2454, punt 192), kif ukoll is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 37) u Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 50), u tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu (C‑128/18, EU:C:2019:857, punt 47).


68      Sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu (C‑128/18, EU:C:2019:857, punt 79).


69      Sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 91), kif ukoll tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu (C‑128/18, EU:C:2019:857, punt 59).


70      Ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 82 sa 84 u 87), u tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu (C‑128/18, EU:C:2019:857, punti 65 u 66).