Language of document : ECLI:EU:T:2020:335

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

14 ta’ Lulju 2020 (*)

“Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni u għal annullament – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea – Talbiet għal adozzjoni ta’ deċiżjoni għaż-żamma taċ-ċittadinanza Ewropea ta’ ċerti ċittadini tar-Renju Unit u ta’ deċiżjoni dwar diversi miżuri relatati mad-drittijiet taċ-ċittadini tar-Renju Unit – Teħid ta’ pożizzjoni mill-Kummissjoni – Assenza ta’ talba li tittieħed azzjoni – Rifjut li tiġi adottata deċiżjoni għaż-żamma taċ-ċittadinanza Ewropea ta’ ċerti ċittadini tar-Renju Unit – Assenza ta’ interess ġuridiku – Rikors manifestament inammissibbli”

Fil-Kawża T‑627/19,

Harry Shindler, residenti f’Porto d’Ascoli (l-Italja), u r-rikorrenti l-oħra li isimhom huwa inkluż fl-anness (1), irrappreżentati minn J. Fouchet, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Erlbacher, C. Giolito u E. Montaguti, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u R. Meyer, bħala aġenti,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett, l-ewwel nett, talba bbażata fuq l-Artikolu 265 TFUE u intiża sabiex jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni illegalment naqset milli tieħu, minn naħa, deċiżjoni għaż-żamma, sa mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, taċ-ċittadinanza Ewropea ta’ ċerti ċittadini tar-Renju Unit, li, f’dak il-mument, ma kellhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-Unjoni, indipendentement mill-konklużjoni jew le ta’ ftehim li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ dan il-ħruġ, u, min-naħa l-oħra, deċiżjoni li tistabbilixxi diversi miżuri relatati mad-drittijiet ta’ dawn iċ-ċittadini, fil-każ ta’ tali ħruġ mingħajr il-konklużjoni ta’ tali ftehim u, it-tieni nett, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-ittra tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Settembru 2019 li permezz tagħha hija rrifjutat li tieħu deċiżjoni għaż-żamma taċ-ċittadinanza Ewropea tal-imsemmija ċittadini,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla),

komposta minn A. Kornezov, President, J. Passer u K. Kowalik‑Bańczyk (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet (2)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Harry Shindler u r-rikorrenti l-oħra li isimhom huwa inkluż fl-anness huma ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu, l-ewwel wieħed, fl-Italja u, l-oħrajn, fi Franza.

2        Fit‑23 ta’ Ġunju 2016, iċ-ċittadini tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ivvotaw f’referendum favur il-ħruġ tal-pajjiż tagħhom mill-Unjoni Ewropea.

3        Fid‑29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50(2) TUE.

4        Fit‑8 ta’ Ġunju 2017, seħħew elezzjonijiet leġiżlattivi fir-Renju Unit.

5        Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2019/476, tat‑22 ta’ Marzu 2019 (ĠU 2019, L 80 I, p. 1), il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, estenda t-terminu, previst mill-Artikolu 50(3) TUE, li fi tmiemu t-Trattati ma jibqgħux applikabbli għar-Renju Unit fin-nuqqas ta’ ftehim li jistabbilixxi l-modalitajiet għall-ħruġ tiegħu. Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, dan it-terminu kellu jiskadi jew fit‑12 ta’ April 2019 jew fit‑22 ta’ Mejju 2019.

6        Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2019/584 tal‑11 ta’ April 2019 (ĠU 2019, L 101, p. 1), il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, estenda mill-ġdid it-terminu msemmi fil-punt 5 iktar ’il fuq. Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, dan it-terminu kellu jiskadi, bħala prinċipju, fil‑31 ta’ Ottubru 2019.

7        Fil‑31 ta’ Lulju 2019, ir-rikorrenti, kif ukoll ċittadina oħra tar-Renju Unit residenti fl-Italja, bagħtu ittra lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. L-għada, huma bagħtu ittra, essenzjalment identika, lill-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“ittra tal‑1 ta’ Awwissu 2019”).

8        Fl-ittri msemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti, essenzjalment, ġibdu l-attenzjoni tal-Kunsill Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu fi Stati Membri oħra minbarra r-Renju Unit u li bnew ħajja privata u tal-familja hemmhekk, b’mod partikolari, dawk li, bħalhom, kienu ilhom iktar minn ħmistax‑il sena li telqu mir-Renju Unit. Huma fakkru li, skont ir-“regola ta’ 15‑il sena” (15 years rule), dawn iċ-ċittadini la kienu ġew awtorizzati jipparteċipaw fir-referendum tat‑23 ta’ Ġunju 2016 u lanqas fl-elezzjonijiet leġiżlattivi tat‑8 ta’ Ġunju 2017, għalkemm dawn l-elezzjonijiet kienu determinanti għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u ż-żamma tal-kwalità tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni. Konsegwentement, huma talbu lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni “konstatazzjoni tan-nuqqas li tittieħed azzjoni” li jirriżulta mill-“ommissjoni illegali tagħhom li ma jżommux iċ-ċittadinanza Ewropea tal-[imsemmija ċittadini]”. Barra minn hekk, huma talbu lil dawn it-tliet istituzzjonijiet jieħdu, qabel il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni previst fil‑31 ta’ Ottubru 2019, deċiżjoni għaż-żamma taċ-ċittadinanza Ewropea tal-istess ċittadini lil hinn mid-data ta’ dan il-ħruġ, u dan indipendentement mill-konklużjoni jew le ta’ ftehim li jistabbilixxi l-modalitajiet tal-imsemmi ħruġ.

9        Permezz ta’ ittra ffirmata fil‑11 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni wieġbet għall-ittra tal‑1 ta’ Awwissu 2019 (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-11 ta’ Settembru 2019”). F’din l-ittra, hija rrifjutat it-talba li taġixxi inkluża fl-ittra tal‑1 ta’ Awwissu 2019. Hija spjegat li, sa mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, iċ-ċittadini tar-Renju Unit li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-Unjoni ma jibqgħux jitqiesu bħala ċittadini tal-Unjoni. Konsegwentement, hija qieset li t-Trattati ma kinux jippermettulha tieħu deċiżjoni għaż-żamma, sa mill-imsemmi ħruġ, taċ-ċittadinanza Ewropea tal-imsemmija ċittadini li ma jkollhomx, f’dak il-mument, in-nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-Unjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet

[omissis]

15      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata skont l-Artikolu 89(3)(a) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsija lir-rikorrenti. Ir-rikorrenti wieġbu għal din il-mistoqsija fit-terminu mogħti.

[omissis]

17      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        “tannulla r-rifjut espliċitu tal-Kummissjoni [tal‑11] ta’ Settembru 2019 […] li tirrikonoxxi nuqqas li tittieħed azzjoni”;

–        tikkonstata li l-Kummissjoni illegalment naqset milli tieħu, minn naħa, “deċiżjoni [għaż-żamma] taċ-ċittadinanza Ewropea tar-rikorrenti […] li għandhom ħajja privata u tal-familja fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni […] u li ma kellhomx id-dritt li jivvotaw sabiex jiddeċiedu dwar il-ħruġ tar-[Renju Unit] mill-Unjoni sempliċement minħabba l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment [regola ta’15‑il sena], u dan irrispettivament minn jekk ikunx hemm ftehim jew le fuq [dan] il-ħruġ”, u, min-naħa l-oħra, “deċiżjoni vinkolanti, applikabbli b’mod uniformi fis‑27 Stat Membru ieħor tal-Unjoni li fihom jirrisjedu [ċittadini] tar-Renju Unit, li tinkludi diversi miżuri dwar id-dħul, is-soġġorn, id-drittijiet soċjali u l-attività professjonali [ta’ dawn iċ-ċittadini], applikabbli fil-każ ta’ assenza ta’ ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni”;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lil kull wieħed minnhom is-somma ta’ EUR 1 500 bħala spejjeż.

18      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala manifestament infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

19      Skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura, meta rikors ikun manifestament inammissibbli, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull ħin u fuq proposta tal-Imħallef Relatur, tiddeċiedi li taqta’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura. F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tqis li mill-atti tal-proċess hija għandha informazzjoni biżżejjed u tiddeċiedi, b’applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, li ma hemmx lok li titkompla l-proċedura.

 Fuq is-suġġett tal-kawża

[omissis]

22      Fit-tieni lok, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti, li permezz tiegħu huma jitolbu l-annullament tar-“rifjut espliċitu tal-Kummissjoni [tal‑11] ta’ Settembru 2019 […] li tirrikonoxxi nuqqas li tittieħed azzjoni”, huma ntalbu, permezz tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq, jippreċiżaw jekk ir-rikors kienx ibbażat esklużivament fuq l-Artikolu 265 TFUE jew jekk kellux jiġi interpretat bħala li jinkludi mhux biss talbiet għal nuqqas li tittieħed azzjoni abbażi tal-Artikolu 265 TFUE, iżda wkoll talbiet għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE. Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru fl‑14 ta’ Frar 2020, ir-rikorrenti wieġbu li r-rikors kien jinkludi kemm talbiet għal nuqqas li tittieħed azzjoni bbażati fuq l-Artikolu 265 TFUE kif ukoll talbiet għal annullament ibbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tal‑11 ta’ Settembru 2019, li permezz tagħha l-Kummissjoni, essenzjalment, irrifjutat li tadotta deċiżjoni għaż-żamma, sa mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u indipendentement mill-konklużjoni jew le ta’ ftehim li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ dan il-ħruġ, taċ-ċittadinanza Ewropea ta’ ċerti ċittadini tar-Renju Unit li, f’dak il-mument, ma jkollhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-Unjoni.

[omissis]

 Fuq it-talbiet għal annullament

40      Kif ġie rrilevat fil-punt 23 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tal‑11 ta’ Settembru 2019.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament

[omissis]

43      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jiġi stabbilit in-“nuqqas li tittieħed azzjoni” li jirriżulta min-nuqqas ta’ adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ deċiżjoni għaż-żamma taċ-ċittadinanza Ewropea ta’ ċerti ċittadini tar-Renju Unit fil-mument tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, indipendentement mill-konklużjoni jew le ta’ ftehim li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ dan il-ħruġ, ir-rikorrenti jqajmu, essenzjalment, tliet motivi li huma intiżi sabiex jikkontestaw it-telf taċ-ċittadinanza Ewropea minn dawn iċ-ċittadini. Dawn il-motivi huma bbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tat-Trattati, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tad-drittijiet kweżiti, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, u, it-tielet nett, fuq iċ-ċaħda illegali tad-dritt tal-vot fir-referendum tat‑23 ta’ Ġunju 2016 u fl-elezzjonijiet leġiżlattivi tat‑8 ta’ Ġunju 2017, peress li din iċ-ċaħda mid-dritt tal-vot tikser il-“prinċipju ta’ kontradittorju”, id-dritt ta’ moviment u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja kif ukoll il-“prinċipju ta’ ugwaljanza fir-rigward tad-dritt ta’ votazzjoni”.

44      Issa, permezz tal-ittra tal‑11 ta’ Settembru 2019, imsemmija fit-talbiet għal annullament, il-Kummissjoni speċifikament irrifjutat li tadotta deċiżjoni għaż-żamma taċ-ċittadinanza Ewropea ta’ ċerti ċittadini tar-Renju Unit. Għaldaqstant, minkejja li jinvokaw “nuqqas li tittieħed azzjoni” tal-Kummissjoni, il-motivi u l-argumenti elenkati fil-punt 43 iktar ’il fuq għandhom jitqiesu bħala li ġew ippreżentati wkoll insostenn tat-talbiet għal annullament.

[omissis]

 Fuq l-ammissibbiltà tal-motivi invokati insostenn tat-talbiet għal annullament

46      Għandu jiġi vverifikat ex officio jekk ir-rikorrenti għandhomx interess li jinvokaw il-motivi ppreżentati insostenn tat-talbiet għal annullament u elenkati fil-punt 43 iktar ’il fuq.

47      Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, rikorrent ma jistax ikollu interess leġittimu fl-annullament ta’ deċiżjoni li huwa diġà ċert li din tista’ biss tiġi kkonfermata mill-ġdid fir-rigward tiegħu u, min-naħa l-oħra, motiv ta’ annullament ikun inammissibbli għar-raġuni li l-interess ġuridiku ma jkunx preżenti f’sitwazzjoni fejn, jekk jitqies li huwa fondat, l-annullament tal-att ikkontestat fuq il-bażi ta’ dan il-motiv ma jkunx ta’ natura li jikseb sodisfazzjon għar-rikorrent (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Evropaïki Dynamiki vs BĊE, C‑401/09 P, EU:C:2011:370, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, Canadian Solar Emea et vs Il-Kunsill, C‑236/17 P, EU:C:2019:258, punt 93).

48      Għalhekk, rikorrent ma għandux interess li jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni abbażi ta’ motiv partikolari fil-każ fejn l-istituzzjoni kkonċernata ma jkollha ebda marġni ta’ diskrezzjoni u hija obbligata li taġixxi kif għamlet. F’każ bħal dan ta’ kompetenza limitata, l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni abbażi ta’ dan il-motiv jista’ jagħti biss lok għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida identika, fid-dispożittiv tagħha, għad-deċiżjoni annullata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Lulju 1983, Geist vs Il-Kummissjoni, 117/81, EU:C:1983:191, punt 7; tal‑20 ta’ Mejju 1987, Souna vs Il-Kummissjoni, 432/85, EU:C:1987:236, punt 20; u tat‑28 ta’ Novembru 2019, Portigon vs CRU, T‑365/16, EU:T:2019:824, punt 192).

49      A fortiori, rikorrent ma għandux interess li jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li tirrifjuta t-teħid ta’ azzjoni f’qasam partikolari abbażi ta’ motiv speċifiku fil-każ fejn l-istituzzjoni kkonċernata ma jkollha, fi kwalunkwe każ, ebda kompetenza sabiex taġixxi f’dan il-qasam, b’tali mod li l-annullament ta’ tali deċiżjoni fuq il-bażi ta’ dan il-motiv jista’ jagħti lok biss għal deċiżjoni ġdida li tirrifjuta t-teħid ta’ azzjoni f’dan il-qasam.

50      F’dan il-każ, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni inkluża fl-ittra tal‑11 ta’ Settembru 2019 abbażi tal-motivi elenkati fil-punt 43 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti jkunu jistgħu jiksbu sodisfazzjon biss jekk, filwaqt li tilqa’ t-talba li tittieħed azzjoni inkluża fl-ittra tal‑1 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni sussegwentement tadotta, hija stess, att vinkolanti għaż-żamma, sa mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, taċ-ċittadinanza Ewropea ta’ ċerti ċittadini tar-Renju Unit.

51      Issa, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 13(2) TUE, kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, konformement mal-proċeduri, mal-kundizzjonijiet u mal-finijiet previsti minnhom. Minn dan isegwi li, kif hija ssostni, il-Kummissjoni tista’ taġixxi biss fuq il-bażi tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati.

52      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni hijiex kompetenti sabiex taġixxi fis-sens mixtieq mir-rikorrenti.

53      F’dan ir-rigward, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni setax iwassal jew le għat-telf taċ-ċittadinanza Ewropea miċ-ċittadini kollha tar-Renju Unit li ma jkollhomx, fil-mument tal-imsemmi ħruġ, in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni tat-Trattati jew tad-dritt sekondarju ma tawtorizza lill-Kummissjoni tadotta atti vinkolanti li għandhom l-għan li jattribwixxu ċ-ċittadinanza Ewropea lil ċerti kategoriji ta’ persuni.

54      Il-fatt li l-Kummissjoni ma hijiex kompetenti f’dan ir-rigward huwa kkorroborat mill-fatt li din l-istituzzjoni għandha biss, bħala prinċipju, setgħa ta’ proposta skont l-Artikolu 17(2) TUE.

55      Barra minn hekk, għalkemm isostnu li l-Kummissjoni hija kompetenti għaż-żamma taċ-ċittadinanza Ewropea taċ-ċittadini tar-Renju Unit fil-mument tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, ir-rikorrenti ma jsemmu ebda dispożizzjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tadotta, hija stess, atti vinkolanti li għandhom l-għan li jagħtu jew li jżommu ċ-ċittadinanza Ewropea favur ċerti kategoriji ta’ persuni. Għalkemm huwa minnu li, fir-rikors, ir-rikorrenti jirreferu għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 TFUE, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tagħti s-setgħa ta’ deċiżjoni mhux lill-Kummissjoni, iżda lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma hijiex, evidentement, kompetenti sabiex tadotta, hija stess, att vinkolanti għaż-żamma, sa mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, taċ-ċittadinanza Ewropea ta’ ċerti ċittadini tar-Renju Unit.

57      Għaldaqstant, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni setax iwassal jew le għat-telf taċ-ċittadinanza Ewropea miċ-ċittadini kollha tar-Renju Unit li ma jkollhomx, fil-mument tal-imsemmi ħruġ, in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni ma kellha, f’dan il-każ, ebda kompetenza sabiex tadotta att vinkolanti għaż-żamma, sa minn dan il-ħruġ, taċ-ċittadinanza tal-Unjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni u kienet obbligata tirrifjuta li tadotta l-att mitlub mir-rikorrenti.

58      Minn dan isegwi li, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni inkluża fl-ittra tal‑11 ta’ Settembru 2019 abbażi tal-motivi elenkati fil-punt 43 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tinsab f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ kompetenza manifesta u tista’ biss tieħu deċiżjoni ġdida ta’ rifjut li tadotta l-att mitlub mir-rikorrenti. Għalhekk, tali annullament ma jistax jagħti sodisfazzjon lir-rikorrenti, b’tali mod li dawn tal-aħħar ma għandhomx interess leġittimu li jqajmu l-motivi elenkati fil-punt 43 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, dawn il-motivi għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li t-talbiet għal annullament ma jinkludu ebda motiv ammissibbli, huma stess huma manifestament inammissibbli.

[omissis]

61      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Harry Shindler u r-rikorrenti l-oħra li isimhom huwa inkluż fl-anness huma kkundannati għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Magħmul fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Lulju 2020.

Reġistratur

 

Il-President

E. Coulon

 

A. Kornezov


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1      Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.


2      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ dan id-digriet li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni.