KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WATHELET
ippreżentati fl-20 ta’ Novembru 2014 (1)
Kawża C‑170/13
Huawei Technologies Co. Ltd
vs
ZTE Corp.,
ZTE Deutschland GmbH
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Düsseldorf (il-Ġermanja)]
“Kompetizzjoni — Artikolu 102 TFUE — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Azzjoni ta’ ksur ippreżentata mill-proprjetarju ta’ privattiva essenzjali għal standard stabbilit minn organizzazzjoni ta’ standardizzazzjoni — Impenn li jingħataw liċenzji lil terzi b’kundizzjonijiet FRAND (Fair, Reasonable and Non-Discriminatory terms), jiġifieri b’kundizzjonijiet xierqa, raġonevoli u nondiskriminatorji”
I – Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ippreżentata mil-Landgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) lir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ April 2013 tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE.
2. Fil-qalba tal-kawża nsibu privattiva deskritta bħala “essenzjali għal standard stabbilit minn organizzazzjoni ta’ standardizzazzjoni” (iktar ’il quddiem “PES”) u għall-ewwel darba, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba biex tanalizza jekk, u jekk huwa l-każ, taħt liema kundizzjonijiet, azzjoni ta’ ksur ippreżentata mid-detentur ta’ PES kontra impriża li timmanifattura prodotti li jeżegwixxu dak l-istandard, tikkostitwixxix abbuż minn pożizzjoni dominanti.
3. Dik it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Huawei Technologies Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Huawei”), impriża ta’ dimensjoni globali attiva fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, stabbilita f’Shenzhen (iċ-Ċina) u ZTE Corp., stabbilita f’Shenzhen, kif ukoll ZTE Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “ZTE”), stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja), li jappartjenu għal grupp ta’ impriżi li huwa wkoll ta’ dimensjoni globali li jopera fl-istess settur. Permezz tal-azzjoni ta’ ksur li ressqet, Huawei titlob il-waqfien tal-ksur tal-privattiva, li tingħata data ta’ kontabbiltà, li jissejħu lura l-prodotti kif ukoll il-likwidazzjoni tad-danni.
4. L-azzjoni ta’ ksur tirrigwarda privattiva Ewropea rreġistrata f’isem Huawei bin-numru EP 2 090 050 B 1 (iktar ’il quddiem il-“privattiva inkwistjoni”). Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija wieħed mill-Istati Membri kontraenti indikati fil-privattiva, li tikkostitwixxi privattiva “essenzjali” għall-istandard (2) “Long Term Evolution” (LTE) stabbilit mill-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjonijiet (ETSI) (3), li jimplika li kull persuna li tuża l-istandard LTE neċessarjament trid tuża t-tagħlim li jirriżulta minn dik il-privattiva.
5. Il-privattiva inkwistjoni ġiet innotifikata lill-ETSI minn Huawei li, fl-4 ta’ Marzu 2009, tat l-impenn tagħha lill-ETSI li tagħti liċenzji lil terzi b’kundizzjonijiet xierqa, raġonevoli u nondiskriminatorji, ġeneralment imsejħa “FRAND” (Fair, Reasonable and Non-Discriminatory, iktar ’il quddiem, il-“kundizzjonijiet FRAND”) (4).
6. Wara “l-falliment” (5) tan-negozjati dwar il-konklużjoni ta’ liċenzja b’kundizzjonijiet FRAND, Huawei ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju azzjoni ta’ ksur kontra ZTE sabiex titlob il-waqfien tal-ksur tal-privattiva, li tingħata data ta’ kontabbiltà, li jissejħu lura l-prodotti kif ukoll il-likwidazzjoni tad-danni. Skont ZTE, dik il-kawża ta’ inibizzjoni tikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, peress li hija disposta li tinnegozja liċenzja.
7. L-aġir ta’ detentur ta’ PES li jimpenja ruħu li jagħti liċenzji lil terzi b’kundizzjonijiet FRAND ta lok għal għadd kbir ta’ rikorsi quddiem il-qrati ta’ diversi Stati Membri u ta’ pajjiżi terzi. Dawk ir-rikorsi multipli, li huma bbażati mhux biss fuq id-dritt tal-kompetizzjoni iżda wkoll fuq id-dritt ċivili, taw lok għal pluralità ta’ soluzzjonijiet ġuridiċi diverġenti u, għaldaqstant, grad kunsiderevoli ta’ inċertezza dwar il-legalità ta’ ċertu aġir ta’ detentur ta’ PES u ta’ impriżi li, billi japplikaw standard stabbilit minn organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni, jirrikorru għat-tagħlim li jirriżulta minn PES.
8. Fid-dawl tad-domandi li saru mill-qorti tar-rinviju, ser nillimita dawn il-konklużjonijiet sempliċement għad-dritt tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, għall-kwistjoni tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti.
9. Dan madankollu ma jfissirx li l-problema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-oriġini tagħha, fil-fehma tiegħi, huma marbuta essenzjalment man-nuqqas ta’ ċarezza tal-kunċett innifsu u tal-kontenut tal-kundizzjonijiet FRAND, ma tistax tiġi solvuta b’mod adegwat, jew aħjar, fil-qafas ta’ fergħat oħrajn tal-liġi jew minn mekkaniżmi oħrajn apparti dawk tad-dritt tal-kompetizzjoni.
10. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li impenn li jingħataw liċenzji b’kundizzjonijiet FRAND ma huwiex ekwivalenti għal liċenzja b’kundizzjonijiet FRAND, u lanqas ma jagħti xi indikazzjoni tal-kundizzjonijiet FRAND li għandhom, fil-prinċipju, jiġu miftiehma mill-partijiet inkwistjoni.
11. Għalkemm il-kundizzjonijiet ta’ liċenzja FRAND jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-partijiet u, jekk ikun il-każ, tal-qrati ċivili jew tat-tribunali ta’ arbitraġġ, jidhirli li huwa ċar li r-riskju ta’ mala fide tal-partijiet inkwistjoni jew ta’ falliment tan-negozjati f’dan il-qasam jista’ jkun, ta’ mill-inqas parzjalment, evitat jew imnaqqas jekk l-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni jistabbilixxu kundizzjonijiet minimi jew “regoli ta’ kondotta tajba” tan-negozjati tal-kundizzjonijiet ta’ liċenzja FRAND. Mingħajr dan, il-kawżi ta’ inibizzjoni kif ukoll ir-regoli dwar l-abbuż minn pożizzjoni dominanti, li għandhom iservu biss bħala soluzzjonijiet tal-aħħar rimedju, jintużaw bħala argument ta’ negozjar jew mezz ta’ pressjoni mid-detentur ta’ PES jew l-impriża li tuża l-istandard u li tuża t-tagħlim li jirriżulta minn dik il-PES.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea
12. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) tipprovdi fl-Artikolu 16 tagħha intitolat “Il-libertà ta’ intrapriża”:
“Il-libertà ta’ intrapriża skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rikonoxxuta.”
13. L-Artikolu 17 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għall-proprjetà”, jipprovdi:
“1. Kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.
2. Il-proprjetà intellettwali għandha tiġi protetta.”
14. L-Artikolu 47 tal-Karta intitolat, “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, jistipula:
“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
[…]”
15. L-Artikolu 52 tal-Karta, intitolat “L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”
B – Id-Direttiva 2004/48/KE
16. Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (6), tipprovdi fl-Artikolu 9 tagħha, intitolat “Il-miżuri proviżorji u prekawzjonarji” li:
“1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu, fuq talba ta’ l-applikant:
(a) joħorġu kontra l-kontravventur [l-persuna li twettaq ksur] mandat interlokutorju intiż biex jipprevjeni kontravvenzjoni imminenti tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, […]
[…]”
17. Skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/48, intitolat “Il-miżuri korrettivi”:
“1. Mingħajr preġudizzju għal xi ħsara dovuta lid-detentur tad-dritt minħabba l-kontravvenzjoni, u mingħajr kumpens ta’ l-ebda tip, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jordnaw, fuq it-talba ta’ l-applikant, li l-miżuri xierqa għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ l-oġġetti misjuba li jiksru d-dritt għall-proprjetà intellettwali u, f’każijiet xierqa, fir-rigward ta’materjali u strumenti prinċipalment użati biex joħolqu jew jimmanifatturaw dawk l-oġġetti. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu:
(a) revokazzjoni tal-mezzi tal-kummerċ;
(b) tneħħija definittiva mill-mezzi tal-kummerċ; jew
(ċ) destruzzjoni.
[…]
3. Waqt il-kunsiderazzjoni għall-miżuri korrettivi, il-bżonn ta’ proporzjonalità bejn il-gravità tal-kontravvenzjoni u r-rimedji ordnati kif wkoll l-interessi tal-partijiet terzi għandhom jiġu kkunsidrati.”
18. L-Artikolu 11 tal-istess direttiva, intitolat “Mandati”, jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fejn d-deċiżjoni ġudizzjarja hi meħuda u sabet li hemm kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu joħorġu mandat kontra kontravventur [l-persuna li twettaq il-ksur] bl-għan li tipprojbixxi il-kontinwazzjoni tal-kontravvenzjoni. […]”
19. Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/48, intitolat “Il-miżuri alternattivi”:
“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, f’każijiet xierqa u fuq it-talba tal-persuna li jista’ jkun soġġett għall-miżuri msemmija f’din is-sezzjoni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jordnaw kumpens fi flus biex tiġa mħallsa lill-parti li saritilha l-ħsara minflok jiġu applikati l-miżuri msemmija f’din is-sezzjoni jekk il-persuna tkun aġixxit mhux intenzjonalment u mingħajr negliġenza, u jekk l-esekuzzjoni tal-miżuri jikkawżawlha ħsara sproporzjonata u jekk il-kumpens fi flus lill-parti li saritilha l-ħsara tidher raġjonevolment sodisfaċenti.”
20. L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48, intitolat “Id-danni” jipprovdi:
“1 L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, fuq l-applikazzjoni tal-parti li sarulha d-danni, jordnaw lill-kontravventur [persuna li wettqet il-ksur] li kien jaf jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, daħal f’attività li tikkontravjeni, biex iħallas id-danni lid-detentur tad-dritt skond il-preġudizzju attwali soffert minnu/minnha riżultat tal-kontravvenzjoni.
Meta l-awtoritajiet ġudizzjarji jiffissaw id-danni:
(a) Għandhom jikkunsidraw l-aspetti xierqa kollha, bħall-konsegwenzi negattivi ekonomiċi, li jinkludu qliegħ mitluf, li l-parti li sarulha d-danni, xi profitti inġusti li saru mill-kontravventur [persuna li wettqet il-ksur] u, f’każijiet xierqa, elementi barra fatturi ekonomiċi, bħall-preġudizzju morali ikkawżat lid-detentur tad-dritt bil-kontravvenzjoni;
jew
(b) bħala alternattiva għall-(a), huma jistgħu, f’każijiet xierqa, jistabbilixxu d-danni bħala somma waħda fuq bażi ta’ l-elementi bħal għall-inqas l-ammont ta’ royalties jew ħlasijiet li kieku riedu jitħallsu jekk il-kontravventur talab l-awtoriżazzjoni biex juża’ id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali in kwestjoni.
2. Fejn il-kontravventur daħal f’attività li tikkontravjenu, u ma kiex jaf jew kien jaf imma kellu raġjunijiet validi, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jordnaw li jiġu rkuprati l-profitti jew il-pagament tad-danni, li jistgħu jkunu stabbiliti minn qabel.”
C – Il-politika tal-ETSI dwar il-proprjetà intellettwali
21. Skont l-Artikolu 3(1) tal-politika tal-ETSI dwar il-proprjetà intellettwali, l-objettiv ta’ din l-organizzazzjoni ta’ standardizzazzjoni huwa li toħloq standards li huma adattati għall-objettivi tekniċi tas-settur Ewropew tat-telekomunikazzjonijiet u li tnaqqas ir-riskju għall-ETSI, il-membri tagħha u t-terzi li japplikaw l-istandards tal-ETSI li l-investimenti li jsiru fuq it-tħejjija, l-adozzjoni u l-applikazzjoni tal-istandards jintilfu minħabba li l-proprjetà intellettwali essenzjali għall-applikazzjoni ta’ dawk l-istandards ma tkunx disponibbli. Sabiex isir dan, il-politika tal-ETSI dwar il-proprjetà intellettwali hija intiża li tikseb bilanċ bejn il-bżonnijiet ta’ standardizzazzjoni għall-finijiet ta’ użu pubbliku fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet u d-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet għall-proprjetà intellettwali. L-Artikolu 3(2) tal-politika tal-ETSI dwar il-proprjetà intellettwali jipprovdi li, meta jiġu implementati l-istandards, il-proprjetarji tad-dritt għall-proprjetà intellettwali għandhom jitħallsu b’mod adegwat u ġust f’każ li tintuża l-proprjetà intellettwali tagħhom.
22. L-Artikolu 4(1) tal-politika tal-ETSI dwar il-proprjetà intellettwali jipprovdi li kull wieħed mill-membri tiegħu, b’mod partikolari matul il-proċess ta’ elaborazzjoni ta’ standard li fl-iżvilupp tiegħu jkun qiegħed jipparteċipa, għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jinforma lill-ETSI fl-iqsar żmien possibbli dwar id-drittijiet għall-proprjetà intellettwali tiegħu essenzjali għall-istandard. Membru li jippreżenta proposta teknika dwar standard għandu b’hekk jinforma lill-ETSI dwar kull dritt għall-proprjetà intellettwali li huwa jkollu u li jista’ jirriżulta li huwa essenzjali għall-istandard f’każ li l-proposta tiġi adottata.
23. L-Artikolu 6(1) tal-politika tal-ETSI dwar il-proprjetà intellettwali jipprovdi li meta l-ETSI jkun informat dwar dritt għall-proprjetà intellettwali li jkun essenzjali għal standard, id-direttur ġenerali tiegħu għandu jistieden minnufih lill-proprjetarju ta’ dak id-dritt biex jagħti impenn irrevokabbli, fi żmien tliet xhur, li huwa lest li jagħti liċenzji b’kundizzjonijiet FRAND fir-rigward tal-imsemmi dritt għall-proprjetà intellettwali. F’każ li ma jingħata ebda impenn FRAND, l-ETSI jeżamina jekk ix-xogħlijiet fuq il-partijiet ikkonċernati mill-istandard għandhomx jiġu sospiżi sakemm tinqata’ l-kawża u/jew għandux jiġi ppreżentat standard rilevanti għall-approvazzjoni (7). Jekk id-detentur tad-drittijiet għall-proprjetà intellettwali jirrifjuta li jagħti impenn FRAND konformement mal-imsemmi Artikolu 6(1) tal-imsemmija politika, l-ETSI jara jekk teżistix teknoloġija alternattiva u, jekk dan ma jkunx il-każ, ix-xogħlijiet dwar l-istandard inkwistjoni jieqfu (8). Skont l-Artikolu 14 tal-politika tal-ETSI dwar il-proprjetà intellettwali, ksur ta’ dak it-test minn wieħed mill-membri jikkostitwixxi ksur tal-obbligi tiegħu lejn l-ETSI.
24. Skont l-Artikolu 15(6) tal-politika tal-ETSI dwar il-proprjetà intellettwali, il-proprjetà intellettwali titqies li hija “essenzjali” b’mod partikolari meta ma jkunx possibbli għal raġunijiet tekniċi li jiġu mmanifatturati prodotti konformi mal-istandard mingħajr ma jkun hemm ksur ta’ dik il-proprjetà. Madankollu, l-ETSI la jikkontrolla l-validità u lanqas il-karattru essenzjali tal-proprjetà intellettwali li dwarha jkun ġie informat minn wieħed mill-membri tiegħu.
25. Il-politika tal-ETSI dwar il-proprjetà intellettwali ma tiddefinixxix b’mod preċiż x’għandu jinftiehem b’kundizzjonijiet ta’ liċenzja FRAND. Huma l-proprjetarju u l-utent tal-privattiva li għandhom jinnegozjaw it-termini u l-kundizzjonijiet tal-użu ta’ PES (9). Barra minn hekk, il-politika tal-ETSI dwar il-proprjetà intellettwali lanqas ma tinkludi regoli jew dispożizzjonijiet li jindikaw kif il-kawżi għandhom ikunu rregolati f’każ fejn il-partijiet ma jaslux għal ftehim dwar kundizzjonijiet FRAND konkreti (10).
III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
26. ZTE toffri u tbigħ fil-Ġermanja, inter alia, stazzjonijiet ta’ bażi armati b’softwer LTE (iktar ’il quddiem il-“forom ta’ eżekuzzjoni inkwistjoni”). Skont il-qorti tar-rinviju, il-forom ta’ eżekuzzjoni inkwistjoni proposti u kkummerċjalizzati minn ZTE huma inkontestabbilment adattati għas-softwer LTE u jaħdmu fuq il-bażi tal-istandard LTE. Peress li l-privattiva inkwistjoni li għandha Huawei hija essenzjali għall-istandard LTE, ZTE awtomatikament tisfrutta dik il-privattiva.
27. Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, bejn ix-xahar ta’ Novembru 2010 u tmiem ix-xahar ta’ Marzu 2011, Huawei u ZTE Deutschland GmbH iddiskutew, b’mod partikolari, il-ksur tal-privattiva u l-possibbiltà li jintlaħaq ftehim dwar liċenzja. Huawei “indikat l-ammont li fil-fehma tagħha kien raġonevoli bħala royalty”. ZTE Deutschland GmbH “argumentat favur il-konċessjoni reċiproka ta’ liċenzji”. Jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tar-rinviju li, fit-30 ta’ Jannar 2013, ZTE għamlet offerta ta’ kuntratt ta’ liċenzji reċiproki u pproponiet, iżda ma ħallsitx, royalty li għandha titħallas lil Huawei (jiġifieri EUR 50). Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li “[i]l-partijiet ma skambjawx offerti konkreti dwar kuntratt ta’ liċenzja.” Fit‑28 ta’ April 2011, Huawei ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju l-kawża li tat lok għal din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari.
28. ZTE opponiet, quddiem l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (EPO), l-għoti tal-privattiva inkwistjoni abbażi li l-privattiva ma kinitx valida. B’deċiżjoni tal-25 ta’ Jannar 2013, l-EPO kkonferma l-validità tal-privattiva, u ċaħad it-talba ta’ ZTE. Rikors kontra dik id-deċiżjoni bħalissa jinsab pendenti.
29. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-isfruttar minn ZTE tal-privattiva inkwistjoni huwa illegali. Madankollu, hija tikkunsidra li huwa possibbli li wieħed jeċċepixxi n-natura obbligatorja tal-liċenzja sabiex tiġi miċħuda l-kawża ta’ inibizzjoni, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-Artikolu 102 TFUE jekk wieħed jista’ jikkunsidra li, billi ressqet kawża ta’ inibizzjoni, Huawei qiegħda tabbuża mill-“pożizzjoni dominanti li hija inkontestabbilment għandha” (11).
30. Skont il-qorti tar-rinviju, żewġ approċċi jippermettu li jiġi ddeterminat sa mil-liema mument il-proprjetarju ta’ PES jikser l-Artikolu 102 TFUE billi jabbuża mill-pożizzjoni dominanti tiegħu fir-rigward tal-awtur tal-ksur tal-privattiva.
31. Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja), fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Mejju 2009, Standard Orange Book (KZR 39/06, iktar ’il quddiem is-sentenza “Orange-Book-Standard”) (12), ikkunsidrat li l-proprjetarju ta’ privattiva li jressaq kawża għall-inibizzjoni ta’ ksur ta’ privattiva waqt li l-konvenut jista’ jippretendi li jingħata liċenzja għal dik il-privattiva jkun qed jabbuża mill-pożizzjoni dominanti tiegħu biss jekk jiġu sodisfatti dawn il-kundizzjonijiet:
“Minn naħa waħda, il-konvenut għandu jkun ippropona b’mod inkundizzjonali lir-rikorrent biex jikkonkludi kuntratt ta’ liċenzja (fejn dik l-offerta ma għandhiex, b’mod partikolari, tkun tinkludi klawżola li tillimita l-liċenzja biss għal każijiet ta’ ksur), waqt li huwa mifhum li l-konvenut għandu jħossu marbut bl-offerta tiegħu u li r-rikorrent huwa obbligat li jaċċettaha inkwantu r-rifjut tiegħu jkollu l-effett li jostakola b’mod inġust lill-konvenut jew li jikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
Jekk il-konvenut jidhirlu li l-ammont tar-royalty mitluba mir-rikorrent ikun abbużivament għoli jew jekk ir-rikorrent jirrifjuta li jikkwantifika r-royalty, l-offerta ta’ kuntratt titqies bħala inkundizzjonali jekk tkun tipprevedi li r-rikorrent għandu jiddetermina b’mod totalment ġust l-ammont tar-royalty.
Min-naħa l-oħra, meta l-konvenut jisfrutta l-oġġett tal-privattiva qabel l-aċċettazzjoni tal-offerta mir-rikorrent, huwa għandu josserva l-obbligi li, għall-finijiet tal-isfruttar tal-privattiva, jaqgħu fuqu abbażi tal-kuntratt futur tal-liċenzja. Dan jimplika b’mod partikolari li l-konvenut għandu jistabbilixxi rendikont tal-atti ta’ sfruttar tiegħu b’mod konformi mal-kundizzjonijiet ta’ kuntratt nondiskriminatorju u għandu jissodisfa l-obbligi ta’ ħlas li jirriżultaw minn dan.
Fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu ta’ ħlas, il-konvenut ma huwiex obbligat li jħallas direttament ir-royalty lir-rikorrent. Fil-fatt huwa jista’ jiddepożita l-ammont tar-royalty ma’ Amtsgericht [qorti distrettwali].”
32. Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, f’komunikazzjoni lill-istampa (13) dwar dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet indirizzata lil Samsung Electronics et (COMP/C‑3/39.939) fi proċedura ta’ ksur fis-suq tat-telefons ċellulari, il-Kummissjoni Ewropea sostniet, fuq bażi preliminari, li l-eżerċitar ta’ kawża ta’ inibizzjoni kien illeċitu meta jitqies l-Artikolu 102 TFUE, inkwantu l-kawża kienet tirrigwarda PES, li l-proprjetarju tal-privattiva kien indika lil korp ta’ standardizzazzjoni d-disponibbiltà tiegħu li jagħti liċenzji b’kundizzjonijiet FRAND u li l-awtur tal-ksur tal-privattiva kien dispost li jinnegozja dik il-liċenzja.
33. Madankollu, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, il-Kummissjoni ma tispjegax, fil-komunikazzjoni tagħha lill-istampa, taħt liema kundizzjonijiet jista’ jitqies li awtur tal-ksur tal-privattiva huwa dispost li jinnegozja. Hija lanqas ma tirreferi għall-kriterji stabbiliti mill-Bundesgerichtshof fis-sentenza tagħha Orange-Book-Standard.
34. Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li jekk wieħed japplika għal din il-kawża l-kriterji stabbiliti mill-Bundesgerichtshof, ZTE ma tkunx tista’ teċċepixxi b’mod validu n-natura obbligatorja tal-liċenzja, u b’hekk ikollha tintlaqa’ l-azzjoni ta’ ksur. Hija tal-fehma li f’dak il-każ, Huawei ma kinitx obbligata li taċċetta waħda mill-offerti ppreżentati bil-miktub minn ZTE għall-finijiet tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ liċenzja, u dan għaż-żewġ raġunijiet irrilevati mill-qorti tar-rinviju.
35. Fl-ewwel lok, l-offerti ta’ kuntratt minn ZTE kellhom jitqiesu li huma insuffiċjenti, minħabba l-fatt li ma kinux offerti “inkundizzjonali” fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof, peress li huma kienu limitati biss għall-prodotti li jagħtu lok għall-ksur tal-privattiva.
36. Fit-tieni lok, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-ammont tar-royalty ġiex iffissat b’mod korrett, ZTE ma ħallsitx l-ammont tar-royalty ikkalkolat minnha stess (jiġifieri EUR 50), peress li ebda element ma jindika li l-Amtsgericht ordnat li jinġabar dak l-ammont sabiex jiġi ddepożitat. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju rrilevat li ZTE ma tatx rendikont, la debitament u lanqas mod eżawrjenti, tal-atti ta’ sfruttar li seħħu.
37. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li jekk wieħed japplika l-argument imressaq mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni lill-istampa, il-kawża ta’ inibizzjoni ta’ Huawei jkollha tiġi miċħuda bħala abbużiva. Peress li Huawei tibbaża l-kawża tagħha fuq PES, ZTE hija obbligata li tużaha sabiex tkun tista’ tintroduċi fis-suq il-forom ta’ eżekuzzjoni inkwistjoni adattati għal-LTE. L-imsemmija qorti tar-rinviju tfakkar li Huawei ddikjarat lill-ETSI li hija kienet disposta tikkonċedi liċenzji lil terzi u tirrileva li ZTE kienet, ta’ mill-inqas fid-data rilevanti (tmiem in-negozjati verbali), “disposta li tinnegozja” fis-sens tal-argument tal-Kummissjoni. Dik id-dispożizzjoni li tinnegozja hija mmanifestata fi kwalunkwe każ fl-offerti ta’ kuntratti bil-miktub ippreżentati minn ZTE (dawk l-offerti jirriproduċu, parzjalment, il-proposti ta’ Huawei). Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li fil-kuntest tal-argument tal-Kummissjoni, id-dispożizzjoni li għandha tiġi nnegozjata ma hijiex affettwata mill-fatt li l-partijiet ma jaslux għal ftehim dwar il-kontenut ta’ ċerti klawżoli tal-kuntratt u lanqas, b’mod partikolari, dwar l-ammont tar-royalty li għandha titħallas.
38. F’dan il-kuntest, il-Landgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Il-proprjetarju ta’ privattiva essenzjali għal standard, li ddikjara ruħu dispost fil-konfront ta’ organu ta’ standardizzazzjoni li jagħti lil terzi liċenzja b’kundizzjonijiet xierqa, raġonevoli u nondiskriminatorji, jabbuża mill-pożizzjoni dominanti tiegħu meta jressaq mandat [kawża] ta’ inibizzjoni kontra awtur tal-ksur tal-privattiva, meta dan tal-aħħar iddikjara ruħu lest li jinnegozja tali liċenzja,
jew
għandu jitqies li jeżisti abbuż minn pożizzjoni dominanti biss jekk l-awtur ta’ ksur ta’ privattiva, għall-finijiet tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ liċenzja, ippreżenta lill-proprjetarju tal-privattiva offerta inkundizzjonali aċċettabbli li l-proprjetarju ma jistax jirrifjuta mingħajr ma jostakola inġustament lill-awtur ta’ ksur ta’ privattiva jew mingħajr ma jikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u jekk, bl-aspettattiva tal-liċenzja li għandha tingħata, l-awtur ta’ ksur ta’ privattiva diġà jissodisfa l-obbligi kuntrattwali fir-rigward ta’ atti ta’ sfruttar li seħħew?
2) Fil-każ li abbuż minn pożizzjoni dominanti huwa kkostitwit bis-sempliċi dispożizzjoni tal-awtur ta’ ksur ta’ privattiva li jinnegozja:
L-Artikolu 102 TFUE jipprovdi kundizzjonijiet partikolari ta’ kwalità u/jew ta’ terminu għal tali dispożizzjoni li jsir negozjar? Jista’ jitqies li l-awtur tal-ksur ta’ privattiva huwa lest li jinnegozja meta jkun esprima (oralment), biss f’termini ġenerali, id-dispożizzjoni tiegħu li jibda negozjar jew l-awtur ta’ ksur ta’ privattiva għandu jkun diġà beda n-negozjar billi indika pereżempju l-kundizzjonijiet konkreti li fihom huwa lest jikkonkludi l-kuntratt ta’ liċenzja?
3) Jekk l-abbuż minn pożizzjoni dominanti jkun suġġett għall- għall-preżentata ta’ offerta ta’ kuntratt inkundizzjonali u aċċettabbli:
L-Artikolu 102 TFUE jipprovdi kundizzjonijiet partikolari ta’ kwalità u/jew ta’ terminu għal tali offerta? L-offerta għandha tinkludi r-regoli kollha ġeneralment previsti fil-kuntratti ta’ liċenzja li jaqgħu taħt il-qasam tekniku inkwistjoni? B’mod partikolari, l-offerta tista’ tkun kundizzjonata għall-isfruttar effettiv tal-privattiva msemmija hawn fuq jew għall-validità tagħha?
4) Jekk l-abbuż minn pożizzjoni dominanti jkun suġġett għall-eżekuzzjoni tal-obbligi imposti fuq l-awtur tal-ksur tal-privattiva skont il-liċenzja li għandha tingħata:
L-Artikolu 102 TFUE jipprovdi kundizzjonijiet partikolari għall-atti ta’ eżekuzzjoni tal-awtur tal-ksur tal-privattiva? L-awtur tal-ksur tal-privattiva għandu l-obbligu li jirrapporta atti ta’ sfruttar li seħħew u/jew li jħallas taxxa [royalty]? Jekk ikun il-każ, l-awtur ta’ ksur ta’ privattiva jista’ jissodisfa l-obbligu li jħallas taxxa billi jipprovdi garanzija?
5) Il-kundizzjonijiet li fihom il-proprjetarju ta’ privattiva essenzjali għal standard huwa allegat li abbuża mill-pożizzjoni dominanti tiegħu japplikaw ukoll meta l-proprjetarju jinvoka drittijiet oħra taħt il-falsifikazzjoni [il-ksur tal-privattiva] (provvista ta’ data ta’ kontabbiltà, sejħa lura tal-prodotti, danni)?”
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
39. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Huawei, ZTE, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Gvern tal-Portugall kif ukoll mill-Kummissjoni. Huawei, ZTE, il-Gvernijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Finlandja kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali matul is-seduta tal-11 ta’ Settembru 2014.
V – Analiżi
A – Osservazzjonijiet preliminari
40. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża jekk, u jekk huwa l-każ taħt liema kundizzjonijiet, azzjoni ta’ ksur ippreżentata mid-detentur ta’ PES li jimpenja ruħu li jagħti liċenzji b’kundizzjonijiet FRAND tikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Id-domandi li saru mill-qorti tar-rinviju ma jirrigwardawx il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ liċenzja FRAND, li taqa’ taħt il-kompetenza tal-partijiet u jekk ikun il-każ, tal-qrati ċivili u tat-tribunali ta’ arbitraġġ, iżda huma intiżi biex jiddeterminaw, fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-qafas li fi ħdanu għandhom jiġu nnegozjati l-liċenzji b’kundizzjonijiet FRAND ta’ PES.
41. Skont il-qorti tar-rinviju, il-proprjetarju ta’ PES jinsab f’pożizzjoni b’saħħitha meta jsiru negozjati dwar liċenzji minħabba l-fatt li huwa għandu dritt li jippreżenta kawża ta’ inibizzjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi żgurat li l-proprjetarju ta’ PES ma jkunx jista’ jimponi, pereżempju, royalties eċċessivi bi ksur tal-impenn tiegħu li jagħti liċenzji b’kundizzjonijiet FRAND, aġir li ġie kklassifikat bħala “patent hold-up” (14).
42. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li limitazzjoni tad-dritt li tiġi ppreżentata kawża ta’ inibizzjoni tnaqqas b’mod kunsiderevoli l-marġni ta’ negozjar tal-proprjetarju ta’ PES, peress li huwa jista’ ma jkollux mezzi ta’ pressjoni suffiċjenti biex imexxi dawn in-negozjati fuq bażi ugwali mal-awtur tal-ksur tal-privattiva. Hija tiddikjara wkoll li l-proprjetarju ta’ PES għandu jittollera l-isfruttament illegali tal-privattiva tiegħu, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk u meta kuntratt ta’ liċenzja jiġi effettivament konkluż u li huwa biss a posteriori, f’data imprevedibbli, li huwa jista’ jikseb id-danni li l-applikabbiltà u l-ammont tagħhom huma inċerti, u dan anki jekk in-negozjati dwar il-liċenzja jieħdu fit-tul għal raġunijiet attribwibbli esklużivament lill-awtur tal-ksur tal-privattiva. Dak l-aġir ġie kklassifikat bħala “patent hold-out” jew “reverse patent hold-up”.
43. Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-proprjetarju ta’ PES, li jkun ta impenn lil korp ta’ standardizzazzjoni, f’dan il-każ l-ETSI, biex jagħti liċenzja lil terzi b’kundizzjonijiet FRAND jabbużax mill-pożizzjoni dominanti tiegħu meta jippreżenta kawża ta’ inibizzjoni kontra awtur tal-ksur tal-privattiva, minkejja li dan tal-aħħar kien “dispost li jinnegozja” tali liċenzja.
44. Fil-kuntest ta’ din l-istess domanda, il-qorti tar-rinviju tipprevedi tieni ipoteżi li tipprovdi li jkun hemm abbuż minn pożizzjoni dominanti biss jekk l-awtur tal-ksur tal-privattiva jkun ippreżenta lill-proprjetarju tal-PES offerta inkundizzjonali aċċettabbli li l-proprjetarju ma jistax jirrifjuta mingħajr ma jostakola b’mod inġust lill-awtur tal-ksur tal-privattiva jew mingħajr ma jikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u jekk fl-antiċipazzjoni tal-liċenzja, l-awtur tal-ksur tal-privattiva diġà jkun jissodisfa l-obbligi kuntrattwali fir-rigward tal-atti ta’ sfruttar li jkunu seħħu.
45. Fil-fehma tiegħi, sabiex tingħata risposta utli u kompluta għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju, għandhom jiġu eżaminati b’mod konġunt iż-żewġ ipoteżijiet li hija tinvoka.
46. It-tieni sar-raba’ domandi preliminari jirrigwardaw, rispettivament, il-modalitajiet tar-rieda tal-awtur tal-ksur tal-privattiva li jinnegozja, kif ukoll il-modalitajiet tal-offerta tiegħu u tal-eżekuzzjoni tal-obbligi li huwa jkollu abbażi tal-liċenzja li tkun ser tingħata. Ir-risposta għal dawn id-domandi tiddependi bil-kbir fuq dik mogħtija għall-ewwel domanda. Il-ħames domanda tirrigwarda rimedji oħrajn apparti kawża ta’ inibizzjoni li huma disponibbli għall-proprjetarju ta’ PES biex jipproteġi l-proprjetà intellettwali tiegħu. Peress li d-domandi li saru mill-qorti tar-rinviju jikkonċernaw prinċipalment il-legalità tal-kawża ta’ inibizzjoni, ser nikkonċentra l-konklużjonijiet tiegħi fuq dik l-azzjoni.
B – Il-ġurisprudenza Orange-Book-Standard tal-Bundesgerichtshof u l-komunikazzjoni għall-istampa mill-Kummissjoni fil-kawża Samsung Electronics et
47. Huwa ċar li d-domandi li saru mill-qorti tar-rinviju kienu mnebbħa bil-kbir mis-sentenza Orange-Book-Standard tal-Bundesgerichtshof u mill-komunikazzjoni għall-istampa mill-Kummissjoni fil-kawża Samsung Electronics et.
48. Fir-rigward ta’ dik is-sentenza, għandhom jiġu rrilevati diverġenzi fattwali importanti bejn dik il-kawża u l-kawża prinċipali. Il-privattiva inkwistjoni tikkostitwixxi privattiva essenzjali għall-istandard LTE li jirriżulta minn ftehim konkluż bejn l-impriżi (fosthom Huawei u ZTE) li pparteċipaw fil-proċess ta’ standardizzazzjoni fi ħdan l-ETSI, waqt li l-istandard inkwistjoni fil-kawża Orange-Book-Standard tal-Bundesgerichtshof kien standard de facto (15). Minn dan isegwi li, f’dik il-kawża, ma kien hemm ebda impenn min-naħa tad-detentur tal-privattiva inkwistjoni li jagħti liċenzji b’kundizzjonijiet FRAND. Huwa normali li, f’dak il-każ, is-saħħa ta’ negozjar mogħtija lill-proprjetarju tal-privattiva tkun ikbar minn fil-każ ta’ PES, li l-proprjetarju tagħha jkun membru ta’ organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni bħal dak li jitlob liċenzja, u li kawża ta’ inibizzjoni min-naħa tiegħu finalment ma titqiesx li hija abbużiva ħlief jekk ir-royalty li jitlob tkun b’mod ċar eċċessiva.
49. Fid-dawl ta’ dik id-diverġenza fattwali importanti mal-kawża prinċipali, jidhirli li l-imsemmija sentenza ma tistax tiġi trasposta b’analoġija f’din il-kawża.
50. Għalkemm, min-naħa l-oħra, il-komunikazzjoni għall-istampa fil-kawża Samsung Electronics et tabilħaqq tikkonċerna PES li l-proprjetarju tagħha indika, lil organizzazzjoni ta’ standardizzazzjoni, l-impenn tiegħu li jagħti liċenzji b’kundizzjonijiet FRAND, jidhirli li sempliċi rieda tal-awtur tal-ksur tal-privattiva li jinnegozja (16) b’mod estremament vag u mhux vinkolanti, f’ebda mod ma tista’ tkun biżżejjed (17) biex tillimita d-dritt tal-proprjetarju ta’ PES li jippreżenta kawża (18) ta’ inibizzjoni.
51. Jidhirli li mill-applikazzjoni pura u sempliċi tal-ġurisprudenza Orange-Book-Standard tal-Bundesgerichtshof jew tal-komunikazzjoni għall-istampa, għal din il-kawża, jirriżultaw sitwazzjonijiet ta’ protezzjoni żejda jew nieqsa, rispettivament, tal-proprjetarju ta’ PES, tal-utenti tat-tagħlim li jirriżulta mill-privattivi jew tal-konsumaturi (19).
52. B’hekk jidher li huwa neċessarju li tinsab triq tan-nofs.
C – Il-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti
53. Għandu jiġi rrilevat, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li l-qorti tar-rinviju titlaq mill-ipoteżi li Huawei għandha pożizzjoni dominanti (20) u la staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kriterji sabiex jiġi ddeterminat is-suq rilevanti (21) u lanqas dwar il-konstatazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti (22).
54. Il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni rrestrinġew l-osservazzjonijiet tagħhom għall-possibbiltà ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti min-naħa tad-detentur ta’ PES, waqt li Huawei (23), ZTE (24) u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi ftit li xejn indirizzaw il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fl-osservazzjonijiet tagħhom.
55. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja hija biss awtorizzata tiddeċiedi fuq l‑interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni abbażi tal-fatti li huma indikati lilha mill-qorti nazzjonali. Barra minn hekk, modifika tas-sustanza tad-domandi preliminari hija inkompatibbli mar-rwol mogħti lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 267 TFUE kif ukoll mal-obbligu tagħha li tiżgura konformement mal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-possibbiltà lill-Gvernijiet tal-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati li jippreżentaw osservazzjonijiet meta jitqies il-fatt li, skont dik id-dispożizzjoni, id-deċiżjonijiet tar-rinviju biss jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati (25).
56. F’din il-kawża, peress li l-qorti tar-rinviju la ammettiet in-neċessità u lanqas ir-rilevanza ta’ domanda dwar l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tipproċedi għal dik l-analiżi.
57. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju ma ppreċiżatx li hija kienet ser tikkonstata l-eżistenza inkontestabbli ta’ pożizzjoni dominanti min-naħa tad-detentur ta’ PES fil-kawża prinċipali biss wara li tkun eżaminat għal kollox iċ-ċirkustanzi kollha u l-kuntest speċifiku tal-kawża. Bl-istess mod bħall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, jidhirli li l-fatt li impriża jkollha PES ma jimplikax b’mod obbligatorju li hija tibbenefika minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE (26) u li huwa fil-kompetenza tal-qorti nazzjonali biex teżamina jekk dik effettivament kinitx is-sitwazzjoni fuq il-bażi ta’ każ b’każ (27).
58. Peress li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti timponi responsabbiltà partikolari fuq l-impriża kkonċernata (28) li ma timpedixxix kompetizzjoni effettiva bl-aġir tagħha, dik il-konstatazzjoni ma tistax tkun ibbażata fuq ipoteżijiet. Jekk il-fatt li kull persuna li tuża standard stabbilit minn organizzazzjoni ta’ standardizzazzjoni jkollha ta’ bilfors tuża t-tagħlim li jirriżulta minn PES, li b’hekk teħtieġ liċenzja mingħand il-proprjetarju ta’ dik il-privattiva, jista’ jagħti lok għal preżunzjoni sempliċi tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti min-naħa tad-detentur ta’ dik il-privattiva, jidhirli li għandu jkun possibbli li tiġi kkonfutata dik il-preżunzjoni permezz ta’ indikazzjonijiet konkreti u ssostanzjati.
D – L-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti jew l-isfruttar abbużiv tad-dipendenza teknoloġika
59. Għandu jiġi rrilevat li risposta għad-domandi li saru mill-qorti tar-rinviju teħtieġ, fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni, li jinsab bilanċ bejn, minn naħa waħda, id-dritt għall-proprjetà intellettwali u d-dritt għal rimedju ġudizzjarju tal-proprjetarju ta’ PES (Huawei) u, min-naħa l-oħra, il-libertà tal-intrapriża li minnu jibbenefikaw, skont l-Artikolu 16 tal-Karta, l-operaturi ekonomiċi, bħall-impriżi li jimplementaw l-istandard LTE (ZTE). Effettivament, il-ħruġ ta’ mandat kif mitlub f’kawża ta’ inibizzjoni jirrestrinġi b’mod kunsiderevoli dik il-libertà (29), u għaldaqstant jista’ joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni (30).
1. Id-dritt għall-proprjetà intellettwali
60. Jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, minkejja l-impenn li tat lill-ETSI li tagħti liċenzji lil terzi b’kundizzjonijiet FRAND, Huawei ma rrinunzjatx id-dritt tagħha li tippreżenta kawżi ta’ inibizzjoni kontra persuni li jużaw it-tagħlim li jirriżulta mill-privattiva inkwistjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, jirriżulta b’mod inekwivoku minn dak l-impenn li Huawei taċċetta (31) li tagħmel qligħ mill-privattiva inkwistjoni mhux biss billi tisfruttaha waħedha iżda wkoll billi tagħti liċenzji. Barra minn hekk, Huawei taċċetta li royalty iffissata b’kundizzjonijiet FRAND tikkostitwixxi kumpens adegwat u ġust għall-isfruttar ta’ dik il-privattiva minn ħaddieħor.
61. Bl-istess mod bħall-osservazzjonijiet ta’ Huawei, ta’ ZTE, tal-Gvernijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Portugall kif ukoll tal-Kummissjoni, jidhirli li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżerċitar ta’ dritt esklużiv marbut ma’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, jiġifieri f’dan il-każ, id-dritt li titressaq kawża ta’ inibizzjoni f’każ ta’ ksur ta’ privattiva ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu abbuż minn pożizzjoni dominanti (32). Effettivament, għall-proprjetarju ta’ privattiva dak id-dritt huwa l-mezz essenzjali (33) biex jasserixxi l-proprjetà intellettwali tiegħu li l-protezzjoni tagħha hija rikonoxxuta b’mod speċifiku mill-Artikolu 17(2) tal-Karta (34).
62. Minn dan isegwi li kull restrizzjoni tad-dritt li jitressqu dawk il-kawżi neċessarjament tikkostitwixxi limitazzjoni importanti tal-proprjetà intellettwali u b’hekk tista’ tiġi aċċettata biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li jkunu delineati b’mod preċiż.
63. Madankollu, id-dritt għall-proprjetà intellettwali ma huwiex dritt assolut. B’hekk, mingħajr ma titkellem dwar l-abbuż ta’ dritt, il-premessa 12 tad-Direttiva 2004/48 tippreċiża li “[d]in id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetitizzjoni, u b’mod partikolari l-Artikoli [101 TFUE] u [103 TFUE]. Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva m’għandhomx ikunu użati biex jirrestrinġu l-kompetizzjoni mingħajr bżonn f’manjiera li jmur kontra it-Trattat”. Minn dan isegwi li d-dritt li jitressqu kawżi ta’ inibizzjoni sabiex tiġi protetta l-proprjetà intellettwali ma huwiex dritt assolut u intanġibbli u għandu jiġi rrikonċiljat fl-interess ġenerali, mar-regoli tal-kompetizzjoni previsti b’mod partikolari fl-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE (35). L-Artikolu 12 ta’ dik id-direttiva jipprovdi, pereżempju, li l-ħlas lil-proprjetarju ta’ dritt għall-proprjetà intellettwali ta’ kumpens finanzjarju minflok l-impożizzjoni ta’ mandat ta’ inibizzjoni jista’ jiġi ordnat mill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti fuq talba tal-persuna soġġetta għal dak il-mandat ta’ inibizzjoni f’ċerti ċirkustanzi. Għaldaqstant, dik id-direttiva tipprevedi b’mod ċar limitazzjonijiet għad-dritt li jiġu ppreżentati kawżi ta’ inibizzjoni u s-sostituzzjoni ta’ dak id-dritt b’kumpens finanzjarju (36).
64. Barra minn hekk, il-proprjetarju ta’ dritt għall-proprjetà intellettwali jista’ huwa stess jillimita l-mod kif jeżerċitah.
65. F’dan ir-rigward, inqis li l-impenn ta’ Huawei fil-kawża prinċipali li jagħti lil terzi liċenzji b’kundizzjonijiet FRAND huwa relatat parzjalment ma’ “liċenzja statutorja” (37). Għall-kuntrarju tal-liċenzji obbligatorji li huma imposti mil-liġi (38), il-proprjetarju ta’ privattiva jista’ jawtorizza minn jeddu l-użu minn terzi ta’ tagħlim li jirriżulta mill-privattiva tiegħu taħt ċerti kundizzjonijiet. Nirrileva li, f’każ ta’ liċenzja statutorja, il-proprjetarju ta’ liċenzja ma jistax, fil-prinċipju, jitwaqqaf b’mandat ta’ inibizzjoni (39).
2. Id-dritt għal rimedju ġudizzjarju
66. Id-dritt għal rimedju ġudizzjarju u l-possibbiltà li wieħed jasserixxi d-drittijiet tiegħu quddiem qorti huma rikonoxxut mill-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-punt 51 tas-sentenza ZZ (C‑300/11, EU:C:2013:363), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu stabbilixxiet li l-Artikolu 52(1) tal-Karta jirrikonoxxi limitazzjonijiet għall-eżerċitar tad-drittijiet ikkristalizzati fl-Artikolu 47 tagħha billi enfasizzat li, fid-dawl tal-importanza tad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jitqies il-fatt li l-Artikolu 52(1) tal-Karta jeżiġi li kull limitazzjoni (40) għandha tirrispetta, b’mod partikolari, il-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni u jeħtieġ, barra minn hekk, li b’ħarsien tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, din tkun neċessarja u tirrispondi b’mod effettiv għal objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea (41).
67. Minkejja l-fatt li l-Karta ma toħloqx ġerarkija bejn id-drittijiet fundamentali li tirrikonoxxi, bl-eċċezzjoni tad-dinjità tal-bniedem li hija invjolabbli (42) mingħajr ebda deroga, il-preżentata ta’ kawża ta’ inibizzjoni ma tistax tikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, fid-dawl tal-importanza tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju.
3. Il-libertà tal-intrapriża u l-kompetizzjoni mingħajr distorsjoni
68. Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-kunċett ta’ użu abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti huwa kunċett oġġettiv li jirrigwarda l-aġir ta’ impriża li tkun f’pożizzjoni dominanti li jkun tali li jinfluwenza l-istruttura ta’ suq fejn, preċiżament insegwitu għall-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-livell ta’ kompetizzjoni jkun diġà ddgħajjef u li jkollu l-effett li jostakola, permezz ta’ mezzi li jkunu differenti minn dawk li normalment jirregolaw kompetizzjoni normali fuq prodotti jew servizzi abbażi tal-prestazzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi, iż-żamma tal-livell ta’ kompetizzjoni li tkun għadha eżistenti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ dik il-kompetizzjoni (43).
69. Huawei, ZTE, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Portugall kif ukoll il-Kummissjoni huma tal-fehma li l-konstatazzjoni ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, wara li titressaq kawża ta’ inibizzjoni, tippresupponi, skont ġurisprudenza stabbilita, li jeżistu “ċirkustanzi eċċezzjonali” (44). Nirrileva li “[j]irriżulta minn dik il-ġurisprudenza li, sabiex ir-rifjut min-naħa ta’ proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali li jagħti liċenzja għall-isfruttar ta’ dik il-proprjetà li tkun indispensabbli biex tiġi eżerċitata attività partikolari jista’ jiġi jitqies bħala abbużiv, jeħtieġ li jkunu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri li dak ir-rifjut jostakola l-ħruġ ta’ prodott ġdid li għalih ikun hemm domanda potenzjali mill-konsumaturi, li ma jkun hemm ebda ġustifikazzjoni u li jkun ta’ natura li jeskludi kull kompetizzjoni f’suq derivat”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] (45)
70. Huwa minnu, kif tirrileva Huawei, li dik il-ġurisprudenza hija bbażata fuq sitwazzjonijiet fattwali li ma humiex direttament komparabbli ma’ dawk tal-kawża prinċipali. Huwa ċar li, bħal fil-kawżi li taw lok għal dik il-ġurisprudenza, liċenzja tal-privattiva inkwistjoni hija indispensabbli għall-produzzjoni ta’ prodotti u servizzi konformi mal-istandard LTE. Madankollu, b’differenza minn dawk il-kawżi li jirrigwardaw ir-rifjut li jingħataw liċenzji għall-użu ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali, Huawei nnotifikat (46) il-privattiva inkwistjoni lill-ETSI u impenjat ruħha b’mod volontarju li tagħti liċenzji lil terzi għal dik il-privattiva b’kundizzjonijiet FRAND li, prima facie, ma jistax jitqies li huwa rifjut bħal dawk previsti fil-ġurisprudenza ċċitata fin-nota 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għaldaqstant, dik il-ġurisprudenza hija applikabbli biss parzjalment fil-kawża prinċipali, fejn kollox jiddependi mill-mod kif Huawei rrispettat l-impenn li hija tat lill-ETSI li tagħti b’kundizzjonijiet FRAND liċenzji relatati mal-privattiva inkwistjoni.
71. F’dan ir-rigward, nirrileva li n-notifika minn Huawei ta’ dik il-privattiva lill-ETSI u l-impenn tagħha influwenzaw l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ standardizzazzjoni u l-kontenut innifsu tal-istandard LTE (47). Effettivament, l-inkorporazzjoni tat-tagħlim li jirriżulta mill-privattiva inkwistjoni fl-istandard LTE u l-indispensabbiltà ta’ liċenzja riżultanti joħolqu relazzjoni ta’ dipendenza bejn il-proprjetarju ta’ PES u l-impriżi li jipproduċu prodotti u servizzi konformi ma’ dak l-istandard. Dik id-dipendenza ta’ natura teknoloġika toħloq dipendenza ekonomika.
72. Fil-punt 9 tas-sentenza tagħha Volvo (EU:C:1988:477), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-eżerċitar ta’ dritt esklużiv mil-proprjetarju ta’ disinn fir-rigward ta’ elementi tal-karrozzerija ta’ vetturi awtomobilistiċi jista’ jkun ipprojbit mill-Artikolu [102 TFUE] jekk dan jagħti lok, min-naħa ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti, għal ċertu aġir abbużiv, bħar-rifjut arbitrarju li jiġu pprovduti spare parts lil tellara indipendenti, l-iffissar ta’ prezzijiet tal-ispare parts f’livell inġust jew id-deċiżjoni li ma tibqax tipproduċi spare parts għal ċertu mudell, minkejja l-fatt li jkun għad fadal ħafna mudelli ta’ dik il-vettura fuq it-triq, b’kundizzjoni li dak l-aġir ikun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
73. Jiena tal-fehma li l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza dwar l-aġir li jista’ jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti huma kkaratterizzati, minn naħa waħda, minn relazzjoni ta’ dipendenza bejn il-proprjetarju ta’ proprjetà intellettwali f’pożizzjoni dominanti u impriżi oħrajn u, min-naħa l-oħra, mill-isfruttar abbużiv ta’ dik il-pożizzjoni minn dak il-proprjetarju permezz ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali (48).
74. F’dawn iċ-ċirkustanzi, li huma kkaratterizzati, minn naħa waħda, mid-dipendenza teknoloġika tal-awtur tal-ksur tal-privattiva wara li t-tagħlim li jirriżulta minn privattiva jiġi inkorporat fi standard u, min-naħa l-oħra, minn aġir żleali u irraġonevoli (49) tal-proprjetarju ta’ PES, b’kontradizzjoni mal-impenn tiegħu li jagħti liċenzji b’kundizzjonijiet FRAND, fil-konfront ta’ awtur tal-ksur tal-privattiva li jkun wera li huwa oġġettivament lest, li jixtieq u li huwa kapaċi jikkonkludi tali liċenzja, il-ftuħ ta’ kawża ta’ inibizzjoni jikkostitwixxi użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali, joħloq effetti ħżiena għall-kompetizzjoni (50) għad-detriment, b’mod partikolari, tal-konsumaturi u l-impriżi li jkunu investew fit-tħejjija, l-adozzjoni u l-applikazzjoni tal-istandard (51) u għandu jitqies li huwa abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.
75. Huwa ċar li dik il-konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti fil-kuntest tal-istandardizzazzjoni u l-impenn li jingħataw liċenzji għal PES b’kundizzjonijiet FRAND tista’ ssir biss wara li jiġu eżaminati mhux biss l-aġir tal-proprjetarju ta’ PES iżda wkoll dak tal-awtur tal-ksur tal-privattiva.
E – L-applikazzjoni għal din il-kawża
1. Fuq l-ewwel domanda
76. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza, skont l-Artikolu 267 TFUE biex tapplika l-Artikolu 102 TFUE għall-każ konkret, hija tista’, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita minn dak l-artikolu, abbażi tal-elementi tal-proċess, tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE li jistgħu jkunu utli biex tikkonfrontahom mal-fatti preċiżi li jkollha quddiemha (52).
77. Huwa ċar li l-isfruttar mingħajr liċenzja ta’ privattiva jikser, fil-prinċipju, il-proprjetà intellettwali tal-proprjetarju tagħha u li huwa għandu diversi rimedji skont id-Direttiva 2004/48 sabiex jiżgura l-ħarsien tad-drittijiet tiegħu, fosthom il-kawża ta’ inibizzjoni. F’dak bħal dan, l-awtur tal-ksur tal-privattiva għandu jiftaħ negozjati mal-proprjetarju tal-privattiva qabel ma jikkommetti ksur, sabiex b’hekk jikkonkludi ftehim ta’ liċenzja.
78. Il-kawża prinċipali hija differenti minn dik preċedenti inkwantu l-proprjetarju ta impenn, fil-konfront ta’ organizzazzjoni ta’ standardizzazzjoni (li tagħha huwa membru, bħall-preżunt awtur tal-ksur tal-privattiva), li jagħti liċenzja b’kundizzjonijiet FRAND lil terzi.
79. Jidhirli li l-linji gwida applikabbli għal każ bħal dan huma dawn li ġejjin.
80. Sakemm l-awtur tal-ksur tal-privattiva huwa u jibqa’ “kapaċi” li jikkonkludi u jirrispetta liċenzja b’kundizzjonijiet FRAND u b’mod partikolari li jħallas royalty xierqa, il-proprjetarju tal-PES għandu, fid-dawl tal-isfidi importanti inkwistjoni, jagħmel ċerti approċċi konkreti qabel ma jressaq kawża ta’ inibizzjoni sabiex jirrispetta l-impenn tiegħu u jonora r-responsabbiltà partikolari tiegħu skont l-Artikolu 102 TFUE.
81. Dan huwa wisq iktar indispensabbli meta ma jkunx ċert li l-awtur tal-ksur tal-privattiva ta’ PES ikun neċessarjament jaf li jkun qiegħed jisfrutta għarfien protett bi privattiva li tkun kemm valida kif ukoll essenzjali għal standard. Għall-istandard LTE, jidher li iktar minn 4 700 privattiva ġew innotifikati bħala essenzjali lill-ETSI u li, fi proporzjon sostanzjali, dawk il-privattivi jistgħu ma jkunux validi jew essenzjali għall-istandard (53).
82. B’hekk huwa possibbli li anki impriża kbira tat-telekomunikazzjoni bħal ZTE ma setgħetx tivverifika minn qabel in-natura essenzjali u l-validità tal-privattivi kollha relatati mal-istandard LTE li ġew innotifikati lill-ETSI. Għandu jitqies ukoll il-fatt li s-settur tat-telekomunikazzjonijiet jinsab fi stat ta’ evoluzzjoni kostanti u li l-impriżi (u b’hekk l-awturi potenzjali ta’ ksur ta’ privattivi) għandhom jirreaġixxu b’ċerta ħeffa sabiex jikkummerċjalizzaw il-prodotti u servizzi tagħhom. B’hekk ma jidhirlix li huwa irraġonevoli li liċenzji għal PES b’kundizzjonijiet FRAND jiġu nnegozjati u konklużi ex post, jiġifieri wara l-bidu tal-isfruttar tat-tagħlim protett b’dik il-privattiva.
83. Fuq dik il-bażi, liema huma l-approċċi konkreti li għandu jieħu l-proprjetarju tal-PES qabel ma jressaq kawża ta’ inibizzjoni (54) sabiex ma jabbużax mill-pożizzjoni dominanti tiegħu?
84. Minn naħa waħda, huwa għandu, ħlief jekk ikun stabbilit li l-awtur preżunt tal-ksur tal-privattiva kien totalment informat, javża lil dan tal-aħħar bil-miktub u b’motivazzjoni tal-ksur inkwistjoni waqt li jippreċiża l-PES rilevanti u b’liema mod din ġiet miksura mill-awtur tal-ksur tal-privattiva. Tali approċċ ma jimponix piż sproporzjonat fuqu, għaliex fi kwalunkwe każ dan ikun neċessarju bħala bażi għal rikors ta’ inibizzjoni.
85. Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ huwa għandu jibgħat lill-awtur preżunt tal-ksur tal-privattiva offerta bil-miktub ta’ liċenzja b’kundizzjonijiet FRAND li għandha tinkludi l-kundizzjonijiet kollha li normalment jinsabu f’liċenzja fil-fergħa tal-attività kkonċernata, b’mod partikolari, l-ammont preċiż tar-royalty u l-mod kif tiġi kkalkolata.
86. Dak ir-rekwiżit lanqas ma huwa sproporzjonat għaliex il-proprjetarju tal-PES impenja ruħu b’mod volontarju li jagħmel qligħ mill-proprjetà intellettwali tiegħu biex b’hekk illimita b’mod volontarju l-mod kif ser jeżerċita d-dritt esklużiv tiegħu. Huwa wkoll raġonevoli li wieħed jistenna li huwa jħejji u jifformula dik l-offerta fil-mument meta tinkiseb il-privattiva tiegħu u meta jagħti l-impenn tiegħu li jagħti liċenzji b’kundizzjonijiet FRAND. Barra minn hekk, peress li dak l-impenn tal-proprjetarju tal-PES jinkludi obbligu ta’ nondiskriminazzjoni bejn dawk li jieħdu liċenzja, huwa l-uniku wieħed li jkollu l-informazzjoni neċessarja sabiex jiżgura l-ħarsien ta’ dak l-obbligu, b’mod speċjali jekk ikun diġà kkonkluda liċenzji oħrajn.
87. Ladarba jsiru dawk l-approċċi, x’inhuma l-obbligi tal-awtur preżunt tal-ksur tal-privattiva?
88. Huwa għandu jirreaġixxi għall-offerta tal-proprjetarju tal-PES b’mod diliġenti u serju. Jekk huwa ma jaċċettahiex, huwa għandu f’qasir żmien jissottometti lill-proprjetarju tal-PES kontroofferta raġonevoli bil-miktub fir-rigward tal-klawżoli li ma jaqbilx magħhom. Kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, il-ftuħ ta’ kawża ta’ inibizzjoni ma jikkostitwixxix abbuż minn pożizzjoni dominanti jekk l-aġir tal-awtur tal-ksur tal-privattiva jkun purament tattiku u/jew biex joħloq dewmien u/jew mhux serju.
89. It-terminu għall-iskambju ta’ offerti u ta’ kontroofferti kif ukoll it-tul ta’ żmien tan-negozjati (55) għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-“perijodu ta’ potenzjal kummerċjali” li għandu l-proprjetarju tal-PES biex jikseb qligħ mill-privattiva tiegħu fis-settur inkwistjoni.
90. Huwa fil-kompetenza tal-qorti tar-rinviju biex tivverifika jekk u sa liema grad l-aġir ta’ Huawei u ta’ ZTE jaqgħu taħt il-linji gwida preċedenti. Ma’ dan għandi nżid li xi kummenti billi nirrileva li l-iżvolġiment u l-kontenut preċiż tal-kuntatti bejn Huawei u ZTE ma jirriżultawx b’mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Huawei (56) u ZTE (57) jippreżentaw deskrizzjonijiet ferm differenti, jew saħansitra kontradittorji.
91. Fi kwalunkwe każ, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, matul id-diskussjonijiet tagħha ma’ ZTE bejn ix-xahar ta’ Novembru 2010 u tmiem Marzu 2011 (58), Huawei indikat l-ammont li dehrilha li kien raġonevoli bħala royalty. Huwa fil-kompetenza tal-qorti tar-rinviju biex tevalwa l-kontenut ta’ dik l-“offerta” (59) ta’ Huawei u jekk din tissodisfax il-kundizzjonijiet u l-ipoteżijiet imsemmija fil-punti 84 u 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
92. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk, fuq il-bażi tal-ammont tar-royalty proposta minn Huawei u tar-risposta ta’ ZTE, il-possibbiltà li jiġu nnegozjati l-kundizzjonijiet FRAND kinitx teżisti realment. F’dan ir-rigward, jidhirli li l-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk il-proposta ta’ ZTE ta’ konċessjoni reċiproka ta’ liċenzji (60) u l-ħlas ta’ royalty ta’ EUR 50 kinux xierqa f’dan il-każ u jissodisfawx il-kundizzjonijiet u l-ipoteżijiet imsemmija fil-punt 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
93. Barra minn hekk, jekk in-negozjati ma jinbdewx jew ma jirnexxux, l-aġir tal-awtur preżunt tal-ksur tal-privattiva ma jistax jitqies li huwa strateġija ta’ dewmien jew mhux serju jekk huwa jitlob li dawk il-kundizzjonijiet jiġu ffissati, jew minn qorti, jew inkella minn tribunal ta’ arbitraġġ. F’dak il-każ, huwa leġittimu li l-proprjetarju tal-PES jitlob lill-awtur tal-ksur tal-privattiva, jew li jagħti garanzija bankarja għall-ħlas tar-royalties (61), jew inkella li jiddepożita somma provviżorja (62) mal-qorti tar-tribunal ta’ arbitraġġ għall-isfruttar fl-imgħoddi u fil-futur tal-PES.
94. L-istess jgħodd jekk, matul in-negozjati, l-awtur tal-ksur tal-privattiva jirriżerva d-dritt, wara l-konklużjoni ta’ liċenzja, li jikkontesta quddiem qorti jew tribunal ta’ arbitraġġ, minn naħa waħda, il-validità ta’ dik il-privattiva u, min-naħa l-oħra, in-natura irregolari jew saħansitra l-eżistenza proprja tal-użu li huwa għamel jew li ser jagħmel mit-tagħlim li jirriżulta mill-privattiva.
95. Fil-fatt, fir-rigward tal-validità tal-PES, nikkunsidra, bl-istess mod bħall-qorti tar-rinviju, Huawei, ZTE u l-Kummissjoni, li huwa fl-interess pubbliku li awtur preżunt ta’ ksur ta’ privattiva jkollu l-possibbiltà li jikkontesta, wara l-konklużjoni ta’ liċenzja, il-validità ta’ PES (kif għamlet ZTE). Kif irrilevat il-Kummissjoni, l-għoti żbaljat ta’ privattiva jista’ jikkostitwixxi ostakolu għall-eżerċitar leġittimu ta’ attività ekonomika. Barra minn hekk, jekk l-impriżi li jimmanifatturaw prodotti u servizzi konformi ma’ standard ma jkunux jistgħu jikkontestaw il-validità ta’ privattiva ddikjarata bħala essenzjali għalih, jista’ jirriżulta li huwa de facto impossibbli li tiġi kkontrollata l-validità ta’ dik il-privattiva għaliex l-impriżi l-oħrajn ma jkollhomx interess li jaġixxu f’dak ir-rigward (63).
96. Rigward l-użu tat-tagħlim li jirriżulta minn privattiva, l-impriżi li jimplementaw standard b’mod ċar ma għandhomx iħallsu għall-proprjetà intellettwali li huma ma jisfruttawx (64). Minn dan isegwi li l-awtur preżunt tal-ksur tal-privattiva jista’ sussegwentement jikkontesta l-użu tiegħu tat-tagħlim li jirriżulta minn privattiva u n-natura essenzjali tal-privattiva għall-istandard inkwistjoni.
97. Fid-dawl tar-risposti tiegħi għall-ewwel domanda, jidhirli li ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domandi.
2. Fuq ir-raba’ domanda
98. Ir-raba’ domanda hija bbażata fuq il-premessa, li tirriżulta mis-sentenza Orange-Book-Standard tal-Bundesgerichtshof, li tipprovdi li l-awtur tal-ksur tal-privattiva għandu, anki qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ liċenzja, jirrispetta l-obbligi li jaqgħu fuqu abbażi tal-kuntratt futur. Inqis li tali rekwiżit ma għandux jiġi impost f’każ tal-isfruttar ta’ PES meta l-proprjetarju tal-privattiva jkun ta impenn li jagħti liċenzji b’kundizzjonijiet FRAND. Madankollu, kif jirriżulta mir-risposta tiegħi għall-ewwel domanda, l-awtur tal-ksur tal-privattiva għandu juri li huwa oġġettivament dispost, li jixtieq u li huwa kapaċi jikkonkludi tali kuntratt ta’ liċenzja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja għall-ħlas futur tar-royalties jew id-depożitu ta’ somma provviżorja jista’ jintalab mill-proprjetarju tal-PES għall-isfruttar passat u fil-futur tal-privattiva tiegħu.
3. Fuq il-ħames domanda
99. Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni jekk il-proprjetarju ta’ PES jabbużax minn pożizzjoni dominanti meta jasserixxi ġudizzjarjament drittijiet oħrajn abbażi tal-ksur tal-privattiva, jiġifieri l-għoti ta’ data tal-kontabbiltà, is-sejħa lura tal-prodotti kif ukoll kumpens tad-danni.
100. Peress li l-miżuri korrettivi previsti mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/48 (65) jistgħu jikkonsistu fl-esklużjoni tas-swieq koperti mill-istandard tal-prodotti u tas-servizzi ta’ awtur ta’ ksur ta’ privattiva li tkun PES, il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 77 sa 89 u 93 sa 96 dwar il-kawża ta’ inibizzjoni japplikaw mutatis mutandis għall-miżuri korrettivi previsti mill-Artikolu 10 ta’ dik l-istess direttiva.
101. Min-naħa l-oħra, ma nara ebda ostaklu, abbażi tal-Artikolu 102 TFUE, għall-preżentata ta’ talba ġudizzjarja sabiex tiġi pprovduta data tal-kontabbiltà li tkun intiża biex tivverifika l-użu li jkun sar mill-awtur tal-ksur tal-privattiva tat-tagħlim li jirriżulta minn PES sabiex tinkiseb royalty FRAND abbażi ta’ dik il-privattiva. Hija r-responsabbiltà tal-qorti inkwistjoni biex tiżgura li dik il-miżura tkun raġonevoli u proporzjonata.
102. Finalment, inqis li talba għad-danni għal atti ta’ sfruttar fil-passat li jiksru l-PES ma toħloq ebda problema fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE. Peress li tali talba hija intiża biss biex tikkumpensa lill-proprjetarju tal-PES għal ksur preċedenti tal-privattiva tiegħu, kif irrilevat il-Kummissjoni din “la twassal għall-esklużjoni mis-suq ta’ prodotti konformi ma’ standard, u lanqas għall-aċċettazzjoni minn detentur potenzjali ta’ liċenzja ta’ kundizzjonijiet ta’ liċenzja sfavorevoli għall-isfruttar ulterjuri ta’ PES”.
VI – Konklużjoni
103. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’dan il-mod għad-domandi preliminari magħmula mil-Landgericht Düsseldorf:
1) Il-preżentata minn proprjetarju ta’ privattiva essenzjali għal standard, li jkun ta impenn lil organizzazzjoni ta’ standardizzazzjoni li jagħti lil terzi liċenzja b’kundizzjonijiet FRAND (Fair, Reasonable and Non-Discriminatory), jiġifieri b’kundizzjonijiet xierqa, raġonevoli u nondiskriminatorji, ta’ talba għal miżuri korrettivi jew kawża ta’ inibizzjoni kontra awtur tal-ksur tal-privattiva skont, rispettivament, l-Artikolu 10 u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li jistgħu jwasslu għall-esklużjoni mis-swieq koperti mill-istandard tal-prodotti u tas-servizzi tal-awtur tal-ksur ta’ privattiva essenzjali għal standard, jikkostitwixxi abbuż mill-pożizzjoni dominanti tiegħu skont l-Artikolu 102 TFUE jekk jintwera li l-proprjetarju ta’ privattiva essenzjali għal standard ma jkunx irrispetta l-impenn tiegħu filwaqt li l-awtur tal-ksur tal-privattiva juri li jkun oġġettivament dispost, ikollu r-rieda u jkun kapaċi jikkonkludi tali liċenzja.
2) L-osservanza ta’ dak l-impenn timplika li qabel ma tiġi ppreżentata talba għal miżuri korrettivi jew kawża ta’ inibizzjoni u sabiex ma jabbużax mill-pożizzjoni dominanti tiegħu, il-proprjetarju ta’ privattiva essenzjali għal standard għandu, ħlief jekk jiġi stabbilit li l-awtur preżunt tal-ksur tal-privattiva kien totalment informat, javża lil dan tal-aħħar bil-miktub u b’motivazzjoni tal-ksur inkwistjoni billi jippreċiża l-privattiva essenzjali għal standard rilevanti u b’liema mod din tkun inkisret mill-awtur tal-ksur tal-privattiva. Il-proprjetarju ta’ privattiva essenzjali għal standard għandu fi kwalunkwe każ jibgħat lill-awtur preżunt tal-ksur tal-privattiva offerta bil-miktub ta’ liċenzja b’kundizzjonijiet FRAND li għandha tinkludi l-kundizzjonijiet kollha li normalment jinsabu f’liċenzja fil-fergħa tal-attività kkonċernata, b’mod partikolari, l-ammont preċiż tar-royalty u l-mod kif tiġi kkalkolata.
3) L-awtur tal-ksur tal-privattiva għandu jirreaġixxi għal dik l-offerta b’mod diliġenti u serju. Jekk ma jaċċettax l-offerta tal-proprjetarju ta’ privattiva essenzjali għal standard, huwa għandu fi żmien qasir jissottometti lil dan tal-aħħar kontroofferta raġonevoli bil-miktub dwar il-klawżoli li ma jaqbilx magħhom. Il-preżentata ta’ talba għal miżuri korrettivi jew ta’ kawża ta’ inibizzjoni ma tikkostitwixxix abbuż minn pożizzjoni dominanti jekk l-aġir tal-awtur tal-ksur tal-privattiva jkun purament tattiku u/jew strateġija ta’ dewmien u/jew mhux serju.
4) Jekk in-negozjati ma jinfetħux jew ma jirnexxux, l-aġir tal-awtur preżunt tal-ksur tal-privattiva ma jistax jitqies li huwa strateġija ta’ dewmien jew mhux serju jekk huwa jitlob l-iffissar ta’ kundizzjonijiet FRAND, jew minn qorti, jew minn tribunal ta’ arbitraġġ. F’dak il-każ, huwa leġittimu min-naħa tal-proprjetarju ta’ privattiva essenzjali għal standard li jitlob lill-awtur tal-ksur tal-privattiva, jew li jikkostitwixxi garanzija bankarja għall-ħlas tar-royalties, jew li jiddepożita somma provviżorja mal-qorti jew mat-tribunal ta’ arbitraġġ għall-isfruttar fil-passat u fil-futur tal-privattiva tiegħu.
5) L-aġir ta’ awtur ta’ ksur ta’ privattiva lanqas ma jista’ jitqies li jkun bi skop ta’ dewmien jew mhux serju meta, matul negozjati ta’ liċenzja b’kundizzjonijiet FRAND, huwa jirriżerva d-dritt, wara l-konklużjoni ta’ tali liċenzja, li jikkontesta quddiem qorti jew tribunal ta’ arbitraġġ il-validità ta’ dik il-privattiva, l-użu tiegħu tat-tagħlim li jirriżulta minn dik il-privattiva u n-natura essenzjali tal-privattiva għall-istandard inkwistjoni.
6) Il-preżentata mill-proprjetarju ta’ privattiva essenzjali għal standard ta’ talba ġudizzjarja sabiex tiġi pprovduta data tal-kontabbiltà ma tikkostitwixxix abbuż minn pożizzjoni dominanti. Hija r-responsabbiltà tal-qorti inkwistjoni biex tiżgura li l-miżura tkun raġonevoli u proporzjonata.
7) Il-preżentata mill-proprjetarju ta’ privattiva essenzjali għal standard ta’ talba għad-danni għal atti ta’ sfruttar fil-passat bl-uniku skop li jingħata danni għal ksur preċedenti tal-privattiva tiegħu ma tikkostitwixxix abbuż minn pożizzjoni dominanti.