Language of document : ECLI:EU:C:2017:591

Kawża C348/16

Moussa Sacko

vs

Commissione Territoriale per il riconoscimento della Protezione internazionale di Milano

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale di Milano)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Direttiva 2013/32/UE – Artikoli 12, 14, 31 u 46 – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Appell minn deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Possibbiltà għall-qorti li tagħti deċiżjoni mingħajr ma tisma’ lill-applikant”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-26 ta’ Lulju 2017

Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali –Direttiva 2013/32 – Garanziji mogħtija lill-applikanti – Appell minn deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Dritt għal rimedju effettiv – Assenza ta’ smigħ tal-applikant fil-kuntest tal-imsemmi appell – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikoli 12, 14, 31 u 46)

Id-Direttiva 2013/32 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, u b’mod partikolari l-Artikoli 12, 14, 31 u 46 tagħha, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li qorti nazzjonali, adita b’appell minn deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li tkun manifestament infondata, tiċħad l-imsemmi appell mingħajr ma tisma’ lill-applikant meta ċ-ċirkustanzi fattwali ma jħallu ebda dubju dwar il-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni, bil-kundizzjoni, minn naħa, li, matul il-proċedura tal-ewwel istanza, l-applikant ikun ingħata l-opportunità ta’ intervista personali dwar l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, konformement mal-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, u li r-rapport jew it-traskrizzjoni ta’ din l-intervista, fil-każ li tkun saret, ikunu disponibbli b’rabta mal-fajl, konformement mal-Artikolu 17(2) tal-imsemmija direttiva, u, min-naħa l-oħra, li l-qorti adita bl-appell tkun tista’ tordna tali smigħ jekk tqis li jkun neċessarju għall-finijiet tal-eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ liġi, previst fl-Artikolu 46(3) tal-istess direttiva.

Fil-każ ta’ applikazzjoni manifestament infondata fis-sens tal-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2013/32, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-obbligu impost fuq il-qorti li twettaq l-eżami sħiħ u ex nunc previst fl-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva jkun, bħala prinċipju, issodisfatt meta dik il-qorti tieħu inkunsiderazzjoni n-noti ppreżentati quddiem il-qorti adita bl-appell u l-informazzjoni oġġettiva li tinsab fil-fajl amministrattiv li jirriżulta mill-proċedura tal-ewwel istanza, inklużi, jekk ikun il-każ, ir-rapport jew ir-reġistrazzjoni tal-intervista personali magħmula fil-kuntest tagħha.

Min-naħa l-oħra, jekk il-qorti adita bl-appell tqis li jkun neċessarju li l-applikant jinstema’ sabiex tkun tista’ twettaq l-eżami sħiħ u ex nunc meħtieġ, tali smigħ, ordnat mill-imsemmija qorti, jikkostitwixxi forma proċedurali li hija ma tistax tirrinunzja għaliha għar-raġunijiet ta’ ħeffa previsti fil-premessa 20 tad-Direttiva 2013/32.

Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 ma jimponix fuq il-qorti adita b’appell minn deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li tisma’ lill-applikant fiċ-ċirkustanzi kollha, huwa madankollu ma jawtorizzax lill-leġiżlatur nazzjonali jimpedixxi lil dik il-qorti milli tordna ż-żamma ta’ seduta għas-smigħ fil-każ fejn, peress li tkun qieset li l-informazzjoni miġbura waqt l-intervista personali magħmula matul il-proċedura tal-ewwel istanza hija insuffiċjenti, hija tqis li huwa neċessarju li tiġi organizzata tali seduta għas-smigħ għall-finijiet tal-eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ liġi, previst fl-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva.

(ara l-punti 45, 46, 48, 49, u d-dispożittiv)