Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia nº 1 de Fuenlabrada (Spanja) fit-2 ta’ Frar 2024 – A.B.D. vs Bankinter Consumer Finance, E.F.C., S.A.

(Kawża C-88/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de Primera Instancia nº 1 de Fuenlabrada

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: A.B.D.

Konvenut: Bankinter Consumer Finance, E.F.C., S.A.

Domandi preliminari

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 jipprekludu interpretazzjoni ġudizzjarja tad-dritt nazzjonali li permezz tagħha, wara li tiġi ddikjarata n-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu, l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha d-dritt li titlob lill-konsumatur, minbarra r-rimbors tal-kapital ittrasferit u l-interessi moratorji bir-rata legali li jiddekorru mill-intimazzjoni, l-interessi bir-rata legali fuq il-ġbid ta’ kreditu mwettaq mill-konsumatur, u dan, mid-data li fiha kien seħħ dan il-ġbid?

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludu interpretazzjoni ġudizzjarja tad-dritt nazzjonali li testendi l-evalwazzjoni tan-natura inġusta għall-adegwatezza tal-prezz u, konformement ma’ dan, wara d-dikjarazzjoni tan-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu, il-konsumatur ma jistax jitlob mingħand l-istituzzjoni ta’ kreditu kumpens addizzjonali minbarra r-rimbors ta’ dak li, fid-dawl tas-somom totali rċevuti mill-kreditur, jaqbeż il-kapital misluf?

Fil-każ tad-dikjarazzjoni tan-nullità ta’ klawżola jew tal-kuntratt minħabba n-natura inġusta tagħhom jew minħabba l-ksur tal-obbligi imposti fuq il-kreditur, l-obbligu tal-kreditur li jikkumpensa l-konsumatur permezz ta’ kumpens li bl-ebda mod ma għandu jkun inferjuri għar-rata tal-interessi legali miżjuda b’ħames punti jew għar-rata ta’ interess kuntrattwali, jekk din tkun ogħla mir-rata ta’ interessi legali, min-naħa tagħha miżjuda b’ħames punti, jikkostitwixxi sanzjoni proporzjonata fis-sens tad-Direttiva 93/13, tad-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE tat-22 ta’ Diċembru 1986 għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur 1 u tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE 2 ?

L-Artikoli 8 u 23 tad-Direttiva 2008/48 jipprekludu interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li skont din f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-kreditur tal-obbligu li jevalwa s-solvenza tal-konsumatur, il-fatt biss li sanzjonijiet amministrattivi jiġu previsti jeskludi l-possibbiltà li l-kuntratt ta’ kreditu jiġi ddikjarat null jew li tiġi imposta kull konsegwenza oħra taħt id-dritt ċivili?

Fir-rigward tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-modalità ta’ pagament iddifferit ta’ karta ta’ kreditu rinnovabbli, il-fatt li l-bejjiegħ jew il-fornitur ma jkunx offra lill-konsumatur il-possibbiltà li jagħżel il-modalità ta’ pagament fi tmiem ix-xahar, li hija disponibbli wkoll għall-firxa ta’ prodotti, jew li ddirieġa lill-konsumatur sabiex jagħżel il-modalità ta’ pagament iddifferit, u b’dan il-mod l-interessi tal-bejjiegħ jew tal-fornitur jitqiegħdu qabel dawk tal-konsumatur, jista’ jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li fuqhom hija bbażata l-evalwazzjoni?

Konformement mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura sempliċi u ċara tal-lingwaġġ ta’ kuntratt ta’ kreditu għal żmien indeterminat, il-fatt li l-kalkolu tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta ma jindikax l-ipoteżijiet addizzjonali li jintużaw sabiex tiġi kkalkolata din ir-rata jew li dawn l-ipoteżijiet ma jissemmewx fil-kuntratt stess jista’ jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li fuqhom hija bbażata l-evalwazzjoni?

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll l-Artikolu 15 tad-Direttiva 87/102 u l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li skont din, fl-ipoteżi fejn l-informazzjoni kuntrattwali ma ssemmix ir-rata perċentwali annwali ta’ imposta jew l-ipoteżijiet addizzjonali użati għall-kalkolu ta’ din ir-rata, l-istituzzjoni ta’ kreditu tista’ titlob lill-konsumatur l-interessi legali sad-dati speċifikati?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 326.

1     ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40 u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46.