Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' Settembru 2007 - Ryanair vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-342/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ryanair Holding Plc (County Dublin, l-Irlanda) (rappreżentanti: J. Swift, QC, V. Power, Solicitor, A. McCarthy, Solicitor, G. Berrish, avukat, D. Hull, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni

tordna li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 3104 tas-27 ta' Ġunju 2007, li tiddikjara konċentrazzjoni bħala inkompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Kawża Nru COMP/M.4439 - Ryanair/Aer Lingus).

Il-kontestazzjoni prinċipali tar-rikorrenti hija li l-Kummissjoni allegatament għamlet żball meta sabet, u naqset milli turi kif rikjest mil-liġi, li l-konċentrazzjoni kienet ser twassal għal xkiel sinjifikanti għal kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni. Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet żball meta sabet, u naqset milli turi kif rikjest mil-liġi, li l-konċentrazzjoni kif mibdula mid-diversi impenji offruti mir-rikorrenti fl-investigazzjoni kienet ser twassal għal xkiel sinjifikanti għal kompetizzjoni effettiva.

Sabiex issaħħaħ l-argumenti tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet żbalji manifesti ta' evalwazzjoni fir-rigward ta' (a) ir-relazzjoni kompetittiva bejn iż-żewġ kumpanniji ta' l-ajru; (b) ix-xkiel għad-dħul/espansjoni; (c) l-analiżi tagħha rotta b'rotta, kif ukoll żbalji fundamentali u manifesti fl-evalwazzjoni tagħha ta' l-effiċjenzi li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni u mit-trattament ta' l-impenji offruti mir-rikorrenti.

____________