Language of document :

Appell ippreżentat fil-11 ta' Mejju 2012 minn Luigi Marcuccio mid-digriet mogħti fid-29 ta' Frar 2012 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-3/11, Marcuccio vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-207/12 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Il-parti l-oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla kompletament u mingħajr l-ebda eċċezzjoni d-digriet appellat;

prinċipalment, tilqa' t-talbiet kollha mressqa mir-rikorrent fl-ewwel istanza fil-kawża li hija s-suġġett tal-appell;

tikkundanna lill-parti l-oħra fil-kawża għall-ħlas lura lill-appellant, tal-ispejjeż sostnuti minnu fil-proċedura tal-appell;

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża li hija s-suġġett tal-appell quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, f'kompożizzjoni differenti, sabiex jiddeċiedi mill-ġdid fuq il-mertu għal kull waħda mid-domandi msemmija fil-punti preċedenti ta' dawn it-talbiet.

Aggravji u argumenti prinċipali

Dan l-appell huwa dirett kontra d-digriet mogħti fid-29 ta' Frar 2012, mogħti fil-Kawża T-3/11, li ċaħad bħala manifestament inammissibbli rikors intiż, minn naħa, għall-annullament tal-allegat rifjut tal-Kummissjoni Ewropea li tinkludi dokument fil-fajl li jirrigwarda l-inċident tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallsu l-ammont ta' EUR 1 000 bħala kumpens għad-dannu li huwa jilmenta li sostna.

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju, ibbażat fuq nuqqas assolut ta' motivazzjoni tad-digriet rigward l-inammissibbiltà manifesta tar-rikors, minħabba, fost l-oħrajn, inċertezza manifesta, raġunament inkonsistenti, żnaturament u rappreżentazzjoni ħażina tal-fatti, natura evidenti u natura illoġika, raġunament irrilevanti u irraġjonevoli, ksur tal-obbligu ta' clare loqui, nuqqas ta' deċiżjoni rigward talba magħmula mill-appellant, u interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati, foloz u irrazzjonali:

-    tal-Artikoli 26 u 26a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea;

-    tar-regoli tad-dritt inerenti fil-kunċett ta' att li jista' jiġi kkontestat (b'mod partikolari, il-punti 30 sa 47, it-tnejn inklużi, tad-digriet appellat); u

-    tar-regoli tad-dritt rigward it-trattament u l-aċċess li l-individwu għandu għad-data personali li tikkonċernah u li hija miżmuma minn istituzzjoni tal-Unjoni.

It-tieni aggravju, ibbażat fuq in-natura illegali tad-digriet tal-qorti fl-ewwel istanza fuq l-ispejjeż (bejn il-punti 47 u 48 tad-digriet appellat).

____________