Language of document :

Appell ippreżentat fis-16 ta’ April 2024 minn Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-7 ta’ Frar 2024 fil-Kawża T-146/22, Ryanair vs Il-Kummissjoni (KLM II; COVID-19)

(Kawża C-269/24 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV (rappreżentanti: C. E. Schillemans, P. J. F. Huizing, J. de Kok u E. de Krom, advocaten)

Partijiet oħra fil-proċedura: Ryanair DAC, il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, Société Air France, Air France-KLM

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ l-appell u tannulla s-sentenza appellata;

tuża s-setgħa tagħha taħt it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti sentenza finali fil-kawża u tiċħad ir-rikors għal annullament ippreżentat fil-Kawża T-146/22;

fl-alternattiv, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal kunsiderazzjoni tat-talbiet li għadhom ma ġewx evalwati; u

tikkundanna lil Ryanair DAC għall-ispejjeż tal-proċeduri ta’ appell u ta’ dawk tal-ewwel istanza, jekk tagħti sentenza finali fil-kawża, jew tirriżerva l-ispejjeż ta’ din il-proċedura jekk tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellanti tqajjem tliet aggravji.

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi billi applikat standard legali skorrett sabiex tiddetermina l-benefiċjarju tal-għajnuna fi ħdan grupp korporattiv u, għalhekk, ikkonkludiet b’mod żbaljat li Air France-KLM Holding SA u s-sussidjarji tagħha, inklużi Société Air France SA u s-sussidjarji tagħha, ma setgħux jiġu esklużi mill-benefiċjarju tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi billi ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni għal dik tagħha rigward id-determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna mingħajr ma stabbilixxiet b’mod adegwat żball manifest ta’ evalwazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni Ewropea.

It-tielet, il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi billi interpretat b’mod żbaljat il-qafas legali dwar il-kunċett ta’ vantaġġi indiretti ta’ għajnuna mill-Istat.

____________