Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta' Mejju 2011 - FairWild Foundation vs UASI - Wild (FAIRWILD)

(Kawża T-247/11)

Lingwa tar-rikors: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: FairWild Foundation (Weinfelden, l-Isvizzera) (rappreżentanti: P. Neuwald u S. Müller, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Rudolf Wild GmbH & Co. KG (Eppelheim, il-Ġermanja)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), tat-3 ta' Marzu 2011, fil-Każ R 1383/2010-1;

tiċħad l-oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni internazzjonali tat-trade mark Nru 950 962 "FAIRWILD";

tikkundanna lill-konvenut u lill-parti li għamlet l-oppożizzjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri, inklużi l-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: ir-rikorrenti

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark verbali "FAIRWILD" għal prodotti fil-klassijiet 3, 5, 29 u 30 - Reġistrazzjoni internazzjonali Nru 950 962

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Rudolf Wild GmbH & Co. KG.

Trade mark jew sinjal invokat: it-trade mark verbali Komunitarja "WILD" għal prodotti fil-klassijiet 3, 9, 29, 30 u 32

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: oppożizzjoni parzjalment milqugħa

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni parzjalment annullata

Motivi invokati: ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li l-Bord tal-Appell ippreżuma b'mod żbaljat li kien hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti. Ir-rikorrenti ssostni li, l-ewwel nett, il-Bord tal-Appell ippreżuma b'mod żbaljat li t-tifsira tas-sinjal "WILD" kienet familjari biss mal-pubbliku li jitkellem il-Ġermaniż u l-Ingliż, u t-tieni nett, wettaq evalwazzjoni abbażi tal-preżunzjoni li l-kelma ma hijiex deskrittiva tal-prodotti koperti mit-trade mark invokata insostenn tal-oppożizzjoni. Abbażi ta' dan, il-Bord tal-Appell wettaq żball ta' liġi billi sostna li kien hemm karattru distintiv medju tat-trade mark invokata insostenn tal-oppożizzjoni u billi kkonkluda li kien hemm grad medju ta' xebh bejn is-sinjali, bil-konsegwenza li l-evalwazzjoni tal-aspetti relatati tal-probabbiltà ta' konfużjoni kellha eżitu sfavorevoli sa fejn hija kkonċernata r-rikorrenti.

____________