Language of document : ECLI:EU:C:2016:389

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fit-2 ta’ Ġunju 2016 (1)

Kawża C‑238/15

Maria do Céu Bragança Linares Verruga,

Jacinto Manuel Sousa Verruga,

André Angelo Linares Verruga

vs

Ministre de l’Enseignement supérieur et de la Recherche

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal administratif tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu (il-Lussemburgu)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Ugwaljanza fit-trattament – Vantaġġi soċjali – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7(2) – Għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla – Kundizzjoni – Perijodu mhux interrot ta’ xogħol – Diskriminazzjoni indiretta – Ġustifikazzjonijiet”





I –    Introduzzjoni: osservazzjoni preliminari fuq paradoss

1.        L-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla u l-kundizzjonijiet għall-għoti tagħha kienu diġà s-suġġett ta’ ġurisprudenza abbundanti. Għal darba oħra, din it-tema qiegħda fiċ-ċentru ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

2.        Fil-fatt, id-domanda preliminari li tagħmel it-tribunal administratif du Grand-Duché de Luxembourg (il-qorti amministrattiva tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, il-Lussemburgu) tirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla lill-istudenti li ma humiex residenti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għall-kundizzjoni li dawn ikunu t-tfal ta’ ħaddiema li kienu ġew impjegati jew eżerċitaw l-attività personali tagħhom f’dan l-Istat Membru matul il-perijodu mhux interrott ta’ mill-inqas ħames snin fil-mument li ssir il-talba għall-għajnuna finanzjarja.

3.        F’dinja dejjem iktar kompetittiva, il-formazzjoni taż-żgħażagħ hija prijorità għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri (2). F’dinja fejn il-mudell ekonomiku dominanti wera l-limiti tiegħu, ir-restrizzjoni tal-baġit saret realtà ta’ kuljum.

4.        Mill-oriġini tal-“proġett Ewropew”, il-libertà ta’ moviment tidher fost il-libertajiet fundamentali. L-importanza tagħha ġiet enfasizzata dejjem iktar bir-rikonoxximent, imbagħad l-iżvilupp, ta’ cittadinanza Ewropea li b’mod evidenti jgawdu minnha l-istudenti.

5.        Din il-libertà ta’ moviment illum qed tiġi ddubitata, anki mwarrba. Il-leġiżlazzjonijiet dwar l-għoti tal-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla huma eżempju ġdid ta’ dan. Bejn, min-naħa, iż-żamma tar-rikonoxximent ta’ ugwaljanza qawwija li tista’ twassal għal tnaqqis fl-ammonti mogħtija lil kull benefiċjarju u, min-naħa l-oħra, it-tnaqqir ta’ din l-ugwaljanza marbuta mal-possibbiltà li jinżammu għajnuniet sostanzjali li jiffavorixxu apprendistat u formazzjoni ta’ numru allura iżgħar ta’ ċittadini, x’inhuma, illum il-ġurnata, ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni?

6.        Fil-fatt, din hija d-domanda li saret.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament (UE) Nru 492/2011

7.        Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 tal-Kunsill, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (3), kif emendata mid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004 (4).

8.        Madankollu, dan ir-regolament tħassar u ġie ssostitwit, b’seħħ mill-15 ta’ Ġunju 2011, bir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (5).

9.        Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 41 ta’ dan l-aħħar regolament, ir-riferimenti li jsiru għar-Regolament Nru 1612/68 għandhom jinftiehmu bħala li jsiru għar-Regolament Nru 492/2011. Għal iktar preċiżjoni, jiena nirrileva li l-Artikolu 7(1) u (2) ma ġewx emendati. Għalhekk se nirriferi biss għar-Regolament Nru 492/2011.

10.      L-artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament jistabbilixxi dan li ġej:

“1.      Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.      Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.

[…]”

2.      Id-Direttiva 2004/38/KE

11.      Skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38:

“1.      Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.

2.      B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom.”

B –    Id-dritt tal-Lussemburgu

12.      Il-liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000 li tirrigwarda l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għall-edukazzjoni ogħla kienet ġiet emendata minn Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010 (Mémorial A 2010, p. 2040) (iktar ’il quddiem il-“liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000). L-Artikolu 2 tal-liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000 stabbilixxa li:

“Benefiċjarji tal-għajnuna finanzjarja

Jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja tal-Istat għall-edukazzjoni ogħla, l-istudenti ammessi biex isegwu l-edukazzjoni ogħla u li jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)      ikunu ċittadini Lussemburgiżi jew membri tal-familja ta’ ċittadin Lussemburgiż u jkollu d-domiċilju tiegħu fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, jew

b)      ikunu ċittadini ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew ta’ wieħed mill-Istati l-oħra li huma partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea[, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3),] u tal-Konfederazzjoni Svizzera u jkunu residenti, skont il-Kapitolu 2 tal-Liġi emendata tad-29 ta’ Awwissu 2008 dwar il-moviment liberu tal-persuni u l-immigrazzjoni, fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu bħala ħaddiem impjegat, bħala ħaddiem li jaħdem għal rasu, bħala persuna li żżomm dan l-istatus jew bħala membru tal-familja ta’ waħda mill-kategoriji ta’ persuni elenkati hawn fuq, jew li jkunu kisbu d-dritt ta’ residenza permanenti […]

[…]”

13.      Wara s-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), l-Artikolu 1(1) tal-liġi tad-19 ta’ Lulju 2013 (Mémorial A 2013, p. 3214) daħħal fil-liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000, l-Artikolu 2a li jgħid:

“Student li ma joqgħodx fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu jista’ jibbenefika wkoll mill-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla, bil-kundizzjoni li jkun wild ta’ ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu ċittadin Lussemburgiż jew ċittadin tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat ieħor parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Konfederazzjoni Svizzera impjegat jew li jeżerċita l-attività tiegħu fil-Lussemburgu, u li dan il-ħaddiem kien impjegat jew kien eżerċita l-attività tiegħu fil-Lussemburgu matul perijodu mhux interrott għal mill-inqas ħames snin mill-mument li ssir it-talba għall-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla għall-istudent. L-impjieg fil-Lussemburgu għandu jkun mill-inqas nofs tal-perijodu normali tax-xogħol applikabbli fl-impriża bis-saħħa tal-liġi jew tal-ftehim kollettiv, jekk ikun il-każ, fis-seħħ. Il-ħaddiem li jaħdem għal rasu għandu jkun b’mod obbligatorju u kontinwu fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu bis-saħħa tal-Artikolu 1(4) tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali matul il-ħames snin ta’ qabel ma ssir it-talba għall-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla.”

14.      Madankollu, il-liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000, kif emendata bil-liġi tad-19 ta’ Ġunju 2013, tħassret malajr bil-liġi tal-24 ta’ Lulju 2014 dwar l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għall-edukazzjoni ogħla (Mémorial A 2014, p. 2188).

15.      Issa l-Artikolu 3 ta’ din tal-aħħar liġi jipprevedi dan li ġej:

“Jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja tal-Istat għall-edukazzjoni ogħla, l-istudenti u t-tfal tal-iskola ddefiniti fl-Artikolu 2, iktar ’il quddiem imsejħin ‘l-istudent’, u li jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(5)      għall-istudenti li ma humiex residenti fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu:

a)      ikun ħaddiem ċittadin tal-Lussemburgu jew ċittadin tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat ieħor parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Konfederazzjoni Svizzera impjegat jew li jeżerċita l-attività tiegħu fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu fil-mument li ssir it-talba tiegħu għal-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla; jew

b)      ikun wild ta’ ħaddiem ċittadin tal-Lussemburgu jew ċittadin tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat ieħor parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Konfederazzjoni Svizzera impjegat jew li jeżerċita l-attività tiegħu fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu fil-mument li ssir it-talba mill-istudent għall-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla bil-kundizzjoni li dan il-ħaddiem jibqa’ jikkontribwixxi għall-manteniment tal-istudent u li dan il-ħaddiem ikun ġie impjegat jew ikun eżerċita l-attività tiegħu fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu matul perijodu ta’ mill-inqas ħames snin fil-mument li ssir it-talba għall-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla matul perijodu ta’ riferiment ta’ seba’ snin li jibdew jgħoddu retroattivament mid-data tat-talba għall-kisba tal-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla jew li, b’deroga, il-persuna li żżomm l-istatus ta’ ħaddiem ikun ikkorresponda mal-kriterju ta’ ħames snin fuq sebgħa stabbilit bil-quddiem fil-mument tal-waqfien tal-attività.”

III – Il-fatti tal-kawża prinċipali

16.      A. Linares Verruga joqgħod mal-ġenituri tiegħu, M. do Céu Bragança Linares Verruga u J. Sousa Verruga (iktar ’il quddiem il-“konjuġi Verruga”) fl-Longwy (Franza).

17.      B. Linares Verruga ilha taħdem fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu bħala persuna impjegata mill-15 ta’ Mejju 2004, b’interruzzjoni waħda għall-perijodu bejn l-1 ta’ Novembru 2011 sal-15 ta’ Jannar 2012. Min-naħa tiegħu, J. Sousa Verruga ħadem f’dak l-Istat Membru bħala persuna impjegata għall-perijodu bejn l-1 ta’ April 2004 sat-30 ta’ Settembru 2011 kif ukoll għall-perijodu bejn l-4 ta’ Diċembru 2013 sas-6 ta’ Jannar 2014. Mill-1 ta’ Frar 2014, huwa jaħdem hemm għal rasu.

18.      A. Linares Verruga, student irreġistat fl-Università ta’ Liège (il-Belġju), talab lill-Istat Lussemburgiż l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla għas-semestru tax-xitwa tas-sena universitarja 2013/2014.

19.      B’deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2013, il-ministru rrifjuta li jaċċetta din it-talba għall-għajnuna finanzjarja billi qagħad fuq l-inosservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2a tal-liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000, kif emendata bil-liġi tad-19 ta’ Lulju 2013.

20.      Fit-23 ta’ Diċembru 2013, A. Linares Verruga u l-ġenituri tiegħu (iktar ’il quddiem il-“familja Verruga”) ippreżentaw rikors amministrattiv kontra din id-deċiżjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Jannar 2014, il-Ministru ċaħad dan ir-rikors.

21.      A. Linares Verruga talab ukoll lill-Istat Lussemburgiż l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla għas-semestru tas-sajf tas-sena universitarja 2013/2014. B’deċiżjoni tal-24 ta’ Marzu 2014, il-ministru rrifjuta li jaċċetta din it-talba għal għajnuna finanzjarja għal raġunijiet identiċi għal dawk imsemmijin fid-deċiżjoni tiegħu tat-28 ta’ Novembru 2013.

22.      Fil-15 ta’ April 2014, il-familja Verruga adixxiet it-tribunal administratif du Grand-Duché de Luxembourg b’rikors għar-riforma jew l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-ministru tat-28 November 2013, tal-14 ta’ Jannar 2014 u tal-24 ta’ Marzu 2014. Dan ir-rikors kien ġie kkunsidrat ammissibbli għar-rigward tal-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

23.      Quddiem din il-qorti, il-familja Verruga sostniet, primarjament, li l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għall-edukazzjoni ogħla tikkostitwixxi allowance tal-familja fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (6), kif emendat mir-Regolament (UE) Nru 1244/2010 tal-Kummissjoni, tad‑9 ta’ Diċembru 2010 (7), li għaliha għandu dritt kull ħaddiem. Sussidjarjament, il-familja Verruga sostniet li din l-għajnuna tikkostitwixxi vantaġġ soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, b’tali mod li l-għoti tagħha huwa suġġett għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li tiddikjara din id-dispożizzjoni.

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24.      Filwaqt li tistrieħ fuq is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), it-tribunal administratif tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu titlaq mill-prinċipju li, sa fejn il-finanzjament tal-istudji mogħti minn Stat Membru lit-tfal tal-ħaddiem jikkostitwixxi, għal ħaddiem migrant, vantaġġ soċjali fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, din id-dispożizzjoni hija applikabbli għall-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

25.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 2a tal-liġi fit-22 ta’ Ġunju 2000, kif emendata bil-liġi tad-19 ta’ Lulju 2013, li jimponi fuq l-istudent li jagħmel talba għal għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla li ma joqgħodx fil-Lussemburgu, li jkun wild ta’ ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu ċittadin Lussemburgiż jew ċittadin tal-Unjoni u jissuġġetta l-għoti ta’ din l-għajnuna għall-fatt li dan il-ħaddiem kien ġie impjegat jew kien eżerċita l-attività tiegħu fil-Lussemburgu matul perijodu ta’ żmien mhux interrott ta’ mill-inqas ħames snin fil-mument li ssir it-talba għall-għajnuna, għandhiex natura eċċessiva.

26.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ġunju 2015, it-tribunal administratif tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, id-domanda preliminari segwenti:

“Il-kundizzjoni imposta fuq l-istudenti li ma jirrisjedux fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu mill-Artikolu 2a tal-[liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000, kif emendata bil-liġi tad-19 ta’ Lulju 2013], bl-esklużjoni ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ kwalunkwe kriterju ta’ rabta, jiġifieri li wieħed ikun wild ta’ ħaddiema li kienu impjegati jew li eżerċitaw l-attività tagħhom fil-Lussemburgu għal perjodu kontinwu ta’ mill-inqas ħames snin fil-mument tat-talba għall-għajnuna finanzjarja, hija ġġustifikata mill-kunsiderazzjonijiet ta’ politika tal-edukazzjoni u ta’ politika baġitarja invokati mill-Istat Lussemburgiż, u xierqa, rispettivament ipproporzjonata meta mqabbla mal-għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri li dan l-Istat ifittex li jinkoraġġixxi ż-żieda fil-proporzjon tal-persuni li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla, filwaqt li jfittex li jiggarantixxi li dawn il-persuni, wara li jkunu bbenefikaw mill-possibbiltà offruta mill-iskema ta’ għajnuna kkonċernata għall-finanzjament tal-istudju tagħhom, li jkunu saru skont il-każ barra mill-pajjiż, jirritornaw lejn il-Lussemburgu sabiex iqiegħdu l-għarfien li jkunu akkwistaw għas-servizz tal-iżvilupp ekonomiku ta’ dan l-Istat Membru?”

27.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-familja Verruga, il-Gvern tal-Lussemburgu u dak Daniż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, dawn kollha ppreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li nżammet fl-14 ta’ April 2016. Il-Gvern Norveġiż, li ma kienx ippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub, ressaq l-argumenti tiegħu wkoll waqt din is-seduta.

V –    Analiżi

A –    L-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza: il-moviment liberu tal-“ħaddiem” sar kimera?

1.      Id-distinzjoni bejn il-“ħaddiema” u il-“mhux attivi”

28.      Il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE. Din il-libertà timplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol (8).

29.      Il-kunċett ta’ “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE huwa ddefinit b’mod kostanti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għandha tiġi kkunsidrata bħala ħaddiem “[k]ull persuna li teżerċita attivitajiet reali u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet li huma tant minimi li għandhom jiġu kkunsidrati bħala purament marġinali u anċillari għandha titqies bħala ‘ħaddiem’. Il-karatteristika tar-relazzjoni ta’ impjieg hija, skond din il-ġurisprudenza, il-fatt li persuna twettaq matul ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li bħala korrispettiv għalihom hija tirċievi rimunerazzjoni” (9).

30.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, huwa biss “l-espressjoni partikolari, fil-qasam speċifiku tal-għoti ta’ vantaġġi soċjali, tar-regola ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 45(2) TFUE” (10) u japplika wkoll għall-ħaddiema transkonfinali.

31.      Fil-fatt, interpretazzjoni kuntrarja tifhem ħażin it-test tar-Regolament Nru 492/2011 għaliex il-premessa 5 ta’ dan tal-aħħar tistabbilixxi, b’mod espliċitu, li d-dritt ta’ moviment liberu għandu jiġi rrikonoxxut “mingħajr diskriminazzjoni minn ħaddiema ‘permanenti’, staġjonali u tal-fruntiera u minn dawk li jwettqu l-attivitajiet tagħhom għall-iskop li jipprovdu servizzi” (11) u l-Artikolu 7 tiegħu jirriferi, mingħajr riżerva għal, “[ħ]addiem ċittadin ta’ xi Stat Membru” (12).

32.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li “Stat Membru ma jistax jissuġġetta l-għoti ta’ vantaġġ soċjali fis-sens tal-imsemmi Artikolu 7 […] għall-kundizzjoni li l-benefiċjarji tal-vantaġġ għandhom ikunu residenti fit-territorju ta’ dan l-Istat” (13).

33.      L-issuġġettar tal-għoti ta’ vantaġġ soċjali għal perijodu ta’ żmien minimu ta’ attività professjonali kien ġie miċħud ukoll mingħajr ambigwità mill-Qorti tal-Ġustizzja għal raġuni tan-natura “Komunitarja” tal-kunċett ta’ “ħaddiem”. Skont din il-ġurisprudenza, mogħtija b’mod partikolari fir-rigward ta’ għajnuna għall-manteniment u l-formazzjoni fid-dawl tat-tkomplija ta’ edukazzjoni għolja, l-Istati Membri “ma setgħux jissuġġettaw unilateralment l-għoti ta’ vantaġġi soċjali previsti mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għal ċertu perijodu ta’ attività professjonali” (14).

34.      Ġiet żviluppata b’mod parallel ġurisprudenza proprja għaċ-ċittadini tal-Istati Membri li jagħmlu użu mil-libertà ta’ moviment tagħhom mingħajr ma jkunu ekonomikament attivi. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-possibbiltà għall-Istati li jeħtieġu l-prova ta’ ċertu livell ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti qabel ma l-persuna inkwistjoni tingħata l-benefiċċju ta’ vantaġġi soċjali (15), b’mod partikolari, bis-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop (C‑224/98, EU:C:2002:432), u tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar (C‑209/03, EU:C:2005:169). Din ir-rabta setgħet ġiet ippruvata b’rabta reali (anterjuri) mas-suq tal-impjiegi tal-Istat Membru ospitanti jew minn perijodu ta’ residenza f’dak l-Istat.

35.      Għalhekk kien hemm differenza ċara u preċiża bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament attivi u l-oħrajn. Tal-ewwel kienu jibbenefikaw minn ugwaljanza fit-trattament totali maċ-ċittadini nazzjonali mill-ewwel jum tax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti. Għall-kuntrarju, approċċ iktar sfumat tal-ugwaljanza, ibbażat fuq kemm iddum ir-residenza fi Stat Membru ospitanti u r-realtà tal-integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dak l-Istat, kien xieraq għal tat-tieni (16).

2.      Ir-rekwiżit ta’ integrazzjoni suffiċjenti għall-ħaddiema

36.      Madankollu, fin-nofs tas-snin 2000, il-Qorti tal-Ġustizzja ċajpret din id-distinzjoni ċara meta daħħlet fil-ġurisprudenza tagħha dwar il-ħaddiema, il-kunċett ta’ integrazzjoni suffiċjenti jew ta’ rabta reali mal-Istat Membru ospitanti (17).

37.      Filwaqt li fakkret l-applikabbiltà tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 għall-ħaddiema fruntalieri (18), il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw l-għoti ta’ vantaġġ soċjali għall-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti mal-Istat Membru kkonċernat (19). Għalhekk, in-nuqqas ta’ attività professjonali sinjifikattiva biżżejjed fir-rigward ta’ ħaddiem li ma huwiex residenti fl-Istat Membru ospitanti ġie kkunsidrat li jista’ jikkostitwixxi “ġustifikazzjoni leċita għal rifjut ta’ għoti tal-vantaġġ soċjali in kwistjoni” (20).

38.      Madankollu, saret kjarifika meta ngħatat is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi Il-Baxxi (C‑542/09, EU:C:2012:346). F’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt fakkret lill-Istati Membri li “[g]ħalkemm il-fakultà li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi lill-Istati Membri, bla ħsara għal ċerti kundizzjonijiet, li jeżiġu minn ċittadini ta’ Stati Membri oħra ċertu livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetajiet tagħhom sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-vantaġġi soċjali, bħal għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni, ma hijiex limitata għas-sitwazzjonijiet fejn l-applikanti tal-għajnuna kkonċernata huma ċittadini ekonomikament inattivi, ir-rekwiżit ta’ residenza […] sabiex turi l-integrazzjoni meħtieġa ma hijiex, bħala prinċipju, adegwata fil-każ ta’ ħaddiema migranti u transkonfinali” (21).

39.      Fil-fatt, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, “il-fatt li jkunu daħlu fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru joħloq, bħala prinċipju, il-konnessjoni ta’ integrazzjoni suffiċjenti fis-soċjetà ta’ dan l-Istat li tippermettilhom li jibbenefikaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ trattament imqabbla ma’ ħaddiema nazzjonali inkwantu għall-vantaġġi soċjali” (22).

3.      Il-ħtieġa li jiġi interpretat b’mod restrittiv ir-rekwiżit ta’ integrazzjoni suffiċjenti tal-ħaddiema

40.      Din il-ħarsa storika lejn il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għandu jwassal biex tinftiehem b’mod restrittiv il-possibbiltà li l-għoti ta’ vantaġġ soċjali lil ħaddiem migrant jew transkonfinali jiġi suġġett għall-prova tal-integrazzjoni suffiċjenti tiegħu fl-Istat Membru ospitanti.

41.      It-testi adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 45 TFUE jsostnu din il-pożizzjoni.

42.      L-ewwel nett, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fl-għoti tal-vantaġġi soċjali bejn il-ħaddiema migranti jew il-ħaddiema fruntalieri u l-ħaddiema nazzjonali huwa kkonfermat fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

43.      Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni, li tikkonforma mal-Artikolu 288(2) TFUE, hija obbligatorja fl-elementi kollha tagħha u hija direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Bħala prinċipju, dawn b’hekk ma għandhom l-ebda marġni ta’ manuvra fl-implementazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 (23).

44.      Imbagħad, l-eżistenza ta’ distinzjoni bejn il-ħaddiema migranti u l-membri tal-familja tagħhom, minn naħa, u ċ-ċittadini tal-Unjoni li jitolbu għajnuna mingħajr ma jkunu ekonomikament attivi, min-naħa l-oħra, tirriżulta mill-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38.

45.      Fil-fatt “[j]ekk din l-aħħar dispożizzjoni tistabilixxi fil-paragrafu 1 tagħha l, li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jirrisjedu skont din id-direttiva fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu ugwaljanza fit-trattament ‘fl-iskop tat-Trattat’, hija tispeċifika, fil-paragrafu 2 tagħha, li Stat Membru jista’, fir-rigward ta’ persuni li ma humiex ħaddiema impjegati, il-persuni li jaħdmu għal rashom, il-persuni li jżommu tali status u l-membri tal-familji tagħhom, jillimita l-għoti tal-għajnuna ta’ manteniment fil-forma ta boroż ta’ studju jew self għall-istudenti li ma jkunux kisbu d-dritt ta’ residenza permanenti” (24).

B –    Dwar id-domanda preliminari

46.      Kif indikajt diġà fl-espożizzjoni tal-kuntest ġuridiku, kien wara s-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411) li l-leġiżlazzjoni Lussemburgiża dwar l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għall-edukazzjoni ogħla kienet ġiet emendata darbtejn. Għaldaqstant, dik is-sentenza ma tistax tiġi injorata biex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

1.      L-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża dwar l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għall-edukazzjoni ogħla

47.      Skont il-liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000, l-għoti ta’ għajnuna finanjarja tal-Istat għall-edukazzjoni ogħla kien suġġett għad-domiċiljazzjoni jew għar-residenza tal-istudent fit-territorju tal-Lussemburgu.

48.      Wara s-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), il-liġi tad-19 ta’ Lulju 2013 kienet ġiet emendata fit-22 ta’ Ġunju 2000 b’mod li ġie estiż il-benefiċċju tal-għajnuna finanjarja tal-Istat lill-istudent li ma jirrisjedix fil-Lussemburgu bil-kundizzjoni “li huwa l-wild ta’ ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu ċittadin Lussemburgiż jew ċittadin tal-Unjoni Ewropea […] impjegat jew li jeżerċita l-attivtà tiegħu fil-Lussemburgu, u li dan il-ħaddiem kien ġie impjegat jew kien eżerċita l-attività tiegħu fil-Lussemburgu matul perijodu mhux interrott ta’ mill-inqas ħames snin fil-mument li ssir it-talba għall-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla mill-istudent” (25).

49.      Madankollu, din il-liġi tħassret f’qasir żmien mil-liġi tal-24 ta’ Lulju 2014 li stabbilixxiet li l-kundizzjoni tax-xogħol tal-ġenitur tal-istudent li ma huwiex residenti tinftiehem bħala “perijodu ta’ mill-inqas ħames snin fil-mument li ssir it-talba għall-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla mill-istudent matul perijodu ta’ riferiment ta’ seba’ snin li jgħodd retroattivament mid-data tal-talba għall-kisba tal-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla” (26).

2.      Is-sentenza Giersch et

50.      Diversi kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), jibqgħu rilevanti wara l-emenda tal-leġiżlazzjoni li saret matul is-sena 2013.

51.      Fl-ewwel lok, il-“finanzjament tal-edukazzjoni mogħti minn Stat Membru lill-ulied ta’ ħaddiema jikkostitwixxi, għal ħaddiem migrant [li jikkompli jipprovdi l-manteniment tal-wild], ‘vantaġġ soċjali’ fis-sens tal-[…] Artikolu 7(2) tar-regolament [nru 492/2011]” (27).

52.      Fit-tieni lok, il-membri tal-familja ta’ ħaddiem migrant huma, min-naħa tagħhom, benefiċjarji indiretti tal-ugwaljanza fit-trattament mogħti lil dan il-ħaddiem mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011. “Peress li l-għoti ta’ finanzjament għall-edukazzjoni għal wild ta’ ħaddiem migrant jikkostitwixxi għall-ħaddiem migrant vantaġġ soċjali, il-wild jista’ juża din id-dispożizzjoni hu nnifsu sabiex jikseb dan il-finanzjament jekk, skont id-dritt nazzjonali, jingħata direttament lill-istudent” (28).

53.      Fit-tielet lok, hemm riskju li r-rekwiżit ta’ kundizzjoni ta’ residenza fit-territorju Lussemburgiż, bħal dak impost bil-liġi inkwistjoni fil-kawża li waslet għas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), jispiċċa jaħdem l-iktar kontra ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn milli l-Istat Membru ospitanti peress li dawk li ma humiex residenti huma ta’ spiss persuni li ma jkunux ċittadini (29). “L-inugwaljanza fit-trattament li tirriżulta mill-fatt li rekwiżit ta’ residenza huwa impost fuq studenti wlied ta’ ħaddiema transkonfinali għalhekk tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta, bħala prinċipju pprojbita, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata” (30). Biex jiġri dan, hija għandha tkun tista’ tiggarantixxi t-twettiq tal-għan leġittimu u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jitlaħaq dak l-għan (31).

54.      Fir-raba’ lok “azzjoni mnedija minn Stat Membru sabiex jiżgura li l-popolazzjoni residenti jkollha livell għoli ta’ taħriġ u sabiex jippromwovi l-iżvilupp tal-ekonomija tiegħu tikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità” (32).

3.      Fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni eventwali oġġettivament iġġustifikata.

a)      Fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni

55.      Skont l-Artikolu 2a tal-liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000, kif emendata bil-liġi tad-19 ta’ Lulju 2013, “student li ma huwiex residenti fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu jista’ jibbenefika wkoll mill-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla, bil-kundizzjoni li jkun wild ta’ ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu ċittadin Lussemburgiż jew ċittadin tal-Unjoni Ewropea […] u li dan il-ħaddiem ikun ġie impjegat jew ikun eżerċita l-attività tiegħu fil-Lussemburgu matul perijodu mhux interrott ta’ mill-inqas ħames snin fil-mument li ssir it-talba għal għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla mill-istudent” (33).

56.      Għaldaqstant, jekk din il-kundizzjoni tapplika l-istess għaċ-ċittadini Lussemburgiżi u għaċ-ċittadini tal-Istati Membri oħra, bħal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013 Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), hija madankollu tikkostitwixxi distinzjoni bbażata fuq ir-residenza.

57.      Kif inhi applikabbli fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla lill-istudenti li ma jirrisjedux fit-territorju Lussemburgiż bil-kundizzjoni li jkunu wild ta’ ħaddiema li kienu ġew impjegati jew li eżerċitaw l-attività professjonali tagħhom f’dak l-Istat Membru matul perijodu mhux interrott ta’ mill-inqas ħames snin fil-mument li ssir it-talba għal għajnuna finanzjarja.

58.      Dik il-kundizzjoni ma tikkostitwixxix prova għall-istudenti li joqogħdu fit-territorju Lussemburgiż, bl-għan li jsostni dan l-Istat Membru jkun li tiġi inkoraġġita ż-żieda tal-proporzjon ta’ residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla.

59.      Tali distinzjoni jidhirli li tista’ tkun l-ewwel nett ta’ detriment għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn għaliex, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), dawk li ma humiex residenti ta’ spiss ma jkunux ċittadini. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, din tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta abbażi tan-nazzjonalità li ma hijiex ammissibbli ħlief bil-kundizzjoni li tkun oġġettivament iġġustifikata.

b)      Fuq l-eżistenza ta’ għan leġittimu

60.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Lussemburgiż isostni li l-għan segwit mid-dispożizzjoni Lussemburgiża ġdida huwa identiku għall-għan “soċjali” li kien ġie invokat biex jiġġustifika l-leġiżlazzjoni applikabbli fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411).

61.      Ma jidhirx li din l-affermazzjoni tista’ titpoġġa fid-dubju. Fil-fatt jirriżulta mill-espożizzjoni tar-raġunijiet tal-abbozz ta’ Liġi Nru 6585 (34), li oriġinat il-liġi tad-19 ta’ Lulju 2013, li l-emenda tas-sistema ta’ għajnuniet finanzjarji tal-Istat Lussemburgiż għall-edukazzjoni ogħla kienet intiża biss biex “jinġibdu l-konsegwenzi” tas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411).

62.      Issa, dan l-għan, li jikkonsisti fiż-żieda b’mod sinjifikattiv fil-Lussemburgu, tal-parti ta’ residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla (35), kien ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut fil-livell tal-Unjoni (36).

63.      Fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li azzjoni mnedija minn Stat Membru sabiex jiżgura li l-popolazzjoni residenti jkollha livell għoli ta’ taħriġ u sabiex jippromwovi l-iżvilupp tal-ekonomija tiegħu tikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità (37).

64.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena nikkunsidra li ma hemmx lok li jitpoġġa fid-dubju dan l-għan tal-leġiżlazzjoni kkontestata u lanqas in-natura legittima tagħha.

c)      Fuq in-natura xierqa tal-kundizzjoni tal-perijodu tax-xogħol minimu u mhux interrott

65.      Ikun utli li f’dan ir-rigward, jitfakkar għal darba oħra li l-ħaddiema migranti u fruntalieri, ladarba jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru, bħala prinċipju ħolqu rabta ta’ integrazzjoni suffiċjenti fis-soċjetà ta’ dan l-Istat li tippermettilhom li hemmhekk jibbenefikaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta mqabbla, rispettivament, mal-ħaddiema nazzjonali u mal-ħaddiema residenti (38).

66.      Ir-rabta tal-integrazzjoni tirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li l-ħaddiema migranti jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-politika soċjali tal-Istat Membru ospitanti bil-kontribuzzjonijiet fiskali u soċjali li huma jħallsu f’dak l-Istat, bis-saħħa tal-attività ta’ impjieg li jeżerċitaw. Għalhekk, huma għandhom igawdu mill-istess kundizzjonijiet bħall-ħaddiema nazzjonali (39).

67.      Bla dubju, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ċerti raġunijiet ta’ natura li jiġġustifikaw leġiżlazzjonijiet li jistabbilixxu distinzjoni bejn ir-residenti u dawk li ma humiex residenti li jeżerċitaw attività professjonali fl-Istat Membru kkonċernat, skont il-grad ta’ integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà ta’ dak l-Istat jew ir-rabta tagħhom magħha (40).

68.      Madankollu nirripeti l-eżitazzjoni tiegħi fir-rigward ta’ din l-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza (41). Fil-fatt, “fir-rigward ta’ ħaddiema migranti u transkonfinali, il-fatt li jkunu daħlu fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru joħloq, fil-prinċipju, il-konnessjoni ta’ integrazzjoni suffiċjenti fis-soċjetà ta’ dan l-Istat li tippermettilhom li jibbenefikaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imqabbla ma’ ħaddiema nazzjonali inkwantu għall-vantaġġi soċjali” (42). Ir-rekwiżit dwar il-prova ta’ integrazzjoni partikolari għal dawn il-persuni jikkostitwixxi, b’hekk, eċċezzjoni għar-regola u, għal din ir-raġuni, għandu jiġi applikat b’mod restrittiv.

69.      B’ċertu mod teżisti preżunzjoni ta’ integrazzjoni ta’ ħaddiem migrant jew fruntalieri fl-Istat Membru fejn jaħdem u li favur tiegħu jħallas taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-politika soċjali ta’ dak l-Istat (43).

70.      Għalhekk, għalkemm jista’ jiġi “ammess li huwa possibbli li jiġi preżunt li l-possibbiltà ta’ installazzjoni fil-Lussemburgu u ta’ integrazzjoni fis-suq tax-xogħol Lussemburgiż fi tmiem l-edukazzjoni ogħla, anki meta din l-edukazzjoni tkun inkisbet barra mill-pajjiż, hija iktar qawwija fir-rigward tal-istudenti li jkunu residenti fil-Lussemburgu meta jibdew l-istudji tagħhom f’edukazzjoni ogħla milli fir-rigward tal-istudenti li ma jkunux residenti” (44), jiena iktar prudenti dwar l-effett li jista’ jkollu f’dan ir-rigward il-perijodu ta’ xogħol fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ta’ wieħed mill-ġenituri tal-istudent.

71.      Fil-ġurisprudenza iniżjali, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ċaħdet bil-qawwa wkoll il-possibbiltà li l-għoti ta’ vantaġġ soċjali jkun suġġett għal perijodu minimu tal-attività professjonali (45).

72.      Għaldaqstant, naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni fejn il-kundizzjoni marbuta mal-integrazzjoni suffiċjenti ma’ wieħed mill-ġenituri tal-istudent fis-suq tal-impjieg tal-Istat Membru ospitanti tidher li hija mingħajr relazzjoni mal-għan segwit, jiġifieri li tiżdiet b’mod sinjifikattiv, fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, dik il-parti ta’ residenti li jkollhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla (46).

73.      Madankollu, il-kundizzjoni dwar il-perijodu ta’ xogħol ta’ wieħed mill-ġenituri tal-istudent fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti tidher li kienet ġiet issuġġerita mill-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha, anki għalkemm dak kien sar bħala eżempju. Fil-fatt, fl-eżami tagħha tan-natura neċessarja tal-kundizzjoni ta’ residenza applikabbli fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:41), il-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha kkunsidrat li deher li kien possibbli li rabta suffiċjenti tal-istudent mal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li tippermetti l-konklużjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà raġonevoli li l-benefiċjarji tal-għajnuna jiġu joqogħdu ġewwa l-Lussemburgu u jkunu disponibbli għas-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat Membru, kienet tirriżulta “wkoll mill-fatt li dan l-istudent jirrisjedi waħdu jew mal-ġenituri tiegħu fi Stat Membru konfinanti […] u li l-ġenituri tiegħu ilhom, għal perijodu kunsiderevoli, jaħdmu fil-Lussemburgu u jgħixu fil-prossimità ta’ dan l-aħħar Stat Membru” (47).

74.      Dan l-approċċ jistona ma’ dak segwit tradizzjonalment mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-mobbiltà tal-istudenti. Fil-fatt, fis-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Prete (C‑367/11, EU:C:2012:668), il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx ikkunsidrat, ġustament, li kellhom jitwarrbu l-argumenti mressqa mill-Gvern Belġjan li persuna li toqgħod qrib il-fruntiera tal-Istat Membru fejn hija tagħmel l-istudji tagħha jkollha b’mod naturali inklinazzjoni ikbar li tidħol fis-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat, li miegħu hija għandha rabta? (48) Fil-fatt il-“konoxxenzi miksuba minn student matul l-istudji tiegħu ġeneralment ma jwassluhx għal suq ġeografiku tax-xogħol partikolari” (49).

75.      Jidhirli li r-realtà tal-istudenti hija eqreb lejn din il-konstatazzjoni. Għaldaqstant, fir-rigward ta’ din il-konstatazzjoni u l-konsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nikkunsidra li l-kundizzjoni tal-perijodu ta’ xogħol minimu u mhux interrott tal-ġenitur tal-istudent jidhirli li ma huwiex xieraq biex jintlaħaq l-għan mixtieq.

76.      Madankollu, għandi nirrikonoxxi wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet, de facto u de iure, li t-tul ta’ impjieg mill-ġenituri, matul perijodu sinjifikattiv fl-Istat Membru li jagħti l-għajnuna mitluba, seta’ jintuża biex juri l-grad reali ta’ rabta mas-soċjetà jew mas-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat.

77.      Fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma din l-analiżi, jiena issa se neżamina, sussidjarjament, in-natura neċessarja tal-kundizzjoni tal-perijodu ta’ xogħol minimu u mhux interrott.

d)      Fuq in-natura neċessarja tal-kundizzjoni tal-perijodu tax-xogħol minimu u mhux interrott

78.      Għall-konformità mad-dritt tal-Unjoni, il-kundizzjoni dwar il-perijodu minimu u mhux interrott ta’ xogħol fil-mument tal-għajnuna finanzjarja ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan mixtieq.

79.      Is-sitwazzjoni li oriġinat il-kwistjoni fil-kawża prinċipali titfa’ dawl fuq dan. Fil-fatt, il-benefiċċju tal-għajnuna finanzjarja ġie rrifjutat lil A. Linares Verruga meta l-ġenituri tiegħu t-tnejn ħadmu fil-Lussemburgu matul perijodu mhux interrott ta’ iktar minn ħames snin bi ftit interruzzjonijiet qosra biss matul il-ħames snin li ppreċedew it-talba għal għajnuna finanzjarja.

80.      Issa, l-possibbiltà li jkun hemm deroga għall-applikazzjoni stretta tal-prinċipju tal-ugwaljanza fl-għoti ta’ vantaġġi soċjali lill-ħaddiema migranti u fruntalieri, kif imtenni fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, għandha tkun limitata u interpretata b’mod restrittiv.

81.      Regola bħal dik prevista mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla bil-kundizzjoni ta’ perijodu minimu mhux interrott ta’ xogħol ta’ ħames snin b’mod ġenerali, mingħajr ma tħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet kompetenti fl-eżami tas-sitwazzjoni ta’ min jagħmel it-talba, jidhirli li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan leġittimu intiż biex iżid in-numru ta’ nies bid-diplomi ta’ edukazzjoni ogħla fi ħdan il-popolazzjoni residenti, sabiex jiġi promoss l-iżvilupp tal-ekonomija nazzjonali (50).

82.      Regola bħal dik jidhirli li għandha natura ġenerali u esklużiva wisq fis-sens tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, hija “tiffavorixxi indebitament element li mhuwiex neċessarjament rappreżentattiv tal-livell reali u effettiv tar-rabta bejn min jitlob il-benefiċċji […] u s-suq ġeografiku tax-xogħol, bl-esklużjoni ta’ kull element rappreżentattiv ieħor (51). Meta jiġri hekk, din tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan mixtieq.

83.      L-analoġija mal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 ssuġġerita mill-Gvern Lussemburgiż ma jidhirlix li hija ta’ natura li tibdel din il-konstatazzjoni. Ċertament il-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha tagħmel riferiment għal din id-dispożizzjoni fil-punt 80 tas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411). Madankollu, dik hija biss sempliċi illustrazzjoni tal-kundizzjoni tal-perijodu li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset prevedibbli “sabiex jiġi evitat ir-riskju li jkun hemm ‘turiżmu ta’ boroż ta’ studju’” (52). Fuq kollox, kif tenfasizza l-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha, din il-kundizzjoni qiegħda “[f]’kuntest ieħor” (53).

84.      Fil-fatt, l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi kundizzjoni ta’ perijodu minimu ta’ residenza mhux interrott sabiex jiġi żgurat l-għoti ta’ dritt ta’ residenza permanenti lil persuni li joqogħdu stabbilment fl-Istat Membru ospitanti. Issa, kunsiderazzjoni bħal dik hija minnha nnifisha inapplikabbli għas-sitwazzjoni ta’ ħaddiema fruntalieri.

85.      Ir-riferiment għall-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 bilkemm huwa iktar adegwat. Għall-kuntrarju, kif jiena indikajt fl-espożizzjoni preċedenti tiegħi, l-Artikolu 24(2) ta’ din id-direttiva, jirriżerva espressament, il-possibblità li jkun hemm deroga għall-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament għall-persuni diversi mill-ħaddiema impjegati, il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, il-persuni li jżommu dan l-istatus jew il-membri tal-familja tagħhom.

VI – Konklużjoni

86.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi d-domanda preliminari magħmula mit-tribunal administratif tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu (il-Lussemburgu) bil-mod li ġej:

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla għal kundizzjoni ta’ perijodu minimu mhux interrott ta’ xogħol ta’ ħames snin, fil-konfront tal-ġenituri tal-istudent, fil-mument meta ssir it-talba għall-għajnuna finanzjarja u tistabbilixxi differenza fit-trattament li tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bejn il-persuni li joqogħdu fl-Istat Membru kkonċernat u dawk li, mingħajr ma joqogħdu f’dan l-Istat Membru, huma tfal ta’ ħaddiema fruntalieri li jeżerċitaw attività f’dak l-Istat Membru msemmi.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Ara, f’dan ir-rigward, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ċċitati mill-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-Konklużjonijiet tiegħu li ppreżenta għall-kawża Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:70, punti 42 sa 44).


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15.


4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46, u rettifiki ĠU 2004, L 229, p. 35 u ĠU 2005, L 197, p. 34.


5 – ĠU 2011, L 141, p. 1.


6 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72, u rettifika ĠU 2004, L 200, p. 1.


7 – ĠU 2010, L 338, p. 35.


8 – Għalkemm il-leġiżlazzjoni kkontestata tolqot kemm lill-ħaddiema impjegati kif ukoll lill-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija kkonċentrata fuq l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011. Għaldaqstant, id-diskussjonijiet irrigwardaw is-sitwazzjoni tal-“ħaddiema impjegati” biss. Madankollu, jiena nikkunsidra li r-raġunament li se nsegwi jista’ japplika, mutatis mutandis, għas-sitwazzjoni ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema nazzjonali u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn (b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-għoti ta’ vantaġġi soċjali) japplika wkoll għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom (f’dan is-sens, ara s-sentenza tal-14 ta’ Jannar 1988, Il-Kummissjoni vs L-Italja 63/86, EU:C:1988:9, punti 12 sa 16). Ara wkoll, Barnard, C., The Substantive Law of the EU. The Four Freedoms, ir-Raba’ edizzjoni, Oxford University Press, 2013, p. 313.


9 – Ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Trojani (C‑456/02, EU:C:2004:488, punt 15). Ir-rekwiżit ta’ servizzi reali u effettivi u l-korollarju tiegħu, l-esklużjoni ta’ servizzi purament marġinali u aċċessorji, dehru kmieni ħafna fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 1982, Levin, 53/81, EU:C:1982:105, punt 17).


10 – Ara s-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 35). Ara, ukoll, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007, Hendrix (C‑287/05, EU:C:2007:494, punt 53).


11 – L-enfasi hija tiegħi.


12 – Ara f’dan is-sens, fir-rigward tar-Regolament Nru 1612/68 (li l-premessa 4 tiegħu kienet identika mal-premessa 5 tar-Regolament Nru 492/2011), is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 1997, Meints (C‑57/96, EU:C:1997:564, punt 50), u tat-8 ta’ Ġunju 1999, Meeusen (C‑337/97, EU:C:1999:284, punt 21).


13 – Ara s-sentenza tas-27 ta’ Novembru 1997, Meints (C‑57/96, EU:C:1997:564, punt 51 u punt 3 tad-dispożittiv). Ara, ukoll, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1999, Meeusen (C‑337/97, EU:C:1999:284, punt 21 u l-punt 2 tad-dispożittiv).


14 – Ara s-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1988, Lair (39/86, EU:C:1988:322, punt 42). Ara, ukoll, is-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 1985, Frascogna (157/84, EU:C:1985:243, punt 25) mogħtija tliet snin qabel dwar talba għal allowance speċjali tax-xjuħija.


15 – Ara, f’dan ir-rigward, Pataut, E., “La détermination du lien d’intégration des citoyens européens”, RTD Eur., 2012, p. 623 et seq.


16 – Ara, f’dan is-sens, Barnard, C., “Case C‑209/03, R (on the application of Danny Bidar) v. London Borough of Ealing, Secretary of State for Education and Skills, judgment of the Court (Grand Chamber) 15 march 2005, not yet reported”, CML Rev., 42, 2005, p. 1465 sa 1489, speċjalment p. 1488.


17 – Ara, f’dan is-sens, O’Leary, S., “The curious case of frontier workers and study finance: Giersch”, CML Rev., 51, 2014, p. 601 sa 622, speċjalment p. 609. Ara, ukoll, il-kummentarju ta’ Martin, D., li kiteb, dwar is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Hartmann (C‑212/05, EU:C:2007:437): “Not only the acceptance of a social policy cause of justification in the field of free movement is a reversal of a consistent case-law” (Martin, D., “Comments on Jia v. Migrationsverket (Case C-1/05 of 9 January 2007), Hartmann v. Freistaat Bayern (Case C-213/05 of 18 July 2007) and Hendrix v. Raad van Bestuur van het Uitvoeringsinstituut Werknemersverzekeringen (Case C-287/05 of 11 September 2007)”, European Journal of Migration and Law, 9, 2007, p. 457 sa 471, speċjalment p. 467; l-enfasi hija tiegħi).


18 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Hartmann (C 212/05, EU:C:2007:437, punt 24), tat-18 ta’ Lulju 2007, Geven (C-213/05, EU:C:2007:438, punt 15); tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-542/09, EU:C:2012:346, punt 33), kif ukoll tal-20 ta Ġunju 2013, Giersch et (C-20/12, EU:C:2013:411, punt 37).


19 – Ara, f’dan is-sens, Cavallini, J., “Subordonner l’octroi d’une allocation à une condition de résidence peut caractériser une discrimination indirecte”, JCP/La Semaine Juridique – Édition sociale, nru 40, 2007, p. 32 sa 34.


20 – Sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Hartmann (C‑212/05, EU:C:2007:437, punt 36) u tat-18 ta’ Lulju 2007, Geven (C‑213/05, EU:C:2007:438, punt 26).


21 – Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 63). L-enfasi hija tiegħi. Il-liġi nazzjonali inkwistjoni f’din il-kawża kienet tissuġġetta l-finanzjament tal-edukazzjoni ogħla segwita barra mill-Istat Membru inkwistjoni għall-kundizzjoni li wieħed ikun irrisjeda fit-territorju ta’ dak l-Istat matul mill-inqas tliet snin tul is-sitt snin qabel ir-reġistrazzjoni tal-istudent.


22 – Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 65).


23 – Ara, f’dan is-sens, Martin, D., “Comments on Jia v. Migrationsverket (Case C‑1/05 of 9 January 2007), Hartmann v. Freistaat Bayern (Case C‑213/05 of 18 July 2007) and Hendrix v. Raad van Bestuur van het Uitvoeringsinstituut Werknemersverzekeringen (Case C‑287/05 of 11 September2007)”, European Journal of Migration and Law, 9, 2007, p. 457 sa 471, speċjalment p. 467.


24 – Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 64). L-enfasi hija tiegħi.


25 – Artikolu 2a tal-liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000, imdaħħal mill-Artikolu 1(1) tal-liġi tad-19 ta’ Lulju 2013.


26 – Artikolu 3 tal-liġi tal-24 ta’ Lulju 2014 dwar l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għall-edukazzjoni ogħla. Din il-liġi ma hijiex rilevanti f’din il-kawża.


27 – Sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 39).


28 – Sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 44).


30 – Sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 46).


31 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32 – Sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 56).


33 – L-enfasi hija tiegħi.


34 – Abbozz ta’ Liġi 6585 li jemenda l-liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000, dwar l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għall-edukazzjoni ogħla (dokument 6585 tal-5 ta’ Lulju 2013, p. 2, disponibbli fuq is-sit tal-Internet tax-Chambre des députés du Grand-Duché de Luxembourg fl-indirizz segwenti: http://www.chd.lu/wps/portal/public/RoleEtendu?action=doDocpaDetails&id=6585#).


35 – Sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 48).


36 – Sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 53).


37 – Sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 56 u d-dispożittiv).


38 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 65), u tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 63).


39 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 66), u tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 63).


40 – Ara, f’dan ir-rigward, żviluppi taħt it-titolu A ta’ dawn il-konklużjonijiet.


41 – Ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42 – Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 65). L-enfasi hija tiegħi.


43 – Ara, f’dak is-sens, O’Leary, S., “The curious case of frontier workers and study finance: Giersch”, CML Rev., 51, 2014, p. 601 sa 622, speċjalment p. 610.


44 – Sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 67).


45 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1988, Lair (39/86, EU:C:1988:322, punt 42), u tas-6 ta’ Ġunju 1985, Frascogna (157/84, EU:C:1985:243, punt 25).


46 – Ara l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni (punt 44). Iż-żewġ eżempji mogħtija mill-Kummissjoni matul is-seduta tal-14 ta’ April 2016 jitfgħu dawl biżżejjed fuq dan is-suġġett. Skont il-leġiżlazzjoni kkontestata, tifel Litwan li missieru, tal-istess nazzjonalità, li ilu jirrisjedi u jaħdem ġewwa l-Lussemburgu għal xahar biss għandu, bħala prinċipju, dritt għall-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla. Iżda, it-tifel li missieru huwa ħaddiem transkonfinali Belġjan, li ilu jaħdem fil-Lussemburgu għal iktar minn ħmistax-il sena imma b’perijodu ta’ interruzzjoni fl-aħħar ħames snin, ma jkollux dritt għall-għajnuna msemmija iktar ’il fuq minkejja li t-tifel tiegħu ikun mar l-iskola kollha hemmhekk. Il-kundizzjoni ta’ perijodu ta’ xogħol mingħajr interruzzjoni tapplika bl-istess mod għat-tifel ta’ ħaddiem traskonfinali Belġjan li jkun dejjem għex mal-ġenitur l-ieħor f’Ċipru - u li għalhekk x’aktarx qatt ma kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi ruħu fil-Lussemburgu wara l-istudji tiegħu - u għat-tifel ta’ ħaddiem transkonfinali Belġjan li għex ma’ dan tal-aħħar u jkun segwa l-iskola kollha tiegħu ġewwa l-Lussemburgu.


47 – Sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 78). Ir-rikonoxximent ta’ dan l-element ta’ ġustifikazzjoni deher ukoll fid-dispożittiv ta’ din is-sentenza, li jippreċiża li “għalkemm l-għan li jiżdied il-proporzjon ta’ persuni residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla sabiex jiġi promoss l-iżvilupp tal-ekonomija tal-istess Stat Membru jikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika tali differenza fit-trattament u għalkemm rekwiżit ta’ residenza, bħal dak previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa xieraq sabiex jiġi żgurat li l-imsemmi għan jintlaħaq, madankollu tali rekwiżit imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-għan imfittex minnu jintlaħaq, sa fejn dan jipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi oħra potenzjalment rappreżentattivi tal-livell reali ta’ rabta tal-applikant għall-imsemmija għajnuna finanzjarja mas-soċjetà u mas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru kkonċernat, bħal fatt li wieħed mill-ġenituri, li jkompli jipprovdi għall-manteniment tal-istudent, huwa ħaddiem transkonfinali, li għandu impjieg fit-tul f’dan l-Istat Membru u diġà ħadem f’dan tal-aħħar għal perijodu sinjifikattiv” (l-enfasi hija tiegħi).


48 – Punt 45 ta’ din is-sentenza.


49 – Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Prete (C‑367/11, EU:C:2012:668, punt 45). Ara, ukoll, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar (C‑209/03, EU:C:2005:169, punt 58).


50 – F’dan ir-rigward, l-emenda li saret mil-liġi tal-24 ta’ Lulju 2014 dwar l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għall-edukazzjoni ogħla, li bis-saħħa tagħha l-perijodu ta’ xogħol ta’ ħames snin huwa issa kkalkulat matul perijodu ta’ referenza ta’ seba’ snin, xorta jidhirli li ma jirrispondix għar-rekwiżit ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, fis-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑542/09, EU:C:2012:346), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qieset li l-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi kienet tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Issa, id-dritt nazzjonali inkwistjoni f’dik il-kawża kien inqas sever mil-liġi Lussemburgiża għaliex kien jissuġġetta l-finanzjament tal-edukazzjoni ogħa segwita barra t-territorju tagħha għall-kundizzjoni li wieħed ikun irrisjeda fih mill-inqas tliet snin matul is-sitt snin qabel ir-reġistrazzjoni tal-istudent.


51 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop (C‑224/98, EU:C:2002:432, punt 39). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Prinz u Seeberger (C‑523/11 u C‑585/11, EU:C:2013:524, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


52 – Sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 80).


53 – Sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 80).