Language of document : ECLI:EU:T:2010:94

Kawża T-63/07

Mäurer + Wirtz GmbH & Co. KG

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva tosca de FEDEOLIVA — Trade marks Komunitarji u nazzjonali verbali preċedenti TOSCA — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ argument — Artikolu 74(1) tar‑Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 76(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il‑qorti Komunitarja — Legalità tad-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell li jiddeċiedi fi proċediment ta’ oppożizzjoni — Tqegħid inkwistjoni bl-invokazzjoni ta’ punti ġodda ta’ liġi jew ta’ fatt — Inammissibiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 63 u 74(1))

2.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Eżami limitat għall-motivi invokati — Dannu lill-karattru distintiv jew lir-reputazzjoni tat‑trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 74)

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni — Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża lil prodotti jew servizzi li ma jixxibhux

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(5))

1.      Skont l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, fi proċedimenti li jikkonċernaw ir-raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, l-eżami għandu jkun limitat għall-motivi invokati u għat-talbiet imressqa mill-partijiet. B’hekk, fir-rigward ta’ raġuni relattiva għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, punti ta’ liġi u ta’ fatt li huma mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali mingħajr ma kienu ġew mressqa qabel quddiem il-Bord tal-Appell ma jistgħux jaffettwaw il-legalità ta’ deċiżjoni tal‑imsemmi bord.

Konsegwentament, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal‑Bordijiet tal-Appell, li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali skont l‑Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, punti ta’ liġi u ta’ fatt li ġew invokati quddiem il-Qorti Ġenerali mingħajr ma kienu ġew mressqa qabel quddiem id-dipartimenti tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) ma jistgħux jiġu eżaminati biex tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u għaldaqstant, huma għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

(ara l-punti 22, 23)

2.      Il-parti li qed topponi, billi mmarkat il-kaxxa 95 tal-imsemmi att ta’ oppożizzjoni, kienet indikat li l-oppożizzjoni tagħha hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir‑reputazzjoni tat-trade marks preċedenti jew tikkawżalhom dannu.

Argument, imressaq fl-istadju tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, li jgħid li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni joħloq tgħawwir tar‑reputazzjoni ta’ trade marks preċedenti, sa fejn il-pubbliku ma jibqax jassoċja l-prodotti tal-parti li qed topponi mat-trade marks tagħha, sempliċiment jifformula punt li tressaq qabel il-preżentata tal-att ta’ oppożizzjoni. B’hekk, tali argument l-iktar li jagħmel huwa li jispeċifika n‑natura tad-dannu kkawżat lit-trade marks preċedenti, jiġifieri dak li l-parti li qed topponi tidentifika bħala t-tgħawwir tar-reputazzjoni tagħhom, u jippreżenta ġustifikazzjoni qasira fuqha, dwar il-fatt allegat li l-pubbliku ma jibqax jassoċja l-prodotti tagħha ma’ dawn it-trade marks.

F’dan ir-rigward, il-kriterji ta’ applikazzjoni ta’ raġuni relattiva għal rifjut jew ta’ kull dispożizzjoni oħra invokati insostenn tat-talbiet magħmula mill-partijiet jagħmlu naturalment parti mill-punti ta’ liġi mressqa għall-eżami tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni). Issa, l-imsemmi argument tal-parti li qed topponi sempliċiment jiddikjara li l-kundizzjonijiet tal‑Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja huma sodisfatti f’dan il-każ u jippreżenta fil-qosor ir-raġuni, jiġifieri li l-pubbliku ma jibqax jassoċja mat-trade marks preċedenti l-prodotti li huma jindikaw. .

Fid-dawl tar-raġunijiet tal-oppożizzjoni mressqa mill-parti li qed topponi quddiem id‑Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, l-imsemmi argument jikkostitwixxi sempliċi indikazzjoni dwar in-natura tar-riskju ta’ dannu allegat u ġustifikazzjoni dwar dan, mingħajr żieda ta’ punt ta’ fatt ġdid skont l-Artikolu 74(2) tal-imsemmi regolament.

Jikkostitwixxu, konsegwentement, żball ta’ liġi l-kwalifika tal-imsemmi argument, intiż li jispeċifika n-natura u l-oriġini tad-dannu li l-oppożizzjoni għar‑reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha l‑intenzjoni li tipprevjeni bis-saħħa tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, bħala punt ġdid ta’ fatt invokat, fis-sens tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, u ċ-ċaħda ta’ dan l-argument bħala inammissibbli. L-argument għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell, skont l-Artikolu 74(1) tal-imsemmi regolament.

(ara l-punti 31-36)

3.      Il-punt sa fejn il-parti li qed topponi li għandha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq ir-raġuni relattiva għal rifjut previst fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja għandha tinvoka u tipprova riskju mhux ipotetiku ta’ dannu fil‑futur għat-trade marks preċedenti jew ta’ teħid ta’ vantaġġ inġust mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jvarja skont jekk, it-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni tidhirx, jew le, mill-ewwel daqqa t’għajn, li tista’ toħloq wieħed mir-riskji msemmija f’din id-dispożizzjoni.

Huwa possibbli, b’mod partikolari fil-każ ta’ oppożizzjoni bbażata fuq trade mark li tgawdi minn reputazzjoni eċċezzjonalment għolja, li l-probabbiltà mhux ipotetika ta’ riskju futur ta’ dannu għat-trade mark preċedenti jew ta’ vantaġġ miksub inġustament mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tkun tant evidenti li l-parti li qed topponi ma jkollhiex għalfejn tinvoka u tipprova ebda punt ta’ fatt ieħor għal dan il-għan. Madankollu huwa wkoll possibbli li t‑trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tidhirx, mill-ewwel daqqa t’għajn, li tista’ tagħti lok għal riskju msemmi fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 għat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni, minkejja l-identiċità jew ix‑xebh tagħha ma’ din tal-aħħar, f’liema każ l-imsemmi riskju futur mhux ipotetiku ta’ dannu jew ta’ vantaġġ miksub inġustament għandu jiġi muri bl-għajnuna ta’ elementi oħra, li għandhom jiġu invokati u sostnuti bi provi mill-parti li qed topponi.

(ara l-punti 39, 40)