Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Polonja) fit-30 ta’ Jannar 2024 – Alior Bank S.A. vs J.D.

(Kawża C-71/24, Alior Bank)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Okręgowy w Krakowie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Alior Bank S.A.

Konvenut: J.D.

Domandi preliminari

L-Artikolu 10(2)(f) moqri flimkien mal-Artikolu 3(j) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE 1 , fil-kuntest tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni u l-għan ta’ din id-direttiva, u fid-dawl tal-Artikolu 3(1) u (2) moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 2 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-prattika li jiġu inklużi fi ftehimiet ta’ kreditu mal-konsumatur, li l-kontenut tagħhom ma huwiex ir-riżultat ta’ arranġamenti individwali bejn l-imprenditur (kreditur) u l-konsumatur (min jissellef), dispożizzjonijiet li jipprovdu għal interessi mhux biss fuq l-ammont imħallas lill-konsumatur iżda wkoll fuq l-ispejjeż ta’ kreditu mhux ta’ interessi (jiġifieri, kummissjonijiet jew tariffi oħra li ma humiex komponenti tal-ammont ta’ kreditu mħallas lill-konsumatur, u li jiffurmaw l-ammont totali li għandu jitħallas mill-konsumatur fit-twettiq tal-obbligu tiegħu taħt il-ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur)?

L-Artikolu 10(2)(f) u (g) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fil-kuntest tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni u l-għan ta’ din id-direttiva, u fid-dawl tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-prattika li jiġu inklużi fi ftehimiet ta’ kreditu tal-konsumatur, li l-kontenut tagħhom ma huwiex ir-riżultat ta’ arranġamenti individwali bejn l-imprenditur (kreditur) u l-konsumatur (min jissellef), dispożizzjonijiet li jiżvelaw biss ir-rata tas-self u l-valur totali tal-interessi kapitalizzat espress bħala ammont li l-konsumatur huwa obbligat iħallas fit-twettiq tal-obbligu tiegħu li jirriżulta taħt dak il-ftehim, mingħajr fl-istess ħin ma jiġi informat b’mod ċar il-konsumatur li l-bażi għall-kalkolu tal-interessi kapitalizzat (espressi bħala ammont) huwa ammont li ma huwiex l-ammont ta’ kreditu attwalment imħallas lill-konsumatur, u b’mod partikolari, li huwa s-somma tal-ammont ta’ kreditu mħallas lill-konsumatur u spejjeż ta’ kreditu mhux ta’ interessi (jiġifieri, kummissjonijiet jew tariffi oħra li ma humiex komponenti tal-ammont ta’ kreditu mħallas lill-konsumatur, u li jiffurmaw l-ammont totali li għandu jitħallas mill-konsumatur fit-twettiq tal-obbligu tiegħu taħt il-ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur)?

____________

1     ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40 u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100.