Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okrazhen sad – Pleven (il-Bulgarija) fit-3 ta’ April 2024 – Proċeduri kriminali kontra M. N. D. u Y. G. Ts.

(Kawża C-241/24, Tsenochev 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Okrazhen sad – Pleven

Partijiet fil-kawża prinċipali

M. N. D. u Y. G. Ts.

Domandi preliminari

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2 TUE, mal-Artikolu 4(2) u (3) TUE, u mal-Artikolu 267 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil qorti nazzjonali, adita debitament bi ftehim għas-soluzzjoni tal-kawża kriminali milħuq fil-fażi preġudizzjarja tal-proċedura kriminali, li tkun qajmet kwistjonijiet preliminari dwar il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin previsti fid-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI 1 , tirrifjuta li tilqa’ talbiet sussegwenti mressqa mill-persuni mixlija u mill-avukati tagħhom għall-għeluq tal-kawża, f’sitwazzjoni fejn ikun hemm dubji raġonevoli li dawn it-talbiet jikkostitwixxu abbuż ta’ dritt fis-sens tal-Artikolu 54 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u dan meta jitqies li: (1) id-dritt nazzjonali ma jipprevedix il-possibbiltà li, ladarba qorti tkun ġiet adita bi ftehim għas-soluzzjoni tal-kawża, dan il-ftehim jiġi rtirat minn quddiem il-qorti u lanqas il-possibbiltà li tingħalaq il-kawża minħabba din ir-raġuni; (2) waħda mill-persuni mixlija u l-avukat tagħha ressqu lment fis-sens li l-fatt li l-kawża ma ngħalqitx fit-terminu normali ta’ ġimgħa minħabba t-talba mressqa mill-qorti li qiegħda teżamina l-kawża lill-Konstitutsionen sad na Republika Balgaria (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Bulgarija) ser jimplika estensjoni mhux iġġustifikata tal-miżura preventiva li tinvolvi ż-żamma tal-persuna mixlija taħt detenzjoni; (3) waħda mill-persuni mixlija u l-avukat tagħha talbu lill-President tal-qorti u lill-Ministru għall-Ġustizzja jiftħu proċedura dixxiplinari kontra l-imħallef sedenti fil-qorti li qiegħda teżamina l-kawża minħabba li l-kawża ma ngħalqitx fit-terminu normali ta’ ġimgħa; (4) waħda mill-persuni mixlija rtirat il-kunsens tagħha fir-rigward tal-ftehim iffirmat “minħabba nuqqas ta’ fiduċja fl-imħallef li qiegħed jeżamina l-kawża” u talbet lill-President tal-qorti sabiex, minbarra li jiftaħ proċedura dixxiplinari kontra dan l-imħallef, jirrikużah u jgħaddi l-kawża lil imħallef ieħor; (5) l-imħallfin l-oħra li eżaminaw u approvaw ftehimiet dwar is-soluzzjoni tal-kawża fil-konfront ta’ 10 persuni mixlija oħra fl-istess proċedura kriminali ma qajmux il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet proċedurali mar-rekwiżit ta’ protezzjoni effettiva tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin?

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/36 u tal-Artikolu 5 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ikkunsidrati flimkien mal-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali [(ĠU 2007, C 303, p. 17)], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirrikjedu li l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin ikunu involuti fil-proċedura li twassal għad-determinazzjoni tal-piena, u dan anki fil-każ li jintlaħaq ftehim fil-fażi preġudizzjarja tal-proċedura kriminali li jkollu jiġi approvat mill-qorti?

Għall-finijiet tar-risposta għat-tieni domanda, huwa rilevanti li l-approvazzjoni tal-ftehim hija suġġetta għall-kundizzjoni li qabel ikun ġie kkumpensat id-dannu pekunjarju kkawżat mir-reat kriminali jew li l-kumpens ta’ dan id-dannu jkun iggarantit, f’sitwazzjoni fejn, konformement ma’ deċiżjoni interpretattiva vinkolanti għall-qrati, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss “id-dannu kostitwenti”, jiġifieri d-dannu li huwa element kostitwenti tar-reat kriminali, iżda mhux “id-dannu pekunjarju mhux kostitwenti” jew il-lucrum cessans imġarrab mill-vittmi tat-traffikar?

Id-dritt għal rimedju effettiv, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jippermetti dispożizzjoni legali nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 381(2) tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), li jipprojbixxi s-soluzzjoni tal-kawża permezz ta’ ftehim fil-każ ta’ reati kriminali gravi u intenzjonati koperti minn ċerti kapitolu tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali), li jinkludu r-reati kriminali li jaqgħu fit-Taqsima VIII, “Reati sesswali”, iżda mhux fil-każ tar-reati kriminali li jaqgħu fit-Taqsima IX, “Traffikar tal-bnedmin”?

L-Artikolu 4(2)(b) u l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2011/36 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirrikjedu lill-qorti nazzjonali, li tkun qiegħda teżamina ftehim milħuq fil-fażi preġudizzjarja tal-proċedura kriminali, tevalwa jekk il-piena prevista fil-ftehim (f’dan il-każ, piena ta’ ċaħda ta’ libertà għal sentejn) hijiex “effettiva, proporzjonata u dissważiva”, fid-dawl tan-numru tal-każijiet individwali ta’ traffikar ta’ bnedmin u tal-eżistenza ta’ organizzazzjoni kriminali?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ħames domanda, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/36, il-qorti nazzjonali għandha, abbażi tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi, tinterpreta d-dritt nazzjonali, li jagħtiha l-possibbiltà tapprova l-ftehim fil-każ biss li dan tal-aħħar “ma jmurx kontra l-liġi u l-moralità”, fis-sens li jagħtiha wkoll is-setgħa tevalwa jekk il-piena prevista fil-ftehim (f’dan il-każ, piena ta’ ċaħda ta’ libertà għal sentejn) hijiex “effettiva, proporzjonata u dissważiva”, fid-dawl tan-numru tal-każijiet individwali ta’ traffikar ta’ bnedmin u tal-eżistenza ta’ organizzazzjoni kriminali, u dan jekk ikun il-każ billi titbiegħed minn ġurisprudenza stabbilita?

Kif għandha tiġi interpretata l-espressjoni “pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi”, li tinsab fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2011/36, u huwa possibbli li piena ta’ ċaħda ta’ libertà għal sentejn titqies bħala li hija piena effettiva, proporzjonata u dissważiva f’sitwazzjoni fejn il-persuna [mixlija] ipparteċipat f’organizzazzjoni kriminali u rreklutati numru ta’ persuni, bil-għan li jiġu sfruttati għall-prostituzzjoni, irrispettivament mill-kunsens tagħhom u b’mod qarrieqi, fi Stati Membri oħra? F’dan ir-rigward, il-“piena massima ta’ mhux inqas minn għaxar snin priġunerija fejn dak ir-reat […] (b) ikun twettaq fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali fit-tifsira tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata”, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2011/36, għandha tiġi interpretata bħala l-piena prevista għal kull att individwali ta’ traffikar ta’ persuni individwali jew bħala l-piena prevista għall-attività kriminali fl-intier tagħha, li tinkludi diversi atti ta’ traffikar?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2011, L 101, p. 1.