Language of document : ECLI:EU:C:2017:51

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta’ Jannar 2017 (*)

“Appell – Akkordji – Suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, tal-Pajjiżi l-Baxxi u Awstrijak tal -installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju – Koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 23(2) - Limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ – Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tas-sena 2006 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża C-637/13 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis-27 ta’ Novembru 2013,

Laufen Austria AG, stabbilita f’Wilhelmsburg (l-Awstrija), irrappreżentata minn E. Navarro Varona, avukat,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castilla Contreras kif ukoll minn F. Castillo de la Torre u F. Jimeno Fernández, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, M. Berger, E. Levits, S. Rodin (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Settembru 2015,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Laufen Austria AG titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Settembru 2013, Laufen Austria vs Il-Kummissjoni (T-411/10, iktar ‘il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2013:443), li permezz tagħha, din ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39092 – installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) sa fejn tirrigwardaha jew, sussidjarjament, intiż sabiex jitnaqqas l-ammont tal-multi li kienu ġew imposti fuqha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

2        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU 2003, L 1, p. 1), jipprevedi fl-Artikolu 23(2) tiegħu:

“Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

a)      jiksru l-Artikolu [101] jew l-Artikolu [102 TFUE] […]

[…]

Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kmmerċjali preċedenti.

[…]”

 Il-Linji gwida tal-2006

3        Il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ‘il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”) jindikaw, fil-punt 2 tagħhom, li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-multi, “il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-tul u l-gravità tal-ksur” u li “l-multa imposta ma għandhiex taqbeż il-limiti indikati fit-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 23(2) tar-[Regolament Nru 1/2003]”

4        Il-punt 13 tal-Linji Gwida jistabbilixxu:

“Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni għandha tuża l-valur tal-bejgħ ta’ beni jew servizzi, mwettqa mill-impriża, b’relazzjoni diretta jew indiretta […] mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat ġewwa t-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tuża b’mod partikolari l-bejgħ tal-impriża matul l-aħħar sena kompleta tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Il-punt 20 tal-linji gwida jipprevedi dan li ġej.

“L-evalwazzjoni tal-gravità għandha ssir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ inkwistjoni.”

6        Il-punt 21 tal-linji gwida jipprevedi dan li ġej.

“Bħala regola ġenerali, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għandu jiġi ffissat għal livell li jista’ jmur sa 30 %.”

7        Skont il-punt 22 tal-Linji Gwida tal-2006:

“Sabiex tiddeċiedi jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandux ikun fl-ogħla jew fl-inqas parti ta’ din l-iskala, il-Kummissjoni ser tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi, bħalma huma n-natura tal-ksur, is-sehem mis-suq akkumulat tal-partijiet ikkonċernati kollha, il-portata ġeografika tal-ksur, u jekk il-ksur kienx implementat jew le.”

8        Il-punt 23 tal-Linji Gwida jistabbilixxu:

“Il-ftehim orizzontali dwar iffissar tal-prezz, it-tqassim tas-suq u l-limitazzjoni tal-produzzjoni, li huma ġeneralment sigrieti, jgħoddu, min-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi. Skont il-politika tal-kompetizzjoni, dawn għandhom jiġu ssanzjonati b’mod sever. Konsegwentement, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għal tali ksur għandu jitqies li jinsab ‘il fuq fl-iskala.”

9        Il-punt 25 tal-linji gwida huwa redatt kif ġej.

“Barra minn hekk, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur, il-Kummissjoni għandha tinkludi fl-ammont bażiku somma ta’ bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ kif iddefinit fit-Taqsima A iktar ’il fuq, sabiex tiddisswadi l-impriżi milli propju jipparteċipaw għall-ftehim orizzontali tal-iffissar tal-prezzijiet, ta’ tqassim tas-suq u tal-limitazzjoni tal-produzzjoni. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tapplika tali ammont addizzjonali fil-każ ta’ ksur ieħor. Sabiex jiġi deċiż il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, b’mod partikolari dawk identifikati fil-punt 22.”

10      Il-punt 29 tal-istess Linji gwida jistabbilixxu:

“L-ammont bażiku tal-multa jista’ jonqos meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti bħal:

–        meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li hija temmet il-ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni. Dan ma japplikax għall-ftehimiet jew għall-prattiki ta’ natura sigrieta (b’mod partikolari għall-kartelli);

–        meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-ksur twettaq b’negliġenza;

–        meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur hija sostanzjalment ridotta u b’hekk turi li, matul il-perijodu li matulu hija aderixxiet mal-ftehim li jikkostitwixxi ksur, hija effettivament eskludiet lilha nnifisha mill-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim billi adottat aġir kompetittiv fis-suq; is-sempliċi fatt li impriża pparteċipat fi ksur għal tul iqsar mill-oħrajn ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti, ġaladarba din iċ-ċirkustanza diġà hija riflessa fl-ammont bażiku; [traduzzjoni mhux uffiċjali]

–        meta l-impriża kkonċernata tikkoopera effettivament mal-Kummissjoni, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż fuq il-klemenza u lil hinn mill-obbligi ġuridiċi tagħha li tikkoopera;

–        meta l-aġir antikompetittiv ġie awtorizzat jew imħajjar mill-awtoritajiet pubbliċi jew mil-leġiżlazzjoni. [traduzzjoni mhux uffiċjali] […]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

11      Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 1 sa 27 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

12      Laufen Austria kienet timmanifattura oġġetti taċ-ċeramika taħt it-trade marks tagħha stess u kienet tikkummerċjalizza dawn tal-aħħar kif ukoll prodotti mmanifatturati mill-kompetituri. Il-bejgħ tagħha kien ikkonċentrat fl-Awstrija kif ukoll, f’miżura inqas, fil-Ġermanja. Fid-29 ta’ Ottubru 1999, Roca Sanitario SA, il-kumpannija omm ta’ grupp ta’ kumpanniji fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju (iktar ‘il quddiem il-“grupp Roca”), xtrat il-grupp li bħala kap tagħha kellu lill-kumpannija Svizzera, Keramik Holding AG, li kienet detentriċi tal-kapital kollu ta’ Laufen Austria.

13      Fil-15 ta’ Lulju 2004, Masco Corp. u s-sussidjarji tagħha, fosthom Hansgrohe AG, li timmanifattura viti u fittings, u Hüppe GmbH, li timmanifattura diviżorji tad-doċċa, informaw lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ akkordju fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju u talbu sabiex jibbenefikaw mill-immunità minn multi skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ‘il quddiem il-“Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni”) jew, fin-nuqqas ta’ dan, minn tnaqqis tal-ammont ta’ dawn il-multi.

14      Fid-9 u fl-10 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet mingħajr preavviż fl-istabbilimenti ta’ diversi kumpanniji u assoċjazzjonijiet nazzjonali professjonali li joperaw fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju. Wara li indirizzat, bejn il-15 ta’ Novembru 2005 u s-16 ta’ Mejju 2006, talbiet għal informazzjoni lill-imsemmija kumpanniji u assoċjazzjonijiet, inklużi lil Roca SARL u lil Laufen Austria, il-Kummissjoni, fis-26 ta’ Marzu 2007, adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Din tal-aħħar b’mod partikolari ġiet innotifikata lir-rikorrenti.

15      Fis-17 ta’ Jannar 2006, Roca SARL talbet, f’isimha u f’isem il-grupp Laufen, sa fejn hija kompliet l-attivitajiet ta’ dan il-grupp fi Franza, li tibbenefika mill-immunità minn multi skont il-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni u, fin-nuqqas ta’ dan mit-tnaqqis tal-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta fuqha.

16      Wara seduta li saret mit-12 sal-14 ta’ Novembru 2007, wara li ntbagħtet, fid-9 ta’ Lulju 2009, ittra li tesponi l-fatti ta’ ċerti kumpanniji u wara t-talbiet għall-informazzjoni supplimentari li tagħha r-rikorrenti kienet destinatarja, il-Kummissjoni, fit-23 ta’ Ġunju 2010, adottat id-deċiżjoni kkontestata, li biha hija kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 19, p. 146) fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju. Dan il-ksur, li għalih ipparteċipaw 17-il impriża, żvolġa matul perijodi differenti inklużi bejn is-16 ta’ Ottubru 1992 u d-9 ta’ Novembru 2004, u ħa l-forma ta’ ftehimiet anti-kompetittivi u ta’ prattiki miftiehma flimkien fit-territorju Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak. Il-prodotti kkonċernati mill-akkordju huma l-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju li jappartjenu għall waħda mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti li ġejjin, jiġifieri l-viti u l-fittings, id-diviżorji tad-doċċa u l-aċċessorji tagħhom kif ukoll il-prodotti taċ-ċeramika (iktar ‘il quddiem it-“tliet sottogruppi ta’ prodotti”).

17      Il-Kummissjoni rrilevat b’mod partikolari l-eżistenza ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali għall-professjonisti li l-attività tal-membri tagħha kienet tkopri t-tliet sottogruppi ta’ prodotti kollha kemm huma, li hija semmiet “organi ta’ koordinazzjoni”, ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali għall-professjonisti li jinkludu membri li l-attività tagħhom kienet tikkonċerna minn tal-inqas tnejn minn dawn it-tliet sottogruppi ta’ prodotti, li hija semmiet “assoċjazzjonijiet ta’ ħafna prodotti”, kif ukoll ta’ assoċjazzjonijiet speċjalizzati li jinkludu membri li l-attività tagħhom kienet tirrigwarda wieħed minn dawn it-tliet sottogruppi Finalment, hija kkonstatat il-preżenza ta’ grupp ċentrali ta’ impriżi li pparteċipaw fl-akkordju fi Stati Membri differenti kif ukoll fil-kuntest ta’ organi ta’ koordinazzjoni jew ta’ assoċjazzjonijiet ta’ ħafna prodotti.

18      Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-grupp Roca fil-ksur ikkonstatat, il-Kummissjoni qieset li din tal-aħħar kellha konjizzjoni tal-ksur li jikkonċerna t-tliet sottogruppi ta’ prodotti. Madankollu, għal min hu tal-portata ġeoloġika tal-akkordju, il-Kummissjoni qieset li l-grupp Roca ma setgħax jiġi kkunsidrat bħala li kellu konjizzjoni tal-portata globali, iżda kellu jiġi kkunsidrat biss bħala li seħħ fi Franza u fl-Awstrija.

19      Il-Kummissjoni b’hekk ikkonstatat, fl-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata, li Laufen Austria, Roca Sanitario u Roca SARL, kisru l-Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, billi pparteċipat, fi ftehim kontinwu jew fi prattiki miftiehma fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju fi Franza u fl-Awstrija.

20      Sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-multa imposta fuq kull impriża, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-linji gwida tal-2006.

21      L-ewwel nett il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont bażiku tal-multa. Hija ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa billi ppreċiżat li l-imsemmi kalkolu kien ibbażat, għal kull impriża, fuq il-bejgħ tagħha għal kull Stat Membru, immultiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur ikkonstatat f’kull Stat Membru u għas-sottogrupp ta’ prodotti kkonċernat, b’tali mod li kienet ħadet inkunsiderazzjoni tal-fatt li ċerti impriżi kienu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom biss f’ċerti Stati Membri jew f’wieħed mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti.

22      Ladarba ġiet ipprovduta din il-preċiżazzjoni, il-Kummissjoni stabbilixxiet għal 15 % tal-valur tal-bejgħ tar-rata tal-koeffiċjent marbut mal-gravità tal-ksur ikkonstatat, fis-sens tal-punti 20 sa 23 tal-Linji gwida tal-2006 (iktar ’il quddiem il-“koeffiċjent ‘gravità tal-ksur’”). Għalhekk, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-erba’ kriterji ta’ evalwazzjoni ta’ dan il-ksur, jiġifieri l-ishma tas-suq meħuda flimkien kif ukoll in-natura, il-portata ġeografika u l-implementazzjoni tiegħu.

23      Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-koeffiċjent, skont it-tul tal-ksur ikkonstatat, li għandu jiġi applikat għall-ammont bażiku tal-multa determinata għar-rikorrenti, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-punt 24 tal-Linji gwida tal-2006, għal 10 għar-rikorrenti, numru li jikkorrispondi għal parteċipazzjoni fil-ksur fit-territorju Awstrijaku u għall-prodotti taċ-ċeramika, ta’ għaxar snin.

24      Fl-aħħar nett, sabiex jingħata effett dissważiv għad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-punt 25 tal-Linji gwida tal-2006 u b’kunsiderazzjoni tal-erba’ kriterji ta’ evalwazzjoni msemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, miżjud l-ammont bażiku tal-multa billi jiġi applikat għall-valur ta’ bejgħ koeffiċjent addizzjonali (iktar ’il quddiem il-“koeffiċjent ‘ammont addizzjonali’”) għar-rata ta’ 15 %.

25      Minn dan jirriżulta, fir-rigward tal-grupp Roca, ammont bażiku tal-multa jogħla għal EUR 3 000 000 għall-imġiba kollużiva dwar viti u fittings fis-suq Franċiż u ammont bażiku tal-multa jogħla għal EUR 35 700 000 għall-imġiba kollużiva għall-oġġetti taċ-ċeramika, li minnhom EUR 3 700 000 għas-suq Franċiż u EUR 32 000 000 għas-suq Awstrijak.

26      It-tieni nett, il-Kummissjoni eżaminat l-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li jistgħu jiġġustifikaw aġġustament tal-ammont bażiku. Hija ma żammet ebda ċirkustanza aggravanti jew attenwanti fir-rigward tar-rikorrenti.

27      It-tielet nett, il-Kummissjoni applikat limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, (iktar ’il quddiem il-“limitu massimu ta’ 10 %”) skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. L-ammont tal-multa stabbilit għall-grupp Roca wara l-applikazzjoni ta’ dan il-limitu massimu kien ta’ EUR 38 700 000.

28      Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni qieset li l-grupp Roca, li għalih tappartjeni r-rikorrenti, ma kienx fid-dritt li jibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multi skont l-Avviż tal-2002 fuq il-kooperazzjoni. Fil-fehma tagħha, minn naħa, il-provi prodotti minn dan il-grupp ma kinux jistgħu jiġu meqjusa jirrappreżentaw valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 21 ta’ dan l-avviż. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi grupp ma pproduċiex prova ta’ spirtu veru ta’ kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva.

29      Fid-dawl ta’ dan li ntqal, il-Kummissjoni kkonstatat, fl-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipat, matul il-perijodu bejn it-12 ta’ Ottubru 1994 sad-9 ta’ Novembru 2004, fi ftehim kontinwat jew fi prattiki miftiehma fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju fi Franza u fl-Awstrija.

30      Skont l-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti EUR 32 000 000, li EUR 17 700 000 in solidum ma’ Roca Sanitario.

 Il-Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

31      Fit-8 ta’ Settembru 2010, Laufen Austria ppreżentat rikors fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn kienet tikkonċernaha jew, sussidjarjament, intiż sabiex jitnaqqas l-ammont tal-multi li kienu ġew imposti fuqha.

32      Insostenn tat-talbiet tagħha intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, Laufen Austria qajmet sitt motivi. L-ewwel motiv kien jirrigwarda l-imputazzjoni tar-responsabbiltà tal-aġir antikompetittiv ilmentati fil-konfront ta’ Roca Sanitario. It-tieni motiv kien ibbażat fuq l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 %. It-tielet motiv kien marbut mal-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-gravità tal-ksur imwettaq minn Laufen Austria. Ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn il-kuntest ekonomiku attwali ta’ kriżi ma tteħidx inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti. Il-ħames motiv kien ibbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-pressjoni eżerċitata mill-bejjiegħa bl-ingrossa bħala ċirkustanza attenwanti. Is-sitt motiv kien ibbażat fuq żbalji fl-applikazzjoni tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni u tal-Linji gwida tal-2006.

33      Fil-kuntest tat-talba tagħha, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, Laufen Austria invokat l-involviment inqas gravi tagħha, meta mqabbel ma’ dak tal-parteċipanti l-oħra fil-ksur ikkonstatat, il-parteċipazzjoni inqas gravi fil-ksur imwettaq kif ukoll il-livell tal-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni.

34      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet is-sitt motivi invokati mir-rikorrenti bħala, parzjalment inammissibbli u parzjalment ineffettivi u parzjalment infondati. Permezz tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hija kkunsidrat li l-ebda mill-provi li r-rikorrenti pproduċiet, u lanqas ebda motiv ta’ ordni pubbliku, ma jiġġustifika l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex jitnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

35      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ Laufen Austria fl-intier tiegħu.

 It-talbiet tal-partijiet

36      Laufen Austria titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla parzjalment, is-sentenza kkontestata;

–        tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

37      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lil Laufen Austria għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

38      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali naqset li twettaq l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u kisret il-prinċipji ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni, ta’ responsabbiltà personali, ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-applikazzjoni tal-limitu massimu previst mir-Regolament Nru 1/2003. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjoni u ta’ responsabbiltà personali, ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni billi rrifjutat it-talba għat-tnaqqas tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

39      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Laufen Austria ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali li twettaq l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u kisret il-prinċipji ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni, ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament ta’ responsabbiltà personali, billi ħadet inkunsiderazzjoni, fil-punti 148 sa 154 tas-sentenza appellata, tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ Roca Sanitario sabiex tikkalkola l-limitu massimu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, inkluż għall-perijodu li matulu hija kienet ikkunsidrata l-unika responsabbli fil-ksur inkwistjoni.

40      Laufen Austria ssostni, f’dan ir-rigward, li hija ma kellhiex rabta ekonomika ma’ Roca Sanitario matul il-perijodu ta’ ksur li kien jippreċedi x-xiri ta’ Keramik Holding minn Roca Sanitario. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-imsemmi limitu massimu għandu jiġi kkalkolat skont biss id-dħul mill-bejgħ tal-impriża responsabbli għal-ksur.

41      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kellha l-obbligu li tapplika l-limitu massimu ta’ 10 % biss fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ individwali ta’ Laufen Austria għall-finijiet li tiġi kkalkolata l-multa relatata ma’ dan il-perijodu.

42      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni la ta’ deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni u lanqas ta’ sentenzi tal-Qorti Ġenerali, li fihom l-ammont tal-multa imposta lil sussidjarja f’ċirkustanzi paragunabbli għal dawk f’dan il-każ ġie kkalkolat fid-dawl tar-riżorsi tas-sussidjarja nfisha.

43      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-appellanti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44      Kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa ċar billi jeżiġi li, “[g]ħal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ [dħul mill-bejgħ globali] fis-sena k[u]mmerċjali preċedenti” (is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, YKK et vs Il-Kummissjoni, C‑408/12 P, EU:C:2014:2153, punt 58).

45      Madankollu, il-kunċett ta’ “impriża li tipparteċipa fil-ksur” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni għandu tkun neċessarjament l-istess għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, tali kunċett peress li tali kunċett ma jistax jiġi interpretat b’mod differenti għall-attribuzzjoni tal-ksur u għall-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % (is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, YKK et vs Il Kummissjoni, C-408/12 P, EU:C:2014:2153, punt 59).

46      Għalhekk, meta impriża li titqies mill-Kummissjoni bħala responsabbli ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE tiġi akkwistata minn impriża oħra li fiha żżomm, bħala sussidjarja, l-kwalità ta’ entità ekonomika distinta, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra d-dħul mill-bejgħ għal kull waħda minn dawn l-entitajiet ekonomiċi sabiex tapplikalhom, fejn applikabbli, il-limitu ta’ 10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kummerċjali preċedenti, (is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, YKK et vs Il Kummissjoni, C-408/12 P, EU:C:2014:2153, punt 60).

47      F’dan ir-rigward, l-għan li għalih ġie stabbilit, fl-Artikolu 23(2), limitu massimu ta’10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ kull impriża li tkun ipparteċipat fil-ksur huwa b’mod partikolari li jiġi evitat li l-impożizzjoni ta’ multa ta’ ammont ogħla minn dan il-limitu massimu tmur lil hinn mill-kapaċità ta’ ħlas tal-impriża fid-data li fiha tiġi rrikonoxxuta li hija responsabbli fil-ksur u li fiha l-Kummissjoni timponilha sanzjoni pekunjarja (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, YKK et vs Il-Kummissjoni, C-408/12 P, Ġabra, EU:C:2014:2153, punt 63).

48      Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tal-imsemmi regolament, li jeħtieġ, f’dak li jirrigwarda l-limitu ta’ 10 %, li dan ikun ikkalkolat fuq il-bażi tas-sena finanzjarja preċedenti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissanzjona l-ksur. Madankollu, tali rekwiżit huwa ssodisfatt meta dan il-limitu massimu huwa determinat fuq il-bażi biss tad-dħul mill-bejgħ tas-sussidjarja, f’dak li jirrigwarda l-multa li ġiet imposta fuqha esklużivament, fir-rigward tal-perijodu preċedenti għall-akkwist tagħha mill-kumpannija parent. Minn dan isegwi li, f’tali ċirkustanzi, l-evoluzzjoni strutturali tal-impriża responsabbli bħala entità ekonomika hija effettivament meħuda inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-multa (is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, YKK et vs Il-Kummissjoni, C-408/12 P, EU:C:2014:2153, punt 64).

49      Minn dan jirriżulta, sa fejn kumpannija parent ma tistax tinżamm responsabbli ta’ ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha qabel id-data tal-akkwist tagħha, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ ta’ din is-sussidjarja, magħmul fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tissanzjona l-ksur, għall-kalkolu tal-limitu massimu ta’ 10 %.

50      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat, fil-punt 150 tas-sentenza appellata, li, meta ssir distinzjoni bejn perijodu inizjali, li fir-rigward tiegħu s-sussidjarja tinżamm responsabbli waħedha fil-ksur, u perijodu sussegwenti, li fir-rigward tiegħu l-kumpannija parent tinżamm responsabbli in solidum fil-ksur flimkien mas-sussidjarja tagħha, l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jobbligax lill-Kummissjoni tivverifika jekk il-parti tal-multa li l-kumpannija parent ma tkunx miżmuma responsabbli in solidum għall-ħlas tagħha tibqax taħt il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tas-sussidjarja waħedha.

51      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, mingħajr ħtieġa li tittieħed deċiżjoni fuq argumenti oħra invokati mill-appellanti insostenn tal-ewwel aggravju, b’mod partikolari dawk ibbażati fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li dan l-aggravju għandu jiġi ddikjarat bħala fondat. Konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata billi ġie deċiż li mingħajr ma wettqet ebda żball il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-grupp Roca fir-rigward tal-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % fir-rigward tal-perijodu li matulu Laufen Austria kienet meqjusa l-unika responsabbli tal-ksur.

 Fuq it-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

52      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Laufen Austria tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret, b’mod partikolari fil-punti 164 sa 193 kif ukoll fil-punti 259 sa 261 tas-sentenza appellata, il-prinċipji ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjoni u tar-responsabbiltà personali, ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni sa fejn ma bbażatx il-konsegwenzi li kienet timponi l-konstatazzjoni mill-Qorti Ġenerali, skont liema il-gravità tal-parteċipazzjoni fil-ksur li r-responsabbiltà tiegħu hija imputata lil Laufen Austria kienet inqas minn dik ta’ parteċipanti oħra fl-akkordju, b’mod partikolari, billi aġġustat il-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali”, kif ukoll billi naqqset l-ammont bażiku tal-multa.

53      Fl-ewwel lok, Laufen Austria ssostni, li l-punti 164 sa 193 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi billi ma jieħdux inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur kienet inqas gravi minn impriżi oħra ssanzjonati. F’dan ir-rigward, is-sentenza appellata ma kinitx topera b’distinzjoni, salv fir-rigward tal-portata ġeografika tal-parteċipanti fil-ksur, bejn il-gravità tal-aġir tas-sussidjarji tagħha, u l-gravità tal-aġir tal-impriżi li jifforma l-“għadma iebsa” tal-impriżi parteċipanti, skont in-natura tal-aġir rispettiv tagħhom. Issa, konformement mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, il-Qorti Ġenerali kellha, tnaqqas l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Laufen Austria, billi tapplika għaliha koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” inqas għoljin minn dawk applikati għall-imsemmija impriżi, u kellha tislet il-konsegwenzi ta’ dak li kkonstatat fil-punti 187, 259 u 260tas-sentenza appellata.

54      Fit-tieni lok, il-motivi li jidhru fil-punti 186 u 260 tas-sentenza appellata jikkontradixxu l-ġurisprudenza applikabbli fil-qasam tat-tqassim tal-multi u jipprivileġġaw, bi żball, il-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-multa għad-detriment tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

55      Fit-tielet lok, il-gravità baxxa tal-parteċipazzjoni ta’ Laufen Austria fil-ksur ikkonstatat kellha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti, fis-sens tat-tielet inċiż tal-punt 29 tal-Linji Gwida tal-2006. Madankollu, fil-punti 189 sa 191 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet, abbażi ta’ interpretazzjoni ristrettiva ħafna u żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni, ċaħdet kull tnaqqis tal-multa f’dan is-sens.

56      Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u naqset mit-twettiq tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, billi ddikjarat fil-punt 183 tas-sentenza appellata li, l-Kummissjoni ma tbiegħditx mill-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa prevista mil-Linji gwida tal-2006.

57      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-appellanti. Barra minn hekk, għalkemm hija tqis li huwa ġust li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, hija tqis, essenzjalment, li l-premessa użata mill-Qorti Ġenerali, li tgħid li l-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” applikati għar-rikorrenti, li ma pparteċipatx fil-ksur salv permezz tal-parti Awstrijaka tagħha, kellhom ikunu differenti minn dawk miżmuma bħall-membri oħra tal-akkordju li pparteċipaw fil-ksur fit-territorju tas-sitt Stati Membri u għal tliet sottogruppi ta’ prodotti, hija ineżatta. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħmel sostituzzjoni tal-motivi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

58      Preliminarjament, għandu jitfakkar li hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-mod li bih il-Kummissjoni evalwat f’kull każ partikolari l-gravità tal-aġir illegali. Fil-kuntest tal-appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala suġġett, minn naħa, li jeżamina sa fejn il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod legalment korrett, il-fatturi kollha essenzjali għall-evalwazzjoni tal-gravità ta’ aġir determinat fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u, min-naħa l-oħra, li tivverifika jekk il-Qorti Ġenerali rrispondietx b’mod legalment suffiċjenti għall-argumenti kollha invokati insostenn tat-talba tat-trażżin tal-multa jew tat-tnaqqis tal-ammont tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, EU:C:1998:608, punt 128; tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il Kummissjoni C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, EU:C:2005:408, punt 244, kif ukoll tal-5 ta’ Diċembru 2013, Solvay Solexis vs Il-Kummissjoni, C-449/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:802, punt 74).

59      Issa, sa fejn, permezz tat-tieni aggravju tagħha, Laufen Austria tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma kellhiex, kemm matul l-eżerċizzju tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, fil-punti 164 sa 193 tas-sentenza appellata, kif ukoll f’dik tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha għall-iffissar tal-multa, fil-punti 258 sa 261 ta’ din is-sentenza, inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-parteċipazzjoni fil-ksur li r-responsabbiltà tagħha hija imputata lilha kienet inqas gravi minn dik tal-impriżi li kkostitwixxew l-“għadma iebsa” tal-akkordju, għandu jiġi enfasizzat li ma jappartjenix għall-Qorti tal-Ġustizzja, meta tagħti deċiżjoni fuq kwistjonijiet ta’ dritt fil-kuntest ta’ appell, li tissostitwixxi, għall-motivi ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, fuq l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba l-ksur, minnhom, tad-dritt tal-Unjoni (is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, EU:C:2005:408, punt 245, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2013, Gosselin Group vs Il-Kummissjoni, C-429/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:463, punt 87)

60      Barra minn hekk, għandu wkoll jitfakkar li, għad-determinazzjoni tal-ammonti tal-multi, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur u tal-provi kollha ta’ natura li jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tagħha (is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, EU:C:2005:408, punt 240, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C-444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 98).

61      Fost il-provi ta’ natura li jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, jissemmew, l-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol li kull waħda minnhom kellha fl-istabbiliment tal-akkordju, il-profitt li setgħu jisiltu minnu, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li l-ksur ta’ dan it-tip jirrappreżentaw għall-għanijiet tal-Unjoni Ewropea (is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 242, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C-444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 100).

62      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 179 tas-sentenza appellata, huwa stabbilit li Laufen Austria pparteċipat fi ksur liema parteċipazzjoni kienet tikkonsisti fl-implementazzjoni ta’ koordinazzjoni ta’ żidiet futuri fil-prezzijiet, li, minħabba l-parteċipazzjoni ta’ Laufen Austria fil-laqgħat tal-korp Arbeitskreis Sanitärindustrie, hija kellha konoxxenza tal-portata materjali tal-ksur ikkonstatat sa fejn din kienet tirrigwarda tliet sottogruppi ta’ prodotti, u li, finalment, dan il-ksur ikkonċerna t-territorju Awstrijak kollu.

63      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni setgħet, skont il-punti 21 sa 23 u 25 tal-linji gwida tal-2006, ġustament tikkunsidra li l-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ta’ 15 % kienu xierqa.

64      F’dan ir-rigward, mingħajr ma tiġi kkontestata r-realtà materjali t tal-ksur kif deskritta fis-sentenza appellata, Laufen Austria tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li hija ma kinitx tappartjeni għall-“għadma iebsa” tal-akkordju għar-raġuni, b’mod partikolari, li hija ma kkontribwixxietx għall-ħolqien u għaż-żamma tagħha.

65      Issa, anki jekk wieħed jippreżumi li din iċ-ċirkustanza hija stabbilita, din ma tistax, fi kwalunkwe każ, turi li l-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li l-koeffiċjenti “gravità tal-ksur’’ u “ammont addizzjonali” bir-rata ta’ 15 % ma humiex xierqa jew għoljin wisq, peress li tali perċentwali kienet iġġustifikata biss minħabba n-natura tal-ksur inkwistjoni, jiġifieri l-implementazzjoni ta’ koordinazzjoni ta’ żidiet fil-prezz. Fil-fatt, tali ksur inkunsiderazzjoni fost ir-restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni l-iktar gravi fis-sens tal-punti 23 u 25 tal-Linji gwida tal‑2006 u tali rata ta’ 15 % tikkorrispondi għall-inqas rata fl-iskala tas-sanzjonijiet previsti għal tali ksur bis-saħħa ta’ dawn il-linji gwida (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il Kummissjoni, C-439/11 P, EU:C:2013:513, punti 124 u 125, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C-444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 125).

66      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali setgħet, ġustament, tikkunsidra, fil-punti 179 u 258 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ffissat il-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” għal rata ta’ 15 %, minkejja l-portata ġeografika mnaqqsa għat-territorju Awstrijaku tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur inkwistjoni.

67      Sa fejn Laufen Austria tikkritika l-Qorti Ġenerali li, minkejja li kkonstatat li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur kienet inqas gravi minn dawk ta’ parteċipanti oħrajn, inżammu, fir-rigward tagħha, l-imsemmija koeffiċjenti u kif kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi kkonstatat, kif issostni sostanzjalment il-Kummissjoni, li l-motivi li jinsabu fil-punti 186 u 187 kif ukoll 259 u 260 tas-sentenza appellata, li jgħidu li, minn naħa, ksur li jkopri t-territorji tas-sitt Stati Membri u tliet sottogruppi ta’ prodotti għandu jiġi kkunsidrat bħala iktar gravi minn ksur, bħal dik inkwistjoni, imwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u, min-naħa l-oħra, l-impriżi li ħadu sehem f’dan l-ewwel ksur kellha, minħabba dan il-fatt biss, tiġi imposta fuqhom multa kkalkolata fuq il-bażi ta’ koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ogħla minn dik applikata għall-appellanti, huma vvizzjati bi żball tal-liġi.

68      Fil-fatt, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali”, mill-punti 22 u 25 tal-Linji gwida tal‑2006 jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, b’mod partikolari dawk identifikati fil-punt 22 ta’ dawn il-linji gwida. Jekk, biex wieħed jevalwa l-gravità ta’ ksur u, sussegwentement, li wieħed jiffissa l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari l-portata ġeografika tal-ksur, iċ-ċirkustanza li ksur ikopri portata ġeografika ikbar minn oħra ma tistax neċessarjament timplika li dan l-ewwel ksur, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, u b’mod partikolari fid-dawl tan-natura tiegħu, għandu jiġi kkwalifikat bħala iktar gravi mit-tieni u bħala li jiġġustifika, b’hekk, l-iffissar tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ogħla minn dawk miżmuma għall-kalkolu tal-multa li tissanzjona dan it-tieni ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 178).

69      Għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit mill-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-imsemmi prinċipju jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑-580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 51).

70      Il-Qorti Ġenerali hija obbligata tosserva dan il-prinċipju mhux biss fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multi, iżda wkoll fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ tali kompetenza ma jistax iwassal, waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi li huma imposti fuqhom, għal diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ftehim jew fi prattika miftiehma kuntrarji għall-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker‑Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 77).

71      Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-teħid inkunsiderazzjoni, biex tiġi evalwata l-gravità ta’ ksur, bis-saħħa tal-istess prinċipju, ta’ differenzi bejn impriżi li pparteċipaw għall-istess akkordju, b’mod partikolari fid-dawl tal-portata ġeografika tal-parteċipazzjonijiet rispettivi tagħhom, ma għandux neċessarjament jintervjeni matul l-iffissar tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali”, iżda jista’ jintervjeni fi stadju ieħor tal-kalkolu tal-multa, bħal matul l-aġġustament tal-ammont bażiku skont ċirkustanzi attenwanti u aggravanti, skont punti 28 u 29 tal-Linji gwida tal-2006 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2013, Gosselin Groupvs Il-Kummissjoni, C‑429/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:463, punti 96 sa 100, kif ukoll, Team Relocations et vs Il Kummissjoni, C-444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punti 104 u 105).

72      Kif osservat il-Kummissjoni, tali differenzi jistgħu wkoll jidhru permezz tal-valur tal-bejgħ miżmum sabiex jiġi kkalkolat l-ammont bażiku tal-multa sa fejn dan il-valur jirrifletti, għal kull impriża parteċipanti, l-importanza tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni, konformement mal-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, li jippermetti li jieħu bħala punt ta’ partenza għall-kalkolu tal-multi ammont li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż tal-impriża fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il Kummissjoni, C-444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 76).

73      Konsegwentement, sa fejn huwa stabbilit li l-ammont bażiku tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti ġie ddeterminat skont il-valur tal-bejgħ imwettaq minn mill-appellanti fit-territorju Awstrijak, il-Qorti Ġenerali setgħet, fil-punti 186 u 187 kif ukoll 259 u 260 tas-sentenza appellata, tiffissa għal 15 % ta’ dan il-valur ir-rata tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali”, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

74      Minkejja li minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 186 u 187 kif ukoll 259 u 260 tas-sentenza appellata, hija vvizzjata minn żbalji tal-liġi, hemm lok li jitfakkar li, għalkemm il-motivi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jaħbu ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda li d-dispożittiv tiegħu jidher fondat għall-motivi oħrajn tad-dritt, tali ksur ma huwiex ta’ natura li jwassal għal annullament ta’ din id-deċiżjoni u hemm lok ta’ sostituzzjoni ta’ motivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il-Kummissjoni, C‑30/91 P, EU:C:1992:252, punt 28, kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-120/06 P u C-121/06 P, EU:C:2008:476, punt 187 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

75      Issa, kif jirriżulta mill-motivi stabbiliti fil-punti 68 sa 73 ta’ din is-sentenza, li għandhom jiġu ssostitwiti għal dawk miżmuma mill-Qorti Ġenerali, dan huwa l-każ inkwistjoni.

76      Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud it-tieni aggravju sa fejn jilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi u, b’mod partikolari, li kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba li, huwa żbaljat li l-Qorti Ġenerali applikat għar-rikorrenti koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” inqas għoljin minn dawk applikati lill-impriżi li l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur kienet iktar gravi, ma tteħidx inkunsiderazzjoni, fis-sentenza appellata, il-gravità baxxa tal-parteċipazzjoni fil-ksur li r-responsabbiltà tagħha hija imputata lill-appellanti.

77      Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni u kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi kkonstatat, fil-punt 183 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni, ma telqitx mill-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa prevista mil-Linji gwida tal-2006, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali għaddiet għad-deskrizzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa fil-punti 169 u 170 tas-sentenza appellata, f’termini ġenerali, kif ukoll għal dik tal-applikazzjoni tagħha mill-Kummissjoni f’dan il-każ, għall-punti 172 sa 174 tal-imsemmija sentenza.

78      Għaldaqstant, tali lment ma jistax jintlaqa’.

79      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni, skont iċ-ċirkustanzi attenwanti fis-sens tat-tielet inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006, tal-gravità baxxa tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur meta mqabbla ma’ dik tal-parteċipanti l-oħra, huwa stabbilit li Laufen Austria sempliċement targumenta n-natura limitata tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ikkonstatat.

80      Issa, skont il-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006, l-appellanti kellha, sabiex tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba dawn iċ-ċirkustanzi attenwanti, turi li hija kienet effettivament evitat l-applikazzjoni tal-ftehimiet ta’ ksur ikkonċernati billi adottat aġir ta’ kompetizzjoni fis-suq, prova li r-rikorrenti ma pproduċietx, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 191 tas-sentenza appellata.

81      Fi kwalunkwe każ, tali evalwazzjoni tal-provi ma tistax, salv għall-każ taż-żnaturament tagħhom, li ma ġietx invokata f’dan il-każ, tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2011, MediaSaturn-Holding vs UASI, C-92/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:15, punt 27; tal-10 ta’ Lulju 2014, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-391/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2061, punti 28 u 29, kif ukoll tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il‑Kummissjoni, C-373/14 P, EU:C:2016:26, punt 40).

82      Minn dan isegwi li l-ilment marbut mal-eżami mill-Qorti Ġenerali taċ-ċirkustanzi attenwanti fis-sens tat-tielet inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006 għandu jiġi miċħud.

83      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li hemm lok li t-tieni aggravju jiġi miċħud.

 Fuq li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali

84      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex hija tagħti deċiżjoni.

85      Issa, f’dan il-każ, fin-nuqqas għall-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha d-dħul mill-bejgħ imwettaq minn Laufen Austria matul is-sena preċedenti għad-deċiżjoni kkontestata, l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża. Għaldaqstant, il-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Fuq l-ispejjeż

86      Peress li l-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell għandhom jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, l-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Settembru 2013, Laufen Austria vs Il-Kummissjoni (T-411/10, EU:T:2014:443), hija annullata.

2)      Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex din tiddeċiedi fuq it-talba ta’ tnaqqis tal-multa imposta, imressqa minn Laufen Austria AG.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.