Language of document : ECLI:EU:C:2017:53

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta’ Jannar 2017 (*)

“Appell — Akkordji — Suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju — Koordinazzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tas-sena 2006 – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – L eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża C‑638/13 P

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-27 ta’ Novembru 2013,

Roca SARL, stabbilita fi Saint-Ouen-l’Aumône (Franza), irrappreżentata minn P. Vidal Martínez, avukat,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castilla Contreras kif ukoll minn F. Castillo de la Torre u F. Jimeno Fernández, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, M. Berger, E. Levits, S. Rodin (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali, M. Wathelet,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Settembru 2015,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Roca SARL titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Settembru 2013, Roca vs Il‑Kummissjoni (T‑412/10, iktar ’il quddiem, is-“sentenza appellata”, EU:T:2013:444) li biha din parzjalment annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar il-proċedura għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39092 — Installazzjonijiet sanitarji [għall-kmamar tal-banju]) (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn il-Kummissjoni Ewropea ffissat l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni tagħha, naqqset l-ammont tal-multa imposta fuqha għal EUR 6 298 000 u ċaħdet il‑kumplament tar‑rikors.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

2        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jipprevedi, fl-Artikolu 23(2) u (3) tiegħu:

“2.      Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

(a)      jiksru l-Artikolu [101] jew [102 TFUE] […]

[…]

Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ [dħul mill-bejgħ globali] fis-sena k[u]mmerċjali preċedenti.

[…]

3.      Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.”

3        Dan ir-regolament jistabbilixxi fl-Artikolu 31 tiegħu:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti.”

 Il-Linji gwida tal-2006

4        Il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”) jindikaw, fil-punt 2 tagħhom, li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-multi, “il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-tul u l-gravità tal-ksur” u li “l-multa imposta ma għandhiex taqbeż il-limiti indikati fit-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 23(2) tar-[Regolament Nru 1/2003]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5        Il-punt 13 ta’ dawn il-linji gwida jipprovdi:

“Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni għandha tuża l-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi, magħmul mill-impriża, relatati direttament jew indirettament […] mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fi ħdan it-territorju taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)]. Il-Kummissjoni għandha tuża normalment l-bejgħ tal-impriża matul l-aħħar sena kompleta tal-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        Il-punt 20 tal-imsemmija linji gwida jipprovdi:

L-evalwazzjoni tal-gravità għandha ssir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ inkwistjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        Il-punt 21 tal-istess linji gwida huwa b’hekk redatt:

“Bħala regola ġenerali, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għandu jiġi ffissat għal livell li jista’ jmur sa 30 %.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

8        Skont il-punt 22 tal-Linji Gwida tal-2006:

“Sabiex tiddeċiedi jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandux ikun fl-inqas jew fl-ogħla parti ta’ din l-iskala, il-Kummissjoni ser tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħalma huma n-natura tal-ksur, is-sehem mis-suq akkumulat tal-partijiet ikkonċernati kollha, il-portata ġeografika tal-ksur, u jekk il-ksur kienx implementat jew le.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        Il-punt 23 ta’ dawn il-linji gwida jipprovdi:

Il-ftehim […] orizzontali dwar iffissar tal-prezz, it-tqassim tas-suq u l-limitazzjoni tal-produzzjoni, li huma ġeneralment sigrieti, jgħoddu, min-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi. Skont il-politika tal-kompetizzjoni, dawn għandhom jiġu ssanzjonati b’mod sever. Għaldaqstant, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni fir-rigward ta’ tali ksur ser ikun ġeneralment fil-parti għolja ta’ din l-iskala.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      Il-punt 25 tal-imsemmija linji gwida huwa b’hekk ifformulat:

Barra minn hekk, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża għall-ksur, il-Kummissjoni għandha tinkludi fl-ammont bażiku somma ta’ bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ kif iddefinit fit-Taqsima A iktar ’il fuq, sabiex tiddisswadi l-impriżi milli proprju jipparteċipaw għall-ftehim orizzontali tal-iffissar tal-prezzijiet, ta’ tqassim tas-suq u tal-limitazzjoni tal-produzzjoni. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tapplika tali ammont addizzjonali fil-każ ta’ ksur ieħor. Sabiex jiġi deċiż il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, b’mod partikolari dawk identifikati fil-punt 22.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      Il-punt 29 tal-imsemmija linji gwida huwa b’hekk ifformulat:

“L-ammont bażiku tal-multa jista’ jonqos meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti bħal:

–        meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li hija temmet il-ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni. Dan ma japplikax għall-ftehimiet jew għall-prattiki ta’ natura sigrieta (b’mod partikolari għall-kartelli);

–        meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-ksur twettaq b’negliġenza;

–        meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur hija sostanzjalment ridotta u b’hekk turi li, matul il-perijodu li matulu hija aderixxiet mal-ftehimiet li jikkostitwixxu ksur, hija effettivament eskludiet lilha nnifisha mill-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim billi adottat aġir kompetittiv fis-suq; is-sempliċi fatt li impriża pparteċipat fi ksur għal tul iqsar mill-oħrajn ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti, ġaladarba din iċ-ċirkustanza diġà hija riflessa fl-ammont bażiku;

–        meta l-impriża kkonċernata tikkoopera effettivament mal-Kummissjoni, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż fuq il-klemenza u lil hinn mill-obbligi ġuridiċi tagħha li tikkoopera;

–        meta l-aġir antikompetittiv ġie awtorizzat jew imħajjar mill-awtoritajiet pubbliċi jew mil-leġiżlazzjoni. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

12      Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 1 sa 29 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

13      Roca, kumpannija tad-dritt Franċiż, kellha, bħala attività prinċipali, id-distribuzzjoni ta’ oġġetti taċ-ċeramika u ta’ viti u fittings fis-suq Franċiż. Hija kienet tappartjeni, fiż-żmien tal-fatti li jikkostitwixxu l-ksur, għal grupp ta’ kumpanniji attivi fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju (iktar ’il quddiem, il-“grupp Roca”), li l-kumpannija omm tagħha kienet Roca Sanitario SA, li kienet iżżomm il-kapital kollu tagħha.

14      Fil-15 ta’ Lulju 2004, Masco Corp. u s-sussidjarji tagħha, fosthom Hansgrohe AG li timmanifattura viti u fittings, u Hüppe GmbH li timmanifattura diviżorji tad-doċċa, informaw lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ akkordju fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju u talbu sabiex jibbenefikaw mill-immunità minn multi skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni”) jew, fin-nuqqas ta’ dan, minn tnaqqis tal-ammont ta’ dawn il-multi li jistgħu jiġu imposti fuqhom.

15      Fid-9 u fl-10 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet mingħajr preavviż fl-istabbilimenti ta’ diversi kumpanniji u assoċjazzjonijiet nazzjonali professjonali li joperaw fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju. Bejn il-15 ta’ Novembru 2005 u s-16 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni indirizzat talbiet għal informazzjoni lill-imsemmija kumpanniji u assoċjazzjonijiet, inklużi lil Roca u lil Laufen Austria AG.

16      Fis-17 ta’ Jannar 2006, Roca talbet, f’isimha u f’isem il-grupp li għalih tappartjeni Laufen Austria, sa fejn hija kompliet l-attivitajiet ta’ dan il-grupp fi Franza, li tibbenefika mill-immunità minn multi skont il-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jew, fin-nuqqas, tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta fuqha.

17      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni infurmat lir-rikorrenti li ddeċidiet li tagħtiha, taħt kundizzjonijiet, tnaqqis ta’ dan l-ammont.

18      Fis-26 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ġiet innotifikata lir-rikorrenti. Din tal-aħħar instemgħat matul seduta li seħħet mit-12 sal-14 ta’ Novembru 2007.

19      Fit-23 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li fiha kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu għall-Artikolu 101(1) TFUE u għall-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju. Skont il-Kummissjoni, dan il-ksur, li għalih ipparteċipaw 17-il impriża, żvolġa ruħu matul perijodi differenti inklużi bejn is-16 ta’ Ottubru 1992 u d-9 ta’ Novembru 2004. Hija ħadet il-forma ta’ ftehimiet antikompetittivi flimkien jew ta’ prattiki miftiehma fit-territorju Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak.

20      Il-prodotti koperti mill-akkordju huma l-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju li jappartjenu għall-wieħed mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti li ġejjin, jiġifieri l-viti u fittings, diviżorji tad-doċċa u l-aċċessorji tagħhom, kif ukoll l-oġġetti taċ-ċeramika (iktar ’il quddiem it-“tliet sottogruppi ta’ prodotti”).

21      Il-Kummissjoni rrilevat b’mod partikolari l-eżistenza ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali għall-professjonisti li l-attività tal-membri tagħhom kienet tkopri t-tliet sottogruppi ta’ prodotti kollha kemm huma, li hija semmiet “organi ta’ koordinazzjoni”, ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali għall-professjonisti li jinkludu membri li l-attività tagħhom kienet tikkonċerna minn tal-inqas tnejn minn dawn it-tliet sottogruppi ta’ prodotti, li hija semmiet “assoċjazzjonijiet ta’ ħafna prodotti”, kif ukoll ta’ assoċjazzjonijiet speċjalizzati li jinkludu membri li l-attività tagħhom kienet tirrigwarda wieħed minn dawn it-tliet sottogruppi ta’ prodotti. Finalment, hija kkonstatat il-preżenza ta’ grupp ċentrali ta’ impriżi li pparteċipaw għall-akkordju fi Stati Membri differenti kif ukoll fil-kuntest ta’ organi ta’ koordinazzjoni jew ta’ assoċjazzjonijiet ta’ ħafna prodotti.

22      Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-grupp Roca fil-ksur ikkonstatat, il-Kummissjoni kkunsidrat li dan tal-aħħar kellu konjizzjoni tal-ksur li jikkonċerna t-tliet sottogruppi ta’ prodotti. Madankollu, għal dak li huwa tal-portata ġeografika tal-akkordju, il-Kummissjoni qieset li l-grupp Roca ma kienx jista’ jiġi kkunsidrat bħala li kellu konjizzjoni tal-portata globali tiegħu, iżda kien ikollu jiġi kkunsidrat biss bħala li kellu mġiba kollużiva fi Franza u fl-Awstrija. Il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti stess hija limitata għat-territorju Franċiż u għall-viti u fittings u oġġetti taċ-ċeramika.

23      Fl-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni b’hekk ikkonstatat li Laufen Austria Roca Sanitario u Roca kisru l-Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw fi ftehim kontinwu jew fi prattiki miftiehma fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju fi Franza u fl-Awstrija.

24      Sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-multa imposta fuq kull impriża, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-Linji gwida tal-2006.

25      L-ewwel nett il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont bażiku tal-multa. Biex tagħmel hekk, hija ppreċiżat li dan kien ibbażat, għal kull impriża, fuq il-bejgħ tagħha għal kull Stat Membru, immultiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur ikkonstatat f’kull Stat Membru u għas-sottogrupp ta’ prodotti kkonċernat, b’tali mod li kienet ħadet inkunsiderazzjoni tal-fatt li ċerti impriżi jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom biss f’ċerti Stati Membri jew li dawn l-attivitajiet jikkonċernaw uħud mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti.

26      Din il-preċiżjoni pprovduta, il-Kummissjoni stabbilixxiet għal 15 % tal-valur tal-bejgħ tar-rata tal-koeffiċjent marbut mal-gravità tal-ksur ikkonstatat, fis-sens tal-punti 20 sa 23 tal-Linji gwida tal-2006 (iktar ’il quddiem il-“koeffiċjent ‘gravità tal-ksur’”). Għalhekk, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-erba’ kriterji ta’ evalwazzjoni ta’ dan il-ksur, jiġifieri l-ishma tas-suq meħuda flimkien kif ukoll in-natura, il-portata ġeografika u l-implementazzjoni tiegħu.

27      Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-koeffiċjent, skont it-tul tal-ksur ikkonstatat, li għandu jiġi applikat għall-ammont bażiku tal-multa determinata għar-rikorrenti, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-punt 24 tal-Linji gwida tal-2006, għal 1.83, numru li jikkorrispondi għal parteċipazzjoni għall-ksur fit-territorju Franċiż u għall-viti u fittings matul il-perijodu mill-10 ta’ Diċembru 2002 sad-9 ta’ Novembru 2004, u għal 0.66, numru li jikkorrispondi għal parteċipazzjoni għall-ksur, fit-territorju Franċiż, għall-oġġetti taċ-ċeramika, għall-perijodu mill-25 ta’ Frar sad-9 ta’ Novembru 2004.

28      Finalment, sabiex jingħata effett dissważiv għad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-punt 25 tal-Linji gwida tal-2006 u b’kunsiderazzjoni tal-erba’ kriterji ta’ evalwazzjoni msemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, miżjud l-ammont bażiku tal-multa billi jiġi applikat għall-valur ta’ bejgħ koeffiċjent addizzjonali (iktar ’il quddiem il-“koeffiċjent ‘ammont addizzjonali’”) għar-rata ta’ 15 %.

29      Minn dan jirriżulta, fir-rigward tal-grupp Roca, ammont bażiku tal-multa jogħla għal EUR 3 000 000 għall-imġiba kollużiva dwar viti u fittings fis-suq Franċiż u ammont bażiku tal-multa jogħla għal EUR 35 700 000 għall-imġiba kollużiva għall-oġġetti taċ-ċeramika, li minnhom EUR 3 700 000 skont is-suq Franċiż u EUR 32 000 000 skont is-suq Awstrijak.

30      It-tieni nett, il-Kummissjoni eżaminat l-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li jistgħu jiġġustifikaw aġġustament tal-ammont bażiku tal-multa. Hija ma żammet ebda ċirkustanża aggravanti jew attenwanti fir-rigward tar-rikorrenti.

31      It-tielet nett, il-Kummissjoni applikat limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, bis-saħħa tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. L-ammont tal-multa stabbilit għall-grupp Roca wara l-applikazzjoni ta’ dan il-limitu massimu kien ta’ EUR 38 700 000.

32      Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni qieset li l-grupp Roca, li għalih tappartjeni r-rikorrenti, ma kienx fid-dritt li jibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multi skont il-Komunikazzjoni tal-2002 fuq il-kooperazzjoni. Fil-fehma tagħha, minn naħa, il-provi prodotti minn dan il-grupp ma kinux jistgħu jiġu meqjusa jirrappreżentaw valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 21 ta’ din il-komunikazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi grupp ma pproduċiex prova ta’ spirtu veru ta’ kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva.

33      Fid-dawl ta’ dan li ntqal, il-Kummissjoni kkonstatat, fl-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipat, mill-10 ta’ Diċembru 2002 sad-9 ta’ Novembru 2004, fi ftehim kontinwat jew fi prattiki miftiehma fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju fi Franza u fl-Awstrija.

34      Skont l-Artikolu 2(4)(b) tad-deċiżjoni kkontestata, b’ripressjoni ta’ dan il-ksur, il-Kummissjoni imponiet in solidum lir-rikorrenti u lil Roca Sanitario multa ta’ EUR 6 700 000.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

35      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Settembru 2010, Roca ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn kienet tikkonċernaha jew, sussidjarjament, intiż sabiex jitnaqqas l-ammont tal-multi li kienu ġew imposti fuqha.

36      Insostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, Roca qajmet ħames motivi. L-ewwel motiv kien jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. It-tieni motiv kien marbut mal-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-gravità tal-ksur imwettaq minn Roca. It-tielet motiv kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-għażla tas-sena ta’ referenza għall-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa. Ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn il-kuntest ekonomiku attwali ta’ kriżi ma tteħidx inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti. Il-ħames motiv kien jikkonċerna l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti, minn naħa, fil-kuntest tal-Komunikazzjoni tal-2002 fuq il-kooperazzjoni u, min-naħa l-oħra, bħala ċirkustanza attenwanti.

37      Barra minn hekk, Roca talbet, sussidjarjament, lill-Qorti Ġenerali li tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha. Insostenn ta’ din it-talba, Roca invokat żball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni matul l-eżami tal-provi li pprovdietilha. Hija semmiet wkoll il-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni u inqas gravi, tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ta’ dawk tal-parteċipanti l-oħrajn.

38      Inizjalment, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi tar-rikorrenti intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. It-tieni nett, laqgħet parzjalment it-talba tal-bidla tal-multa imposta, billi naqqset l-ammont ta’ 6 %, minħabba li l-Kummissjoni ma evalwatx korrettament il-valur tal-provi prodotti minn Roca skont il-Komunikazzjoni tal-2002 fuq il-kooperazzjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

39      Roca titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla parzjalment, is-sentenza kkontestata;

–        tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

40      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lil Roca għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

41      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u żnaturat il-fatti billi kkonstatat li r-rikorrenti kellha konjizzjoni minħabba li l-ksur kien jikkonċerna t-tliet sottogruppi ta’ prodotti u billi astjeniet milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ksur imwettaq mir-rikorrenti kien ikopri biss żewġ sottogruppi ta’ prodotti. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ individwalizzazzjoni tal-piena u ta’ responsabbiltà personali, ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni billi ċaħdet it-talba għal tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa mressqa skont l-inqas gravità tal-parteċipazzjoni għall-ksur imputat lir-rikorrenti.

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

42      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Roca targumenta li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, naqset għall-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u żnaturat il-fatti li kienu sottomessi lilha, l-ewwel nett, billi kkonstatat, bi żball, fil-punt 131 tas-sentenza appellata, li Roca kellha, minħabba l-appartenenza tagħha għall-grupp Roca, konjizzjoni minħabba l-ksur li għaliha pparteċipat li kienet tikkonċerna t-tliet sottogruppi ta’ prodotti, it-tieni nett, billi astjeniet, bi żball, u mingħajr ma esponiet il-motivi, li tieħu inkunsiderazzjoni l-inqas gravità tal-parteċipazzjoni ta’ Roca għall-ksur, li kienet tirrigwarda biss żewġ sottogruppi ta’ prodotti, li dawk l-impriżi li kienu jkopru t-tliet sottogruppi ta’ prodotti, u, it-tielet nett, billi ma naqsitx, konsegwentement, il-multa li ġiet imposta fuqha.

43      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44      Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq żnaturament tal-fatti sa fejn il-Qorti Ġenerali, fil-punt 131 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li, minħabba l-appartenenza tagħha għall-grupp Roca, Roca kellha konjizzjoni tal-portata materjali tal-ksur, li kienet tirrigwarda t-tliet sottogruppi ta’ prodotti, għandu jitfakkar li, fid-dawl tan-natura eċċezzjonali ta’ lment ibbażat fuq l-iżnaturament tal-fatti u tal-provi, l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regolamenti tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jimponu, b’mod partikolari, lir-rikorrenti li tindika b’mod preċiż il-provi li ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u li turi l-iżbalji tal-analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, wassluha għal dan l-iżnaturament. Tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (digriet tas-7 ta’ Mejju 2015, Adler Modemärkte vs UASI, C‑343/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:310, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Issa, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-konstatazzjoni li tidher fil-punt 131 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma żnaturat id-deċiżjoni kkontestata, iżda bbażat fuq il-punt 870 tagħha.

46      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma wrietx li l-Qorti Ġenerali kienet żnaturat il-fatti u l-provi inklużi fil-proċess. F’dan ir-rigward, kien jappartjeni għar-rikorrenti li turi li ma kellhiex konjizzjoni tal-portata materjali tal-ksur ikkritikat. Issa din sempliċement, fl-istadju tal-appell, issostni tali allegazzjoni, mingħajr ma tipproduċi ebda prova li tappoġġjaha.

47      Għaldaqstant, huwa bi żball li Roca ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u l-provi billi kkunsidrat li kellha konjizzjoni tal-portata materjali tal-ksur inkwistjoni minħabba l-appartenenza tagħha għall-grupp Roca.

48      Minn dan isegwi wkoll li l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, li huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li tgħid li l-Qorti Ġenerali kkonstatat bi żball li Roca kellha konjizzjoni tal-portata materjali tal-ksur inkwistjoni, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

49      Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

50      Ir-rikorrenti tikkritika l-Qorti Ġenerali li kisret, b’mod partikolari fil-punti 116 sa 145 kif ukoll fil-punti 247 sa 249 tas-sentenza appellata, il-prinċipji ta’ individwalizzazzjoni tal-piena u tar-responsabbiltà personali, ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

51      Roca ssostni, essenzjalment, fl-ewwel lok, li l-punti 116 sa 145 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx il-konsegwenzi li kienet timponi l-konstatazzjoni tagħha li tgħid li l-gravità tal-parteċipazzjoni għall-ksur imputata lil Roca kienet inqas minn dik tal-parteċipanti l-oħrajn għall-akkordju, b’mod partikolari billi timmodula l-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” u billi tnaqqas l-ammont bażiku tal-multa. F’dan ir-rigward, is-sentenza appellata ma kinitx topera b’distinzjoni, ħlief fir-rigward tal-portata ġeografika tal-parteċipanti għall-ksur, bejn il-gravità tal-aġir ta’ Roca, li ma kkontribwixxietx la lil ġenesi ta’ dan l-akkordju u lanqas liż-żamma tiegħu, u l-gravità tal-aġir tal-impriżi li jifforma l-“għadma iebsa” tal-impriżi parteċipanti, skont in-natura tal-aġir rispettiv tagħhom. Konformement mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, il-Qorti Ġenerali kellha, billi tapplika, għal Roca, koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” inqas għoljin minn dawk applikati għall-imsemmija impriżi, tnaqqas l-ammont bażiku tal-multa imposta, dan iktar u iktar li rrikonoxxiet hija stess, fil-punti 139, 247 u 248 tas-sentenza appellata, li l-inqas gravità tal-aġir ta’ Roca kellha tiġi tradotta minn applikazzjoni ta’ tali koeffiċjenti. Issa, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-inqas gravità tal-parteċipazzjoni ta’ Roca għall-ksur meta mqabbla ma’ dik ta’ parteċipanti oħrajn la billi timmodifika dawn il-koeffiċjenti u lanqas minħabba ċirkustanzi attenwanti.

52      Fit-tieni lok, l-inqas gravità tal-parteċipazzjoni ta’ Roca għall-ksur, b’nuqqas, kellha titqies bħala ċirkustanza attenwanti, fis-sens tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006. Issa, fil-punti 141 sa 143 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, peress li bbażat ruħha fuq interpretazzjoni restrittiva u żbaljata wisq ta’ din id-dispożizzjoni, ċaħdet kull tnaqqis tal-multa fuq din il-bażi.

53      Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni billi affermat, fil-punt 135 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma tbegħditx mill-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa prevista mil-Linji gwida tal-2006.

54      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Barra minn hekk, għalkemm tikkunsidra li korrettament il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, hija tqis, sostanzjalment, li l-premessa miżmuma mill-Qorti Ġenerali, li tgħid li l-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” applikati lir-rikorrenti, li pparteċipat fil-ksur biss għall-parti Franċiża tagħha, kellha tkun differenti minn dawk miżmuma minn membri oħrajn ta’ dan l-akkordju li pparteċipaw fil-ksur fit-territorju tas-sitt Stati Membri u għat-tliet sottogruppi ta’ prodotti, hija ineżatta. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħmel sostituzzjoni tal-motivi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

55      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tistħarreġ il-mod li bih il-Kummissjoni evalwat f’kull każ partikolari l-gravità tal-aġir illegali. Fil-kuntest tal-appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala suġġett, minn naħa, li jeżamina sa fejn il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod legalment korrett, il-fatturi kollha essenzjali għall-evalwazzjoni tal-gravità ta’ aġir determinat fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u, min-naħa l-oħra, li tivverifika jekk il-Qorti Ġenerali rrispondietx bi dritt meħtieġ għall-argumenti kollha invokati insostenn tat-talba tat-trażżin tal-multa jew tat-tnaqqis tal-ammont tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C-185/95 P, EU:C:1998:608, punt 128; tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 244, kif ukoll tal-5 ta’ Diċembru 2013, Solvay Solexis vs Il‑Kummissjoni, C‑449/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:802, punt 74).

56      Issa, sa fejn, permezz tat-tieni aggravju tagħha, Roca tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma kellhiex, kemm matul l-eżerċizzju tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, fil-punti 116 sa 145 tas-sentenza appellata, kif ukoll f’dik tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha għall-iffissar tal-ammont tal-multa, fil-punti 247 sa 249 ta’ din is-sentenza, fid-dawl tal-fatt li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-ksur ikkonstatat kienet inqas gravi minn dik tal-impriżi li kkostitwixxew l-“għadma iebsa” tal-akkordju, għandu jiġi enfasizzat li ma jappartjenix għall-Qorti tal-Ġustizzja, meta tagħti deċiżjoni fuq kwistjonijiet ta’ dritt fil-kuntest ta’ appell, li tissostitwixxi, għall-motivi ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti Ġenerali li tirregola, fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, fuq l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba l-ksur, minnhom, tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 245, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2013, Gosselin Group vs Il‑Kummissjoni, C‑429/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:463, punt 87).

57      Barra minn hekk, għandu wkoll jitfakkar li, għad-determinazzjoni tal-ammonti tal-multi, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur u tal-provi kollha ta’ natura li jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tagħha (sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 240, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 98).

58      Jidhru, fost il-provi ta’ natura li jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, l-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol li kull waħda minnhom kellu fl-istabbiliment tal-akkordju, il-profitt li setgħu jisiltu minnu, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li l-ksur ta’ dan it-tip jirrappreżentaw għall-għanijiet tal-Unjoni Ewropea (sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 242, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 100).

59      Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali kkonfermat, fil-punt 131 tas-sentenza appellata, il-materjalità tal-provi li jikkostitwixxu l-ksur miżmum mill-Kummissjoni. B’dan il-mod, hija kkonstatat li Roca pparteċipat fi ksur li jikkonsisti fl-implementazzjoni ta’ koordinazzjoni ta’ żidiet futuri fil-prezzijiet u li, minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-grupp Roca, kellha konjizzjoni tal-portata tal-ksur kemm materjali kif ukoll ġeografiku. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni setgħet, skont il-punti 21 sa 23 u 25 tal-Linji gwida tal-2006, ġustament tikkunsidra li l-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ta’ 15 % kienu xierqa.

60      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li hija ma kinitx tappartjeni għall-“għadma iebsa” tal-akkordju għar-raġuni, b’mod partikolari, li hija ma kkontribwixxietx għall-ġenesi u għaż-żamma tagħha.

61      Issa, anki jekk wieħed jippreżumi li dawn iċ-ċirkustanzi huma stabbiliti, dawn ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, juru li l-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li l-koeffiċjenti “gravità tal-ksur’’ u “ammont addizzjonali” bir-rata ta’ 15 % ma humiex xierqa jew għoljin wisq, peress li tali perċentwali kien iġġustifikat minħabba l-unika natura tal-ksur inkwistjoni, jiġifieri l-implementazzjoni ta’ koordinazzjoni ta’ żidiet fil-prezz. Fil-fatt, tali ksur inkunsiderazzjoni fost ir-restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni l-iktar gravi fis-sens tal-punti 23 u 25 tal-Linji gwida tal-2006 u tali rata ta’ 15 % tikkorrispondi għall-inqas rata fl-iskala tal-penalitajiet previsti għal tali ksur bis-saħħa ta’ dawn il-linji gwida (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punti 124 u 125, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 125).

62      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali setgħet, ġustament, tikkunsidra, fil-punti 131 u 246 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ffissat il-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” għal rata ta’ 15 %, minkejja l-portata geografika mnaqqsa tal-parteċipazzjoni tar-rikorrent fil-ksur inkwistjoni.

63      Fit-tieni lok, sa fejn Roca tikkritika l-Qorti Ġenerali li, minkejja li kkonstatat li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur kienet inqas gravi minn dawk ta’ parteċipanti oħrajn, inżammu, fir-rigward tagħha, l-imsemmija koeffiċjenti u kif kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi kkonstatat, kif issostni sostanzjalment il-Kummissjoni, li l-motivi li jinsabu fil-punti 138 u 139 kif ukoll 247 u 248 tas-sentenza appellata, li jgħidu li, minn naħa, ksur li jkopri t-territorji tas-sitt Stati Membri u tliet sottogruppi ta’ prodotti għandu jiġi kkunsidrat bħala iktar gravi minn ksur, bħal dik inkwistjoni, imwettaq fit-territorju biss ta’ Stat Membru u, min-naħa l-oħra, l-impriżi li ħadu sehem f’dan l-ewwel ksur kellhom, minħabba dan il-fatt biss, jiġu imposti multa kkalkolata fuq il-bażi ta’ koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ogħla minn dawk applikati għar-rikorrenti, huma vvizzjati bi żball tal-liġi.

64      Fil-fatt, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali”, mill-punti 22 u 25 tal-Linji gwida tal-2006 jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, b’mod partikolari dawk identifikati fil-punt 22 ta’ dawn il-linji gwida. Jekk, biex wieħed jevalwa l-gravità ta’ ksur u, sussegwentement, li wieħed jiffissa l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari l-portata ġeografika tal-ksur, l-unika ċirkustanza li ksur ikopri portata ġeografika ikbar minn oħra ma jistax neċessarjament jimplika li dan l-ewwel ksur, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, u b’mod partikolari fid-dawl tan-natura tiegħu, għandu jiġi kkwalifikat bħala iktar gravi mit-tieni u bħala li jiġġustifika, b’hekk, l-iffissar tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ogħla minn dawk miżmuma għall-kalkolu tal-multa li tissanzjona dan it-tieni ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica uTelefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 178).

65      Madankollu, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit mill-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan il-prinċipju jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 51).

66      Il-Qorti Ġenerali hija obbligata tosserva dan il-prinċipju mhux biss fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multi, iżda wkoll fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ tali kompetenza ma jistax iwassal, waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi li huma imposti fuqhom, għal diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ftehim jew fi prattika miftiehma kuntrarji għall-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker‑Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 77).

67      Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-teħid inkunsiderazzjoni, biex tiġi evalwata l-gravità ta’ ksur, bis-saħħa tal-istess prinċipju, ta’ differenzi bejn impriżi li pparteċipaw għall-istess akkordju, b’mod partikolari fid-dawl tal-portata ġeografika tal-parteċipazzjonijiet rispettivi tagħhom, ma għandux neċessarjament jintervjeni matul l-iffissar tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali”, iżda jista’ jintervjeni għal stadju ta’ kalkolu ieħor tal-multa, bħal matul l-aġġustament tal-ammont bażiku skont ċirkustanzi attenwanti u aggravanti, skont punti 28 u 29 tal-Linji gwida tal-2006 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2013, Gosselin Group vs Il‑Kummissjoni, C‑429/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:463, punti 96 sa 100, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punti 104 u 105).

68      Kif il-Kummissjoni osservat, tali differenzi jistgħu wkoll jidhru permezz tal-valur tal-bejgħ miżmum biex jiġi kkalkolat l-ammont bażiku tal-multa sa fejn dan il-valur jirrifletti, għal kull impriża parteċipanti, l-importanza tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni, konformement mal-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, li jippermetti li jieħu bħala punt ta’ partenza għall-kalkolu tal-multi ammont li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż tal-impriża fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 76).

69      Konsegwentement, sa fejn huwa stabbilit li l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti ġie ddeterminat skont il-valur tal-bejgħ tal-prodotti li jappartjenu għaż-żewġ sottogruppi ta’ prodotti, komposti minn oġġetti taċ-ċeramika u viti u fittings, imwettqa mir-rikorrenti fit-territorju Franċiż, il-Qorti Ġenerali setgħet, fil-punti 138 u 139 kif ukoll 247 u 248 tas-sentenza appellata, tiffissa għal 15 % ta’ dan il-valur ir-rata tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali”, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

70      Minkejja li minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 138 u 139 kif ukoll 247 u 248 tas-sentenza appellata, hija vvizzjata minn żbalji tal-liġi, hemm lok li jitfakkar li, għalkemm il-motivi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jaħbu ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda li d-dispożittiv tiegħu jidher fondat għall-motivi oħrajn tad-dritt, tali ksur ma huwiex ta’ natura li jwassal għal annullament ta’ din id-deċiżjoni u hemm lok ta’ sostituzzjoni ta’ motivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il‑Kummissjoni, C‑30/91 P, EU:C:1992:252, punt 28, kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 187 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Issa, kif jirriżulta mill-motivi stabbiliti fil-punti 64 sa 69 ta’ din is-sentenza, li għandhom jiġu ssostitwiti għal dawk miżmuma mill-Qorti Ġenerali, dan huwa l-każ inkwistjoni.

72      Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud it-tieni aggravju sa fejn jilmenta lill-Qorti Ġenerali li wettqet żbalji tad-dritt u, b’mod partikolari, li kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba li, huwa tort għall-Qorti Ġenerali li applikat għar-rikorrenti koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” inqas għoljin minn dawk applikati lill-impriżi li l-parteċipazzjoni tagħhom għall-ksur kienet iktar gravi, ma tteħidx inkunsiderazzjoni, fis-sentenza appellata, l-inqas gravità tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-ksur.

73      Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni u kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi kkonstatat, fil-punt 183 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma telqitx mill-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa prevista mil-Linji gwida tal-2006, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali għaddiet għad-deskrizzjoni ta’ dan il-metodu, fil-punti 121 u 122 tas-sentenza appellata, fi kliem ġenerali, kif ukoll għal dik tal-applikazzjoni tagħha mill-Kummissjoni f’dan il-każ, għall-punti 124 sa 126 tal-imsemmija sentenza.

74      Għaldaqstant, tali lment ma jistax jintlaqa’.

75      Finalment, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni, skont iċ-ċirkustanzi attenwanti fis-sens tat-tielet inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006, tal-inqas gravità tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-ksur għal dik tal-parteċipanti l-oħra, huwa stabbilit li Roca sempliċement targumenta, quddiem il-Qorti Ġenerali, in-natura limitata tal-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur ikkonstatat.

76      Issa, bis-saħħa tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006, ir-rikorrenti kellha, sabiex tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba tali ċirkustanzi attenwanti, turi li hija kienet effettivament evitat l-applikazzjoni tal-ftehimiet ta’ ksur ikkonċernati billi adottat aġir ta’ kompetizzjoni fis-suq, prova li r-rikorrenti ma pproduċietx, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 143 tas-sentenza appellata.

77      Fi kwalunkwe każ, tali evalwazzjoni tal-provi ma tistax, bla ħsara għall-każ taż-żnaturament tagħhom, li ma ġietx invokata f’dan il-każ, titqiegħed fid-dubju fil-kuntest ta’ appell (ara, f’dan is-sens,is-sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2011, Media-Saturn-Holding vs UASI, C‑92/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:15, punt 27; tal-10 ta’ Lulju 2014, Il-Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑391/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2061, punti 28 u 29,kif ukoll tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il‑Kummissjoni, C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 40).

78      Minn dan isegwi li l-ilment marbut mal-eżami mill-Qorti Ġenerali taċ-ċirkustanzi attenwanti fis-sens tat-tielet inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006 għandu jiġi miċħud.

79      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li hemm lok li t-tieni aggravju jiġi miċħud u, għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

80      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, din tal-aħħar tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

81      Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża hija kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellanti tilfet l-aggravji tagħha u l-Kummissjoni talbet li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hemm lok li huma tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Roca SARL hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


** Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.