Language of document : ECLI:EU:C:2017:54

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta’ Jannar 2017 (*)

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea – Koordinazzjoni tal-prezzijiet u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva – Ksur uniku – Prova – Multi – Ġurisdizzjoni sħiħa – Terminu raġonevoli – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C-626/13 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid-29 ta’ Novembru 2013,

Villeroy & Boch Austria GmbH, stabbilita f’Mondsee (l-Awstrija), irrappreżentata minn A. Reidlinger u J. Weichbrodt, avukati,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Kellerbauer, L. Malferrari u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, M. Berger, E. Levits, S. Rodin (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Settembru 2015,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Villeroy & Boch Austria GmbH (iktar ’il quddiem “Villeroy & Boch Awstrija”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Settembru 2013, Villeroy & Boch Austria et vs Il‑Kummissjoni (T‑373/10, T‑374/10, T‑382/10 u T‑402/10, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2013:455), peress li, permezz ta’ din is-sentenza, din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39092 – Installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), sa fejn din kienet tikkonċernaha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

2        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jipprevedi fl-Artikolu 23(2) u (3) tiegħu:

“2.      Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

(a)      jiksru l-Artikolu [101 jew 102 TFUE] […]

[…]

Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kmmerċjali preċedenti.

[…]

3.      Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.”

 Il-Linji gwida tal-2006

3        Il-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”) jindikaw fil-punt 2 tagħhom li, f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-multi, “il-Kummissjoni għandha tikkunsidra t-tul u l-gravità tal-ksur” u li “l-multa imposta ma għandhiex taqbeż il-limiti indikati fit-tieni u fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Il-punt 37 tal-Linji gwida tal-2006 jistabbilixxi:

“Peress li l-linji gwida preżenti jesponu l-metodoloġija ġenerali għall-iffissar ta’ multi, il-partikolaritajiet ta’ kawża partikolari jew in-neċessità li jintlaħaq livell dissważiv f’kawża partikolari tista’ tiġġustifika li l-Kummissjoni titbiegħed minn din il-metodoloġija jew mil-limiti stabbiliti fil-punt 21.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

5        Il-prodotti kkonċernati mill-akkordju huma l-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju li jagħmlu parti mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti li ġejjin, jiġifieri viti u fittings, diviżorji tad-doċċa u l-aċċessorji tagħhom kif ukoll oġġetti taċ-ċeramika (iktar ’il quddiem it-“tliet sottogruppi ta’ prodotti”).

6        Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew imsemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 19 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu sunti hekk kif ġej.

7        Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 19, p. 146, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju. Dan il-ksur, li pparteċipaw fih 17-il kumpannija, seħħ matul perijodi differenti bejn is-16 ta’ Ottubru 1992 u d-9 ta’ Novembru 2004 u ħa l-forma ta’ sett ta’ ftehimiet antikompetittivi jew prattiki miftiehma fit-territorju Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak.

8        Iktar preċiżament, il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-ksur ikkonstatat kien jikkonsisti, l-ewwel nett, fil-koordinazzjoni, mill-imsemmija produtturi tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, taż-żidiet fil-prezzijiet annwali u ta’ elementi oħra ta’ tariffikazzjoni, fil-kuntest ta’ laqgħat regolari fi ħdan l-assoċjazzjonijiet nazzjonali professjonali, it-tieni nett, fl-iffissar jew fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet fl-okkażjoni ta’ okkorrenzi speċifiċi bħaż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima, l-introduzzjoni tal-Euro kif ukoll tat-taxxi tat-toroq, u t-tielet nett, fl-iżvelar u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li l-iffissar tal-prezzijiet fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju kien isegwi ċiklu annwali. F’dan il-kuntest, il-produtturi jistabbilixxu l-lista ta’ prezzijiet tagħhom, li ġeneralment jibqgħu fis-seħħ għal sena u kienu jservu bħala l-bażi għar-relazzjonijiet kummerċjali mal-grossisti.

9        Villeroy & Boch Awstrija kif ukoll ir-rikorrenti l-oħra fl-ewwel istanza, Villeroy & Boch AG (iktar ’il quddiem “Villeroy & Boch”), Villeroy & Boch SAS (iktar ’il quddiem “Villeroy & Boch Franza”) u Villeroy & Boch Belgium SA (iktar ’il quddiem “Villeroy & Boch Belġju”), joperaw fis-settur tat-tagħmir sanitarji għall-kmamar tal-banju. Villeroy & Boch iżżomm il-kapital kollu ta’ Villeroy & Boch Awstrija, ta’ Villeroy & Boch Franza, ta’ Villeroy & Boch Belġju, ta’ Ucosan BV u tas-sussidjarji tagħha kif ukoll ta’ Villeroy & Boch SARL.

10      Fil-15 ta’ Lulju 2004, Masco Corp. u s-sussidjarji tagħha, fosthom Hansgrohe AG, li tipproduċi viti u fittings, u Hüppe GmbH, li tipproduċi diviżorji tad-doċċa, informaw lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ akkordju fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju u talbu sabiex jibbenefikaw mill-immunità minn multi skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni”) jew, fin-nuqqas ta’ dan, minn tnaqqis tal-ammont tal-multi li setgħu jiġu imposti fuqhom. Fit-2 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tagħti immunità kundizzjonali mill-multa favur Masco, konformement mal-punt 8(a) u mal-punt 15 ta’ dan l-avviż.

11      Fid-9 u fl-10 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet mingħajr preavviż fl-istabbilimenti ta’ diversi kumpanniji u assoċjazzjonijiet nazzjonali professjonali li joperaw fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju.

12      Fil-15 u fid-19 ta’ Novembru 2004, Grohe Beteiligungs GmbH u s-sussidjarji tagħha kif ukoll American Standard Inc. (iktar ’il quddiem “Ideal Standard”) rispettivament talbu sabiex jibbenefikaw mill-immunità minn multi skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan, mit-tnaqqis tal-ammont tagħhom.

13      Peress li, fil-perijodu bejn il-15 ta’ Novembru 2005 u s-16 ta’ Mejju 2006, hija indirizzat talbiet għal informazzjoni lil diversi minn dawn il-kumpanniji u assoċjazzjonijiet li joperaw fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, inklużi r-rikorrenti fl-ewwel istanza, il-Kummissjoni, fis-26 ta’ Marzu 2007, adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ġiet innotifikata lilhom.

14      Fis-17 u fid-19 ta’ Jannar 2006, Roca SARL kif ukoll Hansa Metallwerke AG u s-sussidjarji tagħha rispettivament talbu wkoll sabiex jibbenefikaw mill-immunità minn multi skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan, mit-tnaqqis tal-ammont tagħhom. Fl-20 ta’ Jannar 2006, Aloys F. Dornbracht GmbH & Co. KG Armaturenfabrik ressqet talba simili.

15      Wara seduta li saret mit-12 sal-14 ta’ Novembru 2007, li fiha pparteċipaw ir-rikorrenti fl-ewwel istanza, dwar ittra ta’ spjegazzjoni tal-fatti tad-9 ta’ Lulju 2009, li tiġbed l-attenzjoni tagħhom għal ċerti provi li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tibbaża ruħha fuqhom fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali u t-talbiet għall-informazzjoni supplimentari li ġew indirizzati sussegwentement, b’mod partikolari, lil dawn ir-rikorrenti, fit-23 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, hija kkunsidrat li l-prattiki deskritti fil-punt 8 ta’ din is-sentenza kienu jagħmlu parti minn pjan globali intiż li jirrestrinġi l-kompetizzjoni bejn id-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni u li għandhom il-karatteristiċi ta’ ksur uniku u kontinwu, li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ikopri t-tliet sottogruppi ta’ prodotti u jestendi għat-territorju Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak. F’dan ir-rigward, din l-istituzzjoni b’mod partikolari enfasizzat il-fatt li dawn il-prattiki kienu konformi ma’ mudell repetut li kien ikkonfermat li kien l-istess f’sitt Stati Membri koperti mill-investigazzjoni tagħha. Hija nnotat ukoll l-eżistenza ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali professjonali li jikkonċernaw it-tliet sottogruppi ta’ prodotti kollha kemm huma, li hija semmiet “organi ta’ koordinazzjoni”, ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali professjonali li jinkludu membri li l-attività tagħhom kienet tikkonċerna minn tal-inqas tnejn mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti, li hija semmiet “assoċjazzjonijiet ta’ diversi prodotti”, kif ukoll ta’ assoċjazzjonijiet speċjalizzati li jinkludu membri li l-attività tagħhom kienet tirrigwarda wieħed mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti. Fl-aħħar nett, hija kkonstatat il-preżenza ta’ grupp ċentrali ta’ impriżi li pparteċipaw fl-akkordju fi Stati Membri differenti u fil-kuntest ta’ organi ta’ koordinazzjoni u ta’ assoċjazzjonijiet ta’ diversi prodotti.

16      Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu pparteċipaw fil-ksur inkwistjoni bħala membri tal-assoċjazzjonijiet li ġejjin, jiġifieri l-IndustrieForum Sanitär, li mis-sena 2001 issostitwixxiet il-Freundeskreis der deutschen Sanitärindustrie, l-Arbeitskreis Baden und Duschen, li mis-sena 2003 issostitwixxiet l-Arbeitskreis Duschabtrennungen u l-Fachverband Sanitär-Keramische Industrie fil-Ġermanja, l-Arbeitskreis Sanitärindustrie (iktar ’il quddiem l-“ASI”) fl-Awstrija, il-Vitreous China-group fil-Belġju, is-Sanitair Fabrikanten Platform fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-Association française des industries de céramique sanitaire fi Franza. Fir-rigward tal-ksur imwettaq fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni essenzjalment ikkonstatat, fil-premessa 1179 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-impriżi li pparteċipaw ma setgħux jiġu imposti multa fir-rigward ta’ dan minħabba l-preskrizzjoni.

17      Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni elenkat l-impriżi ssanzjonati għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE mill-1 ta’ Jannar 1994, minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom f’akkordju fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Italja, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fl-Awstrija għal perijodi differenti bejn is-16 ta’ Ottubru 1992 u d-9 ta’ Novembru 2004. Fir-rigward tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, il-Kummissjoni ssanzjonat, fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni, lil Villeroy & Boch għall-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur uniku mit-28 ta’ Settembru 1994 sad-9 ta’ Novembru 2004 u lis-sussidjarji tagħha Villeroy & Boch Awstrija, Villeroy & Boch Belġju u Villeroy & Boch Franza għall-perijodi mit-12 ta’ Ottubru 1994 sad-9 ta’ Novembru 2004 l-iktar tard.

18      Fl-Artikolu 2(8) tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni imponiet multi, l-ewwel nett, fuq Villeroy & Boch, ta’ EUR 54 436 347, it-tieni nett fuq Villeroy & Boch u fuq Villeroy & Boch Awstrija in solidum, ta’ EUR 6 083 604, it-tielet nett fuq Villeroy & Boch u fuq Villeroy & Boch Belġju in solidum, ta’ EUR 2 942 608, u r-raba’ nett, fuq Villeroy & Boch u fuq Villeroy & Boch Franza in solidum, ta’ EUR 8 068 441. L-ammont totali tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kien għalhekk jammonta għal EUR 71 531 000.

19      Sabiex tikkalkola dawn il-multi, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-Linji gwida tal-2006.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Settembru 2010, l-appellanti ppreżentat rikors fil-Kawża T‑373/10 intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn kienet tikkonċernaha jew, sussidjarjament, intiż sabiex jitnaqqas l-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha.

21      Insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament, l-appellanti sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni bi żball kienet ikklassifikat il-ksur ikkonstatat bħala ksur uniku, kumpless u kontinwu, u li, sussidjarjament, billi għamlet hekk, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni billi ma indikatx b’mod preċiż biżżejjed is-swieq inkwistjoni. Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li hija kienet ipparteċipat f’akkordju fis-suq Awstrijak. F’dan ir-rigward, l-appellanti invokat l-assenza ta’ provi ta’ ksur fl-Awstrija. Fl-aħħar nett, hija kkontestat in-natura in solidum tal-multa imposta fuqha u sostniet li l-kalkolu ta’ din kien ivvizzjat bi żball ta’ evalwazzjoni, li din il-multa kellha titnaqqas fid-dawl tat-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva u peress li kienet sproporzjonata.

22      Sussidjarjament, l-appellanti ppreżentat talbiet għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta.

23      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu.

 It-talbiet tal-partijiet

24      L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata kollha kemm hija, sa fejn, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha;

–        sussidjarjament, tannulla parzjalment is-sentenza appellata;

–        iktar sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha;

–        iktar sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell kollu kemm hu bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondat u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

26      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem erba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tal-allegat ksur allegatament imwettaq fl-Awstrija. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi minn din il-qorti fil-konstatazzjoni ta’ ksur kumpless u kontinwu. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx is-setgħa ta’ stħarriġ sħiħ tagħha sabiex tistħarreġ l-ammont tal-multa imposta. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq l-ewwel aggravju bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata fir-rigward tal-allegat ksur imwettaq fl-Awstrija

 L-argumenti tal-partijiet

27      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma ġuridikament żbaljati f’dak illi jikkonċernaw l-allegat ksur materjali mwettaq fl-Awstrija, matul il-perijodu bejn it-12 ta’ Ottubru 1994 u d-9 ta’ Novembru 2004, u għaldaqstant dawn għandhom jiġu miċħuda.

28      Fir-rigward, b’mod partikolari s-sena 1994, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 175 u 176 tas-sentenza appellata, tat interpretazzjoni wiesgħa lill-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, sabiex hekk bidlet il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża bi ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, il-Kummissjoni ma kinitx identifikat, fil-premessi 299 sa 301 ta’ din id-deċiżjoni, li matul il-laqgħat tal-ASI li seħħew matul is-sena 1994, ma qamitx biss il-kwistjoni dwar id-diviżorji tad-doċċa u l-viti u l-fittings, iżda wkoll dwar oġġetti taċ-ċeramika għall-kmamar tal-banju.

29      Dwar is-snin 1995 sa 1997, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 185, 190 u 196 tas-sentenza appellata, kienet osservat li l-appellanti pparteċipat f’diskussjonijiet illegali fil-laqgħat li saru fis-16 ta’ Novembru 1995, fit-23 ta’ April 1996 u fil-15 ta’ Ottubru 1997.

30      Madankollu, fir-rigward tal-laqgħa li saret fis-16 ta’ Novembru 1995, l-appellanti essenzjalment issostni li din it-talba hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi, u dan jekk biss minħabba li l-Qorti Ġenerali ma weġbitx għall-argumenti kollha tagħha. L-osservazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 189 et seq. tas-sentenza appellata, dwar il-laqgħa tat-23 ta’ April 1996, li jindikaw li ma huwiex ta’ rilevanza li d-diskussjoni inkwistjoni kienet ġiet organizzata fuq talba tal-bejjiegħa bl-ingrossa, hija wkoll ivvizzjata bi żbalji ta’ liġi, peress li teżisti spjegazzjoni alternattiva għal kollox leġittima dwar il-prattiki kkontestati, li l-grossisti fil-qasam tal-oġġetti għall-kmamar tal-banju speċifikament jeħtieġu l-introduzzjoni ta’ listi annwali tal-prezzijiet sa ċertu data sabiex wara jkunu jistgħu jippubblikaw il-katalogi tagħhom. Fir-rigward tal-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 194 tas-sentenza appellata, barra minn hekk marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ tal-legalità previst mill-Artikolu 263 TFUE peress li bbażat fuq raġunijiet li ma kinux fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni.

31      Għas-sena 1998, l-osservazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 197 et seq. tas-sentenza appellata, dwar l-allegata parteċipazzjoni tal-appellanti għal ksur tad-dritt tal-akkordji, huma wkoll ivvizzjati bi żball ta’ liġi peress li kontradittorji. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kienet osservat, fil-punti 197 sa 202 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova tal-parteċipazzjoni tal-appellanti f’diskussjonijiet li jmorru kontra d-dritt tal-kompetizzjoni matul is-sena 1998. B’mod partikolari, ix-xhieda ta’ Masco ma ppermettietx li tali parteċipazzjoni tiġi pprovata. Huwa illoġiku li l-Qorti Ġenerali sussegwentement tibbaża fuq l-istess xhieda ta’ Masco, fil-punt 203 ta’ din l-istess sentenza, sabiex tipprova li l-appellanti ma tbegħditx mill-prattiki illegali matul is-sena 1998. Barra minn hekk, la din it-testimonjanza u lanqas l-indizji l-oħra msemmija fil-punt 203 ma jippermettu li tiġi pprovata l-assenza ta’ tbegħid tal-appellanti. Il-Qorti Ġenerali għalhekk kisret ukoll il-prinċipji legali stabbiliti mill-ġurisprudenza, li sensiela ta’ indizji ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li din il-laqgħa hija kontra n-natura tad-dritt tal-kompetizzjoni peress li ma turix in-natura sistematika tal-laqgħat kif ukoll il-kontenut antikompetittiv tagħhom u li dan huwa ssostanzjat mid-dikjarazzjoni ta’ impriża b’valur probatorju sostanzjali. L-ebda waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ma hija ssodisfatta f’din il-kawża.

32      Fir-rigward tas-sena 1999, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 208 tas-sentenza appellata, li l-provi prodotti mill-Kummissjoni, jiġifieri l-minuti bil-miktub tal-laqgħa tal-ASI tas-6 ta’ Settembru 1999 li kienu redatti minn Ideal Standard, jistabbilixxu suffiċjentement skont il-liġi l-parteċipazzjoni tal-appellanti f’diskussjonijiet illegali, huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi. Fil-fatt, ix-xhieda ta’ impriża li tkun talbet għal tnaqqis tal-multa skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni ma tikkostitwixxix prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur meta l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn diversi impriżi akkużati oħra.

33      Fir-rigward tas-sena 2000, il-Qorti Ġenerali kienet stmat, billi bbażat fuq ir-rapport tal-laqgħa tal-ASI tat-12 u tat-13 ta’ Ottubru 2000, fil-punt 214 tas-sentenza appellata, li, minkejja l-assenza ta’ provi diretti tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fl-aġiri antikompetittivi matul din is-sena, “għandu jiġi rrilevat li l-effetti tad-diskussjonijiet illegali, li nżammu fl-1999, kienu implementi matul is-sena 2000”. Issa dan-ir-rapport, li barra minn hekk il-Qorti Ġenerali tagħti interpretazzjoni żbaljata tiegħu, ma jikkostitwixxix prova suffiċjenti f’dan ir-rigward.

34      Fir-rigward tas-sena 2001, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 214 sa 218 tas-sentenza appellata, li kien hemm parteċipazzjoni mill-appellanti f’diskussjonijiet illegali għar-raġuni waħdanija li l-allegati diskussjonijiet illegali matul is-sena 2000 kienu komplew jipproduċu l-effetti tagħhom. Sabiex timmotiva l-osservazzjonijiet tagħha, il-Qorti Ġenerali rreferiet ruħha għall-premessi 652 sa 658 tad-deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr ma spjegat kif l-osservazzjonijiet li tirreferi għalihom huma konvinċenti.

35      Għal dak li jikkonċerna s-snin 2002 u 2003, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx l-allegazzjonijiet tal-appellanti.

36      Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-sena 2004, l-osservazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punt 228 tas-sentenza appellata huma kontradittorji u vvizzjati bi żball ta’ liġi. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali f’dan il-punt kienet ikkunsidrat li l-appellanti, li ma pparteċipatx fil-laqgħa tal-ASI tat-22 ta’ Jannar 2004, ġiet informata permezz tar-rapport ta’ din il-laqgħa, bid-deċiżjonijiet tal-kompetituri tagħha f’din il-laqgħa, meta, fil-punt 212 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-fatt li l-minuti tal-laqgħat tal-ASI kellhom bħala prinċipju jintbagħtu lill-membri kollha ta’ din l-assoċjazzjoni ma tistabbilixxix, waħedha, li l-appellanti effettivament saret taf b’dan.

37      Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel aggravju jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

38      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka diversi żbalji fil-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ksur allegatament imwettaq mill-Awstrija bejn it-12 ta’ Ottubru 1994 u d-9 ta’ Novembru 2004.

39      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argumenti tal-appellanti relatati mas-sena 1994, huwa ċar li f’dan il-każ l-appellanti sempliċement tirriproduċi l-argumenti mressqa fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali. Dan huwa wkoll il-każ fir-rigward tal-argumenti dwar il-laqgħa tat-23 ta’ April 1996.

40      Issa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li qed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. Dan il-kriterju ma jkunx issodisfatt minn appell li, mingħajr ma jinkludi argument li speċifikament jidentifika l-iżball ta’ liġi li allegatament jivvizzja s-sentenza appellata, sempliċement jirriproduċi l-motivi u l-argumenti li jkunu diġà tressqu quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, tali appell fil-verità jikkostitwixxi talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, ħaġa li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni li tagħmel (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 2005, Eurocermex vs UASI, C‑286/04 P, EU:C:2005:422, punti 49 u 50, kif ukoll tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punti 49 u 50).

41      Għaldaqstant, l-argumenti tal-appellanti dwar is-sena 1994 u l-laqgħa tat-23 ta’ April 1996 għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

42      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-argumenti tal-appellanti dwar il-laqgħat li saru fis-16 ta’ Novembru 1995 u fil-15 ta’ Ottubru 1997, essenzjalment ibbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix lill-Qorti Ġenerali li tipprovdi preżentazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha msemmija mill-partijiet fit-tilwima. Il-motivazzjoni tista’ għaldaqstant tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet għaliex il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddisponi minn elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑431/07 P, EU:C:2009:223, punt 42, kif ukoll tat-22 ta’ Mejju 2014 Armando Álvarez vs Il‑Kummissjoni, C‑36/12 P, EU:C:2014:349, punt 31).

43      Issa, f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 180 sa 185 u 192 sa 196 tas-sentenza appellata, eżaminat u ċaħdet l-argumenti tal-appellanti dwar il-ksur imwettaq mill-Awstrija fir-rigward ta’ dawn il-laqgħat differenti. Għal kull wieħed minnhom, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-provi rilevanti u għad-deċiżjoni kontenzjuża qabel ma ċaħdet l-argument tal-appellanti bħala infondat. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali mmotivat is-sentenza appellata.

44      Għaldaqstant, l-argumenti tal-appellanti msemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza għandhom jiġu miċħuda.

45      Għal dak li jirrigwarda l-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997, għandu jiġi miċħud l-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali bbażat fuq raġunijiet li ma kinux inklużi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 194 tas-sentenza appellata, ibbażat ruħha fuq il-motivi msemmija fil-punti 295 u 307 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Issa, l-appellanti ma invokatx, quddiem il-Qorti Ġenerali, diskrepanza bejn din id-deċiżjoni u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fuq dan il-punt. Konsegwentement, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 54), ma tistax tinvoka tali argument fl-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

46      Fir-rigward, it-tielet nett, tal-laqgħat tat-30 ta’ April u tat-18 ta’ Ġunju 1998, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 199 tas-sentenza appellata, li l-ebda prova prodotta mill-Kummissjoni ma tippermetti li tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur. Madankollu, fil-punt 203 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod ċar li, fl-assenza ta’ tbegħid pubbliku mill-appellanti u tal-fatt li l-effetti antikompetittivi tal-ftehim tal-15 ta’ Ottubru 1997 komplew jimplementaw l-effetti tagħhom matul is-sena ta’ wara, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li l-appellanti ma kinitx waqqfet milli tipparteċipa fil-ksur matul is-sena 1998. Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali mhux biss osservat l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni li tippermetti lill-partijiet li jikkontestaw il-motivazzjoni tagħha u lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ dan l-appell, iżda ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi fil-produzzjoni tal-provi.

47      Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, għandu jiġi enfasizzat li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tirriżulta, fil-parti l-kbira tal-każijiet, minn numru ta’ koinċidenzi u indizji li, meta jiġu kkunsidrati flimkien, fl-assenza ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, jistgħu jikkostitwixxu prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Għalhekk, fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ ksur li jestendi fuq diversi snin, il-fatt li ma ġietx prodotta l-prova diretta tal-parteċipazzjoni ta’ kumpannija f’dan il-ksur matul perijodu speċifiku ma jipprekludix li din il-parteċipazzjoni tkun ikkonstatata, ukoll matul dan il-perijodu, sakemm din il-konstatazzjoni tkun ibbażata fuq ħjiel oġġettiv u konkordanti, peress li l-assenza ta’ tbegħid pubbliku ta’ din il-kumpannija setgħet tittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Total Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, C‑634/13 P, EU:C:2015:614, punti 26 sa 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Il-Qorti Ġenerali lanqas ma kkontradixxiet jew kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni meta kkunsidrat li, minkejja li d-dikjarazzjoni ta’ Masco ma tippermettix waħedha li tiġi pprovata l-parteċipazzjoni tal-appellanti fl-iskambju ta’ informazzjoni matul is-sena 1998, hija setgħet leġittimament tittieħed inkunsiderazzjoni, fost elementi oħrajn, fil-kuntest tas-sensiela ta’ indizji konkordanti deskritti fil-punt 203 tas-sentenza appellata sabiex turi li l-appellanti ma kinitx waqqfet il-parteċipazzjoni tagħha fil-prattiki illegali għas-sena 1998.

49      Fl-aħħar nett, l-argumenti tal-appellanti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibli sa fejn dawn jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi magħmula mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali ma tistax, bħala prinċipju, tkun suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Għalhekk, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali għandha għaldaqstant ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Salzgitter vs Il‑Kummissjoni, C‑182/99 P, EU:C:2003:526, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Fir-rigward, ir-raba’ nett, tal-laqgħat li seħħew matul is-sena 1999, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif jirriżulta mill-punt 206 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni bbażat ruħha mhux biss sempliċement fuq it-talba għal klemenza ta’ Ideal Standard, iżda fuq rendikont bil-miktub tal-laqgħa tas-6 ta’ Settembru 1999, stabbilit minn rappreżentant ta’ Ideal Standard fl-istess jum tal-laqgħa li wasslet għall-ksur. Kuntrarjament għal dak li l-appellanti ssostni, din il-prova, li ma tmurx lura għad-data tat-tressiq minn din il-kumpannija tat-talba tagħha għal klemenza skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, iżda li hija kontemporanja għall-fatti, hekk kif il-Qorti Ġenerali esponiet fil-punt 207 tas-sentenza appellata, ma teħtieġ l-ebda prova oħra konkordanti. Għalhekk dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

51      F’dak li jirrigwarda, il-ħames nett, il-laqgħa tal-ASI tat-12 u tat-13 ta’ Ottubru 2000, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tal-appellanti huma bbażati fuq qari żbaljat tal-punt 214 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tallega l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha fuq ir-rendikont ta’ din il-laqgħa sabiex tikkonstata li l-effetti tad-diskussjonijiet illegali li seħħew matul is-sena 1999 kienu implementati matul is-sena 2000. Barra minn hekk, dawn l-argumenti essenzjalment jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-provi mill-Qorti Ġenerali, mingħajr ma’ din tipprova l-iżnaturament tagħhom. Għaldaqstant huma inammissibbli minħabba l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza.

52      Is-sitt nett, fir-rigward tas-sena 2001, l-argument tal-appellanti huwa wkoll ibbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata u għaldaqstant għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, jirriżulta b’mod ċar mill-punti 215 sa 218 ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali ma aċċettatx il-parteċipazzjoni tal-appellanti fid-diskussjonijiet illegali li qed isiru matul is-sena 2001 minħabba li dawk li seħħew matul is-sena 2000 komplew jipproduċu l-effetti tagħhom is-sena sussegwenti. Fil-fatt, fil-punti 215 sa 217 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-parteċipazzjoni ta’ din il-kumpannija f’diversi laqgħat matul is-sena 2001 li fihom il-parteċipanti ftehmu fuq id-data li fiha l-listi ta’ prezzijiet kienu ser jintbagħtu lill-bejjiegħa bl-ingrossa u fuq id-data taż-żieda fil-prezzijiet, kif ukoll fuq il-konsistenza ta’ dawn il-laqgħat ma’ laqgħat oħra miżmuma matul is-snin 2000 u 2001, li din il-kumpannija ma pparteċipatx fihom, iżda li matulhom il-membri tal-ASI kienu ddiskutew żidiet fil-prezzijiet mill-1 ta’ Jannar 2002.

53      Fir-rigward, is-seba’ nett, tal-argumenti tal-appellanti bbażati fuq motivazzjoni insuffiċjenti tas-sentenza appellata peress li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx l-allegazzjonijiet tagħha fir-rigward tas-snin 2002 u 2003, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, għal kull waħda minn dawn il-laqgħat rilevanti, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 219 sa 226 tas-sentenza appellata, tirreferi għall-provi rilevanti u għad-deċiżjoni kontenzjuża qabel ma tiċħad l-argument tal-appellanti bħala infondati. Minħabba l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, hija ma kinitx obbligata li twieġeb l-allegazzjonijiet kollha tal-appellanti. Għaldaqstant, dawn l-argumenti tal-appellanti għandhom jiġu miċħuda.

54      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti tal-appellanti dwar il-laqgħa tat-22 ta’ Jannar 2004, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti tfittex li tikkontesta l-evalwazzjoni tal-provi magħmula mill-Qorti Ġenerali, mingħajr ma’ din tipprova l-iżnaturament tagħhom. Għaldaqstant, dawn l-argumenti huma inammissibbli minħabba l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza.

55      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

 Fuq it-tieni aggravju, dwar l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu

 L-argumenti tal-partijiet

56      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni, fl-ewwel lok, li l-kunċett legali ta’ ksur uniku, kumpless u kontinwu huwa, bħala tali, inkompatibbli mal-Artikolu 101 TFUE u mal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u għalhekk ma għandux jiġi applikat. Fil-fatt, dan il-kunċett huwa nieqes minn kull bażi legali fid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn motivazzjoni insuffiċjenti sa fejn il-Qorti Ġenerali ma weġbitx għall-argumenti tagħha fuq dan il-punt.

57      Fit-tieni lok, l-appellanti tqis, sussidjarjament, li l-kundizzjonijiet għall-għarfien ta’ ksur uniku ma kinux issodisfatti f’din il-kawża sa fejn il-Kummissjoni ma ddefinixxietx is-suq rilevanti u fejn l-eżistenza ta’ rabta ta’ komplementarjetà bejn l-aġiri differenti kkontestati ma ġietx stabbilita.

58      Fit-tielet lok, l-appellanti tikkunsidra li, fi kwalunkwe każ, minħabba l-eżistenza ta’ annullamenti parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward ta’ ċerti Stati Membri fis-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2013, Wabco Europe et vs Il‑Kummissjoni (T‑380/10, EU:T:2013:449), tas-16 ta’ Settembru 2013, Keramag Keramische Werke et vs Il‑Kummissjoni (T‑379/10 u T‑381/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:457) kif ukoll tas-16 ta’ Settembru 2013, Duravit et vs Il‑Kummissjoni (T‑364/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:477), u mill-fatt li ċerti impriżi ma setax ikollhom għarfien tal-ksur kollu, ma jistax ikun hemm ksur globali hekk kif iddefinit f’din id-deċiżjoni.

59      Skont il-Kummissjoni, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

60      Skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwu, meta wieħed jew iktar mill-elementi ta’ din is-serje ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwu jistgħu wkoll jikkostitwixxu fihom infushom u meħuda weħedhom, ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. Għalhekk, jekk azzjonijiet differenti jagħmlu parti minn “pjan generali”, minħabba l-għan identiku tagħhom li tinħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, il-Kummissjoni għandha d-dritt timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fl-intier tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 156 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61      Impriża li tkun ipparteċipat f’tali ksur uniku u kumpless permezz ta’ aġir li kien speċifiku għaliha, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li jkollhom għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u li kien intiż li jikkontribwixxi sabiex jitwettaq il-ksur fl-intier tiegħu, tista’ tkun responsabbli wkoll għal aġir implementat minn impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur. Dan huwa l-każ meta jiġi stabbilit li din l-impriża kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi bl-aġir tagħha stess għall-għanijiet komuni mfittxija mill-parteċipanti kollha u li kellha għarfien tal-aġiri illegali previsti jew implementati minn impriżi oħra fil-kisba tal-istess għanijiet, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedihom u kienet lesta taċċetta dan ir-riskju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 157 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62      Għalhekk, impriża tista’ tkun ipparteċipat direttament fl-aġiri antikompetittivi kollha li jikkostitwixxu l-ksur uniku u kontinwu, f’liema każ il-Kummissjoni tista’ timputa fil-konfront tagħha r-responsabbiltà għal dawn l-aġiri kollha, u għalhekk għall-ksur kollu fl-intier tiegħu. Jista’ jkun ukoll li impriża tkun ipparteċipat direttament biss f’parti mill-aġiri antikompetittivi li jikkostitwixxu l-ksur uniku u kontinwu filwaqt li jkollha għarfien tal-aġiri l-oħra kollha li jikkostitwixxu ksur ippjanat jew implementat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew setgħet raġonevolment tipprevedi dawn l-aġiri u kienet lesta taċċetta r-riskju marbut magħhom. F’tali każ, il-Kummissjoni wkoll għandha dritt li timputa fuq din l-impriża r-responsabbiltà tal-aġiri antikompetittivi kollha li jikkostitwixxu tali ksur u, sussegwentement, tal-ksur fl-intier tiegħu (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 158 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

63      Barra minn hekk, sabiex aġiri differenti jiġu kklassifikati bħala ksur uniku u kontinwu, ma hemmx lok li jiġi vverifikat jekk dawn għandhomx rabta ta’ komplementarjetà, fis-sens li kull wieħed minnhom huwa intiż sabiex jittratta konsegwenza jew konsegwenzi tal-iżvilupp normali tal-kompetizzjoni, u jikkontribwixxu, permezz ta’ interazzjoni, għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi kollha intiżi mill-awturi tagħhom, fil-kuntest ta’ pjan ġenerali li jipprevedi għan uniku. Min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni dwar il-kunċett ta’ għan uniku jimplika li għandu jiġi vverifikat jekk kienx hemm elementi li jikkaratterizzaw l-aġiri differenti li jagħmlu parti mill-ksur li jistgħu jindikaw li aġiri materjalment implementati minn impriżi parteċipanti oħra ma għandhomx l-istess għan jew l-istess effett antikompetittiv u li konsegwentement ma jaqgħux taħt “pjan ġenerali” minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il‑Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punti 247 u 248).

64      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jiġi dedott li l-Artikolu 101(1) TFUE jikkonċerna biss jew dawk l-impriżi attivi fis-suq affettwat bir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni, jew dawk attivi fis-swieq upstream jew downstream jew dawk qrib tal-imsemmi suq, jew inkella l-impriżi li jillimitaw l-awtonomija tal-aġir tagħhom f’suq partikolari minħabba ftehim jew prattika miftiehma. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kliem tal-Artikolu 101(1) TFUE jirreferi b’mod ġenerali għall-ftehimiet u għall-prattiki miftiehma li, fir-rapporti kemm orizzontali, kif ukoll vertikali, iwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, indipendentement mis-suq li l-partijiet huma attivi fih, bħall-fatt li huwa biss l-aġir kummerċjali ta’ waħda minnhom li huwa affettwat bil-kliem tal-arranġamenti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717 punti 34 u 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, hemm lok, l-ewwel nett, li tiċħad l-argumenti tal-appellanti li l-kunċett legali ta’ ksur uniku, kumpless u kontinwu huwa inkompatibbli mal-Artikolu 101 TFUE u mal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

66      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali, billi fakkret din il-ġurisprudenza fil-punti 32 sa 34, 41, 42 u 46 sa 48 tas-sentenza appellata, immotivat biżżejjed din is-sentenza skont il-liġi.

67      It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-kundizzjonijiet għall-għarfien ta’ ksur uniku ma kinux issodisfatti f’din il-kawża inkwantu l-Kummissjoni ma ddefinixxietx is-suq rilevanti, hemm lok li jiġi kkonstatat, kif ġustament irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 54 tas-sentenza appellata u kif ammess mill-appellanti, li l-fatt li s-swieq ġeografiċi tal-prodotti koperti mill-ksur huma distinti, fi kwalunkwe każ, ma jimpedixxix il-konstatazzjoni ta’ ksur uniku. Għaldaqstant, dan l-argument fi kwalunkwe każ huwa ineffettiv.

68      Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 63 sa 71 tas-sentenza appellata, ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet f’dan il-każ tikkonkludi favur l-eżistenza ta’ għan uniku intiż sabiex jistabbilixxi ksur uniku. Fil-fatt, fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet fattwali magħmula fil-punti 66, 69 u 71 tas-sentenza appellata, hija stabbilixxiet biżżejjed skont il-liġi, li l-aġiri differenti kkontestati jikkonċernaw l-istess għan, jiġifieri, għall-produtturi kollha ta’ installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, li jikkoordinaw l-aġiri tagħhom fir-rigward tal-grossisti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-kunċett ta’ għan komuni, hekk kif jirriżulta mill-punti 66, 69 u 71, ġie ddeterminat mhux permezz ta’ riferiment ġenerali għall-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq ikkonċernati mill-ksur, iżda minn riferiment għal fatturi oġġettivi varji, bħar-rwol ċentrali tal-grossisti fis-sistema ta’ distribuzzjoni, il-karatteristiċi ta’ din is-sistema, l-eżistenza ta’ organi li jikkoordinaw u ta’ assoċjazzjonijiet li jipproduċu diversi prodotti, ix-xebh tal-implementazzjoni tal-arranġamenti ta’ kollużjoni u s-sovrappożizzjoni fattwali, ġeografiċi u fiż-żmien bejn il-prattiki kkonċernati.

69      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi stabbilita rabta ta’ komplementarjetà bejn il-prattiki kkontestati, ksur uniku u kontinwu x’aktarx li jista’ jiġi imputat lil impriżi li ma humiex kompetituri u li ma jeħtiġux definizzjoni sistematika tas-swieq rilevanti, u peress li l-appellanti hija, minn naħa, responsabbli għall-parteċipazzjoni diretta tagħha fil-ksur u, min-naħa l-oħra, responsabbli tal-parteċipazzjoni indiretta tagħha f’dan il-ksur, sa fejn hija setgħet tkun konxja tal-aġiri kollha li jikkostitwixxu ksur li huma ppjanati jew implementati mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju inkwistjoni sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet jew li setgħu jiġu previsti b’mod raġonevoli u li kienu lesti li jieħdu r-riskju, ma jistax jiġi kkontestat lill-Qorti Ġenerali li qieset li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball meta kkonkludiet favur l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu f’dan il-każ.

70      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument dwar l-annullamenti parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża mogħtija fil-kuntest ta’ sentenzi tal-Qorti Ġenerali dwar l-istess ksur bħal dan inkwistjoni f’din il-kawża, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-provi fuq id-diversi swieq nazzjonali jirriżulta mill-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti Ġenerali. Sa fejn dan l-argument kien ifittex li tiġi kkontestata l-eżistenza ta’ ksur uniku, kumpless u kontinwu, għandu jiġi enfasizzat, li l-fatt li l-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tikkonċerna l-prova tal-parteċipazzjoni fil-ksur ikkontestat ta’ xi wħud mill-impriżi kkonċernati fuq ċerti swieq ġeografiċi għal perijodi speċifiċi ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi kkontestata l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-eżistenza ta’ pjan globali li jkopri t-tliet sottogruppi ta’ prodotti u lis-sitt Stati Membri kkonċernati u ta’ għan identiku ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. Skont il-każ, tali annullamenti parzjali jistgħu biss iwasslu għal tnaqqis tal-multa imposta fuq kull waħda mill-impriżi kkonċernati, sakemm is-swieq ġeografiċi inkwistjoni ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-multa imposta fuq dawn.

71      Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat.

 Fuq it-tielet u r-raba’ aggravji, dwar is-setgħa ta’ stħarriġ sħiħ u l-proporzjonalità tal-multa

 L-argumenti tal-partijiet

72      Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti ssostni li għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u sabiex jiġi żgurat id-dritt għal smigħ xieraq, il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja għandhom, f’kull kawża mressqa quddiemhom dwar l-iffissar mill-Kummissjoni ta’ multa jew ta’ pagamenti ta’ penalità, jeżerċitaw b’mod effettiv is-setgħa ta’ stħarriġ sħiħ mogħti lilhom mil-leġiżlatur tal-Unjoni skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, b’mod partikolari f’kuntest fejn l-ebda liġi ma tipprevedi armonizzazzjoni tas-sanzjonijiet u fejn il-Kummissjoni applikat tliet metodi differenti ta’ kalkolu tal-multi għas-snin 1998 sa 2006.

73      Issa, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżerċitat biss stħarriġ tal-legalità fuq l-iffissar tal-ammont tal-multa, kuntrarjament għat-talbiet tal-appellanti.

74      Barra minn hekk, l-appellanti tqis li, f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali kellha tnaqqas l-ammont tal-multa fid-dawl tal-gravità tal-ksur, li kien jikkonċerna biss numru limitat ta’ Stati Membri li fil-parti l-kbira kienu Stati żgħar. F’dan ir-rigward, ma huwiex possibbli li wieħed jifhem għalfejn il-Kummissjoni ssanzjonat l-aġiri kkontestati f’din il-kawża b’mod iktar sever minn akkordji tal-istess natura li jkopru t-territorju kollu taż-Żona Ekonomika Ewropea.

75      Barra minn hekk, l-appellanti tikkritika l-fatt li ma kisbitx tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba fit-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva, li b’kollox damet kważi sitt snin.

76      Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fejn jirriżulta li s-sanzjoni għandha tirrifletti l-gravità tal-ksur. F’dan ir-rigward, l-appellanti tikkunsidra li, fid-determinazzjoni ta’ din il-gravità, il-Qorti Ġenerali hija meħtieġa li tikkunsidra l-effetti tal-ksur inkwistjoni fis-suq, kif ukoll id-dħul mill-bejgħ miksub fis-swieq ikkonċernati, ħaġa li hija ma għamlitx.

77      Il-Qorti Ġenerali kellha wkoll tiżgura ruħha li l-ammont tal-multa previst permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża kien għalkollox proporzjonat, li ma huwiex il-każ sa fejn multa ta’ EUR 6.08 miljuni hija imposta fir-rigward ta’ volum ta’ negozju kopert minn dan il-ftehim li huwa ta’ madwar EUR 3.88 miljuni.

78      Għaldaqstant, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrettifika dawn l-ommissjonijiet illegali tal-Qorti Ġenerali u sabiex tnaqqas hija stess l-ammont tal-multa imposta.

79      Il-Kummissjoni titlob li t-tielet u r-raba’ aggravji jiġu miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

80      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istħarriġ tal-legalità stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE jimplika li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ, kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt, fir-rigward tal-argumenti invokati mill-appellanti kontra d-deċiżjoni kontenzjuża u li għandu jkollha s-setgħa li tevalwa l-provi, li tannulla din id-deċiżjoni u li tbiddel l-ammont tal-multi (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

81      L-istħarriġ tal-legalità huwa kkompletat mis-setgħa ta’ stħarriġ li l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, konformement mal-Artikolu 261 TFUE, jirrikonoxxi lill-qorti tal-Unjoni. Din il-ġurisdizzjoni tagħti s-setgħa lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti (ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ stħarriġ sħiħ fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea f’dak li jikkonċerna l-multa, il-qorti tal-Unjoni hija obbligata, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi previsti fl-Artikoli 261 TFUE u 263 TFUE, li teżamina kull ilment, ta’ liġi jew ta’ fatt, intiż sabiex juri li l-ammont tal-multa ma jirriflettix il-gravità u t-tul tal-ksur (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

83      Issa, l-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex madankollu ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u l-proċedura hija kontradittorja. Hija l-appellanti li bħala prinċipju għandha tqajjem il-motivi kontra d-deċiżjoni kontenzjuża u li għandha tipproduċi l-provi insostenn ta’ dawn il-motivi (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

84      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-assenza ta’ stħarriġ ex officio tad-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi ma jiksirx il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ma huwiex indispensabbli għall-osservanza ta’ dan il-prinċipju li l-Qorti Ġenerali, li hija ċertament obbligata li tirrispondi għall-motivi invokati u li teżerċita stħarriġ kemm ta’ dritt kif ukoll ta’ fatt, tkun obbligata twettaq ex officio istruttorja ġdida u sħiħa tal-proċess (ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 66).

85      Barra minn hekk, permezz ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali hija biss kompetenti sabiex tistħarreġ il-mod li bih il-Kummissjoni evalwat, f’kull każ partikolari, il-gravità tal-aġiri illegali. Fil-kuntest tal-appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala għan, minn naħa, li jeżamina sa fejn il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod ġuridikament korrett, il-fatturi essenzjali kollha sabiex tevalwa l-gravità ta’ aġir ikkunsidrat fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u, min-naħa l-oħra, li jivverifika jekk il-Qorti Ġenerali weġbitx suffiċjentement skont il-liġi għall-argumenti kollha invokati insostenn tat-talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa. Il-gravità tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ numru kbir ta’ elementi, bħal, b’mod partikolari, l-effett dissważiv tal-multi, iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża u l-kuntest tagħha, inkluż l-aġir ta’ kull impriża, ir-rwol li għandha kull impriża fl-istabbiliment tal-akkordju, il-profitt li setgħu jieħdu minn dan, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li tali ksur jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punti 95, 99 u 100).

86      Barra minn hekk, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell hija ma tistax tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali billi tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fuq l-ammont tal-multi imposti fuq l-impriżi minħabba l-ksur, minnhom, tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, huwa biss sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-livell tas-sanzjoni huwa mhux biss mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat, li jkun hemm lok li jiġi kkonstatat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, minħabba n-natura mhux xierqa tal-ammont tal-multa (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni, C‑70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

87      Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandhom jiġu eżaminati t-tielet u r-raba’ aggravji.

88      Madankollu, jirriżulta b’mod ċar minn din il-ġurisprudenza li, fl-ewwel lok, l-istħarriġ sħiħ jikkonċerna biss is-sanzjoni imposta u mhux id-deċiżjoni kontenzjuża kollha u, fit-tieni lok, la l-ġurisdizzjoni sħiħa u lanqas l-istħarriġ tal-legalità ma huma ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u għalhekk huma ma jeħtiġux li l-Qorti Ġenerali twettaq ex officio eżami sħiħ u ġdid tal-fajl, irrispettivament mill-oġġezzjonijiet imqajma mill-appellanti.

89      F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet, mill-punt 335 tas-sentenza appellata, stħarriġ effettiv tal-ammont tal-multa, li ssodisfa l-argumenti varji tal-appellanti u li, fil-punti 397 sa 402 ta’ din is-sentenza, iddeċidiet dwar it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, u għalhekk din ma llimitatx ruħha biss sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ dan l-ammont, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari rrilevat, fil-punt 384 ta’ din is-sentenza, li l-koeffiċjent ta’ 15 % għall-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” kien minimu minħabba fin-natura partikolarment gravi tal-ksur inkwistjoni, u sussegwentement qieset, fil-punti 397 sa 401 ta’ din l-istess sentenza, li l-ebda prova prodotta mill-appellanti fl-ewwel istanza ma kienet tiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa.

90      Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-eżami tal-gravità tal-ksur ikkontestat, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 381 tas-sentenza appellata, b’mod partikolari l-punt 23 tal-Linji gwida tal-2006, li jiddisponi li “l-ftehimiet orizzontali dwar iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u limitazzjoni ta’ produzzjoni, li ġeneralment ikunu sigrieti, huma, minħabba n-natura tagħhom stess, fost l-iktar restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni gravi. Skont il-politika tal-kompetizzjoni, dawn għandhom jiġu ssanzjonati b’mod sever. Konsegwentement, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għal tali ksur għandu jitqies li jinsab ’il fuq fl-iskala” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Qorti Ġenerali, fil-punt 383 ta’ din is-sentenza, semmiet il-motivazzjoni adottata mill-Kummissjoni fil-premessa 1211 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha l-koordinazzjoni orizzontali tal-prezzijiet kienet, minħabba n-natura tagħha stess, waħda mir-restrizzjonijiet l-iktar ta’ ħsara għall-kompetizzjoni u li l-ksur kien ksur uniku, kontinwu u kumpless li jkopri sitt Stati Membri u li jaffettwaw it-tliet sottogruppi ta’ prodotti, qabel ma tiġi kkonstatata, fil-punt 384 tal-istess sentenza, in-natura partikolarment gravi tal-ksur inkwistjoni li tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ gravità ta’ 15 % u, fil-punt 385 ta’ din is-sentenza appellata, il-parteċipazzjoni tal-appellanti “mal-grupp ċentrali ta’ impriżi” li implementaw dan il-ksur.

91      Peress li kkunsidrat il-parametri rilevanti kollha fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur ikkontestat, peress li barra minn hekk ġiet ipprovata l-koordinazzjoni orizzontali tal-prezzijiet u l-parteċipazzjoni tal-appellanti f’dan il-ksur, u peress li wieġbet għall-argumenti tal-appellanti fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi u ssodisfat l-obbligu tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv tad-deċiżjoni kontenzjuża.

92      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva, għandu jitfakkar li, għalkemm il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli mill-Kummissjoni jista’ jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda fi tmiem proċedura amministrattiva bbażata fuq l-Artikolu 101 jew 102 TFUE peress li hija twassal ukoll għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata, tali ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli, jekk jiġi preżunt li ġie stabbilit, ma jistax iwassal għal tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2016, CEPSA vs Il‑Kummissjoni, C‑608/13 P, EU:C:2016:414, punt 61, u tad-9 ta’ Ġunju 2016, PROAS vs Il‑Kummissjoni, C‑616/13 P, EU:C:2016:415, punt 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punt 75 ta’ din is-sentenza, huwa stabbilit li, mill-argument tagħha dwar l-evalwazzjoni żbaljata tat-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva mill-Qorti Ġenerali, l-appellanti tfittex biss li tikseb tnaqqis tal-multa imposta fuqha.

93      Għaldaqstant, irrispettivament mill-merti tiegħu, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

94      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-proporzjonalità tal-ammont tal-multa imposta bħala tali, l-appellanti ma tressaq ebda argument li juri li l-livell tas-sanzjoni imposta ma hijiex xierqa jew hija eċċessiva. F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument li l-ammont tal-multa ta’ EUR 6.08 miljuni jkun sproporzjonat meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ li jikkonċerna l-akkordju li jilħaq l-ammont ta’ EUR 3.88 miljuni. Fil-fatt, huwa stabbilit li, f’dan il-każ, l-ammont finali tal-multa imposta lil Villeroy & Boch u lis-sussidjarji tagħha tnaqqset sabiex ma taqbiżx l-10 % mid-dħul mill-bejgħ totali ta’ din matul is-sena finanzjarja preċedenti, konformement mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Issa, dan il-limitu diġà jiggarantixxi li l-livell ta’ din il-multa ma jkunx sproporzjonat mad-daqs tal-impriża, kif iddeterminat mid-dħul mill-bejgħ globali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 280 sa 282).

95      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet u r-raba’ aggravji għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment ineffettivi u parzjalment infondati.

96      Peress li ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

97      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellanti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Villeroy & Boch Austria GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


*      * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.