Language of document : ECLI:EU:C:2017:48

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta’ Jannar 2017 (*)

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, tal-Pajjiżi l-Baxxi u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju – Koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 23(2) – Limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ”

Fil-Kawża C-618/13 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis-26 ta’ Novembru 2013,

Zucchetti Rubinetteria SpA, stabbilita f’Gozzano (l-Italja), irrappreżentata minn M. Condinanzi, P. Ziotti u N. Vasile, avukati,

l-appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Malferrari u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, M. Berger, E. Levits, S. Rodin (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Settembru 2015,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Zucchetti Rubinetteria SpA titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Settembru 2013, Zucchetti Rubinetteria vs Il-Kummissjoni (T‑396/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2013:446), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39092 – Installazzjonijiet sanitarji għal kmamar tal-banju) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) sa fejn din tirrigwardaha, jew sussidjarjament, għat-tħassir jew għat-tnaqqis tal-multa imposta f’din id-deċiżjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

2        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU 2003, L 1, p. 1), jipprevedi fl-Artikolu 23(2) u (3) tiegħu:

“2.      Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

a)      jiksru l-Artikolu [101 TFUE] jew [102 TFUE] [...]

[...]

Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kmmerċjali preċedenti.

[...]

3.      Fi[d-determinazzjoni] ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.”

3        Dan ir-regolament fl-Artikolu 31 tiegħu jipprevedi li:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti.”

 Il-Linji gwida tal-2006

4        Il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”) jindikaw, fil-punt 2 tagħhom li, f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-multi, “il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-tul u l-gravità tal-ksur” u li “l-multa imposta ma għandhiex teċċedi l-limiti indikati fit-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003”.

5        Il-punti 19, 21, 23, 29 u 37 tal-Linji gwida tal-2006 jistabbilixxu:

“19.      L-ammont bażiku tal-multa huwa relatat ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ iddeterminat skont il-grad tal-gravità tal-ksur, immultiplikat bin-numru ta’ snin tal-ksur.

[...]

21.      Bħala regola ġenerali, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għandu jiġi ffissat għal livell li jista’ jmur sa 30 %.

[...]

23.      Il-ftehim orizzontali dwar iffissar tal-prezz, it-tqassim tas-suq u l-limitazzjoni tal-produzzjoni, li huma ġeneralment sigrieti, jgħoddu, min-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi. Skont il-politika tal-kompetizzjoni, dawn għandhom jiġu ssanzjonati b’mod sever. Konsegwentement, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għal tali ksur għandu jitqies li jinsab ’il fuq fl-iskala.

[...]

29.      L-ammont bażiku tal-multa jista’ jonqos meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti bħal:

[...]

–        meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur hija sostanzjalment limitata u turi għaldaqstant li, matul il-perijodu li matulu aderixxiet mal-ftehimiet li jikkostitwixxu ksur, hija kienet effettivament naqset milli tapplikahom billi tadotta aġir kompetittiv fis-suq; […]

[...]

37.      Għalkemm dawn il-Linji gwida jesponu l-metodoloġija ġenerali għall-iffissar tal-multi, il-karatteristiċi partikolari ta’ każ partikolari jew il-ħtieġa li jintlaħaq livell dissważiv f’każ partikolari jistgħu jiġġustifikaw li l-Kummissjoni ma timxix ma’ din il-metodoloġija jew mal-limiti stabbiliti fil-punt 21.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

6        Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 1 sa 11 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

7        L-appellanti hija impriża Taljana li timmanifattura esklużivament viti u fittings.

8        Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3), fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju. Dan il-ksur, li fih ħadu sehem 17-il impriża, allegatament seħħ matul diversi perijodi bejn is-16 ta’ Ottubru 1992 u d-9 ta’ Novembru 2004 u kien ħa l-forma ta’ numru ta’ ftehimiet antikompetittivi jew ta’ prattiki miftiehma li jkopru t-territorju tal-Belġju, tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Italja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Awstrija.

9        Iktar preċiżament, il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur ikkonstatat kien jikkonsisti, l-ewwel nett, fil-koordinazzjoni, mill-imsemmija manifatturi tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, taż-żidiet fil-prezzijiet annwali u ta’ elementi oħra ta’ tarifikazzjoni, fil-kuntest ta’ laqgħat regolari fi ħdan l-assoċjazzjonijiet nazzjonali għall-professjonisti, it-tieni nett, fl-iffissar jew fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet fl-okkażjoni ta’ okkorrenzi speċifiċi bħaż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima, l-introduzzjoni tal-Euro kif ukoll tat-taxxi tat-toroq u t-tielet nett, fl-iżvelar u fl-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li l-iffissar tal-prezzijiet fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju kien isegwi ċiklu annwali F’dan il-kuntest, il-manifatturi kienu jistabbilixxu listi tal-prezzijiet li ġeneralment kienu jibqgħu fis-seħħ għal sena u li kienu jservu ta’ bażi tar-relazzjonijiet kummerċjali mal-bejjiegħa bl-ingrossa.

10      Il-prodotti kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata huma l-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju li jappartjenu għal wieħed mis-sottogruppi ta’ prodotti li ġejjin, jiġifieri l-viti u fittings, diviżorji tad-doċċa u l-aċċessorji tagħhom kif ukoll oġġetti taċ-ċeramika (iktar ’il quddiem it-“tliet sottogruppi ta’ prodotti”).

11      Fir-rigward tal-prattiki antikompetittivi li seħħew, b’mod partikolari, fl-Italja, dawn kienu ġew implementati fi ħdan żewġ gruppi informali. L-ewwel wieħed imsejjaħ “Euroitalia” kien magħmul minn impriżi li ltaqgħu minn darbtejn sa tliet darbiet matul il-perijodu mix-xahar ta’ Lulju 1992 sax-xahar ta’ Ottubru 2004. Fi ħdan dan il-grupp, li kien ġie stabbilit meta l-produtturi Ġermaniżi kienu daħlu fis-suq Taljan, l-iskambju ta’ informazzjoni kien jikkonċerna mhux biss il-viti u l-fittings, iżda wkoll l-oġġetti taċ-ċeramika.Fi ħdan dan il-grupp, li kien ġie stabbilit meta l-produtturi Ġermaniżi kienu daħlu fis-suq Taljan, l-iskambju ta’ informazzjoni kien jikkonċerna mhux biss il-viti u l-fittings, iżda wkoll l-oġġetti taċ-ċeramika. It-tieni grupp informali ta’ impriżi, imsejjaħ “Michelangelo”, ma kienx jinkludi lill-appellanti. Dan iltaqa’ diversi drabi bejn tmiem is-sena 1996 u l-25 ta’ Lulju 2003. Matul dawn il-laqgħat, id-diskussjonijiet kienu jirrigwardaw gamma wiesgħa ta’ prodotti sanitarji, b’mod partikolari l-viti u fittings u ċ-ċeramika.

12      Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-appellanti għall-laqgħat ta’ Euroitalia u ta’ Michelangelo, il-Kummissjoni tirrileva, għalkemm l-appellanti tikkontesta l-klassifikazzjoni legali tal-prattiki kkonċernati ta’ akkordju, hija mandankollu tirrikonoxxi li kellha diskussjonijiet inapproprjati mal-kompetituri tagħha. Barra minn hekk, indipendentement mill-fatt jekk kinitx jew le applikat iż-żidiet fil-prezzijiet inkwistjoni, l-appellanti kellha rwol attiv fl-organizzazzjoni tal-laqgħat u fid-diskussjonijiet li saru fihom.

13      F’dak li jirrigwarda l-istabbiliment tal-parteċipazzjoni tal-impriżi inkwistjoni fil-ksur ikkonstatat, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma hemmx biżżejjed provi li jippermettu li jiġi konkluż li l-appellanti, kif ukoll impriżi oħra Taljani li pparteċipaw fil-laqgħat ta’ Euroitalia u ta’ Michelangelo, kienu jafu bi pjan ġenerali.

14      Għalhekk, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punt 18 tal-Artikolu 1(5) tad-deċiżjoni kkontestata, l-appellanti pparteċipat fi ksur marbut mal-installazzjonijiet tal-kmamar tal-banju fit-territorju Taljan, matul il-perijodu bejn is-16 ta’ Ottubru 1992 u d-9 ta’ Novembru 2004.

15      Skont l-Artikolu 2(17) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet multa fl-ammont ta’ EUR 3 996 000 fuq l-appellanti.

16      Sabiex tiġi kkalkolata din il-multa, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-Linji gwida tal-2006.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

17      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti talbet l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn tikkonċernaha kif ukoll, sussidjarjament, intiż għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha.

18      Insostenn tar-rikors tagħha, hija invokat tliet motivi bbażati rispettivament, l-ewwel wieħed, huwa bbażat fuq żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fl-istabbiliment tas-suq rilevanti, i-tieni wieħed, huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidrat li l-prattiki inkwistjoni kienu jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101 TFUE u, it-tielet wieħed, huwa bbażat fuq żbalji u ksur imwettaq mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-multa.

19      Peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, l-ewwel nett, fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti, tiċħad dawn il-motiv, bl-eċċezzjoni ta’ parti mit-tielet motiv li jirrigwarda r-raġunament tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali”. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 119 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni wettqet żewġ żbalji ta’ evalwazzjoni meta bbażat l-applikazzjoni tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ta’ 15 % fuq il-fatt li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fi ksur uniku li jkopri t-territorji ta’ sitt Stati Membri u tliet sottogruppi ta’ prodotti.

20      Madankollu, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 138 sa 140 tas-sentenza appellata, li dawn l-iżbalji ta’ evalwazzjoni ma jwasslux għall-annullament tal-artikoli tad-deċiżjoni kkontestata intiżi mit-talbiet għall-annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni.

21      Konsegwentement, fil-punt tas-sentenza appellata, hija ddeċidiet li tiċħad dawn it-talbiet.

22      It-tieni nett, fir-rigward, tat-talbiet, ippreżentati sussidjarjament, intiżi għall-kanċellament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, fil-punt 152 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdithom ukoll.

23      F’dan ir-rigward, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hija qieset li, minkejja l-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni kif ġew ikkonstatati fil-punt 119 tal-imsemmija sentenza, il-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali”, ta’ 15 % huma kompletament iġġustifikati fid-dawl tal-provi kollha rilevanti fil-każ.

24      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

 It-talbiet tal-partijiet;

25      L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors;

–        tannulla jew tnaqqis il-multa fl-eżerċizzju tas-setgħa ġurisdizzjonali sħiħa tagħha, billi tiddeċiedi b’mod definittiv il-kawża, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

27      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-multa imposta fuqha. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq assenza ta’ kunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti mill-Qorti Ġenerali matul il-kalkolu ta’ din il-multa.

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

28      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, li jirrigwarda l-punti 118, 120 sa 124, 127 u 128 tas-sentenza appellata, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni matul l-istħarriġ tal-kalkolu tal-multa li ġiet imposta fuqha, minn naħa, billi evalwat l-gravità tal-ksur inkwistjoni b’mod żbaljat u, min-naħa l-oħra, billi kisret in-natura kontradittorja tal-proċedura kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni. B’mod partikolari, l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll il-prinċipji ta’ responsabbiltà personali, ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-applikazzjoni tas-sanzjonijiet fil-qasam tal-ġlieda kontra l-akkordji.

29      L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, sostniet it-teżi skont liema l-ksur inkwistjoni li jkopri t-territorju ta’ sitt Stati Membri u tat-tliet sottogruppi ta’ prodotti ma jistax jiġi kkunsidrat bħala identiku għal dak imwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u li jirrigwarda żewġ sottogruppi ta’ prodotti. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali fakkret, ġustament, il-portata tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll dak tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, fil-punti 120, 127 u 128 tas-sentenza appellata. Fuq il-bażi ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kellha l-obbligu, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li tnaqqas il-multa imposta sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-grad ta’ gravità baxxa tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur allegat. Issa, il-Qorti Ġenerali, wara li kkonstatat, fil-punt 119 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni wettqet żewġ żbalji ta’ evalwazzjoni matul l-eżami tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali”, ikkonfermat l-ammont tal-multa, li huwa għaldaqstant kompletament illoġiku u f’kontradizzjoni mal-motivazzjoni ta’ din is-sentenza.

30      Barra minn hekk, dan ir-raġunament jikser il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni, b’mod partikolari meta mqabbel mal-aġir tal-impriżi stabbiliti barra mill-Italja li ġiet applikata lilhom l-istess rata multiplikatriċi ta’ 15 %, iżda li kisru r-regoli tal-kompetizzjoni fit-territorju tas-sitt Stati Membri kkonċernati u għat-tliet sottogruppi ta’ prodotti.

31      Il-Kummissjoni tikkunsidra, preliminarjament, li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli minħabba l-fatt li l-appellanti ma tikkritikax il-parti tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tikkalkola mill-ġdid il-multa. Madankollu, din il-parti hija għaldaqstant l-unika parti rilevanti għall-finijiet ta’ dan l-appell. Għalhekk, l-appellanti rreferiet biss għall-punti tal-imsemmija sentenza li jirrigwardaw biss l-istħarriġ ta’ legalità. Barra minn hekk, l-iżball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali setgħet wettqet fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha jibqa’ oskur. L-appellanti tinvoka il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ individwalità tal-pieni b’mod astratt u ġenerali. Madankollu, sabiex ikun ammissibbli, l-appell għandu jindika b’mod preċiż l-argumenti legali invokati insostenn tat-talba għall-annullament. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-obbligu li tissostitwixxi ruħha għall-Qorti Ġenerali u li tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fuq l-ammont tal-multa, salve jekk dan l-ammont mhux biss ikun inadegwat, iżda wkoll eċċessiv sal-punt li jkun sproporzjonat.

32      Fir-rigward tal-mertu ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ssostni, sussidjarjament, li l-Qorti Ġenerali analizzat b’mod iddettaljat, fil-punti 146 sa 150 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet kollha li jwasslu għall-iffissar għal 15 % il-koeffiċjent għall-gravità tal-ksur u l-ammont addizzjonali f’dan il-każ.

33      Il-Kummissjoni tenfasizza, b’mod partikolari, li il-koeffiċjent ta’ 15 % huwa koeffiċjent minimu għat-tip ta’ ksur inkwistjoni. F’dan ir-rigward, hija żżid madankollu, essenzjalment, li, kuntrarjament għal dak li tidher li tqis il-Qorti Ġenerali, il-gravità ta’ tali ksur ma huwiex neċessarjament differenti jekk l-akkordju jirrigwarda żewġ jew tliet tipi ta’ prodotti jew jirrigwarda sitt minflok Stat Membru wieħed peress li huwa ksur gravi fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 101 TFUE, intiż wkoll li jipproteġi l-kompetizzjoni bħala tali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonstata li d-differenzi li qed tirreferi għalihom il-Qorti Ġenerali fil-punt 114 tas-sentenza appellata bejn, minn naħa, l-appellanti li pparteċipat biss għall-ksur fl-Italja u fir-rigward biss ta’ żewġ mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti u, min-naħa l-oħra, il-membri l-oħra tal-akkordju li pparteċipaw f’dan il-ksur fit-territorju ta’ sitt Stati Membri u f’dak li jirrigwarda dawn it-tliet sottogruppi ta’ prodotti, kienu diġà ġew riflessi fil-valuri differenti relatati mal-bejgħ mid-dħul, li jikkostitwixxu l-bażi tal-kalkolu tal-multi. Barra minn hekk, ir-rwol tal-appellanti m kienx sekondarju. F’dan ir-rigward, il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni dam tnax-il sena u fatturi bħan-numru ta’ abitanti u l-prodott gross domestiku (PGD) tal-Italja ttieħdu debitament inkunsiderazzjoni waqt il-kalkolu tal-multa. Għaldaqstant, ma kien ebda ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

34      Fi kwalunkwe każ, l-appellanti ma tistax tinvoka għall-vantaġġ tagħha illegalità potenzjali mwettqa, waqt il-kalkolu tal-multa, favur parteċipanti oħra fl-akkordju inkwistjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

35      Preliminarjament, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà imqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

36      Fil-fatt, mill-atti jirriżulta li Zucchetti Rubinetteria ssostni li, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni sa fejn hija ma wettqitx evalwazzjoni mill-ġdid tal-multa wara li kkonstatat, fil-punt 119 tas-sentenza appellata, żewġ żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kalkolu tal-multa. Għalhekk, l-appell jippermetti li jiġi identifikat b’mod ċar u bil-preċiżjoni suffiċjenti l-iżball ta’ liġi li hija vvizzjata bih is-sentenza appellata.

37      Għaldaqstant, l-aggravju preżenti huwa ammissibbli.

38      F’dak li jirrigwarda l-mertu tal-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ responsabbiltà personali, ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kalkolu tal-multa, għandu jitfakkar, qabelxejn, l-ewwel nett, li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-imsemmi prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati bl-istess mod, sakemm dan it-trattament ma jiġix oġġettivament ġustifikat. It-tieni nett, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, ma tistax issir, permezz ta’ metodi ta’ kalkolu differenti, diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ftehim jew fi prattika miftiehma li jiksru l-Artikolu 101(1) TFUE. It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, ripetutament iddeċidiet li l-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw kawżi oħra jistgħu jagħtu biss indikazzjoni f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C-439/11 P, EU:C:2013:513, punti 132 sa 134).

39      Sussegwentement, hija ġurisprudenza stabbilita li, fl-ewwel lok, il-missjoni ta’ sorveljanza mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 105(1) TFUE u mill-Artikolu 106 TFUE ma tinkludix biss il-kompitu li tinvestiga u twaqqaf ksur individwali, iżda tikkomporta wkoll id-dmir li tadotta politika ġenerali intiża sabiex tapplika fil-qasam tal-kompetizzjoni l-prinċipji ffissati mit-Trattat u sabiex tidderiġi, f’dan is-sens, l-aġir tal-impriżi. L-imsemmija politika tal-kompetizzjoni hija kkaratterizzata minn setgħa diskrezzjonali kbira tal-Kummissjoni, b’mod partikolari fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi f’dak li jirrigwarda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza t-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, EU:C:2005:408, punti 170 u 172).

40      Fit-tieni lok, għall-finijiet tal-iffissar tal-multa, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni il-gravità tat-tul tal-ksur, fatt li jwassal li jittieħed inkunsiderazzjoni, b'mod partikolari, il-kuntest regolamentari u ekonomiku tal-aġir inkriminat, tan-natura tar-restrizzjonijiet magħmula għall-kompetizzjoni kif ukoll tan-numru u d-daqs tal-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, EU:C:1975:174, punt 612).

41      Fit-tielet lok, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi kollha li jistgħu jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur kif ukoll tal-aġir tal-impriża matul il-proċedura amministrattiva (is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 1990, Sandoz prodotti farmaċewtiċi vs Il-Kummissjoni, C‑277/87, EU:C:1990:6, punt 27).

42      Fir-raba’ lok, bil-għan li tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni numru kbir ta’ elementi li n-natura u l-importanza tagħhom tvarja skont it-tip ta’ ksur u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat. Fost dawn l-elementi jista’, skont il-każ, jissemma l-aġir ta’ kull impriża, ir-rwol ta’ kull waħda minnhom fl-istabbiliment tal-akkordju, il-volum u l-valur tal-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur il-ksur kif ukoll id-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża u, għaldaqstant, l‑influwenza li din setgħet teżerċita fuq is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, EU:C:1983:158, punt 120; tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, EU:C:1983:313, punt 111, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2013, Gosselin Group vs Il-Kummissjoni, C‑429/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:463, punti 89 u 90).

43      Fl-aħħar nett, huwa biss sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-livell tas-sanzjoni huwa mhux biss mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat, li jkun hemm lok li jiġi kkonstatat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, minħabba n-natura mhux xierqa tal-ammont ta’ multa (sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, C-89/11 P, punt 126).

44      F’dan il-każ, l-Qorti Ġenerali analizzat, fil-punti 145 sa 150 tas-sentenza appellata, il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-konstatazzjoni tagħha, jidhru fil-punt 119 ta’ din is-sentenza, skont liema il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat, waqt il-kalkolu tal-multa, li l-appellanti pparteċipat fil-ksur allegat fit-territorju ta’ sitt Stati Membri u għat-tliet sottogruppi ta’ prodotti u wettqet żewġ żbalji ta’ evalwazzjoni billi bbażat l-applikazzjoni tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ta’15 % fuq din il-parteċipazzjoni.

45      Għalhekk, fil-punt 145 tas-sentenza appellata, l-Qorti Ġenerali, qabelxejn, ikkonstatat li kienet se tispira ruħha mil-Linji gwida tal-2006 waqt l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Sussegwentement, kif hija fakkret, fil-punt 146 tal-imsemmija sentenza, li l-koeffiċjenti applikabbli għat-tip ta’ ksur inkwistjoni huma konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fuq skala ta’ 0 % sa 30 % fir-rigward tal-koeffiċjent “gravità tal-ksur” u fuq skala ta’ 15 % sa 25 % fir-rigward tal-koeffiċjent “ammont addizzjonali”. Fl-aħħar nett, l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 147 tas-sentenza appellata, li tirrepeti essenzjalment il-konstatazzjonijiet tal-punti 118 u 128 ta’ din is-sentenza, li ksur li jkopri s-tliet sottogruppi ta’ prodotti f’sitt Stati Membri huwa iktar gravi, minħabba l-portata ġeografika tiegħu u minħabba n-numru tas-sottogruppi ta’ prodotti, minn dak li fih ipparteċipat l-appellanti.

46      Barra minn hekk, l-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 148 tas-sentenza appellata, li l-impriżi li pparteċipaw fil-ksur uniku li jkopri t-territorju ta’ sitt Stati Membri u tliet sottogruppi ta’ prodotti kellhom jingħataw multa kkalkolata abbażi tal-koeffiċjenti ‘gravità tal-ksur’ u ‘ammont addizzjonali’ ta’ iktar minn magħżula sabiex tiġi ssanzjonata l-appellanti ma jiġġustifikax li l-Qorti Ġenerali timponi fuq din tal-aħħar, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, multa ta’ ammont li ma jkunx dissważiv b’mod suffiċjenti fid-dawl tal-gravità tal-ksur li fih hija pparteċipat. Għalhekk, hija kkunsidrat, fil-punt 149 tal-imsemmija sentenza, li l-koeffiċjenti ‘“gravità tal-ksur” u ‘“ammont addizzjonali” ta’15 % huma xierqa fid-dawl tal-konstatazzjonijiet li jidhru fil-punt 148 tal-istess sentenza kif ukoll tal-Linji gwida tal-2006.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif issostni essenzjalment il-Kummissjoni, ir-raġunijiet li jidhru, b’mod partikolari, fil-punti 118 u 128 kif ukoll fil-punti 147 u 148 tas-sentenza appellata, skont liema, minn naħa, ksur li jkopri tliet sottogruppi ta’ prodotti f’sitt Stati Membri huwa iktar gravi minn dak li pparteċipat fih il-appellanti, imwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u li jkopri biss żewġ sottogruppi ta’ prodotti, u, min-naħa l-oħra, l-impriżi li ħadu sehem fl-ewwel ksur kellhom, minħabba dak il-fatt biss, jiġu suġġetti għal multa kkalkolata abbażi tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ikbar minn dawk applikati fuq l-appellanti, huma vvizzjati minn żball ta’ liġi.

48      Fil-fatt, jekk, sabiex tiġi evalwata l-gravità ta’ ksur u, sussegwentement, jiġi ffissat l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta, tista’, b’mod partikolari tittieħed inkunsiderazzjoni l-firxa ġeografika ta’ dan il-ksur u n-numru ta’ prodotti koperti minnu, il-fatt li ksur ikopri firxa ġeografika ikbar u numru ikbar ta’ prodotti meta mqabbel ma’ ieħor ma jistax, waħdu, neċessarjament jimplika li dan l-ewwel ksur, ikkunsidrat fl-assjem tiegħu, u b’mod partikolari fid-dawl tan-natura tiegħu, għandu jikkwalifika bħala li huwa iktar gravi mit-tieni u bħala li jiġġustifika, għalhekk, l-iffissar ta’ koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ ammont addizzjonali” ikbar għal dawk użati għall-kalkolu tal-multa li tissanzjona t-tieni ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 178).

49      Madankollu, għandu jitfakkar li jekk minn motivazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jirriżulta ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda l-parti dispożittiva tagħha tidher li tkun fondat għal motivi ta’ liġi oħra, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għal annullament ta’ din id-deċiżjoni u jkun hemm lok li ssir sostituzzjoni tal-motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il-Kummissjoni, C‑30/91 P, EU:C:1992:252, punt 28, kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C-120/06 P u C-121/06 P, EU:C:2008:476, punt 187 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali ikun ta’ natura li jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

51      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ammont bażiku tal-multa jinkludi l-ammont li jirrifletti l-gravità tal-ksur u l-ammont addizzjonali.

52      L-ammont li jirrifletti l-gravità tal-ksur hija ddeterminata skont perċentwali minn 0 % sa 30 % tal-valur tal-bejgħ rilevanti tal-impriża kkonċernata fl-aħħar sena tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju. Għalhekk, dan il-valur huwa speċifiku għal kull impriża li tkun ipparteċipat fil-ksur allegat.

53      Kif ġustament ikkunsidrat il-Kummissjoni fil-premessa 1220 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-koeffiċjent “gravità tal-ksur”, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura tal-ksur allegat.

54      Madankollu, kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 104 tas-sentenza appellata, akkordju li għandu bħala għan il-koordinazzjoni ta’ prezzijiet jikkostitwixxi min-natura tiegħu waħda mir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi. Konsegwentement, il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali ma jistgħux jiġi kkritikati li wettqu żbalji ta’ liġi billi stabbilixxew, għal tali ksur, rata tal-koeffiċjent “gravità tal-ksur” ta’15 % u inkunsiderazzjoni tal-fatt li din ir-rata kienet konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

55      Barra minn hekk, fir-rigward tal-koeffiċjent ‘“ammont addizzjonali”, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessi 1224 u 1225 tad-deċiżjoni kkontestata, il-koeffiċjent ta’ 15 % huwa r-rata minima prevista fil-Linji gwida tal-2006. Konsegwentement, ir-rata ffissata hija l-iktar favorevoli possibbli għall-appellanti fid-dawl tal-iskala ffissata minn dawn il-linji gwida.

56      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-differenzjazzjoni meħtieġa tal-ammonti tal-multa skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-impriżi, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta għall-kalkolu tal-ammont tal-multa lill-Kummissjoni, ma għandhiex titwettaq neċessarjament fil-kuntest tal-iffissar tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali”, iżda d-differenzi u ċ-ċirkustanzi speċifiċi għall-impriżi kkonċernati jistgħu, jekk ikun il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni fi stadju ieħor tal-kalkolu tal-multa, bħal fil-kuntest tal-aġġustament tal-ammont bażiku skont iċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti, skont il-punti 28 u 29 tal-Linji gwida tal-2006 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2013, Gosselin Group vs Il-Kummissjoni, C-429/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:463, punti 96 sa 100, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C-444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punti 104 u 105), jew fil-kuntest tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, peress li dan il-valur jirrifletti, għal kull impriża parteċipanti, l-importanza tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni, konformement mal-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006.

57      Fil-fatt, kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-aħħar punt għandu l-għan li jieħu, bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-multa imposta fuq impriża, ammont li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż relattiv ta’ din l-impriża fih (ara, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C-444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 76).

58      Konsegwentement, sa fejn huwa stabbilit li l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq l-appellanti ġiet iddeterminata, hekk kif jirriżulta mill-premessa 1219 tad-deċiżjoni kkontestata, skont il-valur tal-bejgħ imwettaq mill-appellanti fit-territorju Taljan, il-Qorti Ġenerali setgħet, fil-punt 149 tas-sentenza appellata, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tiffissa, għall-kalkolu tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-appellanti, il-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” ta’ rata ta’ 15 %, ugwali għal dak użat għall-impriżi li pparteċipaw fil-ksur uniku li jkopri t-tliet sottogruppi ta’ prodotti u sitt Stati Membri.

59      Għalhekk, permezz ta’ sostituzzjoni ta’ motivi, għandu, jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ġibdet ebda konklużjoni mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 119 tas-sentenza appellata u kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

60      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan l-ewwel aggravju għandu jkun miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

61      Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni, essenzjalment, li l-motivazzjoni li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 150 tas-sentenza appellata, l-argumenti tagħha kontra r-rifjut tal-Kummissjoni li tagħtiha, konformement mal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006, tnaqqis tal-multa minħabba l-fatt li hija kellha biss rwol minuri fil-ksur inkwistjoni, hija żbaljata.

62      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat b’mod żbaljat li l-appellanti ma kinitx uriet li r-rwol tagħha fil-ksur inkwistjoni kien minuri, peress li l-Kummissjoni hija nfisha rrikonoxxiet fid-deċiżjoni kkontestata ir-rwol ċentrali ta’ ċerti impriżi oħra fil-kuntest tal-prattiki illegali kkonstatati. Kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali iddikjaraw, ir-rwol differenti jew minuri tal-appellanti kif ukoll il-livell ta’ gravità differenti tal-parteċipazzjoni fil-ksur inkwistjoni ma humiex riflessi mill-valur ta’ bejgħ tal-prodotti kkonċernati li kien il-bażi tal-kalkolu tal-multa imposta fuqha, peress li dak il-valur jikkostitwixxi s-sempliċi espressjoni ta’ parametru kwantitattiv li ma għandu xejn x’jaqsam mal-valur kwalifikattiv tal-aġir tal-impriżi kkonċernati.

63      Konsegwentement, skont l-appellanti, sa fejn il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali ttrattaw bl-istess mod sitwazzjonijiet li huma, fil-fatt, assolutament differenti peress li r-rwol tagħhom fil-kollużjoni ma setax jiġi pparagunat ma’ dak tal-impriżi l-oħra responsabbli għall-prattiki kkonċernati, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u natura personali tar-responsabbiltà ġew miksura b’mod ċar.

64      Skont il-Kummissjoni, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u ineffettiv. Dan l-aggravju jirrigwarda biss il-punti purament fattwali u huwa biss intiż li jikseb eżami mill-ġdid tal-fatti. L-appellanti ma spjegat bl-ebda mod kif il-Qorti Ġenerali, hekk kif tidher li u qed issostni, żnaturat il-fatti. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmi aggravju huwa wisq vag u impreċiż sabiex ikun ammissibbli.

65      Fir-rigward, sussidjarjament, fir-rigward tal-mertu tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni tosserva li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 133 sa 140 u 150 tas-sentenza appellata, wara li analizzat id-deċiżjoni kkontestata, li l-appellanti ma setgħetx tibbenefika minn xi ċirkustanza attenwanti. Barr minn dan, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn iċ-ċirkustanzi ma hijiex awtomatika u l-appellanti ma pproduċietx il-prova tat-teżi tagħha skont fejn hija kellha rwol passiv u ta’ segwaċi fl-akkordju inkwistjoni. Fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi sostnut li r-rwol tal-appellanti kien passiv, peress li hija pparteċipat għal prattiki antikompetittivi b’mod kontinwu u b’mod assidwu u li, kif stabbiliet i l-Qorti Ġenerali fil-punti 52 et seq. tas-sentenza appellata, l-appellanti bbenefikat minn informazzjoni li rċeviet minn parteċipanti oħra fl-akkordju.

66      Il-Kummissjoni tinnota, barra minn hekk, li anki jekk l-argument tal-appellanti kien fondat, huwa kien ikun, fi kwalunkwe każ, ineffettiv sa fejn anki kieku applikat għall-appellanti koeffiċjent ta’ 14 %, il-multa imposta fuq din tal-aħħar ma kinitx titnaqqas, peress li l-ammont tal-multa kkalkolat b’applikazzjoni ta’ dan il-koeffiċjent kien ikun fi kwalunkwe każ ’il fuq tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-appellanti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

67      Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti tikkontesta, essenzjalment, il-motivazzjoni li biha l-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 150 tas-sentenza appellata, l-argumenti li hija ressqet kontra r-rifjut tal-Kummissjoni li tikkonċedilha tnaqqis tal-multa minħabba li hija kellha rwol minuri f’dan il-ksur.

68      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha l-kompetenza tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll il-provi ppreżentati quddiemha. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u elementi ta’ prova għalhekk ma jikkostitwixxux, sakemm ma jiġux interpretati ħażin, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, id-digriet tal-11 ta’ Ġunju 2015, Faci vs Il-Kummissjoni, C-291/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:398, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll f’dan is-sens is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni C-603/13 P, EU:C:2016:38 punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara, b’mod partikolari, id-digriet tal-11 ta’ Ġunju 2015, Faci vs Il-Kummissjoni, C-291/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:398, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      F’dan il-każ, bl-iskuża ta’ allegat ksur mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament natura personali tar-responsabbiltà, l-appell huwa intiż fir-realtà sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja twettaq eżami mill-ġdid tal-provi fil-proċess, b’mod partikolari tal-kwistjoni ta’ jekk, bħalma kkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 150 tas-sentenza appellata, l-appellanti pparteċipat attivament fl-implementazzjoni tal-prattiki allegati.

70      Peress li l-appellanti la nvokat u lanqas uriet żnaturament manifest tal-fatti jew tal-provi, it-tieni aggravju huwa manifestament inammissibbli.

71      Ġaladarba ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti ma ġie milqugħ, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

72      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

73      Konformement mal-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellanti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Zucchetti Rubinetteria SpA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.