Language of document : ECLI:EU:T:2014:88

Kawża T‑128/11

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

LG Display Co. Ltd

u

LG Display Taiwan Co. Ltd

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq dinji tal-pannelli tal-kristalli likwidi (LCD) — Ftehimiet u prattiki miftiehma fil-qasam ta’ prezzijiet u ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni — Bejgħ intern — Drittijiet tad-difiża — Multi — Immunità parzjali minn multa — Ksur uniku u kontinwat — Prinċipju ta’ ne bis in idem”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tas-27 ta’ Frar 2014

1.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Metodu ta’ kalkolu indikat mil-linji gwida adottati mill-Kummissjoni — Kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa — Determinazzjoni tal-valur ta’ bejgħ — Kriterji — Teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ lil impriżi terzi — Kundizzjoni

(Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 13)

2.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Metodu ta’ kalkolu indikat mil-linji gwida adottati mill-Kummissjoni — Kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa — Determinazzjoni tal-valur ta’ bejgħ — Kriterji — Teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ lil kumpanniji li jiffurmaw parti mill-istess grupp iżda li ma jikkostitwixxux impriża unika mal-impriża implikata — Trattament differenti tal-bejgħ fi ħdan impriżi uniċi li wkoll ipparteċipaw fl-akkordju — Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Assenza

(Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 13)

3.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tnaqqis tal-ammont tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Distinzjoni bejn sitwazzjoni li tagħti lok għal immunità minn multa u oħra li tagħti lok għal tnaqqis fl-ammont tagħha — Immunità parzjali — Kundizzjonijiet — Interpretazzjoni restrittiva

(Artikolu 101(1) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punt 8(b) u t-tielet subparagrafu tal-punt 23(b))

4.      Akkordji — Projbizzjoni — Ksur — Ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku — Impriża imputata bir-responsabbiltà għall-ksur kollu — Kundizzjonijiet

(Artikolu 101(1) TFUE)

5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Immunità parzjali mogħtija għal ċertu perijodu — Konsegwenzi — Esklużjoni ta’ dan il-perijodu mill-istadji kollha tal-kalkolu tal-multa

(Artikolu 101(1) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, it-tielet subparagrafu tal-punt 23(b))

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni — Tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni — Kundizzjonijiet

(Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 2002/C 45/03 u 2006/C 210/02, ir-raba’ inċiż tal-punt 29)

7.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Ksur uniku u kontinwat — Obbligu tal-Kummissjoni li taġixxi kontra aġiri relatati ma ksur uniku u kontinwat permezz ta’ proċedura waħda — Assenza — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-portata tal-proċeduri — Limiti — Osservanza tal-prinċipju ta’ ne bis in idem

(Artikolu 101(1) TFUE)

8.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni li tikkonstata ksur — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Artikoli 101 TFUE, 102 TFUE u 296 TFUE)

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni — Portata

(Artikolu 101 TFUE, 102 TFUE u 261 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31)

1.      F’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multi imposti għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, meta parteċipant fi ksur ibiegħ il-prodotti kkonċernati minn dan il-ksur lil kumpanniji li ma jiffurmawx impriża unika ma dan il-parteċipant, il-bejgħ inkwistjoni jista’ jiġi kkunsidrat bħala magħmul lil terzi indipendenti, għalkemm teżisti rabta bejn l-imsemmi parteċipant u l-imsemmija kumpanniji. Madankollu, il-Kummissjoni xorta tibqa’ obbligata li tispjega liema hija r-rabta tal-bejgħ ikkonċernat mal-akkordju.

(ara l-punti 60 sa 63)

2.      F’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multi imposti għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-fatt li bejgħ fi ħdan impriża unika jiġi ttrattat b’mod differenti meta mqabbel mal-bejgħ bejn kumpanniji li jiffurmaw parti mill-istess grupp iżda li ma humiex ikklassifikati bħala impriża unika ma jistax jiġi kkritikat mill-perspettiva tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. L-eżistenza ta’ impriża unika tagħti lok għal sitwazzjoni differenti, li tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ kategoriji differenti fil-konfront tal-parteċipanti rispettivi.

(ara l-punti 136 sa 140)

3.      L-aħħar subparagrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell japplika esklużivament għal każijiet fejn ikunu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet: l-ewwel nett, l-impriża inkwistjoni tkun l-ewwel waħda li tipprova fatti li ma kinux magħrufa preċedentement mill-Kummissjoni u, it-tieni nett, fejn il-provi prodotti jkollhom effett dirett fuq il-gravità u t-tul tal-akkordju ssuspettat, u għalhekk jippermettu li l-Kummissjoni tasal għal konklużjonijiet ġodda fuq il-ksur.

Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett billi l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet tiġi limitata għall-każijiet fejn kumpannija li hija parti minn akkordju tipprovdi informazzjoni ġdida lill-Kummissjoni, dwar il-gravità jew it-tul tal-ksur u billi jiġu esklużi l-każijiet fejn il-kumpannija tkun ipprovdiet biss elementi li jippermettu li jissaħħu l-provi relatati mal-eżistenza tal-ksur. Fil-fatt, l-effettività tal-programmi ta’ klemenza tkun affettwata jekk l-impriżi jitilfu l-inċentivi sabiex ikunu tal-ewwel li jissottomettu informazzjoni li biha jirrappurtaw akkordju lill-Kummissjoni.

Barra minn hekk, it-test deskritt fil-punt 8(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni huwa differenti minn dak previst fl-aħħar subparagrafu tal-punt 23(b) tagħha. L-ewwel waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet tipprovdi li l-immunità totali tingħata lill-impriża li tkun l-ewwel waħda li tipproduċi provi li, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, huma ta’ natura tali li jippermettulha tikkonstata akkordju. Il-fatt li dawn huma testijiet differenti jikkostitwixxi ġustifikazzjoni oġġettiva li tippermetti li l-Kummissjoni ma tinkoraġġixxix lill-ewwel u lit-tieni impriża jipproduċu provi bl-istess mod, mingħajr madankollu ma tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Barra minn hekk, il-kriterji ta’ evalwazzjoni għall-għoti ta’ tnaqqis minħabba l-valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punti 21 u 22 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni huma wkoll differenti minn dawk li għandhom jintużaw sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dikjarazzjoni ta’ impriża tistax tagħti lok għall-għoti tal-immunità parzjali fis-sens tal-aħħar subparagrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmija komunikazzjoni.

(ara l-punti 157, 166, 167, 178, 179, 190)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 193, 220, 221)

5.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-fatt li impriża tingħata l-immunità parzjali skont l-aħħar subparagrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell, ifisser li din għandha tiġi ttrattata bħallikieku ma kinitx ipparteċipat fil-ksur inkwistjoni matul il-perijodu kopert mill-immunità għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta. L-imsemmija dispożizzjoni ma tipprovdix li l-Kummissjoni għandha tinjora l-fatti koperti unikament għall-finijiet tal-kalkolu tal-koeffiċjent dwar it-tul tal-ksur, iżda għandha tingħata portata iktar ġenerali, u dan għalhekk jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija fatti fir-rigward tal-aspetti kollha li jikkonċernaw l-iffissar tal-ammont tal-multa, inkluż il-kalkolu tal-medja tal-valur tal-bejgħ rilevanti. Essenzjalment, l-immunità parzjali, kif prevista fil-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, għalhekk tammonta għal “finzjoni legali” li tipprovdi li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tirraġuna daqs li kieku l-impriża benefiċjarja ta’ din l-immunità ma kinitx ipparteċipat fil-ksur matul il-perijodu kopert minn dan il-benefiċċju.

(ara l-punti 199, 201)

6.      Ir-raba’ paragrafu tal-punt 29 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li impriża tibbenefika minn tnaqqis doppju tal-ammont tal-multa, abbażi tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell u abbażi tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, għall-istess kooperazzjoni mal-Kummissjoni. Fir-rigward tal-ksur li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, bħala prinċipju, il-persuna kkonċernata ma tistax validament tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-grad tal-kooperazzjoni tagħha inkwantu ċirkustanza attenwanti, lil hinn mill-kuntest legali tal-imsemmija komunikazzjoni. Is-soluzzjoni li tgħid li, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, il-Kummissjoni għandha tagħti tnaqqis tal-ammont tal-multa lil impriża abbażi tar-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi għandha tiġi interpretata fis-sens li l-eżistenza ta’ tali sitwazzjonijiet tippreżupponi li l-kooperazzjoni tal-impriża kkonċernata, għalkemm tmur lil hinn mill-obbligi legali tagħha ta’ kooperazzjoni, madankollu ma tagħtix lil din l-impriża d-dritt għal tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

(ara l-punti 205 sa 208)

7.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, għalkemm l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat tippermetti li l-Kummissjoni tinvestiga, permezz ta’ proċedura waħda u ta’ deċiżjoni waħda, fl-istess ħin diversi aġiri li setgħu jiġu investigati individwalment, madankollu din ma għandhiex bħala konsegwenza li tobbliga lill-Kummissjoni taġixxi b’dan il-mod. Għalhekk, bħala prinċipju l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli tinvestiga separatament diversi aġiri li hija setgħet tiġbor flimkien fi ksur uniku u kontinwat. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-portata tal-proċeduri li hija tibda. Fil-fatt, hija ma tistax tiġi obbligata tikkonstata u tissanzjona kull aġir antikompetittiv u l-qrati tal-Unjoni ma jistgħux — ħlief bil-għan li jingħata tnaqqis tal-ammont tal-multa — jiddeċiedu li l-Kummissjoni, fid-dawl tal-provi għad-dispożizzjoni tagħha, kellha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur matul perijodu speċifiku fil-konfront ta’ impriża speċifika.

L-eżistenza ta’ din is-setgħa diskrezzjonali hija suġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju. Madankollu, huwa biss jekk jista’ jintwera li l-Kummissjoni kienet bdiet, mingħajr raġuni oġġettiva, żewġ proċeduri separati dwar sitwazzjoni fattwali unika li l-għażla tagħha tista’ tiġi kkunsidrata bħala abbuż ta’ poter. Meta l-Kummissjoni tikkunsidra li ma għandhiex provi suffiċjenti fil-konfront ta’ ċerti impriżi ssusspettati li pparteċipaw fl-istess ksur uniku, jew inkella meta ma jkunx hemm prova ta’ pjan globali u ta’ metodi komuni, dawn iċ-ċirkustanzi jikkostitwixxu raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw l-għażla tal-Kummissjoni li tinvestiga operaturi differenti permezz ta’ proċeduri separati.

Barra minn hekk, ir-riskji li impriża li tkun s-suġġett tal-ewwel proċedura miftuħa mill-Kummissjoni tkun investigata wkoll fil-kuntest tal-eventwali tieni proċedura dwar l-istess ksur uniku u kontinwat, ma humiex ta’ natura li jippermettu lil din l-impriża tinvoka l-prinċipju ne bis in idem kontra d-deċiżjoni li tagħlaq l-ewwel proċedura. L-osservanza ta’ dan il-prinċipju ma hijiex evidentement konċepibbli b’mod preventiv u ma teżentax lill-impriża mid-dover tagħha ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni għall-finijiet tal-eventwali tieni proċedura.

(ara l-punti 222 sa 225, 231, 242 sa 244)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 238)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 255, 256)