Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Latvija) fl-4 ta’ Jannar 2024 – SIA MISTRAL TRANS vs Valsts ieņēmumu dienests
(Kawża C-3/24, MISTRAL TRANS)
Lingwa tal-kawża: il-Latvjan
Qorti tar-rinviju
Augstākā tiesa (Senāts)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent u Appellant: SIA MISTRAL TRANS
Konvenut u Parti oħra fil-proċedura ta’ kassazzjoni: Valsts ieņēmumu dienests
Domandi preliminari
It-terminu “kontabilista estern” li jinsab fil-punt 3(a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll għall-każijiet fejn is-servizzi ta’ kontabbiltà huma pprovduti biss lill-persuni marbuta mal-kontabilista estern?
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 58(1) tad-Direttiva 2015/849, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi evalwata l-proporzjonalità tas-sanzjoni imposta, huwa xieraq li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li: 1) is-servizz ta’ kontabbiltà huwa pprovdut biss lill-persuni marbuta mal-fornitur; 2) l-għażla li l-kontabbiltà tiġi fdata lil kontabilista estern tiddependi fuq kunsiderazzjonijiet ta’ effiċjenza, imwettqa fi ħdan grupp ta’ impriżi konnessi, u ma hijiex iddeterminata minn kriterji bbażati fuq il-leġiżlazzjoni jew minn kriterji bbażati fuq ir-realtà ekonomika?
____________
1 ĠU 2015, L 141, p. 73.