Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de première instance de Liège (il-Belġju) fl-20 ta’ Frar 2024 – John Cockerill SA vs État belge

(Kawża C-135/24, John Cockerill)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal de première instance de Liège

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: John Cockerill SA

Konvenut: État belge

Domandi preliminari

L-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE tat-30 ta’ Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal- kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti 1 għandu effett dirett u, flimkien ma’ sorsi oħra tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru:

(i)    li tistabbilixxi skema ta’ konsolidazzjoni fiskali (trasferiment intragrupp) li tippermetti lil gruppi ta’ kumpanniji jittrasferixxu, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-profitti taxxabbli kollha jew parti minnhom ta’ ċerti sussidjarji lil sussidjarji oħra li jkunu ġarrbu telf matul is-sena finanzjarja (trasferiment intragrupp), u

(ii)    li teskludi minn dan il-vantaġġ dawk il-kumpanniji li jkunu qegħdin jagħmlu telf, għall-ammont ta’ dividendi rċevuti, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex ikunu eżentati mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li jittrasponi d-Direttiva 2011/96?

Din il-leġiżlazzjoni tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2011/96 li jippreċiża li “ma għandhiex tipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali jew dawk imsejsa fuq ftehim meħtieġa għall-prevenzjoni tal-frodi jew l-abbuż”[?]

____________

1     ĠU 2011, L 345, p. 8.