Language of document : ECLI:EU:C:2012:542

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

6 ta’ Settembru 2012 (*)

“Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi — Regolament (KE) Nru 44/2001— Artikolu 15(1)(c) — Limitazzjoni eventwali ta’ din il-ġurisdizzjoni għall-kuntratti li jsiru mill-bogħod”

Fil-Kawża C‑190/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ April 2011, fil-proċedura,

Daniela Mühlleitner

vs

Ahmad Yusufi,

Wadat Yusufi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati minn:

–        għal D. Mühlleitner, minn C. Schönhuber, Rechtsanwalt,

–        għal A. Yusufi u W. Yusufi, minn U. Schwab, u G. Schwab, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar u B. Majczyna, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. I. Fernandes u S. Nunes de Almeida, bħala aġenti,

–        għall-Konfederazzjoni Svizzera, minn D. Klingele, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud-Joët u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Mejju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Brussell I”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn D. Mühlleitner u A. Yusufi u W. Yusufi u għandha bħala suġġett ix-xoljiment ta’ kuntratt bejgħ ta’ vettura bil-mutur minħabba difetti moħbija, ir-rimbors tal-prezz tal-bejgħ kif ukoll il-ħlas ta’ danni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-punt 3 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), huwa fformulat kif ġej:

“Fir-rigward ta’ kuntratt konkluż minn persuna għal raġuni li tista’ titqies bħala barra mill-attività professjonali tiegħu, iktar ’il quddiem imsejjaħ ‘il-konsumatur’; il-ġurisdizzjoni hija stabbilita minn din is-Sezzjoni, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 5(5):

[…]

3) għal kull kuntratt ieħor li għandu bħala għan il-provvista ta’ servizzi jew oġġetti jekk:

a)      il-konklużjoni ta’ kuntratt kienet ippreċeduta fl-Istat tad‑domiċilju tal-konsumatur minn proposta speċifika jew minn reklamar

u li

b)      l-konsumatur wettaq f’dan l-Istat l-atti neċessarji għall‑konklużjoni ta’ dan il-kuntratt.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Skont il-premessa 13 tar-Regolament Brussell I, fil-qasam ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, mal-konsumatur, u ta’ xogħol, huwa opportun li tiġi protetta l-parti l-iktar debboli permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni iktar favorevoli għall-interessi tagħha għaliex ir-regoli ġenerali ma humiex hekk.

5        L-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell I jipprovdi l-prinċipju li jgħid li l-persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, indipendentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.

6        L-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Brussell I jaqra kif ġej:

“1. F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus barra minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni, mingħajr preġudizju għall-Artikolu 4 u l-punt 5 tal-Artikolu 5, jekk:

[…]

(ċ)      […] il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’xi meżżi, imexxi tali attivitajiet għal dak l-Istat Membru jew għal diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u li l-kuntratt jidħol fl-iskop ta’ attivitajiet bħal dawk.

[…]”

7        L-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament Brussell I huwa fformulat kif ġej:

“Konsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt jew fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih jkun domiċiljat dak il-parti jew fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur.

2. Jistgħu jitressqu proċeduri kontra konsumatur mill-parti l-oħra tal-kuntratt biss fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.

[…]”

8        Il-premessa 7 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”), tistabbilixxi li l-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament għandhom ikunu koerenti meta mqabbla ma’ dawk tar-Regolament Brussell I.

9        Il-premessa 24 tar-Regolament Ruma I hija fformulata kif ġej:

“Fir-rigward, aktar partikolarment, ta’ kuntratti konsumistiċi, [...] [i]l-konsistenza mar-Regolament [Brussell I] teħtieġ, minn naħa waħda, li ssir referenza għall-kunċett ta’ ‘attività indirizzata’ bħala kondizzjoni għall-applikazzjoni tar-regola li tipproteġi lill-konsumatur u, min-naħa l-oħra, li dan il-kunċett jiġi interpretat b’armonija fir-Regolament (KE) Nru 44/2001 u f’dan ir-Regolament, fid-dawl ta’ dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 li tispeċifika li ‘sabiex l-Artikolu 15(1)(c) ikun applikabbli, mhuwiex suffiċjenti għal intrapriża li timmira l-attivitajiet tagħha lejn l-Istat Membru tar-residenza tal-konsumatur, jew lejn numru ta’ Stati Membri inkluż dak l-Istat Membru; għandu jun hemm ukoll kuntratt konkluż fil-kuntest ta’ l-attivitajiet tagħha’. Id-dikjarazzjoni tgħid ukoll li ‘s-sempliċi fatt li sit ta’ l-Internet ikun aċċessibbli mhuwiex suffiċjenti sabiex l-Artikolu 15 ikun applikabbli, għalkemm ikun fattur li dan is-sit ta’ l-Internet iħajjar il-konklużjoni ta’ kuntratti minn distanza u li kuntratt ġie effettivament konkluż minn distanza, bi kwalunkwe mezz. F’dan ir-rigward, il-lingwa jew il-munita użata f’dan is-sit ta’ l-Internet ma tikkostitwixxix fattur rilevanti’.”

10      L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma I jipprovdi:

“1. Bla ħsara għall-Artikoli 5 u 7, kuntratt konkluż minn persuna fiżika għal skop li jista’ jitqies bħala mhux relatat mas-sengħa jew professjoni tagħha (‘il-konsumatur’), ma’ persuna oħra li taġixxi fl-eżerċizzju tas-sengħa jew professjoni tagħha (‘il-professjonist’) għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, bil-kondizzjoni li:

a)      il-professjonist jeżerċita l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tiegħu fil-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, jew

b)      bi kwalunkwe mezz, jindirizza dawn l-attivitajiet lejn dak il-pajjiż jew lejn diversi pajjiżi inkluż dak il-pajjiż,

u li l-kuntratt jaqa’ fl-ambitu ta’ dawn l-attivitajiet.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11      Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-elementi tal-proċess jirriżulta li D. Mühlleitner, iddomiċiljata fl-Awstrija, fittxet, fuq l-internet, vettura ta’ għamla Ġermaniża li xtaqet tixtri għall-bżonnijiet privati tagħha. Wara li qabdet mal-pjattaforma ta’ riċerka Ġermaniża li jisimha “www.mobil[e].de”, hija speċifikat l-għamla u l-mudell tal-vettura mixtieqa, u b’hekk kisbet lista ta’ vetturi li jirrispondu għall-karatteristiċi speċifikati.

12      Wara li għażlet il-vettura li tikkorrispondi l-aħjar għall-kriterji ta’ riċerka tagħha, hija ġiet mibgħuta lejn offerta tal-konvenuti, A. Yusufi u M. Yusufi, li għandhom kummerċ ta’ bejgħ bl-imnut ta’ vetturi, permezz tal-intermedjazzjoni ta’ Autohaus Yusufi GbR (iktar ’il quddiem “Autohaus Yusufi”), kumpannija ċivili stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja).

13      Peress li xtaqet tikseb iktar informazzjoni dwar il-vettura poposta fuq l-imsemmija pjattaforma ta’ riċerka, D. Mühlleitner ikkuntattjat lill-konvenuti permezz tan-numru tat-telefon indikat fuq is-sit internet ta’ Autohaus Yusufi, li kien jinkludi prefiss internazzjonali. Peress li l-vettura inkwistjoni ma kinitx għadha disponibbli, saritilha proposta ta’ vettura oħra, li l-karatteristiċi tagħha ntbagħtu f’iktar dettalji bil-posta. Ġie wkoll ippreċiżat li n-nazzjonalità Awstrijaka tagħha ma kinitx se tkun ta’ ostaklu għall-akkwist ta’ vettura mingħand il-konvenuti.

14      Sussegwentement, D. Mühlleitner marret il-Ġermanja u, permezz ta’ kuntratt ta’ bejgħ iffirmat fil-21 ta’ Settembru 2009 f’Hamburg, xtrat mingħand A. Yusufi u W. Yusufi l-vettura inkwistjoni għall-prezz ta’ EUR 11 500, b’kunsinna immedjata tal-vettura.

15      Meta rritornat l-Awstrija, D. Mühlleitner skopriet li l-vettura mixtrija kellha difetti sostanzjali u għalhekk talbet lill-konvenuti jirranġawha.

16      Peress li l-konvenuti rrifjutaw li jirranġaw il-vettura, D. Mühlleitner ressqet quddiem il-qorti tad-domiċilju tagħha, il-Landesgericht Wels (l-Awstrija), talba għax-xoljiment tal-kuntratt ta’ bejgħ tal-vettura, li hija ssostni li kkonkludiet bħala konsumatur ma’ impriża li indirizzat l-attività kummerċjali jew professjonali tagħha lejn l-Awstrija, ipoteżi koperta mill-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Brussell I.

17      Il-konvenuti kkontestaw il-kwalità ta’ “konsumatur” ta’ D. Mühlleitner u l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Awstrijaċi, billi kkunsidraw li l-kawża kellha tinbeda quddiem il-qrati kompetenti Ġermaniżi. Huma sostnew ukoll li huma ma jindirizzawx l-attivitajiet tagħhom lejn l-Awstrija u li r-rikorrenti kkonkludiet il-kuntratt fl-uffiċċju rreġistrat tal-impriża tagħhom fil-Ġermanja.

18      Fl-10 ta’ Mejju 2010, il-qorti tal-ewwel istanza, il-Landesgericht Wels ċaħdet ir-rikors filwaqt li ddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni. Minkejja li ma kkontestatx il-kwalità ta’ “konsumatur” ta’ D. Mühlleitner, l-imsemmija qorti madankollu kkunsidrat li l-possibbiltà li tikkonsulta s-sit internet ta’ Autohaus Yusufi fl-Awstrija ma kienx biżżejjed sabiex jistabbilixxi l-fondatezza tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Awstrijaċi, li t-telefonata tar-rikorrenti kienet l-oriġini tal-konklużjoni tal-kuntratt u li mill-ittra li kienet intbagħtet sussegwentement, ma kienx jirriżulta li l-konvenuti indirizzaw l-attivitajiet tagħhom lejn l-Awstrija. D. Mühlleitner appellat minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht Linz.

19      Fis-17 ta’ Ġunju 2010, l-imsemmija qorti kkonfermat id-deċiżjoni tal-ewwel istanza. Lanqas din ma kkontestat il-kwalità ta’ “konsumatur” ta’ D. Mühlleitner, iżda, filwaqt li fakkret id-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-Artikoli 15 u 73 tar-Regolament Brussell I magħmula fl-okkażjoni tal-adozzjoni ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni konġunta”), li tgħid li sit internet purament “passiv” ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li attività hija indirizzata lejn l-Istat tal-konsumatur, hija rrelevat li s-sit internet ta’ Autohaus Yusufi kellu l-karatteristiċi ta’ tali sit “passiv”. Barra minn hekk, filwaqt li osservat li skont id-dikjarazzjoni konġunta, il-kuntratt għandu jiġi konkluż mill-bogħod, hija qieset li dan ma kienx il-każ f’din is-sitwazzjoni partikolari. Din il-qorti madankollu awtorizzat l-appell ta’ “Reviżjoni” billi qieset li l-portata ġuridika tad-dikjarazzjoni konġunta ma kinitx ċara.

20      D. Mühlleitner ippreżentat appell ta’ “Reviżjoni” minn din is-sentenza quddiem l-Oberster Gerichtshof.

21      Kif jirriżulta mill-elementi tal-proċess, l-imsemmija qorti tikkunsidra li l-konvenuti indirizzaw l-attivitajiet tagħhom lejn l-Awstrija fis-sens tal-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Brussell I, fid-dawl tal-possibbiltà li jiġi kkonsultat is-sit ta’ Autohaus Yusufi fl-Awstrija kif ukoll minħabba l-eżistenza ta’ kuntatt mill-bogħod bejn il-partijiet kontraenti permezz tat-telefon u tal-posta.

22      Madankollu, permezz ta’ sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, l-Oberster Gerichtshof kienet iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Pammer u Hotel Alpenhof (sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, Pammer u Hotel Alpenhof, C-585/08 u C-144/09, Ġabra p. I-12527), li kellha tipprovdi preċiżazzjonijiet dwar il-kunċett ta’ “imexxi [jindirizza] tali attivitajiet għal dak l-Istat Membru”.

23      Din is-sentenza kompliet tikkonvinċi lill-Oberster Gerichtshof li A. Yusufi u W. Yusufi kienu indirizzaw l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tagħhom lejn l-Awstrija. Din il-qorti lanqas ma għandha dubju dwar il-kwalità ta’ “konsumatur” ta’ D. Mühlleitner.

24      Madankollu, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk mill-punti 86 u 87 tas-sentenza Pammer u Hotel Alpenhof, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżultax li l-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Brussell I japplika biss għall-kuntratti konklużi mill-bogħod.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) [...] tar-Regolament Brussell I), tippresupponi li l-kuntratt bejn il-konsumatur u n-negozjatur ġie konkluż mill-bogħod?”

 Fuq id-domanda preliminari

26      Qabel xejn, għandu jitfakkar li l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Brussell I jikkostiwixxi deroga kemm għar-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut ikun iddomiċiljat, kif ukoll għar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam tal-kuntratti, stabbilita fl-Artikolu 5(1) ta’ dan l-istess regolament, li bih il-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija dik tal-post fejn obbligazzjoni li hija l-bażi tat-talba kienet jew għandha tiġi eżegwita (sentenza Pammer u Hotel Alpenhof, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

27      Isegwi li tali deroga għandha neċessarjament tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta, peress li deroga jew eċċezzjoni għal regola ġenerali għandhom jiġu interpretati restrittivament.

28      Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-kunċetti użati fir-Regolament Brussell I − u, b’mod partikolari, dawk li jidhru fl-Artikolu 15(1)(c) ta’ dan ir-regolament − għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, prinċipalment b’referenza għas-sistema u għall-għanijiet tal-imsemmi regolament, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2005, Engler, C-27/02, Ġabra p. I-481, punt 33, kif ukoll Pammer u Hotel Alpenhof, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

29      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fis-sistema stabbilita mir-Regolament Brussell I, l-Artikolu 15(1)(ċ) għandu, kif ukoll jirriżulta mill-premessa 13 ta’ dan l-istess regolament, l-istess post u jissodisfa l-istess funzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumatur bħala l-parti l-iktar dgħajfa bħall‑punt 3 tal-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (ara s-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2009, Ilsinger, C‑180/06, Ġabra p. I-3961, punt 41).

30      Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li ma hemmx lok li jiġi vverifikat jekk l-attivitajiet kummerċjali ta’ A. Yusufi u W. Yusufi kinux indirizzati lejn l-Awstrija, peress li l-qorti tar-rinviju diġà kkunsidrat li din il-kundizzjoni hija sodisfatta.

31      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula.

32      Permezz tad-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Brussell I għandux jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ li l-kuntratt bejn il-konsumatur u n-negozjant ikun ġie konkluż mill-bogħod. F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi jekk mill-punti 86 u 87 tas-sentenza Pammer u Hotel Alpenhof, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżultax li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Brussell I huwa limitat biss għall-kuntratti mal-konsumatur konklużi mill-bogħod.

33      F’dan ir-rigward, huwa minnu li, anki jekk l-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Brussell I huwa intiż sabiex jipproteġi lill-konsumaturi, dan ma jimplikax li din il-protezzjoni hija assoluta (ara s-sentenza Pammer u Hotel Alpenhof, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70). Barra minn hekk, il-bżonn ta’ konklużjoni ta’ kuntratt mal-konsumatur mill-bogħod huwa msemmi fid-dikjarazzjoni konġunta u fil-premessa 24 tar-Regolament Ruma I, li jirriproduċi din id-dikjarazzjoni konġunta.

34      Madankollu, il-gvernijiet kollha li ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom kif ukoll il-Kummissjoni jressqu argumenti marbuta mal-intepretazzjoni litterali, mal-oriġini u mal-interpretazzjoni teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni li huma favur risposta negattiva għad-domanda preliminari.

35      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Brussell I, ma jikkundizzjonax b’mod espliċitu l-applikazzjoni tiegħu għall-fatt li l-kuntratti suġġetti għall-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jkunu konklużi mill-bogħod.

36      Fil-fatt, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din tapplika biss meta jkunu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet speċifiċi. Għalhekk, huwa neċessarju, l-ewwel nett, li n-negozjant jeżerċita l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tiegħu fl-Istat Membru fejn huwa ddomiċiljat il-konsumatur jew li, bi kwalunkwe mezz, jindirizza l-attivitajiet tiegħu lejn Stat Membru jew diversi Stati Membri, fosthom dan l-Istat Membru, u, it-tieni nett, li l-kuntratt inkwistjoni jaqa’ fil-kuntest ta’ tali attivitajiet.

37      Barra minn hekk, għandu jiġi rrelevat li, fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal Regolament tal-Kunsill (KE) dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, ippreżentata mill-Kummissjoni fi Brussell, fl-14 ta’ Lulju 1999 [COM(1999) 348 finali], din l-istituzzjoni tikkunsidra li “[I]l-fatt li l-kundizzjoni li tinsab fl-ex Artikolu 13 [tal-Konvenzjoni ta’ Brussell], li l-konsumatur ikun issodisfa fl-Istat tiegħu l-atti neċessarji għall-konklużjoni tal-kuntratt, ma tibqax teżisti, jfisser li l-punt 3 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 15 [li sar l-Artikolu 15(1)(c) tar-Regoalement ta’ Brussell I] japplika wkoll għall-kuntratti konklużi fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-konsumatur [...]”

38      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li l-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1) tar‑Regolament Brussell I, ma hijiex identika għal kollox għal dik tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell. B’mod partikolari, hija kkunsidrat li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni li l-kuntratti konklużi mal-konsumatur għandhom jissodisfaw huma minn issa ’l quddiem ifformulati b’mod iktar ġenerali minn qabel, sabiex tiġi żgurata protezzjoni aħjar tal-konsumatur fid‑dawl tal-mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni u tal-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku (ara s-sentenza Pammer u Hotel Alpenhof, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

39      Il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk issostitwixxa l-kundizzjonijiet imposti minn naħa, fuq in-negozjant, li b’mod speċjali jkun għamel proposta jew indirizza reklamar fl-Istat ta’ domiċilju tal-konsumatur u, min-naħa l-oħra, fuq il-konsumatur li jkun wettaq f’dan l-Istat l-atti neċessarji għall-konklużjoni tal-kuntratt permezz ta’ kundizzjonijiet applikabbli biss għan-negozjant (sentenza Pammer u Hotel Alpenhof, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

40      F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi rrelevat li, fir-rapport tat-18 ta’ Settembru 2000 tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta tal-futur Regolament Brussell I (dokument finali A5-0253/2000, emenda 23), jissemma d-dibattitu dwar l-opportunità li tiżdied il-kundizzjoni li tipprovdi li l-kuntratti mal-konsumatur għandhom jiġu konklużi mill-bogħod kif ukoll argumenti li finalment wasslu għan-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ tali emenda.

41      Il-formulazzjoni l-ġdida, inqas restrittiva, tal-ex Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, hija riflessa wkoll fil-ftehim paralleli għall-Konvenzjoni ta’ Brussell u fir-Regolament Brussell I, b’mod partikolari fl-Artikolu 15(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/712/KE, tal-15 ta’ Ottubru 2007, dwar l-iffirmar, f’isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 339, p. 1).

42      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Brussell I, għandu jiġi osservat li ż-żieda ta’ kundizzjoni marbuta mal-konklużjoni ta’ kuntratti mal-konsumatur mill-bogħod imur kontra l-għan intiż minn din id-dispożizzjoni, fil-formulazzjoni inqas restrittiva ġdida tagħha, b’mod partikolari dik tal-protezzjoni tal-konsumaturi, partijiet debboli tal-kuntratt.

43      Fit-tielet lok, fir-rigward tas-sentenza Pammer u Hotel Alpenhof, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punti 86 u 87 tagħha, b’risposta għall-argumenti mressqa mill-kumpannija Hotel Alpenhof, skont liema l-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Brussell I ma jistax japplika peress li l-kuntratt mal-konsumatur kien ġie konkluż fuq il-post u mhux mill-bogħod, li dawn l-argumenti ma kinux japplikaw f’dan il-każ peress li, fil-fatt, ir-riservazzjoni tal-kamra tal-lukanda u l-konferma tagħha kienu saru mill-bogħod.

44      Fil-fatt, kif irreleva l-avukat ġenerali fil-punti 36 sa 38 tal-konklużjonijiet tiegħu f’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-punti 86 u 87 tal-imsemmija sentenza jirrappreżentaw biss risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-argumenti ppreżentati mill-kumpannija Alpenhof, mingħajr ma l-portata tagħhom tista’ tiġi estiża lil hinn miċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża. Xorta jibqa’ l-fatt li l-kundizzjoni essenzjali li hija suġġetta għaliha l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Brussell I hija dik marbuta mal-attività kummerċjali jew professjonali indirizzata lejn l-Istat ta’ domiċilju tal-konsumatur. F’dan ir-rigward, kemm il-kuntatt mill-bogħod, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif ukoll ir-reservazzjoni ta’ beni jew ta’ servizz mill-bogħod, jew, a fortiori, il-konklużjoni ta’ kuntratt mal-konsumatur mill-bogħod huma indizji ta’ rabta tal-kuntratt ma’ tali attività.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Brussell I għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeħtieġx li l-kuntratt bejn il-konsumatur u n-negozjant ikun ġie konkluż mill-bogħod.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 15(1)(c) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeħtieġx li l-kuntratt bejn il-konsumatur u n-negozjant ikun ġie konkluż mill-bogħod.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.