Language of document : ECLI:EU:F:2011:166

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

29 taʼ Settembru 2011

Kawża F‑56/05

Peter Strobl

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Ħatra — Kandidati inklużi fʼlista taʼ riżerva qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda — Klassifikazzjoni fi grad skont regoli ġodda inqas favorevoli — Artikolu 12 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal — Aspettattivi leġittimi — Prinċipju taʼ ugwaljanza — Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età)

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu P. Strobl jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-7 ta’ Ottubru 2004, li tistabbilixxi l-klassifikazzjoni tiegħu fil-grad A*6.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Il-Kunsill, intervenjent, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri bir-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji taʼ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 12(3); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

2.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri bir-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji taʼ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 5(3)(c) u (31); Anness XIII, Artikolu 12(3))

3.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri bir-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji taʼ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7(1), l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27, Artikolu 29(1); Anness XIII, Artikolu 12(3); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

4.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri bir-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji taʼ klassifikazzjoni fi grad — Kandidati li għaddew minn kompetizzjoni ġenerali li ġew irreklutati bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2006 — Applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġodda — Ksur tal-prinċipju taʼ ugwaljanza fit-trattament — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 3; Anness XIII, Artikoli 12(3), u 13(2)

5.      Uffiċjali — Assenjazzjoni — Korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni — Assenjazzjoni fʼpożizzjoni taʼ grad ogħla — Dritt għal klassifikazzjoni mill-ġdid — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 7(1) u 62(1))

1. Uffiċjal ma jistax jinvoka l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex jikkontesta l-legalità taʼ dispożizzjoni leġiżlattiva ġdida, bʼmod partikolari f’qasam li fih il-leġiżlatur għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-bżonn taʼ riforma għar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, id-dritt li tintalab il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull individwu li jsib ruħu f’sitwazzjoni fejn ikun jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja tkun ħolqot fih tamiet fondati, billi tkun tatu assigurazzjonijiet preċiżi fil-forma ta’ informazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti, li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli, u għall-kuntrarju, ebda persuna ma tista’ tinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ garanziji preċiżi mogħtija lilha mill-amministrazzjoni.

Huwa minnu li aspettattivi leġittimi dwar iż-żamma tal-kriterji l-qodma tar-Regolamenti tal-Persunal tal-klassifikazzjoni fi grad setgħu, fejn xieraq, jirriżultaw minn assigurazzjonijiet preċiżi u konsistenti f’dan is-sens. Għall-kuntrarju, tali aspettattivi leġittimi fl-ebda każ ma setgħu jiġu ġġustifikati f’każ ta’ twissija, allegatament mhux preċiża, li kienu qegħdin jitfasslu regolamenti tal-persunal ġodda u inqas u inqas fid-dawl tal-indikazzjoni, bl-istess mod intrinsikament vaga, dwar il-klassifikazzjoni li abbażi tagħha kien ser isir ir-reklutaġġ.

(ara l-punti 39 u 44)

Referenza:

Il-Qorti tal-PrimʼIstanza: 11 taʼ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, T‑58/05, punti 9, 13 u 98

2. L-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal min-natura tiegħu għandu l-għan, bħala dispożizzjoni tranżitorja ta’ natura speċjali, li jidderoga mir-regoli ta’ natura ġenerali inklużi fid-dispożizzjonijiet permanenti tar-Regolamenti tal-Persunal, b’tali mod li ma teżisti l-ebda kontradizzjoni bejn dan l-artikolu, minn naħa, u l-Artikolu 5(3)(c), jew l-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal, min-naħa l-oħra.

Barra minn hekk, l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma għandux effett retroattiv u ma jippreġudikax id-drittijiet allegatament miksuba mill-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni mħabbra qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

(ara l-punti 45 u 46)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 taʼ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, C‑443/07 P, punti 62 u 101

Il-Qorti tal-PrimʼIstanza: Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq, punti 48 et seq

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 taʼ Settembru 2010, De Luca vs Il‑Kummissjoni, F‑20/06, punt 86

3. Il-leġiżlatur seta’, fil-kuntest tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, minn naħa, jistabbilixxi li l-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni li għalihom kien previst reklutaġġ fil-grad A 7 qabel l-1 ta’ Mejju 2004 minn issa ʼil quddiem ser jiġu rreklutati fil-grad A*6 u, min-naħa l-oħra, inaqqas, f’din l-okkażjoni, ir-remunerazzjonijiet marbuta ma’ dawn il-gradi.

Billi pproċeda b’dan il-mod, il-leġiżlatur ma kisirx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, b’mod partikolari, il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni abbażi tal-età, peress li t-tabella ta’ korrispondenza tal-gradi inkluża fl-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u t-tabella tas-salarji mensili bażiċi huma manifestament estranji għal kull teħid inkunsiderazzjoni, diretta jew indiretta, tal-età tal-persuna kkonċernata.

Barra minn hekk, b’mod konformi mar-regola li tirriżulta mill-Artikolu 7(1), mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27, u mill-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li tistabbilixxi li l-grad tal-impjiegi huwa stabbilit skont in-natura tagħhom, l-importanza tagħhom u l-portata tagħhom, indipendentement mill-kwalifiki tal-persuni kkonċernati, it-tabella ta’ korrispondenza tal-gradi inkluża fl-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal tiddistingwi l-grad bażiku ta’ A*5 mill-grad ogħla A*6 bil-għan li tieħu inkunsiderazzjoni l-esperjenza meħtieġa għall-impjiegi ta’ dan il-grad.

Konsegwentement, l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal obbliga lill-Awtorità tal-Ħatra li tieħu inkunsiderazzjoni dan kollu fl-interess tas-servizz, meta tiġi biex tiddetermina, b’mod oġġettiv, il-grad tal-impjiegi pprovduti.

(ara l-punt 54)

Referenza:

Il-Qorti tal-PrimʼIstanza: 30 taʼ Settembru 1998, Ryan vs Il‑Qorti tal-Awdituri, T‑121/97, punti 98 u 104; 29 taʼ Novembru 2006, Campoli vs Il‑Kummissjoni, T‑135/05, punt 105

It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 19 taʼ Ġunju 2007, Davis et vs Il‑Kunsill, F‑54/06, punt 81

4. Sabiex ma jiġi prekluż ebda żvilupp leġiżlattiv, il-prinċipju taʼ ugwaljanza ma jistax jostakola l-libertà tal-leġiżlatur li, fi kwalunkwe mument, jemenda r-Regolamenti tal-Persunal li huwa jqis li huma konformi mal-interess tas-servizz, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet jirriżultaw li jkunu inqas favorevoli minn dawk preċedenti għall-uffiċjali.

Barra minn hekk, mill-Artikolu 3 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-ħatra taʼ uffiċjal neċessarjament toriġina minn att unilaterali tal-Awtorità tal-Ħatra u huwa biss wara li jkun is-suġġett taʼ tali deċiżjoni li kandidat li għadda minn kompetizzjoni jistaʼ jikkontesta l-istatus taʼ uffiċjal u, għaldaqstant, jitlob li jibbenefika mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal.

Fir-rigward tal-klassifikazzjoni fi grad tal-uffiċjali li ġew maħtura mill-ewwel ta’ Mejju 2004 ʼil quddiem, dawn setgħu jiġu legalment affettwati biss skont il-kriterji l-ġodda viġenti f’dik id-data. Matul il-perijodu tranżitorju ta’ bejn l-1 taʼ Mejju 2004 u t-30 taʼ April 2006, dawn il-kriterji kienu stabbiliti mill-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

Barra minn hekk, il-legalità ta’ att ikkontestat għandha tiġi evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fil-mument tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar u l-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni għall-kompetizzjoni skont in-neċessitajiet tas-servizz. Għaldaqstant, uffiċjal ma jistax jiddeduċi l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament mill-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal mis-sempliċi fatt li, wara r-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal u fid-dawl tan-neċessitajiet tas-servizzi, ġew organizzati kompetizzjonijiet maħsuba għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali fi gradi ogħla mill-grad tiegħu. L-istess raġunament japplika wkoll fir-rigward tal-fatt li kienu ġew irriżervati pożizzjonijiet ta’ impjieg f’oqsma speċifiċi għal kandidati li għandhom grad ogħla minn dak tal-persuna kkonċernata.

Barra minn hekk, il-possibbiltà offruta lill-istituzzjonijiet mill-Artikolu 13(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal li timpjega uffiċjali fil-kwalità ta’ ġuristi lingwisti fil-grad A*7 hija spjegata mill-karatteristiċi partikolari tagħhom fuq is-suq tax-xogħol u partikolarment mid-diffikultajiet li jista’ jkollhom l-istituzzjonijiet sabiex jirreklutawhom.

Fl-aħħar, l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, jew tad-deċiżjoni kkontestata adottata abbażi ta’ dik id-dispożizzjoni, ma huwiex ta’ natura diskriminatorja, fil-konfront tal-uffiċjali li bdew il-karriera tagħhom fi ħdan l-Unjoni Ewropea meta kienu għadhom iżgħar mill-persuna kkonċernata. F’dan il-kuntest, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fil-klassifikazzjoni inizjali fi grad, ta’ kull esperjenza miksuba qabel ir-reklutaġġ mill-istituzzjoni, jirriżulta f’konsegwenzi li jipperduraw matul il-karriera kollha. F’dan il-każ, l-esperjenza utli għall-pożizzjonijiet ipprovduti ġiet stabbilita b’mod oġġettiv, fid-dawl tan-neċessitajiet tas-servizz, waqt id-determinazzjoni tal-grad ta’ dawn il-pożizzjonijiet fl-avviż tal-kompetizzjoni u billi twettaq tali determinazzjoni tal-esperjenza utli, l-amministrazzjoni ssegwi għan leġittimu mingħajr ma twettaq trattament iddifferenzjat arbitrarju jew manifestament inadegwat. Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan tas-servizz pubbliku Ewropew, il-persuni li jkunu ħadmu bħala uffiċjali ma humiex, fil-prinċipju, f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ persuni li kisbu esperjenza barra mill-istituzzjonijiet. Fil-fatt, għall-kuntrarju normalment tal-persuni esterni, l-uffiċjali jiksbu esperjenza relattiva għall-istituzzjonijiet, peress li dawn ikunu diġà taw prova tal-kompetenza tagħhom li jeżegwixxu l-missjonijiet ta’ dawn tal-aħħar fil-kuntest tal-partikolaritajiet tal-organizzazzjoni amministrattiva Ewropea u tar-relazzjonijiet tal-impjieg previsti mir-Regolamenti tal-Persunal fil-qasam, b’mod partikolari, tas-subordinazzjoni, taʼ evalwazzjoni u ta’ dixxiplina, kif ukoll f’kuntest multikulturali u ta’ tradizzjonijiet differenti.

(ara l-punti 79, 81, 82 u 87)

Referenza:

Il-Qorti tal-PrimʼIstanza: Campoli vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 105; Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq, punti 86 u 113; 13 taʼ Diċembru 2006, Heus vs Il‑Kummissjoni, T‑173/05, punti 43, 44 u 52; 15 taʼ Novembru 2001, Van Huffel vs Il‑Kummissjoni, T‑142/00, punt 52

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 taʼ Ġunju 2006, Mc Sweeney u Armstrong vs Il‑Kummissjoni, F‑25/05, punt 39; 3 taʼ Mejju 2007, Bracke vs Il‑Kummissjoni, F‑123/05, punti 51 u 56; Davis et vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 81

5. Mill-Artikolu 7(1) meħud flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 62 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jistabbilixxu li l-uffiċjal għandu dritt għar-remunerazzjoni marbuta mal-grad u mal-iskala tiegħu, jirriżulta li, wara d-determinazzjoni tal-grad, u għaldaqstant tal-livell tas-salarju tal-uffiċjal, dan tal-aħħar ma jistax jingħata impjieg li ma jikkorrispondix għal dak il-grad. Fi kliem ieħor, il-grad, u għalhekk is-salarju li għalih għandu dritt l-uffiċjal, jiddetermina l-kompiti li huwa jista’ jiġi inkarigat bihom. Konsegwentement, il-prinċipju ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-impjieg jawtorizza wkoll lil kull uffiċjal li jirrifjuta assenjazzjoni ta’ impjieg li ma jkunx jikkorrispondi għal grad tiegħu u għalhekk, b’mod definittiv, li jirrifjuta funzjonijiet li ma jkunux jikkorrispondu għar-remunerazzjoni tiegħu.

Anki jekk uffiċjal jaċċetta li jeżerċita impjieg li jikkorrispondi għal grad ogħla minn tiegħu, il-prinċipju ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-impjieg ma jagħtih l-ebda dritt għall-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-impjieg tiegħu fi grad ogħla.

(ara l-punti 90 u 92)

Referenza:

Il-Qorti tal-PrimʼIstanza: 7 taʼ Mejju 1991, Jongen vs Il‑Kummissjoni, T‑18/90, punt 27; 20 taʼ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il‑Kummissjoni, T‑23/99, punt 367; 22 taʼ Diċembru 2005, Gorostiaga Atxalandabaso vs Il‑Parlament, T‑146/04, punt 141