Language of document : ECLI:EU:T:2010:272

Kawżi magħquda T-568/08 u T-573/08

Métropole télévision (M6) u Télévision française 1 SA (TF1)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Servizz pubbliku tax-xandir — Għajnuna maħsuba mir-Repubblika Franċiża favur France Télévisions — Għoti ta’ kapital ta’ EUR 150 miljun — Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet — Servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali — Kriterju ta’ proporzjonalità — Nuqqas ta’ diffikultajiet gravi”

Sommarju tas-sentenza

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proġetti ta’ għajnuna — Eżami mill-Kummissjoni — Fażi preliminari u fażi kontradittorja — Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni — Diffikultajiet ta’ evalwazzjoni — Obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura kontradittorja

(Artikolu 88(2) u (3) KE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku sosnuti minn impriża

(Artikolu 86(2) KE u 87(1) KE)

3.      Kompetizzjoni — Impriżi responsabbli għall-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali — Issuġġettar għar-regoli tat-Trattat — Kriterji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-finanzjament mill-Istat mas-suq komuni — Nuqqas ta’ kundizzjoni ta’ effiċjenza ekonomika tal-operatur reponsabbli għas-servizz

(Artikolu 86(2) KE)

4.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

(Artikolu 253 KE)

1.      Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE hija ta’ natura indispensabbli meta l-Kummissjoni ssib diffikultajiet gravi sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq komuni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha għall-fażi tal-investigazzjoni preliminari skont l-Artikolu 88(3) KE sabiex tieħu deċiżjoni favorevoli għal għajnuna biss jekk hija tkun konvinta, fi tmiem l-investigazzjoni preliminari, li din l-għajnuna hija kompatibbli mat-Trattat. Min-naħa l-oħra, jekk din l-investigazzjoni preliminari twassal lill-Kummissjoni għal konvinzjoni opposta, jew ma jippermettilhiex issolvi d-diffikultajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha l-obbligu tiġbor l-opinjonijiet kollha neċessarji u tibda, f’dan ir-rigward, il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

Il-kunċett ta’ diffikultajiet gravi huwa ta’ natura oġġettiva. L-eżistenza ta’ diffikultajiet bħal dawn għandha tiġi mfittxa kemm fiċ-ċirkustanzi li wasslu għall-adozzjoni tal-att ikkontestat, kif ukoll fil-kontenut tiegħu, b’mod oġġettiv, billi r-raġunijiet għad-deċiżjoni jiġu pparagunati mal-elementi li l-Kummissjoni kellha meta hija ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kkontestata mas-suq komuni. Jirriżulta li l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-eżistenza ta’ diffikultajiet gravi, imur, min-natura tiegħu stess, lil hinn mill-verifika ta’ jekk kienx hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punti 60, 61)

2.      L-erba’ kundizzjonijiet iddefiniti fil-punt 95 tas-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark, C-280/00, għandhom bħala l-uniku għan il-kwalifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni ta’ għajnuna mill-Istat, għall-iskopijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ obbligu ta’ notifika ta’ din il-miżura lill-Kummissjoni, fl-ipoteżi ta’ għajnuna ġdida, jew ta’ kooperazzjoni ma’ din l-istituzzjoni, fil-każ ta’ għajnuna eżistenti.

Fil-fatt, it-test Altmark, li għandu l-għan li jiddetermina l-eżistenza ta’ għajnuna skont l-Artikolu 87(1) KE, ma għandux jiġi konfuż mat-test tal-Artikolu 86(2) KE, li jippermetti l-istabbiliment ta’ jekk miżura li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat tistax tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni.

(ara l-punti 129, 131)

3.      Għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-finanzjament mill-Istat ta’ servizz pubbliku mas-suq komuni fir-rigward tar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat, il-kwistjoni dwar jekk impriża inkarigata minn servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ) tistax tissodisfa l-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku bl-inqas spiża hija irrilevanti. L-Artikolu 86(2) KE ma jinkludi l-ebda kundizzjoni ta’ effiċjenza ekonomika tal-operatur reponsabbli mis-servizz pubbliku fil-provvista ta’ dan is-servizz. Fil-fatt, l-għan tal-Artikolu 86(2) KE huwa, permezz tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-għajnuna, li jipprevjeni li l-operatur inkarigat mis-SIEĠ jibbenefika minn finanzjament li jaqbeż l-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku.

Skont l-Artikolu 86(2) KE, l-impriżi inkarigati mill-amministrazzjoni ta’ SIEĠ huma suġġetti għar-regoli tal-kompetizzjoni sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tostakolax it-twettiq de jure jew de facto tal-missjoni partikolari fdata lilhom, bil-kundizzjoni li l-iżvilupp tal-kummerċ ma jkunx affettwat sa grad li jmur kontra l-interess tal-Komunità. Meta jkunu permessi, f’ċerti ċirkustanzi, derogi mir-regoli ġenerali tat-Trattat, l-Artikolu 86(2) KE jfittex li jirrikonċilja l-interess tal-Istati Membri li jużaw ċerti impriżi, b’mod partikolari fis-settur pubbliku, bħala strument ta’ politika ekonomika jew soċjali, mal-interess tal-Komunità li tiżgura konformità mar-regoli dwar il-kompetizzjoni u l-protezzjoni tal-unità tas-suq komuni.

Sabiex il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE jiġu sodisfatti, ma huwiex neċessarju li l-bilanċ finanzjarju jew il-vijabbiltà ekonomika tal-impriża inkarigata mill-amministrazzjoni ta’ SIEĠ ikunu mhedda. Huwa biżżejjed li, fin-nuqqas tad-drittijiet inkwistjoni, ma jkunx possibbli għall-impriża li twettaq funzjonijiet partikolari fdati lilha, kif definiti mill-obbligi u r-restrizzjonijiet imposti fuqha jew li ż-żamma ta’ dawk id-drittijiet tkun neċessarja biex min hu intitolat għalihom ikun jista’ jwettaq il-funzjonijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali li ġew assenjati lilu taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabli.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ regolament Komunitarju armonizzat f’dan is-suġġett, ma hijiex kapaċi tiddeċiedi dwar il-limitu tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku fdati lill-operatur pubbliku, jiġifieri l-livell tal-ispejjeż marbutin ma’ dan is-servizz, u lanqas dwar l-opportunità tal-għażliet politiċi meħudin, f’dan ir-rigward, mill-awtoritajiet nazzjonali, u lanqas fuq l-effiċjenza ekonomika tal-operatur pubbliku.

(ara l-punti 136-141)

4.      Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni tal-Artikolu 253 KE għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, inkwantu l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fil-kuntest tagħha kif ukoll fid-dawl tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat.

(ara l-punt 163)