Language of document : ECLI:EU:T:2015:492

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

15 ta’ Lulju 2015 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Reġistrazzjoni internazzjonali li tirreferi għall-Komunità Ewropea – Trade mark figurattiva HOT – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Assenza ta’ karattru deskrittiv – Karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) u (c), tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – It-tieni sentenza tal-Artikolu 75tar-Regolament Nru 207/2009 – Appell inċidentali quddiem il-Bord tal-Appell – Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 216/96 – Rikors inċidentali quddiem il-Qorti Ġenerali – Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991”

Fil-Kawża T‑611/13,

Australian Gold LLC, stabbilita f’Indianapolis, Indiana (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn A. von Mühlendahl u H. Hartwig, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Poch u S. Hanne, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Effect Management & Holding GmbH, stabbilita fi Vöcklabruck (l-Awstrija), irrappreżentata minn H. Pernez, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI, tal-10 ta’ Settembru 2013 (Każ R 1881/2012‑4), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Australian Gold LLC u Effect Management & Holding GmbH,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni (Relatur) u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Novembru 2013,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Lulju 2014,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Lulju 2014,

wara s-seduta tas-27 ta’ Frar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        L-intervenjenti Effect Management & Holding GmbH, hija l-proprjetarja tar-reġistrazzjoni internazzjonali li tirriferi għall-Komunità Ewropea, miksuba mingħand l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (id-WIPO), fit-13 ta’ Awwissu 2009, għas-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

2        L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) rċieva notifika ta’ din ir-reġistrazzjoni fit-12 ta’ Novembru 2009 u rrikonoxxa il-protezzjoni tiegħu fit-territorju tal-Unjoni, permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2010, għall-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 3 u 5 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u li jikkorrispondi għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        Klassi 3: “Preparazzjonijiet ta’ bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; preparazzjonijiet għat-tindif, għall-lustrar, biex togħrok u biex tobrox; sapun; prodotti ta’ fwejjaħ, żjut meħudin minn pjanti, kożmetiċi, fost oħrajn xampùs, ġellijiet tad-doċċa, ħalib tal-ġisem, żejt għall-massaġġi, ġellijiet; krema tal-wiċċ”;

–        Klassi 5: “Preparazzjonijiet sanitarji għal skopijiet mediċi; prodotti li jissupplimentaw id-dieta (għall-użu mediku); lubrikanti għall-użu farmaċewtiku”.

3        Fis-6 ta’ April 2011, ir-rikorrenti, Australian Gold LLC, talbet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark inkwistjoni skont l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

4        Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2012, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI laqgħet parzjalment din it-talba u ddikjarat bħala invalida it-trade mark inkwistjoni għall-“preparazzjonijiet ta’ bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; sapun; prodotti ta’ fwejjaħ, żjut meħudin minn pjanti, kożmetiċi, fost l-oħrajn xampùs, ġellijiet tad-doċċa, ħalib tal-ġisem, żejt għall-massaġġi, ġellijiet; krema tal-wiċċ”, li jaqgħu taħt il-klassi 3, kif ukoll għall-“prodotti li jissupplimentaw id-dieta (għall-użu mediku); lubrikanti għall-użu farmaċewtiku”, li jaqgħu taħt il-klassi 5.

5        Fl-10 ta’ Ottubru 2012, l-intervenjenti ppreżentat appell quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, sa fejn kienet laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Fir-risposta tagħha, ippreżentata fl-20 ta’ Frar 2013, ir-rikorrenti ppreżentat appell inċidentali kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, sa fejn kienet sfavorevoli lejha.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI annulla parzjalment id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, sa fejn din tal-aħħar kienet iddikjarat l-invalidità tat-trade mark inkwistjoni għall-“preparazzjonijiet ta’ bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; sapun; prodotti ta’ fwejjaħ, żjut meħudin minn pjanti, kożmetiċi, fost oħrajn xampùs, ġellijiet tad-doċċa, ħalib tal-ġisem, krema tal-wiċċ”, kif ukoll għall-“prodotti li jissupplimentaw id-dieta (għall-użu mediku)”. Fil-fatt, qieset li l-element verbali “hot” tal-imsemmija trade mark ma kinitx deskrittiva u kienet distintiva għall-prodotti inkwistjoni (punti 13 sa 42 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li kkonfermat l-evalwazzjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni dwar “żejt għall-massaġġi, ġellijiet” u għal-“lubrikanti għall-użu farmaċewtiku”, barra minn hekk bidlet din id-deċiżjoni, billi ddikjarat l-invalidità ta’ din it-trade mark biss għall-prodotti “żejt għall-massaġġi, ġellijiet” li jaqgħu taħt il-Klassi 3 u għal-“lubrikanti għall-użu farmaċewtiku” li jaqgħu taħt il-Klassi 5 (punt 47 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk qieset li l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti b’risposta għar-rikors tal-intervenjenti, li jinkludi l-appell inċidentali imsemmi hawn fuq, kienu ġew tard u ma eżaminathomx (punti 44 sa 46 tad-deċiżjoni kkontestata).

 It-talbiet tal-partijiet

7        Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u li ma eżaminatx il-fondatezza tal-appell inċidentali tagħha;

–        tiċħad l-appell ippreżentat mill-intervenjenti kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni;

–        tikkundanna lill-UASI u lill-intervenjenti għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti minnha quddiem il-Bord tal-Appell.

8        L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

9        L-intervenjenti titlob, essenzjalment, sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni;

–        tbiddel id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tiddikjara l-invalidità tat-trade mark inkwistjoni għaż-“żejt għall-massaġġi, ġellijiet” u għal-“lubrikanti għall-użu farmaċewtiku”;

–        tikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, sa fejn ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għall-“preparazzjonijiet għat-tindif, għall-lustrar, biex togħrok u biex tobrox” u l-“preparazzjonijiet sanitarji għal skopijiet mediċi”;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

10      Kif ikkonfermat l-intervenjenti matul is-seduta fir-risposta tagħha għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali, li ġiet inkluża fil-proċess verbali tas-seduta, l-ewwel u t-tielet kapi tat-talbiet tagħha huma intiżi għaċ-ċaħda tar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti.

 Id-dritt

11      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem essenzjalment tliet motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tad-dritt tagħha ta’ smigħ skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 216/96, tal-5 ta’ Frar 1996, li jistipula r-regoli tal-proċedura tal-Bordijiet ta’ l-Appell tal-UASI (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 221), kif emendat, u t-tielet, fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009.

12      Min-naħa tagħha, l-intervenjenti, billi talbet lill-Qorti Ġenerali biex tbiddel id-deċiżjoni kkontestata, għamlet użu mill-possibbiltà mogħtija lilha permezz tal-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tat-2 ta’ Mejju 1991, li tifformula, fir-risposta tagħha, talbiet intiżi għall-annullament jew għall-bidla tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fuq il-punt mhux imqajjem fir-rikors. Ir-rikorrenti u l-UASI ma għamlux użu mill-possibbiltà li nfetħet lilhom permezz tal-Artikolu 135(3) tar-Regoli tal-Proċedura, tat-2 ta’ Mejju 1991, li jippreżentaw nota li s-suġġett tagħha jillimita ruħu li jirrispondi għat-talbiet ippreżentati għall-ewwel darba fir-risposta tal-intervenjenti u ħadu pożizzjoni fuq it-talba tal-intervenjenti matul is-seduta konformement mal-prinċipju ta’ kontradittorju. Fl-osservanza ta’ dan il-prinċipju, l-intervenjenti kellha wkoll l-okkażjoni li tippreżenta fis-seduta l-argumenti tagħha b’risposta għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti u tal-UASI.

13      Insostenn tat-talba tagħha mressqa bis-saħħa tal-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, tat-2 ta’ Mejju 1991, l-intervenjenti tinvoka motiv uniku bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009. L-argumenti mressqa insostenn ta’ dan il-motiv ser ikunu eżaminati flimkien ma’ dawk imqajma mir-rikorrenti insostenn tat-tielet motiv tagħha.

 Fuq il-motiv li jirriżulta mill-ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 75, tar-Regolament Nru 207/2009 invokat mir-rikorrenti

14      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell ċaħad bi żball, bħala tardivi, l-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati b’risposta għall-appell ippreżentat mill-intervenjenti quddiem il-Bord tal-Appell. Madankollu, sa fejn dawn l-osservazzjonijiet kienu jinkludu argumenti intiżi li jikkontestaw l-appell ippreżentat quddiem il-Bord tal-Appell kif ukoll deċiżjoni tal-Bundespatentgericht (Qorti federali tal-privattivi, il-Ġermanja) li ġiet insostenn ta’ dawn l-argumenti, il-Bord tal-Appell kiser it-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, billi ddeċieda fuq l-appell mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni dawn l-argumenti u din il-prova.

15      Għandu jiġi kkunsidrat, kif irrikonoxxih barra minn hekk l-UASI fir-risposta tiegħu, li l-Bord tal-Appell ikkunsidra bi żball li l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti kienu ġew ippreżentati tardivament.

16      Fil-fatt, ir-rikorrenti rċeviet, fl-20 ta’ Diċembru 2012, l-ittra tal-UASI li kkomunikat lilha l-appell ippreżentat mill-intervenjenti quddiem il-Bord tal-Appell. F’din l-ittra, l-UASI indikalha li kellha terminu ta’ xahrejn biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan l-appell. B’hekk, konformement mad-dispożizzjonijiet magħqudin tar-regola 65(1) u tar-regola 70(2) u (4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat, dan it-terminu ta’ xahrejn kien jiskadi fl-20 ta’ Frar 2013, u mhux fid-19 ta’ Frar 2013, kif ikkonstata l-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata (punt 45). Peress li l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ġew ippreżentati fl-20 ta’ Frar 2013, il-Bord tal-Appell ma setax jiċħadhom bħala tardivi. Għaldaqstant, iddeċidiet fuq l-appell ippreżentat mill-intervenjenti mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, bi ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009.

17      Madankollu, l-UASI jallega li din l-irregolarità kienet mingħajr konsegwenzi f’dan il-każ, minħabba li l-Bord tal-Appell ma laqax l-argumenti tar-rikorrenti għalkemm kien eżamina l-fondatezza tagħhom.

18      Mill-ġurisprudenza dwar it-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta effettivament li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ din id-dispożizzjoni intiża li tipproteġi d‑drittijiet tad-difiża, billi tipprovdi li d-deċiżjonijiet tal-UASI “jistgħu jiġu bbażati biss fuq motivi li fuqhom il-partijiet setgħu jieħdu pożizzjoni”, ma jistax jivvizzja l-proċedura amministrattiva ħlief jekk jiġi stabbilit li din il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti kieku r-regoli ġew osservati [ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2009, Jurado Hermanos vs UASI (JURADO), T‑410/07, EU:T:2009:153, punt 32, u l-ġurisprudenza ċċitata].

19      F’dan il-każ, ma huwiex stabbilit li l-Bord tal-Appell seta’ jikkonstata soluzzjoni differenti jekk kien ikkunsidra l-argumenti u l-prova inklużi fl-osservazzjonijiet tar-rikorrenti b’risposta għall-appell ippreżentat quddiemu.

20      Fil-fatt, minn naħa, fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti sempliċement irreferiet għall-argumenti tagħha mressqa quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u rriproduċiet ċerti siltiet tad-deċiżjoni tal-imsemmija diviżjoni. B’hekk, peress li l-Bord tal-Appell għandu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq il-punti ta’ fatt u liġi kollha li l-partijiet ippreżentaw fil-proċeduri quddiem id-dipartiment li sema’ l-applikazzjoni fl-ewwel istanza [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2006, La Baronia de Turis vs UASI – Baron Philippe de Rothschild (LA BARONNIE), T‑323/03, Ġabra, EU:T:2006:197, punti 56 sa 58 u l-ġurisprudenza ċċitata], ma jistax jitqies li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni argument imqajjem mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha li seta’ wasslu biex jikkonstata soluzzjoni differenti.

21      Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita, l-UASI ma huwiex marbut, anki jekk jista’ jeħodhom inkunsiderazzjoni, mid-deċiżjonijiet mogħtija fil-livell tal-Istati Membri [ara s-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, Event vs UASI – CBT Comunicación Multimedia (eventer EVENT MANAGEMENT SYSTEMS), T‑353/11, EU:T:2013:147, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell seta’ jikkunsidra mingħajr ma jwettaq żball, fil-punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kellux iqis id-deċiżjonijiet tal-amministrazzjonijiet u qrati nazzjonali (ara l-punti 60 sa 65 iktar ’il quddiem). Għaldaqstant, ma setax jiġi kkunsidrat li r-rikonoxximent mill-Bord tal-Appell tal-ammissibbiltà tad-deċiżjoni tal-Bundespatentgericht annessa mal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti kif ukoll xi estratti ta’ din id-deċiżjoni riprodotti fl-imsemmija osservazzjonijiet, seta’ jwasslu biex jikkonstata soluzzjoni differenti fiċ-ċirkustanzi f’dan il-każ [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Tuzzi fashion vs UASI – El Corte Inglés (Emidio Tucci), T‑535/08, EU:T:2012:495, punt 91].

22      Il-motiv ibbażat fuq il-ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 għandu, konsegwentement, jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv li jirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96 invokat mir-rikorrenti

23      Ir-rikorrenti ssostni li ċ-ċaħda biż-żball, bħala tardivi, tal-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati b’risposta għall-appell ippreżentat mill-intervenjenti quddiem il-Bord tal-Appell jikser ukoll l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96, peress li dawn l-osservazzjonijiet kienu jinkludu appell inċidentali intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li ma ġiex eżaminat mill-Bord tal-Appell.

24      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Appell, biż-żball, ċaħad l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti bħala tardivi (ara l-punti 15 u 16 iktar ’il fuq).

25      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96, “[f]il-proċeduri inter partes, il-parti tad-difiża tista’, fl-osservazzjonijiet bħala risposta tagħha, tħejji konklużjonijiet maħsuba għall-annullament jew għal tibdil tad-deċiżjoni kontestata fuq punt mhux imqajjem waqt l-appell”.

26      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96, billi naqas milli jeżamina t-talba għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni inkluża fl-osservazzjonijiet tar-rikorrenti. Il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni għandu, għaldaqstant, jintlaqa’.

 Fuq il-motivi bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009 invokati mir-rikorrenti u l-intervenjenti

27      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell analizza s-sinjifikati differenti tal-kelma “hot” b’konnessjoni mal-“preparazzjonijiet ta’ bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; sapun; prodotti ta’ fwejjaħ, żjut meħudin minn pjanti, kożmetiċi, fost oħrajn xampùs, ġellijiet tad-doċċa, ħalib tal-ġisem, krema tal-wiċċ”, kif ukoll għall-“prodotti li jissupplimentaw id-dieta (għall-użu mediku)”, fost oħrajn it-temperatura għolja, it-togħma pikkanti jew in-natura eċċitanti, u minn dan iddeduċa li t-trade mark inkwistjoni kienet nieqsa minn natura deskrittiva fir-rigward ta’ dawn il-prodotti (punti 15 sa 34 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, huwa qies li, sa fejn iż-“żejt għall-massaġġi, ġellijiet” u l-“lubrikanti għall-użu farmaċewtiku” huma applikati fis-sħana jew jipproduċu effett ta’ sħana żejda, l-imsemmija trade mark kienet deskrittiva fir-rigward tagħhom (punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa qies sussegwentement li, bl-eċċezzjoni tal-prodotti li għalihom tippreżenta natura deskrittiva, jiġifieri “żejt għall-massaġġi, ġellijiet” u l-“lubrikanti għall-użu farmaċewtiku”, din it-trade mark tgawdi, għall-prodotti oħrajn, minn natura distintiva, peress li, minkejja l-konnotazzjoni vaga u pożittiva tagħha, il-konċiżjoni tas-sinjal jipprevjeni lill-konsumatur milli jikkonfondih ma’ slogan pubbliċitarju (punti 36 sa 41 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, fakkar in-natura mhux vinkolanti tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali peress li ddeċidew ukoll fuq l-istess trade mark (punti 10 u 42 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      Ir-rikorrenti u l-intervenjenti ma jikkontestawx l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-bordura rettangolari li ddawwar l-kelma “hot” bħala r-rappreżentazzjoni grafika tal-imsemmija kelma u, b’hekk, l-analiżi tan-natura deskrittiva u tan-natura distintiva tat-trade mark inkwistjoni fuq il-bażi biss tal-kelma “hot” (punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata). Huma ma jikkontestawx lanqas il-fatt li din l-analiżi kellha titwettaq fid-dawl tal-lista tal-prodotti kif deskritti bil-franċiż, li hija l-lingwa tar-reġistrazzjoni internazzjonali (punt 10 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti kif ukoll l-intervenjenti insostenn tal-appell inċidentali tagħha jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, li huma rispettivament sfavorevoli fil-konfront tagħhom, relatati man-natura deskrittiva u man-natura distintiva tat-trade mark inkwistjoni. Ir-rikorrenti tikkritika wkoll l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali dwar din l-istess trade mark.

 Fuq l-ilmenti relatati man-natura deskrittiva tat-trade mark inkwistjoni

30      Ir-rikorrenti tqis, kontrarjament għal dak li kkunsidra l-Bord tal-Appell, li jirriżulta mill-prinċipji applikabbli għall-eżaminazzjoni tan-natura deskrittiva tat-trade marks li trade mark komposta mill-kelma “hot” hija deskrittiva tal-kliem kollha “preparazzjonijiet ta’ bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; sapun; prodotti ta’ fwejjaħ, żjut meħudin minn pjanti, kożmetiċi, fost oħrajn xampùs, ġellijiet tad-doċċa, ħalib tal-ġisem, krema tal-wiċċ”, u għall-“prodotti li jissupplimentaw id-dieta (għall-użu mediku)”. Fil-fatt, il-kelma “hot” bħala indikazzjoni tat-temperatura ta’ dawn il-prodotti jew tat-temperatura tal-użu tagħhom, hija indikazzjoni li tista’ tintuża għall-prodotti kollha inkwistjoni. Skont ir-rikorrenti, is-sinjifikati l-oħra ta’ “hot”, li minnhom fost oħrajn “mal-moda”, “attraenti”, “sexy”, jikkostitwixxu wkoll użu ieħor possibbli ta’ din il-kelma għall-prodotti kkonċernati.

31      L-intervenjenti tikkontesta, fil-fehma tagħha, l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell tan-natura deskrittiva tat-trade mark inkwistjoni fir-rigward taż-“żejt għall-massaġġi, ġellijiet”, (klassi 3) u tal-“lubrikanti għall-użu farmaċewtiku” (klassi 5). Hija ssostni li, għalkemm il-lubrikanti għall-użu farmaċewtiku kienu jipproduċu sensazzjonijiet ta’ ħruq jew effett tas-sħana, kienu jmorru lil hinn mill-iskop tagħhom, li l-ġellijiet jipproduċu effetti tas-sħana li jaqgħu taħt il-klassi 5 u mhux taħt il-klassi 3 u, fl-aħħar nett, li s-sensazzjoni ta’ sħana matul il-massaġġi ġejja mill-frizzjoni tal-idejn u mhux miż-żejt għall-massaġġi.

32      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, ma jistgħux jiġu rreġistrati “trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ingħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi”.

33      Skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprojbixxi li sinjali jew indikazzjonijiet li jaqgħu taħtu jkunu riżervati għal impriża waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark. Din id-dispożizzjoni ssegwi, b’hekk, għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li tali sinjali jew indikazzjonijiet jistgħu jiġu użati liberament minn kulħadd [is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C‑191/01 P, Ġabra, EU:C:2003:579, punt 31; tas-27 ta’ Frar 2002, Ellos vs UASI (ELLOS), T‑219/00, Ġabra, EU:T:2002:44, punt 27, u tat-2 ta’ Mejju 2012, Universal Display vs UASI (UniversalPHOLED), T‑435/11, EU:T:2012:210, punt 14].

34      Minbarra dan, sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jidentifikaw karatteristiċi ta’ prodott jew servizz li għalih qed issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, huma magħrufa li huma inkapaċi li jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li tidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz, sabiex b’hekk tippermetti lill-konsumatur li jakkwista l-prodott jew is-servizz kopert mit-trade mark, sabiex jerġa’ jagħmel l-istess għażla f’akkwist ulterjuri, jekk jirriżulta li hija esperjenza pożittiva, jew li jagħmel għażla oħra, jekk din tirriżulta negattiva (ara s-sentenza UASI vs Wrigley, punt 33 iktar ’il fuq, EU:C:2003:579, punt 30 u UniversalPHOLED, punt 33 iktar ’il fuq, EU:T:2012:210, punt 15).

35      Minn dan jirriżulta li, sabiex sinjal jaqa’ taħt l-interdizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni, hemm bżonn li jkollu rapport dirett u konkret biżżejjed mal-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni b’tali mod li l-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom (ara s-sentenza UniversalPHOLED, punt 33 iktar ’il fuq, EU:T:2012:210, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal tista’ ssir biss, minn naħa, b’riferiment għal dak li jifhem bih il-pubbliku kkonċernat u, min-naħa l-oħra, b’riferiment għall-prodotti jew għas-servizzi kkonċernati [ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, Münchener Rückversicherungs-Gesellschaft vs UASI (MunichFinancialServices), T‑316/03, Ġabra, EU:T:2005:201, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata].

37      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell qies li l-pubbliku kkonċernat mill-perċezzjoni tan-natura deskrittiva tas-sinjal li saret applikazzjoni għalih kien il-konsumatur li jitkellem l-Ingliż (punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata). Din id-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti, li ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti u l-intervenjenti, għandha tiġi milqugħa.

–       Fuq l-assenza ta’ natura deskrittiva tat-trade mark inkwistjoni għaż-“żejt għall-massaġġi, ġellijiet”, u l-“lubrikanti għall-użu farmaċewtiku” invokata mill-intervenjenti

38      L-argumenti mressqa mill-intervenjenti insostenn tal-assenza ta’ natura deskrittiva tat-trade mark inkwistjoni għaż-“żejt għall-massaġġi, ġellijiet”, u l-“lubrikanti għall-użu farmaċewtiku” għandhom jiġu miċħuda.

39      Ċertament, kif targumenta ġustament l-intervenjenti, il-kelma “hot”, sa fejn tirreferi għal temperatura għolja, ma tindikax il-kundizzjonijiet termali ta’ użu ta’ dawn il-prodotti. Fil-fatt, l-imsemmija prodotti jistgħu jintużaw f’temperaturi għoljin bħal f’temperaturi baxxi, kif jirrikonoxxi xorta waħda essenzjalment il-Bord tal-Appell billi jindika fid-deċiżjoni kkontestata li “dawn il-prodotti jistgħu jiġu mifruxa wkoll f’temperatura għolja”. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell qies bi żball fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata li “hot” kien jiddeskrivi, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, il-fatt li dawn il-prodotti kienu mifruxa billi jkunu sħan.

40      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat li, kif għamel il-Bord tal-Appell u kuntrarjament għal dak li ssostni l-intervenjenti, li l-kelma “hot” tindika l-effetti kkawżati miż-“żejt għall-massaġġi, ġellijiet”, u l-“lubrikanti għall-użu farmaċewtiku”. Fil-fatt, dawn il-prodotti huma kollha intiżi sabiex, kemm jekk huma jew le għall-użu mediku, li jiġu mifruxin fuq il-ġilda permezz ta’ movimenti ftit jew wisq ripetuti li joħolqu sensazzjoni ta’ sħana. Huwa f’dan ir-rigward indifferenti l-fatt, allegat mill-intervenjenti, fis-sens li din is-sħana hija kkawżata mill-frizzjoni tal-idejn fuq il-ġilda u mhux mill-prodotti bħala tali, peress li dawn il-frizzjonijiet jirriżultaw neċessarjament matul l-applikazzjonijiet tal-imsemmija prodotti.

41      Il-Bord tal-Appell, għaldaqstant, qies ġustament, fid-deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark inkwistjoni kienet deskrittiva taż-“żejt għall-massaġġi, ġellijiet”, u tal-“lubrikanti għall-użu farmaċewtiku”.

–       Fuq in-natura kontradittorja tad-deċiżjoni kkontestata invokata mir-rikorrenti

42      Ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell ma setax, mingħajr ma jikkontradixxi lilu stess, jirrikonoxxi n-natura deskrittiva tat-trade mark inkwistjoni għaż-“żejt għall-massaġġi, ġellijiet”, u jeskludiha għall-“prodotti ta’ fwejjaħ, żjut meħudin minn pjanti, kożmetiċi”.

43      Dan l-ilment, li jikkritika essenzjalment lill-Bord tal-Appell li ma bbażax il-konsegwenzi tar-rikonoxximent tan-natura deskrittiva tat-trade mark inkwistjoni għaż-“żejt għall-massaġġi, ġellijiet”, fuq l-evalwazzjoni tan-natura deskrittiva tagħha għall-“prodotti ta’ fwejjaħ, żjut meħudin minn pjanti, kożmetiċi” għandu jintlaqa’.

44      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikonoxximent tan-natura deskrittiva ta’ trade mark tapplika mhux biss għall-prodotti li għalihom hija direttament deskrittiva, iżda wkoll għall-kategorija iktar wiesgħa li għaliha jappartjenu dawn il-prodotti fl-assenza ta’ limitu adegwat magħmul mill-applikant tat-trade mark [is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2001, DKV vs UASI (EuroHealth), T‑359/99, Ġabra, EU:T:2001:151, punt 33, u tal-15 ta’ Settembru 2009, Wella vs UASI (TAME IT), T‑471/07, Ġabra, EU:T:2009:328, punt 18].

45      Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti qalet ġustament, kif xorta waħda l-UASI fir-risposta tagħha, li ż-“żejt għall-massaġġi, ġellijiet”, kienu inklużi fil-kategoriji iktar ġenerali “prodotti ta’ fwejjaħ, żjut meħudin minn pjanti, kożmetiċi” kif tikkonferma l-kelma “fost oħrajn” li tlaqqagħhom flimkien [ara, b’analoġija, fir-rigward tal-kelma “b’mod partikolari”, is-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 2005, Wilfer vs UASI (ROCKBASS), T‑315/03, Ġabra, EU:T:2005:211, punti 3 u 64, u tat-12 ta’ Novembru 2008, Scil proteins vs UASI – Indena (affilene), T‑87/07, EU:T:2008:487, punti 38 u 39].

46      Għandu jiġi speċifikat, f’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li ssostni l-intervenjenti li l-kelma “fost oħrajn” ma tirrigwardax biss il-kożmetiċi. Fil-fatt, minn naħa, fil-lista tal-prodotti li għalihom il-protezzjoni tat-trade mark inkwistjoni ġiet ammessa, “il-prodotti ta’ fwejjaħ”, “żjut meħudin minn pjanti”, u “kożmetiċi” huma separati b’virgola u dissoċjati minn prodotti oħrajn tal-lista permezz ta’ punt u virgola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, Louis Vuitton Malletier vs UASI, C‑97/12 P, EU:C:2014:324, punti 96 u 97). Min-naħa l-oħra, jeżistu rabtiet diretti u konkreti bejn dawn it-tliet kategoriji ta’ prodotti, il-prodotti ta’ fwejjaħ bħaż-żjut meħudin minn pjanti jistgħu jiġu kklassifikati bħala “kożmetiċi”, peress li l-prodotti kożmetiċi huma ġeneralment iddefiniti bħala dawk intiżi li jiġu f’kuntatt mal-partijiet superfiċjali tal-ġisem uman bil-għan li wieħed jieħu ħsiebhom jew li jsebbaħhom.

47      Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 46 iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi eżaminat l-ammissibbiltà tiegħu, l-argument imressaq mill-UASI għall-ewwel darba matul is-seduta, fis-sens li iż-“żejt għall-massaġġi” u l-“ġellijiet” ma jaqgħux taħt il-kategoriji ġenerali “il-prodotti ta’ fwejjaħ, żjut meħudin minn pjanti, kożmetiċi”. B’mod partikolari, iż-“żejt għall-massaġġi” bħall-“ġellijiet” imsemmija mingħajr kjarifika oħra, jistgħu jitqiesu bħala intiżi li jieħdu ħsieb jew li jsebbħu l-ġisem.

48      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell wettaq żball billi ma ħax il-konsegwenzi tar-rikonoxximent tan-natura deskrittiva tat-trade mark inkwistjoni għaż-“żejt għall-massaġġi, ġellijiet” fuq l-evalwazzjoni tan-natura deskrittiva tagħha għall-“prodotti ta’ fwejjaħ, żjut meħudin minn pjanti, kożmetiċi” u l-kategoriji oħra ta’ prodotti ċċitati għal skopijiet illustrattivi ta’ dawn il-kategoriji ġenerali ta’ prodotti. Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-Bord tal-Appell bi żball eskluda n-natura deskrittiva tal-imsemmija trade mark għall-“prodotti ta’ fwejjaħ, żjut meħudin minn pjanti, kożmetiċi, fost l-oħrajn xampùs, ġellijiet tad-doċċa, ħalib tal-ġisem, krema tal-wiċċ”, mingħajr ma kien hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti relatati dwar in-natura deskrittiva ta’ din it-trade mark għall-imsemmija prodotti.

–       Fuq in-natura deskrittiva tat-trade mark inkwistjoni għall-“preparazzjonijiet ta’ bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; sapun” u l-“prodotti li jissupplimentaw id-dieta (għall-użu mediku)” invokat mir-rikorrenti

49      Fir-rigward, qabelxejn, tal-indikazzjoni mill-kelma “hot” ta’ temperatura għolja, ma jistax jitqies, kif issostni r-rikorrenti, li l-kelma “hot” tindika t-temperatura għolja tal-“preparazzjonijiet ta’ bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; sapun” u tal-“prodotti li jissupplimentaw id-dieta (għall-użu mediku)”. Fil-fatt, dawn il-prodotti intiżi għall-kura tal-bjankerija kif ukoll għall-kura u d-dieta ta’ persuni, ma għandhomx, min-natura tagħhom, temperatura għolja. Bil-kontra, kif jenfasizza ġustament l-UASI, għal uħud fosthom, bħas-sapun, din it-temperatura tirriskja anki li tbiddilhom.

50      Il-kelma “hot” ma tindikax lanqas it-temperatura ta’ użu tal-prodotti kkonċernati. Fil-fatt, għalkemm uħud minn dawn il-prodotti jistgħu jintużaw f’temperatura għolja, bħall-“preparazzjonijiet ta’ bliċ u l-ħasil tal-ħwejjeġ”, jew saħansitra l-“prodotti li jissupplimentaw id-dieta”, din il-kundizzjoni ta’ użu ma tikkaratterizzax l-imsemmija prodotti, li jistgħu ugwalment jintużaw f’temperaturi baxxi. Adazzjoni tat-temperaturi baxxi hija anki, kif tirrileva ġustament l-intervenjenti, partikolarment apprezzata mill-konsumaturi għad-deterġenti.

51      Sussegwentement, fir-rigward tat-tifsiriet oħrajn tal-kelma “hot”, għandu jitqies li l-uniku argument imressaq mir-rikorrenti insostenn tal-allegazzjoni tagħha tan-natura deskrittiva tal-prodotti kkonċernati mit-tifsiriet l-oħrajn tal-kelma “hot” li huma l-espressjoni “mal-moda”, u l-kliem “attraenti”, jew “sexy” għandu jiġi miċħud. Il-fatt, li huwa ipotetiku, li l-prodotti inkwistjoni huma kkummerċjalizzati fis-sex shops ma jseħħx fl-eżaminazzjoni tan-natura deskrittiva ta’ sinjal meta l-post ta’ kummerċjalizzazzjoni ma huwiex speċifikat fil-lista tal-prodotti li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni huma evalwati b’paragun mal-formulazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li jidhru fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni (is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑24/05 P, Ġabra, EU:C:2006:421, punt 23). Għandu jingħad ukoll, fi kwalunkwe każ, li l-konnotazzjoni pożittiva tat-tifsiriet hawn fuq imsemmija tal-kelma “hot” lanqas ma tirrileva l-evokazzjoni vaga u indiretta li l-indikazzjoni diretta u immedjata ta’ kwalità jew ta’ karatteristika tal-prodotti kkonċernati [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2002, Dart Industries vs UASI (UltraPlus), T‑360/00, Ġabra, EU:T:2002:244, punti 27 u 28].

52      L-argumenti tar-rikorrenti relatati man-natura deskrittiva tat-trade mark inkwistjoni għandhom għaldaqstant jiċċaħdu għall-“preparazzjonijiet ta’ bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; sapun” u l-“prodotti li jissupplimentaw id-dieta (għall-użu mediku)”.

 Fuq l-ilmenti relatati man-natura distintiva tat-trade mark inkwistjoni

53      Ir-rikorrenti targumenta li, minkejja li l-kelma “hot” ma hijiex deskrittiva tal-“preparazzjonijiet ta’ bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; sapun; prodotti ta’ fwejjaħ, żjut meħudin minn pjanti, kożmetiċi, fost oħrajn xampùs, ġellijiet tad-doċċa, ħalib tal-ġisem, krema tal-wiċċ”, u tal-“prodotti li jissupplimentaw id-dieta (għall-użu mediku)”, tikkostitwixxi biss “reklam tal-widna” nieqes minn kull funzjoni ta’ indikazzjoni tal-oriġini u huwa, għaldaqstant, nieqes minn natura deskrittiva.

54      L-intervenjenti ssostni, fil-fehma tagħha, li l-Bord tal-Appell b’mod żbaljat qies li t-trade mark inkwistjoni ma kinitx distintiva għaż-“żejt għall-massaġġi, ġellijiet” u għal-“lubrikanti għall-użu farmaċewtiku”.

55      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li huwa biżżejjed li tiġi applikata waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut elenkati fih sabiex is-sinjal ma jkunx jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja [ara s-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2005, Wieland-Werke vs UASI (SnTEM, SnPUR, SnMIX), T‑367/02 sa T‑369/02, Ġabra, EU:T:2005:3, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Peress li l-Bord tal-Appell qies ġustament li t-trade mark inkwistjoni kienet deskrittiva taż-“żejt għall-massaġġi, ġellijiet”, u tal-“lubrikanti għall-użu farmaċewtiku” (ara l-punt 41 iktar ’il fuq) u peress li bi żball ma naqqasx minn din in-natura deskrittiva n-natura deskrittiva wkoll tal-imsemmija trade mark għall-“prodotti ta’ fwejjaħ, żjut meħudin minn pjanti, kożmetiċi, fost l-oħrajn xampùs, ġellijiet tad-doċċa, ħalib tal-ġisem, krema tal-wiċċ” (ara l-punt 48 iktar ’il fuq), l-argumenti invokati mir-rikorrenti u l-intervenjenti f’dak li jirrigwarda n-natura distintiva jew le ta’ din it-trade mark fir-rigward ta’ dawn il-prodotti għandhom jinċaħdu bħala ineffettivi.

56      L-argumenti kollha mressqa mill-intervenjenti insostenn tat-talba tagħha mressqa bis-saħħa tal-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, tat-2 ta’ Mejju 1991, li għandhom jinċaħdu (ara wkoll il-punt 38 iktar ’il fuq), din it-talba għandha tinċaħad.

57      Sussegwentement, għandu jitfakkar, fir-rigward tal-argumentazzjoni tar-rikorrenti li tikkonċerna l-prodotti li għalihom it-trade mark inkwistjoni ma hijiex deskrittiva, jiġifieri il-“preparazzjonijiet ta’ bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; sapun” u l-“prodotti li jissupplimentaw id-dieta (għall-użu mediku)”, il-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li s-sempliċi fatt li trade mark hija perċepita mill-pubbliku kkonċernat bħala formula promozzjonali u li, fid-dawl tan-natura tagħha li tfaħħar, tista’ fil-prinċipju tiġi riprodotta minn impriżi oħra ma hijiex bħala tali suffiċjenti biex jiġi konkluż li din it-trade mark ma hijiex ta’ karattru distintiv. Fil-fatt, il-konnotazzjoni li tfaħħar ta’ trade mark ma teskludix li din hija xorta waħda adatta sabiex tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodotti jew servizzi li hija tkopri, tali trade mark li tista’ fl-istess ħin tkun ipperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala formula promozzjonali u indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi (ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Smart Technologies vs UASI, C‑311/11 P, Ġabra, EU:C:2012:460, punti 29 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      B’hekk, l-allegazzjoni mir-rikorrenti tan-natura essenzjalment promozzjonali tal-kelma “hot” ma hijiex suffiċjenti waħedha li tikkontesta l-konstatazzjoni mill-Bord tal-Appell tan-natura distintiva tat-trade mark inkwistjoni. Saħansitra għandu jiġi stabbilit li din il-kelma tikkostitwixxi b’mod esklużiv formula promozzjonali. Madankollu, ir-rikorrenti hija stess ammettiet, fil-kuntest fost oħrajn tal-argumentazzjoni tagħha relatata man-natura deskrittiva tat-trade mark inkwistjoni, li l-kelma “hot”, kellha diversi sinjifikati, bħal “sħun” jew “pikkanti”, li ma tippreżentax natura promozzjonali. B’hekk, ir-rikorrenti ma stabbilietx li l-kelma “hot” kienet tikkostitwixxi, kif jagħmlu kliem oħra li ċċitat insostenn tal-argument tagħha (bħall-kliem “super” jew “l-aqwa”), b’mod esklużiv slogan ta’ reklamar li tostakola r-rikonoxximent tan-natura distintiva tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, Audi vs UASI, C‑398/08 P, Ġabra, EU:C:2010:29, punt 47).

 Fuq l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-amministrazzjonijiet u qrati nazzjonali

59      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma ħax inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet tal-amministrazzjonijiet u l-qrati nazzjonali, b’mod partikolari d-deċiżjonijiet tal-Bundespatentgericht, tad-9 ta’ Ottubru 2012, u tal-Bundesgerichtshof (Qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja) tad-19 ta’ Frar 2014, li eskludew l-għoti ta’ protezzjoni lit-trade mark inkwistjoni.

60      Skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema Komunitarja tat-trade marks hija sistema awtonoma, magħmula minn numru ta’ regoli u ssegwi għanijiet li huma speċifiċi għaliha, u li l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali. Konsegwentement, il-kwistjoni jekk sinjal jistax jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja għandha tiġi evalwata biss abbażi tal-leġiżlazzjoni rilevanti. Għalhekk, l-UASI u, jekk ikun il-każ, il-qorti tal-Unjoni, ma humiex marbuta, minkejja li jistgħu jeħduhom inkunsiderazzjoni, minn deċiżjonijiet meħuda mill-Istati Membri, u dan anki fil-każ fejn dawn id-deċiżjonijiet ikunu ttieħdu b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali armonizzata skont id-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25) (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 21 iktar ’il fuq). Għandu jingħad ukoll li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 ma tobbliga l-UASI jew, fuq rikors, il-Qorti Ġenerali biex tikseb riżultati identiċi għal dawk milħuqa mill-amministrazzjonijiet jew qrati nazzjonali f’sitwazzjoni simili (ara s-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs UASI, C‑173/04 P, Ġabra, EU:C:2006:20, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Fil-fatt, skont il-premessa 6 tar-Regolament Nru 207/2009, id-dritt tat-trade marks Komunitarji ma jissostitwixxix id-drittijiet tat-trade marks tal-Istati Membri. Huwa għaldaqstant possibbli li, minħabba d-differenzi lingwistiċi, kulturali, soċjali u ekonomiċi, trade mark li ma hijiex protetta fi Stat Membru tkun hekk fi Stat Membru ieħor jew fil-livell tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI, C‑238/06 P, Ġabra, EU:C:2007:635, punti 57 sa 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), kif emendat, u tal-Artikolu 109 tar-Regolament Nru 207/2009 ma jinvalidaw xejn din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta fost oħrajn mill-premessa 15 tar-Regolament Nru 44/2001 iċċitata mir-rikorrenti, dan ir-regolament huwa intiż biss li jevita li deċiżjonijiet ġudizzjarji irrikonċiljabbli jingħataw f’żewġ Stati Membri u ma japplikax għall-UASI. Barra minn hekk, l-Artikolu 109 tar-Regolament Nru 207/2009 intiż li jevita li azzjonijiet ta’ ksur imressqa quddiem il-qrati nazzjonali, ibbażati waħda minnhom fuq trade mark Komunitarja u l-oħra fuq trade mark nazzjonali, jagħtu lok għal deċiżjonijiet kuntradittorji. Kif tenfasizza ġustament l-intervenjenti, jirrigwarda b’hekk l-effetti biss u mhux il-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni tal-imsemmija trade marks.

63      Il-konstatazzjoni msemmija hawn fuq ma hijiex lanqas ikkontestata mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprovdi li r-raġunijiet assoluti għal rifjut stabbiliti fil-paragrafu 1 huma applikabbli anki jekk jeżistu biss f’parti tal-Unjoni. Fil-fatt, ir-rifjut ta’ reġistrazzjoni nazzjonali huwa bbażat fuq dispożizzjonijiet nazzjonali implementati skont proċedura nazzjonali f’kuntest nazzjonali (ara punt 61 iktar ’il fuq), u ma huwiex ugwali, għaldaqstant, għar-rikonoxximent tal-eżistenza fi Stat ta’ raġuni assoluta għal rifjut fis-sens tar-Regolament Nru 207/2009.

64      Ma hijiex iktar rilevanti f’dan il-każ is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI (C‑51/10 P, Ġabra, EU:C:2011:139, punti 73 sa 77), iċċitata mir-rikorrenti peress li tirrigwarda l-obbligu għall-UASI li jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet tiegħu stess meħudin fuq applikazzjonijiet simili relatati mat-trade marks Komunitarji.

65      Konsegwentement, anki jekk huwa mixtieq li l-UASI jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali li jirrigwardaw trade marks identiċi għal dawk li fuqhom għandu jagħti sentenza, u reċiprokament, l-UASI ma huwiex obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni dawn id-deċiżjonijiet, inklużi dawk li jagħtu deċiżjonijiet fuq trade marks identiċi, u, jekk wieħed jassumi li jittieħdu inkunsiderazzjoni, ma huwiex marbut bl-imsemmija deċiżjonijiet.

66      B’hekk, f’dan il-każ, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata sentenza fuq l-ammissibbiltà tad-deċiżjoni tal-Bundesgerichtshof ikkomunikata permezz ta’ ittra wara r-rikors, ikkontestata mill-UASI, għandu jinċaħħad l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq l-assenza tat-teħid inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell tad-deċiżjonijiet tal-amministrazzjonijiet u qrati nazzjonali relatati mat-trade mark inkwistjoni.

67      Mill-argumenti kollha preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, sa fejn il-Bord tal-Appell naqas milli jagħti deċiżjoni fuq l-applikazzjoni tar-rikorrenti relatata mal-“preparazzjonijiet għat-tindif, għall-lustrar, biex togħrok u biex tobrox” li jaqgħu taħt il-klassi 3 u mal-“preparazzjonijiet sanitarji għal skopijiet mediċi”, li jaqgħu taħt il-klassi 5 (ara l-punt 26 iktar ’il fuq), u sa fejn annullat u bidlet id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni għall-“prodotti ta’ fwejjaħ, żjut meħudin minn pjanti, kożmetiċi, fost l-oħrajn xampùs, ġellijiet tad-doċċa, ħalib tal-ġisem, krema tal-wiċċ” li jaqgħu taħt il-klassi 3 (ara l-punt 48 iktar ’il fuq).

68      Barra minn hekk, hemm lok, permezz tal-bidla tad-deċiżjoni kkontestata, li jiġi miċħud l-appell ippreżentat mill-intervenjenti kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni fir-rigward tal-“prodotti ta’ fwejjaħ, żjut meħudin minn pjanti, kożmetiċi, fost l-oħrajn xampùs, ġellijiet tad-doċċa, ħalib tal-ġisem, krema tal-wiċċ” [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2013, Fon Wireless vs UASI – nfon (nfon), T‑283/11, EU:T:2013:41, punt 83], konformement ma’ dak li talbet ir-rikorrenti permezz tat-tieni kap tat-talbiet. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali għandha s-setgħa li tbiddel id-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt, sa fejn il-Bord tal-Appell ħa pożizzjoni fuq in-natura deskrittiva tat-trade mark inkwistjoni għall-prodotti inkwistjoni u li kkunsidra bi żball, kif jirriżulta mill-punti 43 sa 48 iktar ’il fuq, li din ma kinitx deskrittiva għall-“prodotti ta’ fwejjaħ, żjut meħudin minn pjanti, kożmetiċi, fost l-oħrajn xampùs, ġellijiet tad-doċċa, ħalib tal-ġisem, krema tal-wiċċ” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, Ġabra, EU:C:2011:452, punt 72).

69      Il-kumplament tar-rikors tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud, kif ukoll it-talba tal-intervenjenti mressqa bis-saħħa tal-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, tat-2 ta’ Mejju 1991 (ara l-punt 56 iktar ’il fuq).

 Fuq l-ispejjeż

70      Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Madankollu jekk din tidher ġustifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li, minbarra l-ispejjeż tagħha, parti għandha tbati frazzjoni tal-ispejjeż tal-parti l-oħra.

71      F’dan il-każ, peress li t-tliet partijiet tilfu rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom u fl-assenza taċ-ċirkustanzi partikolari, hemm lok li kull parti tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tal-10 ta’ Settembru 2013 (Każ R 1881/2012-4), hija annullata, sa fejn il-Bord tal-Appell naqas milli jagħti deċiżjoni fuq l-applikazzjoni ta’ Australian Gold LLC relatata mal-“preparazzjonijiet għat-tindif, għall-lustrar, biex togħrok u biex tobrox” li jaqgħu taħt il-klassi 3 u mal-“preparazzjonijiet sanitarji għal skopijiet mediċi”, li jaqgħu taħt il-klassi 5 u sa fejn annullat u bidlet id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni għall-“prodotti ta’ fwejjaħ, żjut meħudin minn pjanti, kożmetiċi, fost l-oħrajn xampùs, ġellijiet tad-doċċa, ħalib tal-ġisem, krema tal-wiċċ” li jaqgħu taħt il-klassi 3.

2)      L-appell ippreżentat minn Effect Management & Holding GmbH quddiem il-Bord tal-Appell huwa miċħud fir-rigward tal-“prodotti ta’ fwejjaħ, żjut meħudin minn pjanti, kożmetiċi, fost l-oħrajn xampùs, ġellijiet tad-doċċa, ħalib tal-ġisem, krema tal-wiċċ”.

3)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

4)      It-talba għall-bidla mressqa minn Effect Management & Holding hija miċħuda.

5)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Lulju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.