Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta' Ottubru 2011 - Farage vs Il-Parlament u Buzek

(Kawża T-564/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Nigel Paul Farage (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: P. Bennett, Solicitor)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew u Jerzy Buzek (Brussell, il-Belġju)

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tħassar id-deċiżjoni tal-President tal-Parlament Ewropew, Jerzy Buzek, tat-2 ta' Marzu 2010, li timponi fuq ir-rikorrent it-telf tal-jedd għall-allowance ta' sussistenza ta' kuljum għal għaxart'ijiem, kif ukoll id-deċiżjoni tal-bureau tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Marzu 2010 u tal-President tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Awwissu 2011, li jiddikjaraw bħala inammissibbli t-talba tar-rikorrent għal immunità parlamentari; u

alternattivament, tiddikjara li l-ebda waħda mid-deċiżjonijiet suesposti ma hija valida jew li qatt ma kellha ssir.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv jallega ksur tal-Artikolu 8 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010 C 84, p. 99), peress li d-diskors tar-rikorrent tal-24 ta' Frar 2010 sar fil-kwalità tiegħu ta' membru tal-Parlament Ewropew. Bħala tali, id-diskors inkwistjoni għamel punti politiċi u huwa importanti ħafna li membru tal-Parlament Ewropew ikun jista' jitkellem b'mod liberu.

It-tieni motiv jallega ksur tal-libertà tal-espressjoni peress li ma ġiex ikkunsidrat b'mod xieraq l-Artikolu 9(3) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew (ĠU 2011 L 116, p. 1).

It-tielet motiv jallega ksur tad-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali, kif sanċit fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, peress li kull parteċipazzjoni tal-President tal-Parlament fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet f'din il-kwistjoni, jew ta' xi ħaddieħor li kien preżenti matul is-sessjoni plenarja tal-24 ta' Frar 2010 u li kien ifforma opinjoni, tinibixxi lil tali persuna milli tieħu sehem f'dak il-proċess.

Ir-raba' motiv jallega nuqqas ta' interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 152(1) u tal-Artikolu 153 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew, peress li s-sanzjonijiet stabbiliti f'din l-aħħar dispożizzjoni għandhom jinqraw fil-kuntest tal-kliem tal-bidu tagħha li huma marbuta ma' każijiet serji ta' diżordni jew sfrattar "...bi ksur tal-prinċipji mniżżla fl-Artikolu 9...".

____________