Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Ġunju 2012 - Alban Giacomo vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-259/12)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Alban Giacomo SpA (Romano d'Ezzelino, l-Italja) (rappreżentanti: S. Nanni Costa, F. Di Gianni u G. Coppo, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla jew, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha, billi tirrikorri, jekk ikun il-każ, għall-ġurisdizzjoni sħiħa li hija għandha skont l-Artikolu 261 TFUE;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni kkontestata f'din il-kawża hija l-istess bħal dik li hija s-suġġett tal-Kawża T-248/12, Carl Fuhr vs Il-Kummissjoni.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-illegalità tad-determinazzjoni tat-tul tal-ksur allegat fil-konfront ta' Alban Giacomo SpA.

Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-ksur allegat fil-konfront tagħha ntemm fl-aħħar laqgħa li fiha hija pparteċipat, jiġifieri fil-11 ta' Settembru 2006, u mhux fil-mument tal-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni fit-3 ta' Lulju 2007.

Insostenn ta' dan il-motiv, ir-rikorrenti tinvoka l-argumenti segwenti: i) ma ntweriex li, fil-laqgħa tal-11 ta' Settembru 2006, ir-rikorrenti laħqet ftehim dwar iż-żieda fil-prezzijiet għas-sena 2007; ii) ma ntweriex li r-rikorrenti implementat il-ftehim allegat dwar iż-żieda fil-prezzijiet għas-sena 2007; iii) ma ntweriex li r-rikorrenti kellha kuntatti mal-kompetituri tagħha wara l-laqgħa tal-11 ta' Settembru 2006.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-illegalità tal-multa imposta fuq Alban Giacomo SpA sa fejn hija tikser il-prinċipji ta' individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, ta' nondiskriminazzjoni, ta' ugwaljanza fit-trattament u ta' proporzjonalità.

Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni ma ffissatx il-multa imposta fuqha b'mod proporzjonat għall-grad ta' responsabbiltà tagħha meta mqabbla ma' impriżi oħrajn li pparteċipaw fl-akkordju, bi ksur tal-prinċipji fundamentali ta' proporzjonalità, ta' ugwaljanza fit-trattament u ta' individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet.

Insostenn ta' dan il-motiv, ir-rikorrenti tinvoka l-argumenti segwenti: i) il-perċentwali ta' bejgħ użata għall-kalkolu tal-multa hija eċċessiva; ii) alternattivament, ir-rifjut li tirrikonoxxi ċirkustanza attenwanti fil-konfront tar-rikorrenti ma hijiex iġġustifikata; iii) alternattivament, il-Kummissjoni kellha tnaqqas iktar l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

____________