Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Settembru 2007 - De Fays vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-97/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Chantal De Fays (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: P.-P Gehuchten u Ph. Reyniers, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni ta' l-Awtorità Investita bis-Setgħa ta' Ħatra, tal-21 ta' Ġunju 2007 u, safejn dan huwa meħtieġ, id-deċiżjoni tagħha tal-21 ta' Novembru 2006 ;

tordna lill-Kummissjoni tħallas is-salarji li kienu s-suġġett tal-miżura ta' sospensjoni, miżjuda bl-interessi legali ;

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti, uffiċjal tal-Kummissjoni li tbati minn marda li allegatament, żammitha milli taħdem, tikkontesta d-deċiżjonijiet ta' l-Awtorità Investita bis-Setgħa ta' Ħatra li kkunsidrat li, mid-19 ta' Ottubru 2006, hija ma kinitx ġġustifikata li tonqos li tattendi suċċessivament għax-xogħol u li, b'dan il-mod, kellu jiġi applikat fil-konfront tagħha l-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej.

Qabel kollox, ir-rikorrenti ssostni li l-proċedura li biha inkisbet l-opinjoni esperta ta' tabib indipendenti abbażi ta' l-Artikolu 59 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej seħħet bi ksur tad-dritt għal smigħ xieraq u tal-prinċipju ta' audi alteram partem. Minbarra dan, ir-rapport tat-tabib li ta l-opinjoni tiegħu mhuwiex immotivat korrettament u huwa vvizjat bi żball manifest ta' evalwazzjoni.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, fl-istat attwali ta' l-għarfien xjentifiku, id-deċiżjoni li tobbligaha tmur fuq il-post tax-xogħol, tikser il-prinċipju ta' prekawzjoni.

____________