SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)
12 ta’ Lulju 2023 (*)
“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Rapport finali tal-investigazzjoni tal-OLAF dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għal servizzi ffinanzjat mill-FEŻ – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu – Preżunzjoni ġenerali – Obbligu ta’ motivazzjoni”
Fil-Kawża T‑377/21,
Eurecna SpA, stabbilita f’Venezja (l-Italja), irrappreżentata minn R. Sciaudone, avukat,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Ehrbar u A. Spina, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),
komposta minn L. Truchot, President, R. Frendo u T. Perišin (Relatriċi), Imħallfin,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara li rat l-assenza ta’ talba għal seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura bil-miktub u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Eurecna SpA, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) tas‑26 ta’ April 2021, li permezz tagħha dan tal-aħħar irrifjutalha l-aċċess għar-rapport finali tiegħu u għall-annessi tiegħu wara l-investigazzjoni OC/2019/0766/B4 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
2 Ir-rikorrenti hija kumpannija attiva fil-qasam tal-provvista ta’ servizzi marbuta mat-teknoloġija tal-informatika.
3 F’April 2014, l-Assoċjazzjoni tal-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea (OCTA) iffirmat mar-rikorrenti, bħala kumpannija koordinatriċi, il-kuntratt għal servizzi FED/2014/341‑873, intitolat “Strateġiji Territorjali għall-Innovazzjoni (STI)” (iktar ’il quddiem il-“kuntratt”), ta’ ammont inizjali ta’ EUR 2 900 600 u li l-eżekuzzjoni tiegħu seħħet mid‑29 ta’ April 2014 sat‑28 ta’ April 2020. Dan il-kuntratt kien iffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) u kellu bħala għanijiet ġenerali tiegħu t-tisħiħ tal-iżvilupp sostenibbli u tad-diversifikazzjoni ekonomika permezz ta’ soluzzjonijiet innovattivi, kif ukoll it-titjib tal-kompetittività tal-pajjiżi u tat-territorji extra-Ewropej fil-livell reġjonali u fil-livell globali.
4 Sabiex teżegwixxi l-kuntratt, ir-rikorrenti rreklutat diversi kollaboraturi, fosthom Kap tat-Tim u Espert Prinċipali Nru 1.
5 Fil‑25 ta’ April 2019, dan il-Kap tat-Tim bagħat ittra lill-OCTA u lill-Kummissjoni Ewropea sabiex jinformahom li r-rikorrenti ma kinitx ħallsitu r-remunerazzjoni għax-xogħol li sar bejn l‑2015 u l‑2018, jiġifieri s-somma ta’ EUR 430 326.23.
6 F’Awwissu 2019, il-Kummissjoni ħatret ditta tal-awditjar (iktar ’il quddiem l-“awditur indipendenti”) sabiex issir verifika indipendenti tal-veraċità u tar-regolarità tar-rapporti li ntbagħtu mir-rikorrenti matul il-perijodu bejn id‑29 ta’ April 2014 u t‑30 ta’ April 2019. Hija adixxiet ukoll lill-OLAF sabiex iwettaq il-verifiki li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu dwar il-possibbiltà li kien hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
7 Fil‑15 ta’ Ġunju 2020, l-awditur indipendenti ħareġ ir-rapport finali tiegħu, li jgħid li s-somma ta’ EUR 504 434.68 ġiet meqjusa bħala ineliġibbli għall-finanzjament tal-FEŻ. Din is-somma kienet tikkorrispondi, minn naħa, għal ammont ta’ EUR 2 034.68 fi spejjeż diversi li d-dokumenti ta’ sostenn tagħhom kienu nieqsa jew mhux adegwati u, min-naħa l-oħra, għal ammont ta’ EUR 502 400, li jikkorrispondi għal nuqqas ta’ fatturazzjoni ta’ onorarji tal-kollaboraturi tar-rikorrenti u għal differenzi bejn in-numru ta’ sigħat ta’ xogħol iddikjarati minn dawn il-kollaboraturi u dawk iddikjarati mir-rikorrenti mal-OCTA.
8 Fl‑1 ta’ Lulju 2020, l-OLAF ħabbar il-ftuħ tal-investigazzjoni bir-referenza OC/2019/0766/B4 fil-konfront tar-rikorrenti dwar l-allegati irregolaritajiet li nstabu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt.
9 Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Diċembru 2020, l-OLAF informa lir-rikorrenti li l-investigazzjoni OC/2019/0766/B4 kienet ingħalqet u li r-rapport finali ta’ din l-investigazzjoni kien għadda għand il-prosekutur pubbliku ta’ Venezja (l-Italja) u għand id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp, sabiex jittieħdu l-miżuri li ġejjin: minn naħa, il-ftuħ ta’ investigazzjoni kriminali dwar il-possibbiltà ta’ frodi mwettqa permezz ta’ rapporti skorretti ta’ verifika tal-ispejjeż sabiex jinkisbu pagamenti indebiti min-naħa tal-OCTA u, min-naħa l-oħra, l-irkupru tas-somma ta’ EUR 504 434.68, l-iskrizzjoni tar-rikorrenti fid-database tas-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni (EDES) u l-evalwazzjoni dwar jekk, konformement mal-Artikolu 10 tal-kundizzjonijiet ġenerali li japplikaw għall-kuntratt, is-sanzjonijiet ekonomiċi humiex xierqa.
10 Fit‑22 ta’ Jannar 2021, ir-rikorrenti ressqet talba quddiem l-OLAF ibbażata fuq l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), sabiex tikseb aċċess għar-rapport finali tal-investigazzjoni OC/2019/0766/B4 tal-OLAF u għall-annessi tiegħu (iktar ’il quddiem id-“dokumenti mitluba”).
11 Fit‑3 ta’ Marzu 2021, l-OLAF irrifjuta li jagħti aċċess għad-dokumenti mitluba.
12 Fl‑10 ta’ Marzu 2021, ir-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1049/2001, għamlet talba konfermattiva għal aċċess għad-dokumenti mitluba.
13 Permezz ta’ ittra ta’ informazzjoni minn qabel tal‑11 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bil-ftuħ, abbażi tar-rapport finali tal-awditur indipendenti, tal-proċedura ta’ rkupru tas-somma ta’ EUR 417 234.68 u stednitha tippreżenta, jekk ikun il-każ, l-osservazzjonijiet tagħha f’terminu ta’ 30 jum.
14 Fis‑26 ta’ April 2021, l-OLAF ħa d-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha ċaħad it-talba konfermattiva msemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq.
It‑talbiet tal‑partijiet
15 Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tordna lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti mitluba;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
16 Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id‑dritt
Fuq it‑talbiet għal annullament
17 Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, sitt motivi, ibbażati, tal-ewwel, fuq żball ta’ dritt fir-rigward tal-konsegwenzi li jġib l-aċċess għad-dokumenti mitluba, tat-tieni, fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 fir-rigward tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu, tat-tielet, fuq ksur tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 fir-rigward tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tar-raba’, fuq ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 fir-rigward tal-aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba, tal-ħames, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, tas-sitt, fuq żball ta’ dritt li jirriżulta min-nuqqas min-naħa tal-OLAF li jirrikonoxxi d-drittijiet ta’ difiża tagħha bħala ta’ interess pubbliku ikbar fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.
18 Peress li hija ġurisprudenza stabbilita li l-assenza jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni taqa’ taħt il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u tikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu, jekk ikun il-każ, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑279/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:461, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑3 ta’ Mejju 2018, Malta vs Il-Kummissjoni, T‑653/16, EU:T:2018:241, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi eżaminat il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
19 Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’motivazzjoni insuffiċjenti sa fejn, fil-punti 4 u 5 ta’ din id-deċiżjoni, l-OLAF irrefera għall-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar il-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni, mingħajr ma spjega r-rilevanza ta’ din l-eċċezzjoni speċifika fir-rigward tal-kontenut tar-rapport tal-OLAF. B’hekk, huwa impossibbli għar-rikorrenti li teżerċita d-dritt tagħha li tikkontesta r-rilevanza ta’ din l-eċċezzjoni, bħalma huwa impossibbli li l-Qorti Ġenerali twettaq l-istħarriġ tagħha tar-raġunijiet li wasslu lill-OLAF jinvoka l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.
20 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
21 F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi adattata skont in-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u l-qorti kompetenti tkun tista’ twettaq l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li dawk li lilhom ikun indirizzat l-att jew persuni oħra kkonċernati b’mod dirett u individwali minn dan l-att jista’ jkollhom li jingħataw spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2020, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni, C‑456/18 P, EU:C:2020:421, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑3 ta’ Mejju 2018, Malta vs Il-Kummissjoni, T‑653/16, EU:T:2018:241, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
22 Madankollu, l-assenza ta’ motivazzjoni tista’ tiġi kkonstatata anki fejn id-deċiżjoni inkwistjoni tinkludi fiha ċerti elementi ta’ motivazzjoni. B’hekk, motivazzjoni kontradittorja jew li ma tinftehimx hija ekwivalenti għal assenza ta’ motivazzjoni. L-istess jgħodd fejn l-elementi ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni jkunu tant nieqsa li, fil-kuntest li fih din tal-aħħar tkun ittieħdet, dak li lilu din tkun indirizzata ma jkun jista’ bl-ebda mod jifhem ir-raġunament tal-awtur tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
23 B’mod partikolari, fejn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni li quddiemu titressaq talba għal aċċess għal dokument jiddeċiedi li jiċħad din it-talba abbażi ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa għandu, bħala prinċipju, jagħti spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ b’mod konkret u effettiv ikun ta’ ħsara għall-interess protett minn din l-eċċezzjoni u r-riskju ta’ tali ħsara għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA, C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
24 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li istituzzjoni tal-Unjoni tista’, għall-finijiet ta’ evalwazzjoni ta’ talba għal aċċess għal dokumenti miżmuma minnha, tieħu inkunsiderazzjoni diversi raġunijiet għar-rifjut imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 113).
25 B’hekk, għandu jitfakkar li, f’każ ta’ iktar minn raġuni waħda, anki jekk waħda mir-raġunijiet tal-att ikkontestat hija vvizzjata b’assenza ta’ motivazzjoni, dan il-vizzju ma jistax iwassal għall-annullament ta’ dak l-att jekk ir-raġuni jew ir-raġunijiet l-oħra jagħtu ġustifikazzjoni suffiċjenti minnha nnifisha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Pethke vs EUIPO, T‑169/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:135, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).
26 Madankollu, f’ċerti każijiet, huwa possibbli għal din l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu tal-Unjoni li jibbażaw irwieħhom fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, peress li kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali simili jistgħu japplikaw għal talbiet għal żvelar ta’ dokumenti tal-istess natura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA, C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 L-għan ta’ tali preżunzjonijiet jinsab għalhekk fil-possibbiltà, għall-istituzzjoni, il-korp jew l-organu tal-Unjoni kkonċernat, li jqis li l-iżvelar ta’ ċerti kategoriji ta’ dokumenti huwa, bħala prinċipju, ta’ ħsara għall-interess protett mill-eċċezzjoni li huwa jinvoka, billi jibbaża ruħu fuq dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali, mingħajr ma jkun marbut jeżamina b’mod konkret u individwali kull wieħed mid-dokumenti mitluba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA, C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).
28 B’hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li deċiżjoni li tirrifjuta li jiġi żvelat dokument minħabba li dan id-dokument ikun kopert minn preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità tkun motivata b’mod suffiċjenti fid-dritt fejn il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni tkun tippermetti lil dak li lilu hija indirizzata din tal-aħħar ikun jista’ jifhem, minn naħa, li l-istituzzjoni kkonċernata tkun qiegħda tinvoka l-kunfidenzjalità li jgawdi minnha d-dokument inkwistjoni sabiex tirrifjuta li dan jiġi żvelat u, min-naħa l-oħra, li dan huwa dokument kopert minn din il-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, BCE vs Espírito Santo Financial (Il-Portugall), C‑442/18 P, EU:C:2019:1117, punt 55, u tal‑21 ta’ Ottubru 2020, BCE vs Estate of Espírito Santo Financial Group, C‑396/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:845, punt 62).
29 Huwa fid-dawl tal-prinċipji u tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 21 sa 28 iktar ’il fuq li għandu jiġi eżaminat dan il-motiv.
30 F’dan il-każ, ir-raġuni prinċipali tad-deċiżjoni kkontestata hija msejsa fuq il-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li taħtha jaqgħu d-dokumenti li jikkonċernaw l-investigazzjonijiet tal-OLAF, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-OLAF qies li d-dokumenti mitluba jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni, li tgħid li l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw li jingħata l-aċċess għal dokument fil-każ fejn dan, kemm-il darba jiġi żvelat, ikun ta’ ħsara għall-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu. L-OLAF qieset ukoll, fuq bażi komplementari, li d-dokumenti mitluba jaqgħu taħt l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali, irregolata mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, parzjalment, taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tal-istess regolament, li bis-saħħa tiegħu ma jingħatax aċċess fil-każ fejn dokument, kemm-il darba jiġi żvelat, ikun ta’ ħsara għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu.
Fuq il‑motivazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata sa fejn hija bbażata fuq il‑protezzjoni tal‑għanijiet tal‑attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu
31 Fir-rigward tal-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw li jingħata aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar ta’ dan tal-aħħar ikun ta’ ħsara għall-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu.
32 F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-OLAF għandu raġun jinvoka l-preżunzjoni ġenerali ta’ ħsara għall-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, ta’ spezzjoni u ta’ awditu sabiex jirrifjuta li jiżvela dokumenti li jikkonċernaw investigazzjoni fejn din tal-aħħar tkun għadha għaddejja jew tkun għadha kif ingħalqet u fejn, fil-każ tal-aħħar, l-awtoritajiet kompetenti jkunu għadhom ma ddeċidewx, fi żmien raġonevoli, dwar x’segwitu għandu jingħata għar-rapport ta’ investigazzjoni tiegħu (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Settembru 2021, Homoki vs Il-Kummissjoni, T‑517/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:529, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).
33 Fil-fatt, id-diversi atti ta’ investigazzjoni jew ta’ spezzjoni jistgħu jibqgħu koperti mill-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, investigazzjoni u ta’ awditu, kemm-il darba jibqgħu għaddejjin l-attivitajiet ta’ investigazzjoni jew ta’ spezzjoni, anki jekk tkun intemmet l-investigazzjoni jew l-ispezzjoni partikolari li twassal għar-rapport li għalih ikun intalab aċċess (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).
34 Madankollu, li jingħad li d-diversi dokumenti marbuta mal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni jew ta’ awditu huma koperti bl-eċċezzjoni bbażata fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kemm-il darba jkun għadu ma ġiex deċiż is-segwitu li għandu jingħata għal dawn il-proċeduri, ikun ifisser li l-aċċess għal dawn id-dokumenti jkun suġġett għal avveniment inċert, futur u possibbilment imbiegħed, li jiddipendi mill-ħeffa u d-diliġenza tad-diversi awtoritajiet (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190, punt 111).
35 Tali sitwazzjoni tmur kontra l-għan li jiġi ggarantit l-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti dwar irregolaritajiet li jistgħu jitwettqu fil-ġestjoni tal-interessi finanzjarji, bl-iskop li ċ-ċittadini jingħataw il-possibbiltà li jikkontrollaw b’mod iktar effettiv il-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa pubblika (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).
36 B’hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità tad-dokumenti li jikkonċernaw l-investigazzjonijiet tal-OLAF għandha tapplika sakemm l-awtoritajiet li lilhom ikun indirizzat rapport finali ta’ investigazzjoni tal-OLAF jiddeċiedu dwar is-segwitu li għandu jingħata għal dan ir-rapport, billi jagħmlu ċara l-intenzjoni tagħhom li jew jadottaw atti li jikkawżaw preġudizzju lill-persuni kkonċernati, jew li ma jadottawx tali atti. Madankollu, jekk fid-data li fiha l-istituzzjoni li quddiemha ssir talba għal aċċess għandha twieġeb għal din it-talba, l-imsemmija awtoritajiet ma jkunu wrew l-ebda intenzjoni, il-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità tad-dokumenti li jikkonċernaw l-investigazzjonijiet tal-OLAF ma għandhiex tmur lil hinn minn terminu raġonevoli li jibda jiddekorri mid-data li fiha l-OLAF ikun għaddielhom dan ir-rapport (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Mejju 2016, International Management Group vs Il-Kummissjoni, T‑110/15, EU:T:2016:322, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Settembru 2021, Homoki vs Il-Kummissjoni, T‑517/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:529, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).
37 Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi evalwat jekk id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija bbażata fuq preżunzjoni ġenerali skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hijiex suffiċjentement motivata.
38 B’mod partikolari, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 iktar ’il fuq, għandu jiġi ddeterminat jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tippermettix lir-rikorrenti tifhem, minn naħa, li l-Kummissjoni invokat il-kunfidenzjalità li jgawdu minnha d-dokumenti mitluba sabiex tirrifjuta li tiżvelahom u, min-naħa l-oħra, li dawn huma dokumenti koperti minn din il-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità.
39 F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tindika li l-OLAF qies li d-dokumenti mitluba jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, minħabba preżunzjoni ġenerali, irrikonoxxuta mill-ġurisprudenza, ta’ nuqqas ta’ aċċessibbiltà għad-dokumenti li jikkonċernaw l-investigazzjonijiet tal-OLAF.
40 B’hekk, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tippermetti lir-rikorrenti tifhem li, sabiex jirrifjuta li jiġu żvelati d-dokumenti mitluba, l-OLAF invoka l-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li jistgħu jgawdu minnha d-dokumenti li jikkonċernaw l-investigazzjonijiet tal-OLAF, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.
41 Fit-tieni lok, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata tindika li d-dokumenti mitluba jagħmlu parti mill-fajl tal-investigazzjoni OC/2019/0766 tal-OLAF, għandu jiġi osservat li, fattwalment, fil-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata, l-OLAF sempliċement jikkonstata, minn naħa, li l-imsemmija investigazzjoni ngħalqet f’Diċembru 2020 u, min-naħa l-oħra, li r-rapport finali tiegħu ntbagħat lill-prosekutur pubbliku ta’ Venezja u lill-Kummissjoni, flimkien ma’ rakkomandazzjonijiet li jindikaw l-azzjonijiet ta’ segwitu li jistgħu jittieħdu. Bl-istess mod, fil-punt 5 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa indikat li r-rakkomandazzjoni finali tal-OLAF intbagħtet lill-awtoritajiet kompetenti tal-Kummissjoni u lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u li, fil-każ li dawn l-awtoritajiet ikunu biħsiebhom jadottaw sanzjoni fil-konfront ta’ persuna msemmija fl-investigazzjoni, huma għandhom jagħtuha aċċess għar-rapport finali tal-OLAF sabiex din tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha.
42 Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel, li l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma jsemmux il-fatt, imfakkar fil-punt 13 iktar ’il fuq, li, qabel ma ttieħdet l-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni, fil‑11 ta’ Marzu 2021, bagħtet ittra ta’ informazzjoni minn qabel lir-rikorrenti sabiex tiġi rkuprata s-somma ta’ EUR 417 234.68 u stednitha tippreżenta, jekk ikun il-każ, l-osservazzjonijiet tagħha f’terminu ta’ 30 jum.
43 Madankollu, il-ftuħ mill-Kummissjoni, wara li ntbagħat ir-rapport tal-OLAF, tal-proċedura ta’ rkupru tal-parti l-kbira tas-somom imħallsa u meqjusin ineliġibbli abbażi tar-rapport finali tal-awditur indipendenti, fil-konfront tar-rikorrenti, jista’ jitqies bħala azzjoni ta’ segwitu għal waħda mir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-OLAF u, għaldaqstant, bħala deċiżjoni li timmarka l-għeluq tal-investigazzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 iktar ’il fuq.
44 Billi d-deċiżjoni kkontestata ma tgħid xejn dwar dan, huwa possibbli li wieħed jippreżumi li l-OLAF qies li l-ittra ta’ informazzjoni minn qabel li ntbagħtet lir-rikorrenti fil‑11 ta’ Marzu 2021 la kellha l-għan u lanqas l-effett li ttemm l-investigazzjoni.
45 Madankollu, ir-raġunijiet għal tali interpretazzjoni ma jirriżultawx mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.
46 B’hekk, il-Kummissjoni ma ppreċiżatx, fid-deċiżjoni kkontestata, jekk hija qisitx li l-ittra ta’ informazzjoni minn qabel li ntbagħtet lir-rikorrenti tikkostitwixxi azzjoni ta’ segwitu għar-rapport ta’ investigazzjoni tal-OLAF u, jekk iva, ir-raġunijiet għaliex it-trażmissjoni tal-imsemmi rapport lill-prosekutur pubbliku ta’ Venezja kellha l-effett li tipproroga l-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li tkopri dan ir-rapport.
47 It-tieni, skont l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata msemmija fil-punt 44 iktar ’il fuq, huwa possibbli li wieħed jippreżumi li l-OLAF qies li, fid-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet li lilhom kien indirizzat ir-rapport finali tiegħu kienu għadhom ma ddeċidewx, fi żmien raġonevoli, x’segwitu għandu jingħata għal dan ir-rapport ta’ investigazzjoni.
48 Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-OLAF ma semmiex, fid-deċiżjoni kkontestata, id-data preċiża li fiha r-rapport finali tiegħu ntbagħat lill-Kummissjoni u lill-prosekutur pubbliku ta’ Venezja.
49 Huwa minnu li, kif jirriżulta mill-punt 9 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kienet ġiet informata b’din it-trażmissjoni permezz ta’ ittra tal-Kummissjoni datata l‑4 ta’ Diċembru 2020.
50 Madankollu, għalkemm, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 iktar ’il fuq, id-dokumenti li jikkonċernaw investigazzjoni tal-OLAF li tkun għadha kif intemmet igawdu mill-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 fejn l-awtoritajiet kompetenti jkunu għadhom ma ddeċidewx x’segwitu għandu jingħata għar-rapport ta’ investigazzjoni korrispondenti, dan ikun bil-kundizzjoni li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut li l-imsemmija dokumenti jiġu żvelati, iż-żmien li jkun għadda wara li r-rapport tal-OLAF ikun intbagħat lill-awtoritajiet kompetenti ma jkunx jista’ jitqies bħala wieħed irraġonevoli.
51 B’hekk, f’dan il-każ, sabiex jiġi indikat lir-rikorrenti li, fid-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata, id-dokumenti mitluba kienu jaqgħu taħt il-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li jistgħu jgawdu minnha d-dokumenti li jikkonċernaw l-investigazzjonijiet tiegħu, l-OLAF kellu, fil-motivi ta’ din id-deċiżjoni, jieħu pożizzjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk iż-żmien li jkun għadda bejn id-data li fiha r-rapport tiegħu ntbagħat lill-Kummissjoni u lill-prosekutur pubbliku ta’ Venezja u d-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata għandux jitqies bħala wieħed raġonevoli.
52 Barra minn hekk, għalkemm huwa possibbli li wieħed jippreżumi li l-OLAF qies li, f’dan il-każ, iż-żmien li għadda minn meta r-rapport finali ntbagħat lill-Kummissjoni u lill-prosekutur pubbliku ta’ Venezja ma kienx ta’ natura irraġonevoli, ir-raġunijiet għal tali interpretazzjoni ma jirriżultawx mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.
53 Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, fl-assenza tal-informazzjoni msemmija fil-punti 41 sa 52 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti, mill-qari tad-deċiżjoni kkontestata, ma kinitx f’pożizzjoni li tifhem ir-raġunijiet għaliex l-OLAF qies li, fid-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata, id-dokumenti mitluba kienu koperti mill-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li jistgħu jgawdu minnha d-dokumenti li jikkonċernaw l-investigazzjonijiet tiegħu.
54 Fit-tielet lok u fid-dawl tan-natura inkompleta tal-elementi ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, din ma tippermettix lill-Qorti Ġenerali tevalwa l-fondatezza tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u lanqas, għaldaqstant, teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tagħha, sa fejn din id-dispożizzjoni hija l-bażi tal-motiv determinanti tad-deċiżjoni kkontestata.
55 Fil-fatt, ir-rikorrenti, permezz tat-tieni motiv tar-rikors, isostni li l-OLAF ma kienx stabbilixxa l-eżistenza ta’ preżunzjoni ta’ kunfidenzjalità tad-dokumenti mitluba abbażi tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li dan kellu jagħtiha l-aċċess għad-dokumenti mitluba, fid-dawl tal-intenzjoni tal-Kummissjoni, li wrietha permezz tal-ittra ta’ informazzjoni minn qabel tal‑11 ta’ Marzu 2021, li tgħaddi għall-irkupru tas-somma ta’ EUR 417 234.68 b’mod allegatament irregolari.
56 Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni kkontestat l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, billi sostniet, b’mod partikolari, li l-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li tkopri r-rapporti finali tal-OLAF baqgħet tapplika sakemm kienu għadhom għaddejjin azzjonijiet ta’ segwitu għall-investigazzjonijiet tal-OLAF u li, fir-rigward tal-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani, dawn kienu, fid-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata, qegħdin mingħajr dubju jieħdu tali azzjonijiet ta’ segwitu.
57 Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 41 sa 46 iktar ’il fuq, mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-OLAF, fil-waqt li fih ittieħdet din id-deċiżjoni, qies li r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport finali tal-investigazzjoni kienu wasslu għal azzjonijiet ta’ segwitu kemm min-naħa tal-Kummissjoni, kif ukoll min-naħa tal-prosekutur pubbliku ta’ Venezja. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata la ssemmi l-ittra ta’ informazzjoni minn qabel tal‑11 ta’ Marzu 2021 u lanqas li tista’ tinfetaħ investigazzjoni mill-prosekutur pubbliku ta’ Venezja.
58 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li la jeżisti dritt tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jirregolarizzaw quddiem il-qorti tal-Unjoni d-deċiżjonijiet tagħhom insuffiċjentement motivati u lanqas obbligu ta’ din tal-aħħar li tieħu inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet addizzjonali li jingħataw biss fil-mori tal-kawża mill-awtur tal-att inkwistjoni sabiex tiġi evalwata l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, stat simili tad-dritt jirriskja joskura t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-amministrazzjoni u l-qorti tal-Unjoni, idgħajjef l-istħarriġ tal-legalità u jqiegħed f’perikolu l-eżerċizzju tad-dritt għal azzjoni legali (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punt 58).
59 Barra minn hekk, anki jekk jiġi aċċettat li l-ispjegazzjonijiet addizzjonali mogħtija mill-Kummissjoni fil-mori tal-kawża jistgħu jitqiesu mhux bħala raġunament addizzjonali għad-deċiżjoni kkontestata, iżda bħala kjarifiki neċessarji sabiex tinftiehem b’mod sħiħ l-analiżi li fuqha huwa msejjes ir-raġunament tal-OLAF, għandu, madankollu, jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-argument tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni la ħadet pożizzjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk l-ittra ta’ informazzjoni minn qabel tal‑11 ta’ Marzu 2021 tikkostitwixxix azzjoni ta’ segwitu li timplika l-għeluq tal-investigazzjoni u lanqas, jekk iva, ma fissret ir-raġunijiet għaliex is-sempliċi fatt li r-rapport tal-OLAF ġie kkomunikat lill-prosekutur pubbliku ta’ Venezja kellu l-effett li jipproroga l-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, lanqas ma ħadet pożizzjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk, fid-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata, kienx għadda żmien raġonevoli minn meta d-dokumenti mitluba ntbagħtu lill-Kummissjoni u lill-prosekutur pubbliku ta’ Venezja.
60 Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma kinitx f’pożizzjoni li tevalwa jekk, fid-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata, l-OLAF setax legalment jibbaża ruħu fuq il-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, jistgħu jaqgħu taħtha d-dokumenti li jikkonċernaw l-investigazzjonijiet tiegħu.
61 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentement motivata sa fejn hija bbażata fuq l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.
Fuq il‑motivazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata sa fejn hija bbażata fuq il‑protezzjoni tal‑proċess deċiżjonali
62 Fir-rigward tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi li “[a]ċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu”.
63 It-tieni paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi li “[a]ċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu”.
64 B’hekk, huwa biss għal parti mid-dokumenti għal użu intern, jiġifieri dawk li jkun fihom opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata, li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jawtorizza li jiġi rrifjutat l-aċċess anki wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni, fejn dawn id-dokumenti, kemm-il darba jiġu żvelati, jistgħu jkunu ta’ ħsara gravi għall-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, L-Iżvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2013, Strack vs Il-Kummissjoni, T‑392/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:8, punt 235).
65 Għalhekk, l-applikazzjoni, minn istituzzjoni li quddiemha titressaq talba għal aċċess għal dokument, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 tippreżupponi li l-imsemmija istituzzjoni tispjega r-raġunijiet speċifiċi għaliex hija tqis li l-għeluq tal-proċedura amministrattiva ma jeskludix il-possibbiltà li, fid-dawl tar-riskju ta’ ħsara gravi għall-proċess deċiżjonali tagħha, ir-rifjut ta’ aċċess jibqa’ wieħed iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, L-Iżvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).
66 F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata tindika li, fil-ġurisprudenza reċenti tagħha, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ aċċessibbiltà għad-dokumenti li jagħmlu parti mill-fajls tal-OLAF u qieset li l-fatt li dokumenti li jikkonċernaw l-investigazzjonijiet tal-OLAF isiru aċċessibbli għall-pubbliku bis-saħħa tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa ta’ natura li jqiegħed f’perikolu gravi l-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, kif ukoll il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni.
67 B’hekk, skont il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jkun ta’ ħsara gravi għall-proċess deċiżjonali tal-OLAF, sa fejn iqiegħed f’perikolu gravi l-indipendenza sħiħa tal-investigazzjonijiet futuri tiegħu u l-għanijiet tagħhom billi jinkixfu l-istrateġija u l-metodi ta’ ħidma tiegħu.
68 F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tidentifikax id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tippermetti li jitqies li l-proċedura amministrattiva li magħha huma konnessi d-dokumenti mitluba kienet magħluqa.
69 B’mod partikolari, id-deċiżjoni kkontestata ma tindikax jekk id-deċiżjoni li tagħlaq il-proċess ta’ tfassil tad-dokumenti mitluba tikkorrispondix għall-ittra tal‑4 ta’ Diċembru 2020, li permezz tagħha l-OLAF informa lir-rikorrenti li l-imsemmija dokumenti ntbagħtu lill-prosekutur pubbliku ta’ Venezja u lid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp, jew għat-teħid mill-Kummissjoni ta’ xi waħda mill-azzjonijiet ta’ segwitu rrakkomandati fir-rapport finali tal-OLAF, bħall-ftuħ tal-proċedura ta’ rkupru tas-somma ta’ EUR 504 434.68 jew l-iskrizzjoni tar-rikorrenti fid-database tal-EDES.
70 Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata riprodotti fil-punti 66 u 67 iktar ’il fuq ma huma bl-ebda mod ikkorroborati minn provi ċirkustanzjali li, fid-dawl tal-kontenut speċifiku tad-dokumenti mitluba, jippermettu li wieħed jifhem ir-raġunijiet għaliex l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti seta’ kien ta’ ħsara gravi għall-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni.
71 Fl-aħħar nett, huwa possibbli li wieħed iqis li l-Kummissjoni riedet tinvoka l-eċċezzjoni bbażata fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 bħala konsegwenza tal-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li tirriżulta mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament, li jistgħu jaqgħu taħtha d-dokumenti relatati mal-proċeduri ta’ investigazzjoni tal-OLAF.
72 Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, billi d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentement motivata sa fejn hija bbażata fuq l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif jirriżulta mill-punt 61 iktar ’il fuq, lanqas ma hija suffiċjentement motivata, għaldaqstant, sa fejn hija msejsa fuq l-eċċezzjoni bbażata fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 4(3) tal-istess regolament.
73 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentement motivata sa fejn hija bbażata fuq l-eċċezzjoni prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.
Fuq il‑motivazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata sa fejn hija bbażata fuq il‑protezzjoni tal‑ħajja privata u tal‑integrità tal‑individwu
74 Fir-rigward tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dan il-motiv huwa ta’ natura aċċessorja u limitata meta mqabbel mal-motiv prinċipali tal-imsemmija deċiżjoni bbażat fuq il-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li taħtha jistgħu jaqgħu d-dokumenti li jikkonċernaw l-investigazzjonijiet tal-OLAF. B’hekk, għalkemm dan il-motiv jiġġustifika l-pożizzjoni tal-OLAF li d-dokumenti mitluba ma jistgħux jiġu żvelati b’mod sħiħ, dan ma jippermettix li tiġi evalwata r-raġuni għaliex l-OLAF irrifjuta milli jagħti aċċess parzjali għal dawn id-dokumenti.
75 Konsegwentement, il-motiv tad-deċiżjoni kkontestata bbażat fuq l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma huwiex biżżejjed waħdu sabiex ikun ibbażat fuqu r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba.
76 Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li ebda wieħed mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma jipprovdi ġustifikazzjoni suffiċjenti ta’ natura li żżomm milli tiġi annullata l-imsemmija deċiżjoni, b’mod li għandu jintlaqa’ dan il-motiv, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti.
Fuq it‑talbiet intiżi sabiex il‑Kummissjoni tipproduċi d‑dokumenti mitluba
77 Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 91(c) u l-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tipproduċi r-rapport finali tal-OLAF sabiex jiġi vverifikat, b’mod partikolari, jekk l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 tiġġustifikax ir-rifjut ta’ aċċess, anki parzjali, għad-dokumenti mitluba.
78 F’dan ir-rigward, l-Artikolu 91(c) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-miżuri istruttorji jinkludu, b’mod partikolari, it-talba għal produzzjoni ta’ dokumenti li l-aċċess għalihom ikun ġie rrifjutat minn istituzzjoni fil-kuntest ta’ rikors li jirrigwarda l-legalità ta’ dan ir-rifjut.
79 Barra minn hekk, l-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura jippreċiża li, fejn, wara li tkun twettqet miżura istruttorja msemmija fl-Artikolu 91(c) tal-istess regoli, dokument li l-aċċess għalih ikun ġie rrifjutat minn istituzzjoni jinġieb quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ rikors li jirrigwarda l-legalità ta’ dan ir-rifjut, dan id-dokument ma għandux jiġi kkomunikat lill-partijiet l-oħra.
80 Għandu jitfakkar ukoll li hija l-Qorti Ġenerali biss li tista’ tiddeċiedi dwar in-neċessità li tista’ tinqala’ l-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-kawżi li bihom tkun adita tiġi kkompletata (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il-Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata) u huwa l-kompitu tagħha li tevalwa r-rilevanza ta’ talba għal miżura istruttorja fid-dawl tal-iskop tat-tilwima u tan-neċessità li tintlaqa’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2019, PT vs BEI, T‑573/16, EU:T:2019:481, punt 111 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).
81 Huwa minnu li, fejn ir-rikorrent jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni li tirrifjuta li tagħtih l-aċċess għal dokument skont waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 billi jsostni li l-eċċezzjoni invokata mill-istituzzjoni kkonċernata ma kinitx tapplika għad-dokument mitlub, il-Qorti Ġenerali għandha, bħala prinċipju, tordna l-produzzjoni ta’ dan id-dokument u teżaminah, filwaqt li tosserva l-protezzjoni ġudizzjarja tal-imsemmi rikorrent. Fil-fatt, jekk ma tikkonsultax hija stess l-imsemmi dokument, il-Qorti Ġenerali ma tistax tkun f’pożizzjoni li tevalwa in concreto jekk l-aċċess għal dan id-dokument jistax validament jiġi rrifjutat mill-imsemmija istituzzjoni kkonċernata abbażi tal-eċċezzjoni invokata u, konsegwentement, li tevalwa l-legalità ta’ deċiżjoni li tirrifjuta li jingħata l-aċċess għall-imsemmi dokument (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2013, Jurašinović vs Il-Kunsill, C‑576/12 P, EU:C:2013:777, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
82 Madankollu, f’dan il-każ, mill-argument tar-rikorrenti jirriżulta li t-talba għal miżura istruttorja għandha tiġi ordnata mill-Qorti Ġenerali bil-għan li jiġi vverifikat jekk l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 tiġġustifikax ir-rifjut ta’ aċċess, anki parzjali, għad-dokumenti mitluba, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001.
83 Skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk parti biss mid-dokument mitlub hija koperta minn xi eċċezzjoni jew minn diversi eċċezzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-partijiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.
84 Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fejn preżunzjonijiet ġenerali ta’ kunfidenzjalità japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, id-dokumenti koperti minn dawn tal-aħħar huma eżentati mill-obbligu li jiġi żvelat, b’mod sħiħ jew parzjali, il-kontenut tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2019, AlzChem vs Il-Kummissjoni, C‑666/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:196, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑26 ta’ April 2016, Strack vs Il-Kummissjoni, T‑221/08, EU:T:2016:242, punt 168 u l-ġurisprudenza ċċitata).
85 B’hekk, huwa biss fil-każ fejn ir-rikorrenti jkun wera l-fondatezza tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li l-Qorti Ġenerali għandha ssolvi l-kwistjoni dwar jekk l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tal-imsemmi regolament, tiġġustifikax ir-rifjut ta’ aċċess, anki parzjali, għad-dokumenti mitluba.
86 Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 60 iktar ’il fuq u fid-dawl tal-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni li biha hija vvizzjata d-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni tevalwa jekk l-OLAF kienx iġġustifikat jinvoka l-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.
87 Konsegwentement, billi l-Qorti Ġenerali ma tistax issolvi l-kwistjoni dwar jekk l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 tiġġustifikax ir-rifjut ta’ aċċess, anki parzjali, għad-dokumenti mitluba, l-għoti tal-miżura istruttorja mitluba mir-rikorrenti huwa ta’ natura fiergħa u dawn it-talbiet jistgħu biss jiġu miċħuda.
Fuq l‑ispejjeż
88 Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.
89 Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Id-deċiżjoni tas‑26 ta’ April 2021, li permezz tagħha l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) irrifjuta li jagħti lil Eurecna SpA l-aċċess għar-rapport finali tiegħu u għall-annessi tiegħu wara l-investigazzjoni OC/2019/0766/B4, hija annullata.
2) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
3) Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑12 ta’ Lulju 2023.
Firem