Language of document : ECLI:EU:T:2023:822

Kawża T216/21

Ryanair DAC
u
Malta Air ltd.

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tal20 ta’ Diċembru 2023

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija minn Franza lil Air France fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Garanzija mill-Istat għal self bankarju u self subordinat tal-Istat – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Rikors għal annullament – Locus standi – Ħsara sostanzjali għall-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq – Ammissibbiltà – Determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji”

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza individwali – Kriterji – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonkludi li għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern – Rikors ta’ impriża kompetitriċi li ma turix ħsara sostanzjali tal-pożizzjoni tagħha fis-suq – Ammissibbiltà – Obbligu għall-impriża kompetitriċi li tiddefinixxi b’mod preċiż is-suq inkwistjoni u li tqabbel is-sitwazzjoni tal-kompetituri kollha preżenti f’dan is-suq sabiex tiddistingwi ruħha minnhom – Assenza

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 21 sa 50)

2.      Rikors għal annullament – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Preżentata ta’ rikors wieħed minn żewġ rikorrenti – Ammissibbiltà tar-rikors ta’ wieħed mir-rikorrenti – Neċessità li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tat-tieni rikorrent – Assenza

(Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punt 53)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Identifikazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna – Grupp ta’ impriżi li jikkostitwixxu unità ekonomika waħda – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Rabtiet kapitalistiċi, organiċi, funzjonali u ekonomiċi bejn l-impriżi li jappartjenu għall-imsemmi grupp – Qafas kuntrattwali u kuntest tal-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni

(Artikolu 107(3)(b) TFUE)

(ara l-punti 59 sa 68, 81, 82, 101, 102, 111, 136, 143 sa 149)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Identifikazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna – Impriża li tibbenefika minn vantaġġ dirett jew indirett – Vantaġġ indirett – Kunċett – Distinzjoni bejn vantaġġ indirett u effetti ekonomiċi sekondarji inerenti għal miżura ta’ għajnuna

(Artikolu 107(3)(b) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2016/C 262/01, punti 115 u 116)

(ara l-punti 152 sa 162)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża li tirrimedja disturb serju tal-ekonomija ta’ Stat Membru – Għajnuna intiża li tiffinanzja l-bżonnijiet ta’ likwidità immedjati ta’ grupp tal-ajru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonkludi dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern – Żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fl-identifikazzjoni tal-benefiċjarji – Żball li jista’ jkollu effett fuq l-analiżi tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern

(Artikolu 107(3)(b) TFUE)

(ara l-punti 163 sa 167)

Sunt

F’Ġunju 2020, ir-Repubblika Franċiża kkomunikat lill-Kummissjoni Ewropea għajnuna mill-Istat favur il-kumpannija tal-ajru Air France, sussidjarja tal-kumpannija holding Air France-KLM. L-għajnuna kkomunikata kienet tikkonsisti, minn naħa, f’garanzija mill-Istat ta’ 90 % fuq self mogħti minn konsorzju ta’ banek li jammonta għal EUR 4 biljun u, min-naħa l-oħra, f’self minn azzjonist li jammonta għal massimu ta’ EUR 3 biljun.

Sussegwentement, f’Marzu 2021, ir-Repubblika Franċiża kkomunikat lill-Kummissjoni proġett ta’ għajnuna favur Air France u l-kumpannija holding Air France-KLM, intiż għar-rikapitalizzazzjoni, sa EUR 4 biljun, ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji, permezz ta’ żieda fil-kapital u tal-konverżjoni tas-self minn azzjonist imsemmi iktar ’il fuq fi strument ibridu, assimilat ma’ investiment f’kapital proprju tal-kumpannija holding.

Dawn il-miżuri, li jaqgħu fil-kuntest ta’ sensiela ta’ miżuri oħra ta’ għajnuna intiżi sabiex jagħtu appoġġ lill-kumpanniji li jagħmlu parti mill-grupp Air France-KLM, kellhom l-għan li jiffinanzjaw il-bżonnijiet ta’ likwidità immedjati ta’ Air France u tal-kumpannija holding Air France-KLM sabiex jgħinuhom jegħlbu l-konsegwenzi negattivi tal-pandemija tal-COVID-19.

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Mejju 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Air France”) (1), ikkoreġuta darbtejn f’Diċembru 2020 u f’Lulju 2021, u permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ April 2021 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Air France-KLM u Air France”) (2), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri kkomunikati jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE (3) u l-Komunikazzjoni tagħha tad‑19 ta’ Marzu 2020 intitolata “Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19” (4).

Fid-deċiżjoni Air France, il-Kummissjoni qieset li l-benefiċjarji tal-għajnuna kkomunikata kienu Air France u s-sussidjarji tagħha. Għalhekk, la l-kumpannija holding Air France-KLM u lanqas is-sussidjarji l-oħra tagħha, inkluża KLM u l-kumpanniji li din tal-aħħar kienet tikkontrolla, ma tqiesu li huma benefiċjarji ta’ din il-miżura. Fid-deċiżjoni Air France-KLM u Air France, il-Kummissjoni identifikat kemm lil Air France u s-sussidjarji tagħha kif ukoll il-kumpannija holding Air France-KLM u s-sussidjarji tagħha bħala benefiċjarji tal-għajnuna kkomunikata, bl-unika eċċezzjoni ta’ KLM u tas-sussidjarji ta’ din tal-aħħar.

Il-kumpanniji tal-ajru Ryanair u Malta Air ippreżentaw rikorsi intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni ċċitati iktar ’il fuq. Dawn ir-rikorsi ntlaqgħu mit-Tmien Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali, li kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tal-benefiċjarji tal-għajnuna kkomunikata u, għaldaqstant, kisret l-Artikolu 107(3)(b) TFUE. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali għamlet preċiżazzjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-benefiċjarji ta’ miżura ta’ għajnuna fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Insostenn tar-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti kkontestaw b’mod partikolari l-esklużjoni tal-kumpannija holding Air France-KLM u ta’ KLM (deċiżjoni Air France), minn naħa, u ta’ KLM (deċiżjoni Air France-KLM u Air France), min-naħa l-oħra, mill-perimetru tal-benefiċjarji tal-miżuri kkominikati.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret li, għalkemm il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta tintalab tidentifika l-benefiċjarji ta’ miżura ta’ għajnuna kkomunikata, xorta jibqa’ l-fatt li l-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom.

Mill-ġurisprudenza u mill-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat (5) jirriżulta, barra minn hekk, li diversi entitajiet legali distinti jistgħu jitqiesu li jifformaw unità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fost l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ tali unità ekonomika hemm b’mod partikolari r-rabtiet kapitalistiċi, organiċi, funzjonali u ekonomiċi bejn l-entitajiet ikkonċernati, il-kuntratti li jipprevedu l-għoti tal-għajnuna kkomunikata u l-kuntest tagħha.

Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali rrilevat, qabelxejn, li r-rabtiet kapitalistiċi u organiċi fi ħdan il-grupp Air France-KLM, kif deskritti fid-deċiżjonijiet ikkontestati, juru li l-entitajiet ġuridiċi distinti fi ħdan l-imsemmi grupp jifformaw unità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li mill-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni jirriżulta li l-kumpannija holding Air France-KLM teżerċita effettivament kontroll fuq Air France u fuq KLM billi hija involuta direttament jew indirettament fil-ġestjoni tagħhom u għalhekk tipparteċipa fl-attività ekonomika eżerċitata minnhom. Barra minn hekk, skont l-imsemmija konstatazzjonijiet, teżisti, fil-livell tal-grupp Air France-KLM, proċedura deċiżjonali ċċentralizzata u ċerta koordinazzjoni, żgurati permezz ta’ korpi mħallta li jiġbru flimkien rappreżentanti ta’ livell għoli tal-kumpannija holding Air France-KLM, ta’ Air France u ta’ KLM, tal-inqas f’dak li jirrigwarda t-teħid ta’ ċerti deċiżjonijiet importanti.

Il-konklużjoni tal-Kummissjoni, li l-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM ma jikkostitwixxux unità ekonomika għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-benefiċjarji tal-miżuri ta’ għajnuna kkomunikata, hija, barra minn hekk, invalidata mir-rabtiet funzjonali u ekonomiċi li jeżistu bejn dawn l-entitajiet. Fil-fatt, id-deskrizzjoni tal-imsemmija rabtiet fid-deċiżjonijiet ikkontestati kif ukoll id-diversi eżempji invokati f’dan ir-rigward minn Ryanair u Malta Air juru ċerta integrazzjoni u kooperazzjoni funzjonali, kummerċjali u finanzjarji bejn l-imsemmija entitajiet.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, kuntrarjament għall-argument tal-Kummissjoni, il-kuntest kuntrattwali li abbażi tiegħu ngħataw il-miżuri kkomunikati kif ukoll l-impenji meħuda mir-Repubblika Franċiża fil-kuntest tad-deċiżjoni Air France-KLM u Air France ma jipprekludux il-klassifikazzjoni bħala unità ekonomika tal-kumpannija holding Air France-KLM, ta’ Air France u ta’ KLM. Fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li la l-klawżoli kuntrattwali ċċitati mill-Kummissjoni, u lanqas l-impenji meħuda mir-Repubblika Franċiża ma jippermettu li jiġi ristrett iċ-ċirku ta’ benefiċjarji tal-miżuri kkomunikati lil Air France rispettivament lill-holding Air France-KLM u lil Air France. Fir-rigward tad-deċiżjoni Air France-KLM u Air France, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, barra minn hekk, li t-titjib tal-pożizzjoni finanzjarja tal-kumpannija holding Air France-KLM wara l-miżura kkomunikata għandu, fi kwalunkwe każ, bħala konsegwenza li jeskludi r-riskju ta’ inadempjenza tagħha u, bl-istess mod, tas-sussidjarja tagħha KLM u l-kumpanniji li din tal-aħħar kienet tikkontrolla.

Fid-dawl tar-rabta kronoloġika u strutturali eżistenti bejn il-miżuri li huma s-suġġett tad-deċiżjonijiet ikkontestati, u billi enfasizzat li d-deċiżjoni Air France-KLM u Air France ġiet adottata qabel l-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni korrettiva tad-deċiżjoni Air France, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, barra minn hekk, li l-eżistenza ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet kellha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni waqt l-eżami minnha tal-miżuri kkomunikati. Għalhekk, il-Kummissjoni naqset milli tispjega r-raġuni għalfejn hija ddefinixxiet il-benefiċjarji tal-miżuri ta’ għajnuna kkomunikati b’mod differenti fid-deċiżjonijiet ikkontestati.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li l-miżuri ta’ għajnuna kkomunikati għandhom, l-iktar l-iktar, sempliċi effetti ekonomiċi sekondarji fir-rigward tal-kumpannija holding Air France-KLM u tas-sussidjarji l-oħra tagħha (deċiżjoni Air France) u fir-rigward ta’ KLM u tas-sussidjarji tagħha (deċiżjoni Air France-KLM u Air France). Fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-effetti prevedibbli tal-imsemmija miżuri minn perspettiva ex ante jissuġġerixxu li s-soluzzjoni ta’ finanzjament prevista setgħet tkun ta’ benefiċċju għall-grupp Air France-KLM kollu kemm hu, billi ttejjeb il-pożizzjoni finanzjarja globali tiegħu. Issa, konformement mal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, tali soluzzjoni ta’ finanzjament tindika l-eżistenza, tal-inqas, ta’ vantaġġ indirett favur il-grupp Air France-KLM, inkluża KLM u s-sussidjarji ta’ din tal-aħħar.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta eskludiet lill-kumpannija holding Air France-KLM u s-sussidjarji l-oħra tagħha, inkluża KLM u s-sussidjarji ta’ din tal-aħħar (deċiżjoni Air France), minn naħa, u lil KLM u s-sussidjarji tagħha (deċiżjoni Air France-KLM u Air France), min-naħa l-oħra, mill-perimetru tal-benefiċjarji tal-miżuri ta’ għajnuna kkomunikati. Peress li din l-identifikazzjoni żbaljata tal-benefiċjarji jista’ jkollha effett fuq l-analiżi kollha tal-kompatibbiltà tal-miżuri kkomunikati mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE u l-Qafas Temporanju, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjonijiet ikkontestati.


1      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2983 final tal‑4 ta’ Mejju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57082 (2020/N) – Franza – COVID-19 – Qafas Temporanju 107(3)(b) – Garanzija u self minn azzjonist għall-benefiċċju ta’ Air France, kif ikkoreġuta bid-Deċiżjonijiet C(2020) 9384 final tas‑17 ta’ Diċembru 2020, u C(2021) 5701 final tas‑26 ta’ Lulju 2021.


2      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 2488 final dwar l-għajnuna mill-Istat SA.59913 – Franza COVID 19 – Rikapitalizzazzjoni ta’ Air France u ta’ Air France-KLM u Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2983 final, tal‑4 ta’ Mejju 2020, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57082 (2020/N) – Franza – COVID 19 – Qafas Temporanju 107(3)(b) – Garanzija u self minn azzjonist favur Air France, kif ikkoreġuta bid-Deċiżjonijiet C(2020) 9384 final, tas‑17 ta’ Diċembru 2020, u C(2021) 5701 final, tas‑26 ta’ Lulju 2021 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).


3      Skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, l-għajnuna intiża sabiex tirrimedja disturb serju tal-ekonomija ta’ Stat Membru tista’, f’ċerti ċirkustanzi, titqies li hija kompatibbli mas-suq intern.


4      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19 (ĠU 2020, C 91 I, p. 1), emendat fl‑4 ta’ April 2020 (ĠU 2020, C 112 I, p. 1), fit‑13 ta’ Mejju 2020 (ĠU 2020, C 164, p. 3), u fid‑29 ta’ Ġunju 2020 (ĠU 2020, C 218, p. 3) (iktar ’il quddiem il-“Qafas Temporanju”).


5      Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 262, p. 1).