Language of document : ECLI:EU:T:2008:416

Kawża T-73/04

Le Carbone-Lorraine

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-prodotti abbażi ta’ karbonju u grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi — Gravità u tul tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Prinċipju ta’ trattament ugwali”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ksur kumpless

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Avviż tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

2.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Multi — Uniċità tal-ksur

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))

3.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Applikazzjoni mill-Kummissjoni — Awtonomija fir-rigward tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-awtoritajiet ta’ Stati terzi

(Artikoli 3(1)(g) KE u 81 KE)

4.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti tal-ksur kollu

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))

5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Iffissar ta’ prezzijiet — Obbligu li l-Kummissjoni, sabiex tevalwa l-impatt ta’ ksur, tirreferi għall-kompetizzjoni li kien ikun hemm fin-nuqqas ta’ dan il-ksur

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Avviż tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Gravità tal-parteċipazzjoni ta’ kull impriża

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Avviż tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata — Dħul mill-bejgħ magħmul bil-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))

8.      Kompetizzjoni — Multi — Deċiżjoni li timponi multi — Obbligu ta’ motivazzjoni

(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Avviż tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Natura dissważiva — Rekwiżit ġenerali li għandu jiggwida lill-Kummissjoni matul il-kalkolu tal-multi

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15; Avviż tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

10.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Implementazzjoni ta’ programm ta’ allineament sabiex ikun hemm konformità mar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15; Avviż tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

11.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Rwol passiv jew emulattiv tal-impriża

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15; Avviż tal-Kummissjoni 98/C 9/03, l-ewwel inċiż tal-punt 3)

12.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2842/98; Avviż tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 3)

13.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Aġir differenti minn dak li ġiet miftiehma fl-akkordju

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15; Avviż tal-Kummissjoni 98/C 9/03, it-tieni inċiż tal-punt 3)

14.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Waqfien tal-ksur qabel l-intervent tal-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15; Avviż tal-Kummissjoni 98/C 9/03, it-tielet inċiż tal- punt 3)

15.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Tnaqqis tal-ammont tal-multa inkambju għal kolloborazzjoni li tippermetti li jiġi ddeterminat il-grad ta’ parteċipazzjoni ta’ impriża oħra

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15; Avviż tal-Kummissjoni 98/C 9/03, is-sitt inċiż tal-punt 3)

16.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tnaqqis tal-ammont tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża inkriminata

(Regolament tal-Kunsill Nru 17; Avviż tal-Kummissjoni 96/C 207/04, punt D(2))

17.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża kkonċernata

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15)

1.      Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, is-suq inkwistjoni għandu jiġi definit biex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk ftehim jistax jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u jekk għandux bħala għan jew bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tiddefinixxi s-suq, permezz ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 81 KE, biss meta, mingħajr tali definizzjoni, ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat jekk il-ftehim, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni tal-impriżi jew il-prattika miftiehma inkwistjoni jistgħux jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri u għandhomx bħala għan jew bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni.

Il-Kummissjoni mhijiex marbuta li tiddefinixxi s-swieq tal-prodotti inkwistjoni sabiex teżamina l-gravità ta’ ksur għal kull kategorija ta’ prodotti kkonċernati. Fil-fatt, qabel xejn, skont il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, l-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura nfisha tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan ikun jista’ jitkejjel u l-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat. Il-Kummissjoni m’għandha l-ebda obbligu, skont il-Linji gwida, li tanalizza l-impatt ta’ akkordju, b’mod speċifiku, għal kull kategorija ta’ prodotti inkwistjoni. Barra minn hekk, fil-każ ta’ ksur wieħed kumpless rigward numru ta’ prodotti, il-Kummissjoni mhijiex marbuta twettaq analiżi separata ta’ kull element tal-ksur, jew li taqsam l-ammont tal-multa bejn l-elementi differenti, u lanqas mhija marbuta li teżamina l-gravità ta’ kull ksur meta hija timponi multa waħda lil impriża li tkun wettqet diversi ksur. Barra minn hekk, din il-konklużjoni mhijiex ta’ natura li tippermetti sanzjoni kollettiva arbitrarja tal-impriżi involuti f’akkordju.

Skont is-sitt paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida ċċitati iktar ’il fuq, preżenza limitata f’suq tista’ eventwalment twassal għall-ammont inizjali inqas fil-kuntest ta’ “trattament differenti” tal-impriżi involuti f’akkordju. Barra minn hekk, il-gravità relatata mal-parteċipazzjoni ta’ kull impriża inkwistjoni għandha tiġi eżaminata mill-Kummissjoni waqt l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti.

(ara l-punti 36, 45, 46, 48-52)

2.      Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni tista’ tagħti bidu għal proċedura waħda fir-rigward ta’ prattiki li jinkludu diversi prodotti distinti, u din il-proċedura tista’ twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni waħda li tikkonstata li impriża wettqet diversi ksur distinti u timponilha diversi multi distinti, kull waħda minn dawn il-multi skont il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Meta l-Kummissjoni tqis li l-prodotti kollha koperti mill-proċedura kienu s-suġġett ta’ ksur wieħed kumpless, fid-dawl b’mod partikolari tal-funzjonament tal-akkordju inkwistjoni, hija tista’ tagħżel li tadotta deċiżjoni waħda li timponi multa waħda lil kull impriża kkonċernata u din l-għażla la tkun illoġika u lanqas ma tkun tmur kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

(ara l-punti 56, 63-66)

3.      Il-prassi segwita mill-awtoritajiet ta’ Stati terzi responsabbli mill-protezzjoni tal-kompetizzjoni ħielsa ma tistax tiġi imposta fuq il-Kummissjoni li hija responsabbli mill-implementazzjoni u mill-orjentament tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, l-eżerċizzju tas-setgħa tagħhom mill-awtoritajiet ta’ Stati terzi, fil-kuntest tal-kompetenza territorjali tagħhom, isir skont ir-rekwiżiti speċifiċi tal-imsemmija Stati. L-elementi li jifformaw il-bażi tas-sistemi legali ta’ Stati oħra fil-qasam tal-kompetizzjoni mhux biss għandhom għanijiet u objettivi speċifiċi, iżda jwasslu wkoll għall-adozzjoni ta’ regoli materjali partikolari kif ukoll għal konsegwenzi ġuridiċi differenti ħafna fil-qasam amministrattiv, kriminali jew ċivili, meta l-awtoritajiet tal-imsemmija Stati jkunu stabbilixxew l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli applikabbli fil-qasam tal-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, teżisti sitwazzjoni ġuridika differenti ħafna meta impriża tkun milquta esklużivament, fil-qasam tal-kompetizzjoni, mill-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u tad-dritt ta’ Stat Membru wieħed jew iktar, jiġifieri meta akkordju jkun limitat għall-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tas-sistema legali tal-Komunità Ewropea.

Minn dan isegwi li, meta l-Kummissjoni tissanzjona l-aġir illegali ta’ impriża, anki jekk dan joriġina minn akkordju ta’ natura internazzjonali, hija tkun qed tipproteġi l-kompetizzjoni ħielsa ġewwa s-suq komuni li, skont l-Artikolu 3(1)(g) KE, tikkostitwixxi għan fundamentali tal-Komunità. Fil-fatt, minħabba n-natura speċifika tal-interess legali protett fuq livell Komunitarju, l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, fid-dawl tal-kompetenzi tagħha fil-qasam, jistgħu jkunu differenti ħafna minn dawk tal-awtoritajiet ta’ Stati terzi.

(ara l-punti 57-60)

4.      Meta l-Kummissjoni tikkunsidra li numru ta’ ftehim u/jew ta’ prattiki miftiehma jikkostitwixxu ksur kumpless wieħed, hija mhijiex marbuta, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammont inizjali tal-multi, la li twettaq eżami konkret tal-prattiki illegali fir-rigward ta’ kull wieħed mis-swieq ikkonċernati, u lanqas li tieħu inkunsiderazzjoni l-aġir effettiv li impriża tallega li adottat. Hija għandha biss tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti li jirriżultaw mill-ksur inġenerali.

(ara l-punti 80, 89, 90, 95, 97, 102)

5.      Sabiex jiġi evalwat l-impatt konkret ta’ ksur fuq is-suq, hija l-Kummissjoni li għandha tirreferi għall-kompetizzjoni li kieku kienet normalment teżisti fin-nuqqas ta’ ksur.

Fir-rigward ta’ akkordju fuq il-prezzijiet, il-Kummissjoni tista’ leġittimament tiddeduċi li l-ksur kellu effetti, u dan abbażi tal-fatt li l-membri tal-akkordju kienu ħadu miżuri sabiex japplikaw il-prezzijiet miftiehma, pereżempju, billi ħabbruhom lill-klijenti, billi taw lill-impjegati tagħhom l-istruzzjoni li jużawhom bħala bażi għal negozjati u billi ssorveljaw l-applikazzjoni tagħhom mill-kompetituri tagħhom u mid-dipartimenti tal-bejgħ tagħhom stess. Fil-fatt, sabiex jiġi konkluż li kien hemm impatt fuq is-suq, huwa biżżejjed li l-prezzijiet miftiehma servew ta’ bażi għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ tranżazzjonijiet individwali, u b’dan il-mod illimitaw il-marġni għal negozjati tal-klijenti.

Min-naħa l-oħra, ladarba tkun ġiet stabbilita l-implementazzjoni ta’ akkordju, il-Kummissjoni ma tistax tiġi obbligata turi sistematikament li, fil-fatt il-ftehim ippermettew lill-impriżi kkonċernati jilħqu livell ta’ prezz ta’ tranżazzjoni ogħla minn dak li kien jipprevali fin-nuqqas ta’ akkordju. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi sostnuti li huwa biss il-fatt li l-livell tal-prezzijiet ta’ tranżazzjoni kien ikun differenti fin-nuqqas ta’ akkordju li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur. Barra minn hekk, ikun sproporzjonat li tintalab tali prova li tassorbi riżorsi kunsiderevoli fid-dawl tal-fatt li din tirrekjedi l-użu ta’ kalkoli ipotetiċi bbażati fuq mudelli ekonomiċi li l-eżattezza tagħhom tkun diffiċli li tiġi vverifikata mill-qorti u tal-fatt li m’hemm l-ebda prova tan-natura infallibbli tagħhom.

Sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, huwa deċiżiv li jiġi stabbilit li l-membri tal-akkordju kienu għamlu dak kollu li setgħu jagħmlu sabiex jagħtu effett konkret lill-intenzjonijiet tagħhom. Dawn il-membri ma jistgħux jinvokaw favur tagħhom fatturi esterni li kkontrabattew l-isforzi tagħhom, billi jsostnu li dawn huma elementi li jiġġustifikaw tnaqqis tal-multa.

Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ leġittimament tibbaża ruħha fuq l-implementazzjoni tal-akkordju sabiex tikkonkludi li kien hemm impatt fuq is-suq, mingħajr ma jkun neċessarju li d-daqs ta’ dan l-impatt jitkejjel bi preċiżjoni.

Anki jekk jitqies li l-impatt konkret tal-akkordju ma ġiex stabbilit suffiċjentement skont il-liġi mill-Kummissjoni, il-kwalifika tal-ksur inkwistjoni bħala “serju ħafna” xorta waħda tista’ tkun adegwata. Fil-fatt, it-tliet aspetti tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur skont il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, li huma n-natura nfisha tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan ikun jista’ jitkejjel u l-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat, m’għandhomx l-istess piż fil-kuntest tal-eżami globali. In-natura tal-ksur għandha rwol ewlieni, b’mod partikolari, sabiex il-ksur jiġi kkwalifikat bħala “serju ħafna”. F’dan ir-rigward, mid-deskrizzjoni tal-ksur serju ħafna fil-Linji gwida jirriżulta li ftehim jew prattiki miftiehma li jkunu b’mod partikolari intiżi għall-iffissar tal-prezzijiet jistgħu jiġu kkwalifikati, abbażi tan-natura tagħhom stess, bħala “serju ħafna”, mingħajr ma jkun neċessarju li tali mġiba tkun ikkaratterizzata minn impatt jew firxa ġeografika partikolari. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, filwaqt li d-deskrizzjoni tal-ksur serju tirreferi espliċitament għall-impatt fuq is-suq u għall-effetti fuq żoni wiesgħa tas-suq komuni, dik ta’ ksur serju ħafna, min-naħa tagħha, ma ssemmi ebda rekwiżit la ta’ impatt konkret fuq is-suq u lanqas tal-effetti fuq żona ġeografika partikolari.

(ara l-punti 83-87, 91)

6.      Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni skont il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5), tat-Trattat KEFA, għandha ssir distinzjoni bejn l-eżami tal-gravità tal-ksur, li sservi sabiex jiġi ddeterminat l-ammont inizjali tal-multa u dak tal-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull impriża kkonċernata, fejn din l-aħħar kwistjoni għandha tiġi evalwata fil-kuntest tal-applikazzjoni eventwali taċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

(ara l-punt 100)

7.      Il-Kummissjoni mhijiex obbligata, meta tiddetermina l-ammont tal-multi skont il-gravità u t-tul tal-ksur, li taħdem il-kalkolu tal-multa billi tibda minn ammonti bbażati fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi inkwistjoni, u b’mod partikolari, fuq id-dħul mill-bejgħ magħmul mill-prodotti inkwistjoni. Filwaqt li ma jistax jiġi nnegat li dan id-dħul mill-bejgħ jista’ jikkostitwixxi bażi xierqa sabiex jiġu evalwati l-effetti ħżiena fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-prodotti kkonċernati, u l-importanza relattiva tal-parteċipanti f’akkordju fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-element bl-ebda mod ma jikkostitwixxi l-kriterju waħdieni li permezz tiegħu l-Kummissjoni għandha tevalwa l-gravità tal-ksur. Il-fatt li l-evalwazzjoni tan-natura sproporzjonata tal-ammont inizjali tal-multa deċiż mill-Kummissjoni tiġi limitata għal paragun bejn l-imsemmi ammont u d-dħul mill-bejgħ magħmul mill-prodotti inkwistjoni jkun jimplika li dan l-element jingħata importanza kbira wisq. In-natura speċifika tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq, il-firxa ġeografika tas-suq affettwat u l-ħtieġa li l-multi jkollhom effett dissważiv huma elementi li wkoll jistgħu jiġġustifikaw l-ammont imsemmi iktar ’il fuq.

(ara l-punti 114, 118, 119)

8.      Għal dak li jikkonċerna l-iffissar tal-multi abbażi tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta hija tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur imwettaq, mingħajr ma tkun obbligata li f’din id-deċiżjoni tinkludi spjegazzjoni iktar dettaljata jew tindika ċ-ċifri relatati mal-metodu ta’ kalkolu tal-multa. L-indikazzjoni taċ-ċifri relatati mal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multi, għalkemm utli, mhijiex indispensabbli sabiex ikun sodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni.

Fir-rigward tal-motivazzjoni tal-ammonti inizjali f’termini assoluti, il-multi jikkostitwixxu strument tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni li għandha jkollha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammonti tagħhom sabiex torjenta l-aġir tal-impriżi fid-direzzjoni tal-osservanza tar-regoli ta’ kompetizzjoni. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi evitat li l-multi jkunu faċilment previdibbli mill-operaturi ekonomiċi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tintalab tipprovdi, f’dan ir-rigward, elementi ta’ motivazzjoni għajr dawk relatati mal-gravità tal-ksur.

(ara l-punti 129, 130)

9.      Peress li l-effett dissważiv huwa wieħed mill-iskopijiet tal-multi għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-bżonn li dan jiġi żgurat jikkostitwixxi rekwiżit ġenerali li l-Kummissjoni għandha ssegwi matul il-proċess kollu tal-kalkolu tal-multa, u mhux neċessarjament jirrikjedi li dan il-kalkolu jkun ikkaretterizzat minn stadju partikolari fejn issir evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha għall-finijiet tal-kisba ta’ dan l-objettiv.

Għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan tal-effett dissważiv, fil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, il-Kummissjoni ma ddefinixxietx metodoloġija jew kriterji individwalizzati li l-espożizzjoni speċifika tagħhom jista’ jkollha saħħa vinkolanti. Ir-raba’ paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida, fil-kuntest tal-indikazzjonijiet dwar l-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, jirreferi biss għall-bżonn li l-ammont tal-multa jiġi ddeterminat f’livell li jiżgura li dan jkollu natura suffiċjentement dissważiva.

(ara l-punti 131, 132)

10.    Għalkemm huwa importanti li impriża tieħu miżuri sabiex twaqqaf lil membri tal-persunal tagħha milli jwettqu, fil-futur, ksur ġdid tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, pereżempju, bl-implementazzjoni ta’ programm ta’ konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni, it-teħid ta’ dawn il-miżuri ma jbiddilx ir-realtà tal-ksur ikkonstatat. Għalhekk, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont ta’ multa imposta għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni la hija marbuta li tikkunsidra dan il-fattur bħala ċirkustanza attenwanti, u lanqas mhija marbuta li tikkunsidrah fil-kuntest tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-effett dissważiv tal-multa, a fortiori meta l-ksur inkwistjoni jikkostitwixxi ksur manifest tal-Artikolu 81 KE. F’dan ir-rigward, il-fatt li tali miżuri ġew implemetati mill-impriża qabel l-intervent tal-Kummissjoni mhuwiex rilevanti. Barra minn hekk, huwa impossibbli li jiġi ddeterminat il-livell ta’ effettività tal-miżuri interni meħuda mill-impriżi sabiex tiġi evitata r-repetizzjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

(ara l-punti 143, 144, 231)

11.    Ir-“rwol esklużivament passiv jew emulattiv” ta’ impriża fit-twettiq tal-ksur jikkostitwixxi, jekk huwa stabbilit, ċirkustanza attenwanti, skont l-ewwel inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, fid-dawl tal-fatt li dan ir-rwol passiv jimplika l-adozzjoni ta’ approċċ “low-profile” mill-impriża kkonċernata, jiġifieri nuqqas ta’ parteċipazzjoni attiva fil-ħolqien ta’ xi ftehim antikompetittiv.

Fost l-elementi li jistgħu jiżvelaw ir-rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura sostanzjalment iktar sporadika tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat meta mqabbla ma dik tal-membri ordinarji tal-akkordju kif ukoll id-dħul tardiv tagħha fis-suq li kien is-suġġett tal-ksur, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur jew ukoll l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet espliċiti f’dan is-sens magħmula mir-rappreżentanti ta’ impriżi terzi li jkunu pparteċipaw fil-ksur. Għalhekk mhuwiex suffiċjenti li matul ċerti perijodi tal-akkordju, jew fir-rigward ta’ ċerti ftehim tal-akkordju, l-impriża kkonċernata tkun adottat “low-profile”. Barra minn hekk, approċċ li jikkonsisti fis-separazzjoni tal-evalwazzjoni tal-attitudni ta’ impriża skont is-suġġett tal-ftehim jew tal-prattiki miftiehma inkwistjoni, jidher li huwa, minn tal-inqas, teoretiku meta dawn tal-aħħar jagħmlu parti minn strateġija ġenerali, li tiddetermina l-aġir tal-membri tal-akkordju fis-suq u tillimita l-libertà kummerċjali tagħhom, intiża sabiex jintlaħaq għan antikompetittiv identiku u għan ekonomiku uniku, jiġifieri d-distorsjoni tal-iżvilupp normali tal-prezzijiet u r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq rilevanti.

Barra minn hekk, il-fatt li impriża tkun temmet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju ftit xhur qabel il-membri l-oħra tal-akkordju ma jiġġustifikax tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi taċ-ċirkustanza attenwanti dwar “rwol esklużivament passiv jew emulattiv fit-twettiq tal-ksur”.

(ara l-punti 163, 164, 179, 180, 184)

12.    Meta l-Kummissjoni tapplika, f’deċiżjoni, il-metodu espost fil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA u tikkonkludi li m’hemmx ċirkustanzi attenwanti għall-impriża kkonċernata, din tal-aħħar tista’ titlob lill-qorti Komunitarja l-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti u t-tnaqqis tal-ammont tal-multa korrispondenti, anki jekk ma talbitx dan fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

Fil-fatt, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2842/98, dwar is-smigħ tal-partijiet f’ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli [81 KE] u [82 KE], li jipprovdi biss li l-partijiet li jixtiequ jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet imqajma kontrihom għandhom jagħmlu dan bil-miktub u jistgħu jesponu l-motivi u l-fatti kollha rilevanti għad-difiża tagħhom fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, ma jirrikjedix li l-impriżi li huma destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandhom speċifikament jagħmlu talbiet għar-rikonoxximent ta’ ċirkustanzi attenwanti.

Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija att preparatorju għad-differenza ta’ deċiżjoni li tikkostitwixxi l-aħħar stadju tal-proċedura u fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltajiet tal-impriżi u, fejn meħtieġ, dwar is-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti fuqhom.

Sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, u b’mod partikolari l-gravità u t-tul tal-ksur, li huma ż-żewġ kriterji espliċitament imsemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Meta ksur jitwettaq minn diversi impriżi, il-Kummissjoni għandha teżamina l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minnhom fil-ksur, sabiex tiddetermina jekk jeżistux, fir-rigward tagħhom, ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti. Il-punti 2 u 3 tal-Linji gwida ċċitati iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni għandha ssegwi, jipprovdu għal aġġustament tal-ammont bażiku tal-multa skont ċerti ċirkustanzi aggravanti u attenwanti, li huma partikolari għal kull impriża kkonċernata.

(ara l-punti 188-194)

13.    Sabiex tiddetermina jekk impriża għandhiex tibbenefika minn ċirkustanza attenwanti abbażi tan-nuqqas ta’ implementazzjoni effettiv tal-ftehim illegali, skont it-tieni inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida, għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, għandu jiġi vverifikat jekk, matul il-perijodu li fih hija ħadet sehem fl-akkordji, hija effettivament astjenietx ruħha milli timplementahom billi addottat aġir kompetittiv fis-suq jew, minn tal-anqas, jekk hija b’mod ċar u kunsiderevoli kisritx l-obbligi intiżi għall-implementazzjoni tal-akkordju b’tali mod li fixklet l-istess funzjonament tal-akkordju.

(ara l-punt 196)

14.    Impriża li ħadet sehem fi ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni ma tistax tibbenefika minn ċirkustanza attenwanti, abbażi tat-tielet inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, meta din tkun temmet il-prattiki antikompetittivi tagħha wara l-intervent tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ Stati terzi.

(ara l-punt 230)

15.    Fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa għall-ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, tnaqqis tal-multa minħabba kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva huwa ġġustifikat biss jekk l-aġir tal-impriża inkwistjoni jkun ippermetta lill-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur b’inqas diffikultà u, skont il-każ, ittemmu.

L-għoti ta’ informazzjoni li ppermettiet lill-Kummissjoni tevalwa b’mod iktar preċiż il-grad ta’ kooperazzjoni minn waħda mill-impriżi involuta f’kartell matul il-proċedura amministrattiva sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa tagħha, u li għalhekk iffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni, tista’ tikkostitwixxi “kollaborazzjoni effettiva lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni”, skont is-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA.

Madankollu, l-imsemmija informazzjoni għandha tkun relatata mal-prattiki antikompetittivi li huma s-suġġett tal-investigazzjoni, peress li informazzjoni dwar territorju li huwa differenti minn dak li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni ma tistax tiġi aċċettata.

(ara l-punti 238, 239, 253)

16.    Il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-multi għal ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni u tista’, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi, fosthom il-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati matul l-investigazzjoni mwettqa mid-dipartimenti ta’ din l-istituzzjoni. Hija tgawdi wkoll minn marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fl-evalwazzjoni tal-kwalità u tal-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija minn impriża, b’mod partikolari, meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħra. Fid-dawl ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, li hija espressa, b’mod partikolari, bl-indikazzjoni, fl-Avviż dwar in-nonimpożizzjonita’ multi jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell, ta’ skala ta’ tnaqqis ta’ bejn 10 % u 50 %, it-tnaqqis massimu ta’ 50 % ma jirriżultax awtomatikament meta l-kundizzjonijiet ipprovduti fl-ewwel u t-tieni inċiż tal-D(2) tal-imsemmi Avviż jiġu sodisfatti.

Il-Kummissjoni tista’ tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tal-ammont tat-tnaqqis fuq il-fatt li, minn naħa, il-provi pprovduti mill-impriża kkonċernata ma żidux valur kbir mal-evidenza li kellha l-Kummissjoni, u min-naħa l-oħra, li l-kooperazzjoni tal-imsemmija impriża bdiet wara li rċeviet talba għall-informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17.

Fil-fatt, minn naħa, it-tnaqqis tal-multi fil-każ li jkun hemm kooperazzjoni minn naħa tal-impriżi parteċipanti fil-ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjoni li tgħid li tali kooperazzjoni tiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni intiż sabiex jiġi kkonstatat ksur, u skont il-każ, sabiex jintemm tali ksur. Il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-utilità tal-informazzjoni pprovduta, li neċessarjament tiddependi fuq l-evidenza li hija diġà għandha. F’dan ir-rigward, peress li d-differenza fundamentali fl-oriġini tal-punti B, C u D tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni hija l-utilità tal-informazzjoni pprovduta, il-Kummissjoni tista’ tuża l-kriterju tal-utilità sabiex tiddetermina l-livell tat-tnaqqis għal kull kategorija ta’ tnaqqis tal-multa stabbiliti fl-imsemmija punti.

Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li impriża bagħtitilha d-dokumenti biss wara li rċeviet it-talba għal informazzjoni, mingħajr, madankollu, ma tista’ tikkunsidra dan il-fatt determinanti sabiex tnaqqas il-kooperazzjoni pprovduta minn impriża skont l-ewwel inċiż tal-punt D(2) tal-Avviż dwar in-nonimpożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis ta’ multi fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji.

(ara l-punti 271-274, 276, 277, 279, 283)

17.    Filwaqt li l-Kummissjoni mhijiex obbligata li, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa għal ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, tikkunsidra s-sitwazzjoni finanzjarja ħażina tal-impriża kkonċernata, peress li r-rikonoxximent ta’ tali obbligu jwassal sabiex jingħata vantaġġ kompetittiv inġustifikat lill-impriżi l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq, il-Kummissjoni tista’ madankollu tiddeċiedi li tnaqqas l-ammont tal-multa minħabba diffikultajiet finanzjarji kbar, flimkien ma’ kundanni riċenti għal ħlas ta’ multi għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni kommess simultanjament, u għalhekk tqis li mhuwiex neċessarju li timponi fuq l-imsemmija impriża l-ammont totali tal-multa sabiex tiggarantixxi dissważjoni effettiva.

(ara l-punti 308, 314, 315)