Language of document : ECLI:EU:T:2008:415

Kawża T-69/04

Schunk GmbH u Schunk Kohlenstoff-Technik GmbH

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-prodotti abbażi ta’ karbonju u grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi — Gravità u effett tal-ksur — Effett dissważiv — Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Prinċipju ta’ trattament ugwali — Kontrotalba għal żieda fl-ammont tal-multa”

Sommarju tas-sentenza

1.      Dritt Komunitarju — Prinċipji ġenerali tad-dritt — Ċertezza legali — Legalità tas-sanzjonijiet

2.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 — Ksur tal-prinċipju ta’ legalità tas-sanzjonijiet — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

3.      Kompetizzjoni — Multi — Kompetenza tal-Kummissjoni li tirriżulta mit-Trattat

(Artikoli 81 KE, 82 KE u 83(1) u 2(a) u (d) KE, it-tielet inċiż tal-Artikolu 202, KE, u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 211 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17)

4.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputabbiltà — Kumpannija parent u kumpanniji sussidjarji — Entità ekonomika waħda — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 81(1) KE)

5.      Rikors għal annullament — Motivi — Kontestazzjoni tal-veraċità tal-fatti kkonstatati minn deċiżjoni li tissanzjona l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni — Ammissibbiltà — Kundizzjoni — Nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ din il-veraċità tal-fatti matul il-proċedura amministrattiva

(Artikolu 230 KE)

6.      Kompetizzjoni — Akkordji — Prattika miftiehma — Kunċett

(Artikolu 81(1) KE)

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Iffissar ta’ prezzijiet — Obbligu li l-Kummissjoni, sabiex tevalwa l-impatt ta’ ksur, tirreferi għall-kompetizzjoni li kien ikun hemm fin-nuqqas ta’ dan il-ksur

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Tqassim tal-impriżi kkonċernati f’kategoriji li għandhom punt inizjali speċifiku

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

10.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Natura dissważiva — Rekwiżit ġenerali li għandu jiggwida lill-Kummissjoni matul il-kalkolu tal-multi

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

11.    Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Applikazzjoni mill-Kummissjoni — Awtonomija fir-rigward tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-awtoritajiet ta’ Stati terzi

(Artikoli 3(1)(g) KE u 81 KE)

12.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tnaqqis tal-ammont tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża inkriminata

(Regolament tal-Kunsill Nru 17; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04)

13.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa

(Artikoli 229 KE, 230 KE, u 231 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 17; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza)

1.      Il-prinċipju ta’ legalità tas-sanzjonijiet huwa korollarju tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju u jeżiġi, b’mod partikolari, li kull leġiżlazzjoni Komunitarja, b’mod partikolari meta timponi jew timpermetti l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, għandha tkun ċara u preċiża, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minnha u jkunu jistgħu jaġixxu skont il-każ. Dan il-prinċipju, li jifforma parti mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit f’diversi trattati internazzjonali, b’mod partikolari, fl-Artikolu 7 tal- Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, japplika kemm fir-rigward tar-regoli kriminali kif ukoll fir-rigward ta’ strumenti amministrattivi speċifiċi li jimponu jew jippermettu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi. Dan japplika mhux biss għar-regoli li jistabbilixxu l-elementi li jikkostitwixxu ksur, imma wkoll għal dawk li jiddefinixxu l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-ksur ta’ dawn tal-ewwel. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 7(1) tal-imsemmija konvenzjoni jirriżulta li l-liġi għandha tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u s-sanzjonijiet relatati miegħu. Din il-kundizzjoni hija sodisfatta meta l-individwu jkun jista’ jsir jaf, mid-diċitura tad-dispożizzjoni rilevanti u, jekk meħtieġ, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tagħha mill-qrati, liema atti jew ommissjonijiet jimplikaw ir-responsabbiltà kriminali tiegħu.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li, sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni, mhuwiex meħtieġ li t-termini tad-dispożizzjonijiet li permezz tagħhom huma imposti dawn is-sanzjonijiet ikunu preċiżi sal-punt li l-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw mill-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijet ikunu prevedibbli b’ċertezza assoluta. Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ kliem mhux preċiż fid-dispożizzjoni ma timplikax neċessarjament ksur tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-fatt li l-liġi jagħti setgħa ta’ diskrezzjoni ma jmurx kontra, fih innifsu, ir-rekwiżit tal-prevedibbiltà, sakemm il-portata u l-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa jkunu ddefiniti suffiċjentement b’mod ċar, fid-dawl tal-għan leġittimu inkwistjoni, sabiex l-individwu jingħata protezzjoni xierqa kontra deċiżjonijiet arbitrarji. F’dan ir-rigward, minbarra t-test tal-liġi nnifsha, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tieħu inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk il-kunċetti ġeneriċi użati kinux ippreċiżati minn ġurisprudenza kostanti u ppubblikata. Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri ma jiġġustifikax li tingħata interpretazzjoni differenti lill-prinċipju ta’ legalità tas-sanzjonijiet li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju.

(ara l-punti 28, 29, 32-34)

2.      L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, dwar l-impożizzjoni ta’ multi fuq l-impriżi li kisru r-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni Komunitarji, ma jiksirx il-prinċipju ta’ legalità tas-sanzjonijiet.

Fil-fatt, il-Kummissjoni m’għandhiex marġni ta’ diskrezzjoni illimitata fir-rigward tal-iffissar tal-multi peress li għandha tirrispetta l-limitu massimu stabbilit skont id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati u għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur. Barra minn hekk, il-limitu massimu stabbilit għal 10 % tad-dħul mill bejgħ tal-impriża kkonċernata huwa raġonevoli, fid-dawl tal-interessi mħarsa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni u s-sanzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u minħabba l-fatt li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jippermetti l-implementazzjoni ta’ sistema li tissodisfa l-għanijiet fundamentali tal-Komunità. Bl-istess mod, il-Kummissjoni għandha, meta tiffissa l-multi, tirrispetta l-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żviluppat prassi deċiżjonali, mistħarrġa sewwa mill-qrati Komunitarji, magħrufa u aċċessibbli li, għalkemm ma tikkostitwixxix il-kuntest legali tal-multi, tista’ madankollu sservi bħala riferiment fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Għandu jingħad li dejjem huwa possibbli li jkun hemm żieda tal-livelli tal-multi, fil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 15(2), jekk dan ikun meħtieġ għal applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni adottat Linji gwida dwar l-iffissar tal-multi, b’mod li hija llimitat ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, u għalhekk ikkontribwixxiet sabiex tkun iggarantita ċ-ċertezza legali, u għandha tosserva l-prinċipji ta’ trattament ugwali u tal-aspettattivi leġittimi. Barra minn hekk, l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-imsemmija Linji gwida, sa fejn din taqa’ taħt il-kuntest legali stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, sempliċement ikkontribwixxiet sabiex tispeċifika l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta diġà minn din id-dispożizzjoni, mingħajr ma jkun jista’ jiġi konkluż li inizjalment kien hemm nuqqas min-naħa tal-leġiżlatur Komunitarju fid-determinazzjoni tal-limiti tal-kompetenza tal-Kummissjoni fil-qasam inkwistjoni. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 253 KE, timmotiva d-deċiżjonijiet li jimponu multa.

(ara l-punti 35, 36, 38-44, 46)

3.      Is-setgħa li jiġu imposti multi fil-każ ta’ ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE ma tistax titqies li, oriġinarjament, kienet setgħa tal-Kunsill, li, sussegwentement ittrasferieha jew iddelega l-eżekuzzjoni tagħha lill-Kummissjoni, kif ipprovdut fit-tielet inċiż tal-Artikolu 202 KE. Skont l-Artikolu 83(1) u (2)(a) u (d) KE u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 211 KE, din is-setgħa taqa’ fil-fatt taħt il-kompitu tal-Kummissjoni li tiżgura l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju; liema kompitu ġie ppreċiżat, iddefinit u fformalizzat, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, mir-Regolament Nru 17. Għalhekk, is-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni minn dan ir-regolament li timponi multi tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat stess u hija intiża li tippermetti l-applikazzjoni effettiva tal-projbizzjonijiet ipprovduti fl-imsemmija artikoli.

(ara l-punti 48, 49)

4.      L-aġir antikompetittiv ta’ impriża jista’ jiġi imputat lil impriża oħra meta din ma tkunx iddeterminat l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu, imma tkun essenzjalment applikat l-istruzzjonijiet mogħtija minn din tal-aħħar, fid-dawl, b’mod partikolari, tar-rabtiet ekonomiċi u legali li jgħaqqduhom. Għalhekk, l-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent meta l-kumpannija sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-linja ta’ aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li jkunu ngħataw mill-kumpannija parent, peress li dawn iż-żewġt impriżi jikkostitwixxu entità ekonomika waħda.

Fil-każ partikolari fejn kumpannija parent ikollha 100 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħha li tkun responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur, teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-imsemmija kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha u li dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Għaldaqstant, hija l-kumpannija parent li tkun qiegħda tikkontesta, quddiem il-qorti Komunitarja ,deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi fuqha multa għall-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha, li għandha taqleb din il-preżunzjoni billi tressaq provi li jistgħu jsostnu l-awtonomija ta’ din tal-aħħar.

Il-fatt li kumpannija parent li jkollha 100% tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħha hija kumpannija holding mhuwiex biżżejjed sabiex jikkaratterizza l-indipendenza funzjonali u strutturali tal-kumpannija sussidjarja. Effettivament, il-kunċett ta’ holding ikopri sitwazzjonijiet differenti. B’mod ġenerali, holding tista’ tiġi ddefinita bħala kumpannija li għandha ishma f’kumpannija jew f’numru ta’ kumpanniji bil-għan li tikkontrollahom. Kumpannija holding li għandha bħala għan l-akkwist, il-bejgħ, l-amministrazzjoni, b’mod partikolari l-ġestjoni strateġika tal-ishma industrijali, tista’ tkun holding finanzjarja li ma teżerċità ebda attività industrijali jew kummerċjali, jew kumpannija li għandha attività ta’ ġestjoni u ta’ tmexxija tal-kumpanniji sussidjarji. Fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, kumpannija holding hija hija intiża li tiġbor flimkien ishma f’kumpanniji diversi u l-funzjoni tagħha hija li tiżgura l-unità tat-tmexxija tagħhom. Jista’ ukoll ikun hemm unità ta’ tmexxija u ta’ koordinazzjoni bejn il-kumpannija holding u l-kumpannija sussidjarja tagħha, li tista’ tiżvela li l-interessi tal-grupp jittieħdu inkunsiderazzjoni. Il-fatt li kumpannija hija holding, li r-rwol tagħha huwa li tmexxi l-ishma tagħha fil-kapital ta’ kumpanniji oħra, mhuwiex suffiċjenti, fih innifsu, sabiex jaqleb l-preżunzjoni li nibtet miż-żamma tal-kapital kollu tal-kumpannija sussidjarja tagħha.

(ara l-punti 55, 56, 59-64, 66, 70)

5.      Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija intiża li tiżgura l-eżerċizzju effikaċji tad-drittijiet ta’ difiża tal-impriżi li huma d-destinatarji tagħha, għandha bħala effett li tillimita s-suġġett tal-proċedura mibdija kontra impriża, sa fejn hija tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-imsemmija impriża u sa fejn l-istituzzjoni m’għandhiex dritt tiddeċiedi fuq oġġezzjonijiet li mhumiex imniżżla fid-dikjarazzjoni.

Huwa, b’mod partikolari, abbażi tar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ipprovduti mill-impriżi destinatarji tagħha, li l-Kummissjoni għandha tadotta l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-bqija tal-proċedura amministrattiva.

F’dan il-kuntest, fin-nuqqas ta’ ammissjoni espliċita min-naħa tal-impriża implikata fil-kuntest ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha wkoll tistabbilixxi l-fatti, u l-impriża tibqa’ ħielsa li tiżviluppa, fi żmien xieraq u b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża, il-motivi kollha ta’ difiża li jidhrilha utli. Min-naħa l-oħra, dan mhuwiex il-każ meta jkun hemm ammissjoni tal-fatti mill-impriża inkwistjoni.

Tali sitwazzjoni m’għandhiex l-għan li tillimita l-preżentata ta’ rikors kontenzjuż minn impriża ssanzjonata mill-Kummissjoni, iżda li tippreċiża l-portata tal-kontestazzjoni li tista’ tiġi ppreżentata quddiem il-qorti Komunitarja sabiex jiġi evitat li d-determinazzjoni tal-fatti li fuqhom huwa msejjes il-ksur ikkonċernat tgħaddi minn idejn il-Kummissjoni għal f’idejn il-qorti Komunitarja li, adita b’rikors fuq il-bażi tal-Artikolu 230 KE, hija kompetenti sabiex tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 80, 81, 84, 85)

6.      Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 81(1) KE, il-kunċett ta’ prattika miftiehma jimplika, minbarra l-ftehim bejn l-impriżi, aġir fis-suq li jsegwi dan il-ftehim u rabta ta’ kawża u effett bejn dawn iż-żewġ elementi. Għandu jiġi preżunt, sakemm ma tinġiebx prova kuntrarja li għandha titressaq mill-operaturi kkonċernati, li l-impriżi li jipparteċipaw fil-ftehim u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom biex jiddeterminaw l-aġir tagħhom fis-suq.

(ara l-punt 118)

7.      Fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-gravità ta’ ksur hija ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni. Sabiex tiddetermina l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni tista’ għalhekk tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-fatt li l-impriżi kkonċernati ħadu bosta prekawzjonijiet sabiex jevitaw li l-akkordju jkun żvelat kif ukoll il-preġudizzju subit mill-pubbliku ġenerali.

Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, mhux il-ksur kollu tad-dritt tal-kompetizzoni jippreġudika bl-istess mod il-kompetizzjoni u l-konsumaturi. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-preġudizzju tal-pubbliku fil-kuntest tal-iffissar tal-gravità ta’ ksur huwa differenti minn dak tal-kapaċità ekonomika ta’ membru tal-akkordju li jikkawża preġudizzju lill-kompetizzjoni u lill-konsumaturi, li tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ stadju tal-kalkolu tal-ammont tal-multa pprovdut mil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tat-Trattat KEFA u intiż sabiex ikun hemm trattament differenti fis-sitwazzjoni, b’mod partikolari, fejn il-ksur jimplika numru ta’ impriżi.

(ara l-punti 153, 154, 156)

8.      Sabiex jiġi evalwat l-impatt konkret ta’ ksur fuq is-suq, hija l-Kummissjoni li għandha tirreferi għall-kompetizzjoni li kieku kienet normalment teżisti fin-nuqqas ta’ ksur.

Fir-rigward ta’ akkordju fuq il-prezzijiet, il-Kummissjoni tista’ leġittimament tiddeduċi li l-ksur kellu effetti, u dan abbażi tal-fatt li l-membri tal-akkordju kienu ħadu miżuri sabiex japplikaw il-prezzijiet miftiehma, pereżempju, billi ħabbruhom lill-klijenti, billi taw lill-impjegati tagħhom l-istruzzjoni li jużawhom bħala bażi għal negozjati u billi ssorveljaw l-applikazzjoni tagħhom mill-kompetituri tagħhom u mid-dipartimenti tal-bejgħ tagħhom stess. Fil-fatt, sabiex jiġi konkluż li kien hemm impatt fuq is-suq, huwa biżżejjed li l-prezzijiet miftiehma servew ta’ bażi għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ tranżazzjonijiet individwali, u b’dan il-mod illimitaw il-marġni għal negozjati tal-klijenti.

Min-naħa l-oħra, ladarba tkun ġiet stabbilita l-implementazzjoni ta’ akkordju, il-Kummissjoni ma tistax tiġi obbligata sistematikament turi li, fil-fatt il-ftehim ippermettew li l-impriżi kkonċernati jilħqu livell ta’ prezz ta’ tranżazzjoni ogħla minn dak li kien jipprevali fin-nuqqas ta’ akkordju. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi sostnut li huwa biss il-fatt li l-livell tal-prezzijiet ta’ tranżazzjoni kien ikun differenti fin-nuqqas ta’ akkordju li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur. Barra minn hekk, ikun sproporzjonat li tintalab tali prova li tassorbi riżorsi kunsiderevoli fid-dawl tal-fatt li din tirrekjedi l-użu ta’ kalkoli ipotetiċi bbażati fuq mudelli ekonomiċi li l-eżattezza tagħhom tkun diffiċli li tiġi vverifikata mill-qorti u tal-fatt li mhemm l-ebda prova tan-natura infallibbli tagħhom.

Sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, huwa deċiżiv li jiġi stabbilit li l-membri tal-akkordju kienu għamlu dak kollu li setgħu jagħmlu sabiex jagħtu effett konkret lill-intenzjonijiet tagħhom. Dawn il-membri ma jistgħux jinvokaw favur tagħhom fatturi esterni li kkontrabattew l-isforzi tagħhom, billi jsostnu li dawn huma elementi li jiġġustifikaw tnaqqis tal-multa.

Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ leġittimament tibbaża ruħha fuq l-implementazzjoni tal-akkordju sabiex tikkonkludi li kien hemm impatt fuq is-suq, mingħajr ma jkun neċessarju li d-daqs ta’ dan l-impatt jitkejjel bi preċiżjoni.

Anki jekk jitqies li l-impatt konkret tal-akkordju ma ġiex stabbilit suffiċjentement skont il-liġi mill-Kummissjoni, il-kwalifika ta’ ksur bħala “serju ħafna” xorta waħda tista’ tkun adegwata. Fil-fatt, it-tliet aspetti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur skont il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, li huma n-natura nfisha tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan ikun jista’ jitkejjel u l-firxa tas-suq ġeografiku inkwistjoni, m’għandhomx l-istess piż fil-kuntest tal-eżami globali. In-natura tal-ksur għandha rwol ewlieni, b’mod partikolari, sabiex l-ksur jiġi kkwalifikat bħala “serju ħafna”. F’dan ir-rigward, mid-deskrizzjoni tal-ksur serju ħafna fil-Linji gwida jirriżulta li, ftehim jew prattiki miftiehma li jkunu b’mod partikolari intiżi għall-iffissar ta’ prezzijiet jistgħu jiġu kkwalifikati, abbażi tan-natura tagħhom stess, bħala “serju ħafna” mingħajr ma jkun neċessarju li tali mġiba tkun ikkaratterizzata minn impatt partikolari jew firxa ġeografika partikolari. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, filwaqt li d-deskrizzjoni tal-ksur serju tirreferi espliċitament għall-impatt fuq is-suq u għall-effetti fuq żoni wiesgħa tas-suq komuni, dik ta’ ksur serju ħafna, min-naħa tagħha, ma ssemmi l-ebda rekwiżit la ta’ impatt konkret fuq is-suq u lanqas tal-effetti fuq żona ġeografika partikolari.

(ara l-punti 165-169, 171)

9.      Il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jipprovdu għal teħid inkunsiderazzjoni ta’ numru kbir ta’ elementi waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, fosthom in-natura nfisha tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu, il-firxa ġeografika tas-suq affettwat u l-ħtieġa li l-multi jkollhom effett dissważiv. Minkejja li l-Linji gwida ma jipprovdux li l-ammont tal-multi għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ globali jew tal-dħul mill-bejgħ rilevanti, l-imsemmija Linji gwida ma jipprekludux li l-imsemmi dħul mill-bejgħ jiġi kkunsidrat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa sabiex jiġu mħarsa l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u meta ċ-ċirkustanzi jeżiġu dan.

Fid-dawl tad-diskrepanza kbira fid-daqs bejn l-impriżi kkonċernati u sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku ta’ kull waħda fosthom u għalhekk, tal-effett konkret tal-aġir illegali tagħhom fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tista’, fil-każ ta’ akkordju illegali, u skont ir-raba’ u s-sitt paragrafi tal-punt 1 A tal-Linji gwida, twettaq trattament differenti bejn l-impriżi li pparteċipaw fil-ksur. Għal dan il-għan, hija tista’ taqsam l-impriżi kkonċernati f’numru ta’ kategoriji abbażi tad-dħul mill-bejgħ li kull impriża għamlet mill-prodotti inkwistjoni fil-proċedura, u billi tinkludi, b’mod partikolari, il-valur tal-konsum kaptiv ta’ kull impriża. Minn dan tirriżulta ċifra ta’ sehem tas-suq li tirrappreżenta l-piż relattiv ta’ kull impriża fil-ksur u l-kapaċità ekonomika effettiva tagħha li tikkawża dannu sinjifikanti għall-kompetizzjoni.

(ara l-punti 176, 177)

10.    Is-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 għandhom l-għan kemm li jwaqqfu aġir illegali kif ukoll li jevitaw li dan jerġa’ jitwettaq. L-effett dissważiv għalhekk huwa wieħed mill-għanijiet tal-multi imposti għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u l-bżonn li dan jiġi żgurat jikkostitwixxi rekwiżit ġenerali li għandu jiggwida lill-Kummissjoni matul il-proċess kollu tal-kalkolu tal-multi, u ma jimplikax neċessarjament li dan il-kalkolu għandu jkun ikkaratterizzat minn stadju partikolari li fih issir evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha sabiex jintlaħaq dan il-għan.

Għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan tal-effett dissważiv, fil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, il-Kummissjoni ma ddefinixxietx metodoloġija jew kriterji individwalizzati li l-espożizzjoni speċifika tagħhom jista’ jkollha saħħa vinkolanti. Ir-raba’ paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida, fil-kuntest tal-indikazzjonijiet dwar l-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, jirreferi biss għall-bżonn li l-ammont tal-multa jiġi ddeterminat għal livell li jiżgura li dan ikollu natura suffiċjentement dissważiva.

(ara l-punti 191-193)

11.    L-eżerċizzju tas-setgħat mill-awtoritajiet ta’ Stati terzi inkarigati mill-protezzjoni tal-kompetizzjoni ħielsa, fil-kuntest tal-kompetenza territorjali tagħhom, isir skont ir-rekwiżiti speċifiċi tal-imsemmija Stati. L-elementi li jiffurmaw il-bażi tas-sistemi legali ta’ Stati oħra fil-qasam tal-kompetizzjoni mhux biss għandhom għanijiet u obbjettivi speċifiċi, iżda jwasslu wkoll għall-adozzjoni ta’ regoli sostantivi partikolari kif ukoll għal konsegwenzi ġuridiċi differenti ħafna fil-qasam amministrattiv, kriminali jew ċivili, meta l-awtoritajiet tal-imsemmija Stati jkunu stabbilixxew l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli applikabbli fil-qasam tal-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni ġuridika hija totalment differenti fil-każ fejn impriża tkun esklużivament ikkonċernata, fil-qasam tal-kompetizzjoni, mill-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u tad-dritt ta’ wieħed jew iktar mill-Istati Membri, jiġifieri meta akkordju huwa esklużivament limitat għall-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tas-sistema legali tal-Komunità Ewropea.

Minn dan isegwi li, meta l-Kummissjoni tissanzjona l-aġir illegali ta’ impriża, anki jekk dan joriġina minn akkordju internazzjonali, hija tkun qed tiżgura l-protezzjoni tal-kompetizzjoni ħielsa ġewwa s-suq komuni li, skont l-Artikolu 3(1)(g) KE, tikkostitwixxi għan fundamentali tal-Komunità. Minħabba l-ispeċifiċità tal-interessi legali protetti fuq livell Komunitarju, l-evalwazzjonijiet li l-Kummissjoni tagħmel abbażi tal-kompetenzi tagħha f’dan il-qasam, jistgħu jkunu differenti ħafna minn dawk tal-awtoritajiet ta’ Stati terzi.

Kull kunsiderazzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ multi imposti mill-awtoritajiet ta’ Stat terz tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Kummissjoni fil-qasam tal-iffissar ta’ multi għall-ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, għalkemm mhuwiex eskluż li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni multi imposti preċedentement mill-awtoritajiet ta’ Stati terzi, hija madankollu mhijiex obbligata tagħmel dan.

Fil-fatt, l-għan tal-effett dissważiv li l-Kummissjoni għandha tilħaq, meta tiffissa l-ammont ta’ multa, huwa intiż li jiżgura l-osservanza, mill-impriżi, tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti mit-Trattat KE għat-twettiq tal-attivitajiet tagħhom ġewwa s-suq komuni. Għaldaqstant, fl-evalwazzjoni tan-natura dissważiva ta’ multa li għandha tiġi imposta minħabba ksur tal-imsemmija regoli, il-Kummissjoni mhijiex obbligata tieħu inkunsiderazzjoni sanzjonijiet eventwalment imposti fuq impriża minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ta’ Stati terzi.

(ara l-punti 205-209)

12.    Il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-multi għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni Komunitarju u tista’, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi, fosthom il-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati matul l-investigazzjoni mwettqa mid-dipartimenti ta’ din l-istituzzjoni. Hija tgawdi wkoll minn marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa l-kwalita’ u l-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta minn impriża, b’mod partikolari, meta mqabbel ma’ kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħra.

It-tnaqqis tal-multi fil-każ ta’ kooperazzjoni tal-impriżi għandu l-bażi tiegħu fil-kunsiderazzjoni li tipprovdi li tali kooperazzjoni tiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni intiż li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur u, skont il-każ, li jintemm tali ksur.

Fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li impriża bagħtitilha d-dokumenti biss wara li rċeviet it-talba għal informazzjoni, mingħajr, madankollu, ma tkun tista’ tikkunsidra dan il-fatt bħala determinanti sabiex tnaqqas il-kooperazzjoni pprovduta minn impriża skont l-ewwel inċiż tal-punt D(2) tal-Avviż dwar in-nonimpożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi fil-każijiet ta’ kartell.

(ara l-punti 211, 212, 225, 234)

13.    Il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha s-setgħa li tevalwa, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lilha bl-Artikolu 229 KE u l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17, in-natura xierqa tal-ammont tal-multi imposti għal ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, is-setgħat tal-qorti Komunitarja mhumiex limitati, kif huwa pprovdut fl-Artikolu 231 KE, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, iżda jippermettulha tbiddel is-sanzjoni imposta minn din id-deċiżjoni. Għaldaqstant, il-qorti Komunitarja hija awtorizzata tmur lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, u tista’ tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti.

Minkejja li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa huwa ta’ sikwit mitlub mir-rikorrenti sabiex jiksbu tnaqqis tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni tista’ wkoll tressaq quddiem il-qorti Komunitarja l-kwistjoni tal-ammont tal-multa u tippreżenta talba għaż-żieda tal-imsemmi ammont, liema possibbiltà hija, barra minn hekk, espliċitament prebista fil-punt E(4) tal-Avviż dwar in-nonimpożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi fil-każijiet ta’ kartell.

L-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa mill-qrati Komunitarji huwa neċessarjament inkluż fil-kuntest tal-istħarriġ tal-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji, u b’mod partikolari tar-rikorsi għal annullament, peress li l-effett waħdieni tal-Artikolu 229 KE huwa li jkabbar il-portata tal-poteri li l-qorti Komunitarja għandha fil-kuntest tar-rikors imsemmi fl-Artikolu 230 KE. Għalhekk talba għal żieda tal-ammont tal-multa magħmula mill-Kummissjoni mhijiex inkompatibbli mal-Artikolu 230 KE.

Fid-dawl tas-setgħa li l-qorti Komunitarja għandha li żżid l-ammont ta’ multa, għandha tiġi ddikjarata ammissibbli l-kontrotalba tal-Kummmissjoni intiża għat-tħassir tat-tnaqqis tal-multa imposta fuq impriża fid-dawl tal-kooperazzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva abbażi tal-fatt li l-imsemmija impriża kkontestat għall-ewwel darba quddiem il-qorti l-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

Madankollu, tali talba għandha tiġi miċħuda, b’mod partikolari minħabba li, peress li l-ammont tal-multa jista’ jiġi ddeterminat biss abbażi tal-gravità u t-tul tal-ksur, il-fatt li l-Kummissjoni tiġi mġiegħla tiddefendi ruħha dwar fatti li fir-rigward tagħhom hija kienet ġustament ikkunsidrat li ma kinux ser jiġu kkontestati iktar, mhuwiex ta’ natura li tiġġustifika żieda tal-ammont tal-multa. L-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni minħabba l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza mhumiex kriterju għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura dwar il-ħlas lura tal-ispejjeż.

(ara l-punti 242-247, 251, 259, 262)