Language of document : ECLI:EU:T:2011:282

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

16 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Perossidu tal-idroġenu u perborat tas-sodju – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑197/06,

FMC Corp., stabbilita fil-Philadelphia, Pennsylvania (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn C. Stanbrook, QC, u Y. Virvilis, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Arbault, sussegwentement minn V. Di Bucci, V. Bottka u X. Lewis, bħala aġenti, assistiti minn M. Gray, barrister,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 1766 finali, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti u, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-ammont ta’ din il-multa,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

komposta minn V. Vadapalas (Relatur), fil-funzjoni ta’ President, A. Dittrich u L. Truchot, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Mejju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, FMC Corp., hija impriża stabbilita fl-Istati Uniti li tikkontrolla, permezz ta’ FMC Chemicals Netherlands BV, li qabel kienet FMC Chemical Holding BV, 100 % tal-kapital tal-kumpannija stabbilita taħt id-dritt Spanjol FMC Foret SA. Din tal-aħħar kienet tikkummerċjalizza, fiż-żmien tal-fatti tal-każ, il-perossidu tal-idroġenu (iktar ’il quddiem il-“PI”) u l-perborat tas-sodju (iktar ’il quddiem il-“PBS”).

2        F’Novembru 2002, Degussa AG informat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bl-eżistenza ta’ akkordju fis-swieq tal-PI u tal-PBS u talbet l-applikazzjoni tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155).

3        Degussa pprovdiet provi konkreti lill-Kummissjoni li ppermettewlha tagħmel, fil-25 u fis-26 ta’ Marzu 2003, spezzjonijiet fil-bini ta’ tliet impriżi.

4        Fis-26 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti u lill-impriżi l-oħra kkonċernati.

5        Wara li semgħet lill-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2006) 1766 finali, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kontra Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Chemicals Holding AB, EKA Chemicals AB, Degussa, Edison SpA, ir-rikorrenti, FMC Foret, Kemira Oyj, L’Air liquide SA, Chemoxal SA, SNIA SpA, Caffaro Srl, Solvay SA, Solvay Solexis SpA, Total SA, Elf Aquitaine SA u Arkema SA (Każ COMP/F/38.620 — Perossidu tal-idroġenu u perborat) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li sommarju tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 353, p. 54). Din ġiet innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2006.

 Id-deċiżjoni kkontestata

6        Il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li d-destinatarji tagħha kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), fir-rigward tal-PI u l-prodott downstream, il-PBS (premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Il-ksur ikkonstatat ikkonsista prinċipalment fl-iskambju, bejn kompetituri, ta’ informazzjoni importanti mill-perspettiva kummerċjali u ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwar is-swieq u l-impriżi, f’limitazzjoni u f’kontroll tal-produzzjoni u tal-kapaċitajiet potenzjali u reali tagħha, fi tqassim ta’ ishma mis-suq u ta’ klijenti kif ukoll fl-iffissar u fis-sorveljanza tal-osservanza tal-miri tal-prezzijiet.

8        Ir-rikorrenti nżammet responsabbli għall-ksur “flimkien u in solidum” ma’ FMC Foret (premessi 389 sa 395 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammonti tal-multi, il-Kummissjoni applikat il-metodoloġija esposta fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) [KEFA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”).

10      Il-Kummissjoni ddeterminat l-ammonti bażiċi tal-multi fid-dawl tal-gravità u tat-tul tal-ksur (premessa 452 tad-deċiżjoni kkontestata), li ġie kklassifikat bħala li huwa serju ħafna (premessa 457 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Bl-applikazzjoni ta’ trattament differenzjat, ir-rikorrenti u FMC Foret ġew ikklassifikata fit-tielet kategorija li hija dik ta’ qabel tal-aħħar, li tikkorrispondi għal ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 20 miljun (premessi 460 sa 462 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Peress li r-rikorrenti u FMC Foret ipparteċipaw fil-ksur, skont il-Kummissjoni, mid-29 ta’ Mejju 1997 sat-13 ta’ Diċembru 1999, jiġifieri għal perijodu ta’ sentejn u seba’ xhur, l-ammont inizjali tal-multa tagħhom żdiedet b’25 % (premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Fir-rigward tar-rikorrenti ma ġiet stabbilita ebda ċirkustanza aggravanti jew attenwanti.

14      L-Artikolu 1(f) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li r-rikorrenti kisret l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, billi pparteċipat fil-ksur ikkonċernat mid-29 ta’ Mejju 1997 sat-13 ta’ Diċembru 1999.

15      Fl-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti, flimkien ma’ FMC Foret in solidum, multa fl-ammont ta’ EUR 25 miljun.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Lulju 2006, ir-rikorrenti ressqet din il-kawża.

17      Peress li sar tibdil fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat għas-Sitt Awla u, wara li nstemgħu l-partijiet, din il-kawża ntbagħtet quddiem is-Sitt Awla Estiża.

18      Peress li membru tal-Awla ma setax jassumi postu, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar, skont l Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, imħallef ieħor sabiex jikkompleta l-Awla.

19      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Is-sottomissjonijiet u t-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet li sarulhom mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta li nżammet fid-19 ta’ Mejju 2010.

20      Skont l-Artikolu 32 tar-Regoli tal-Proċedura, peress li membru tal-Awla ma setax jipparteċipa fid-deliberazzjoni, l-imħallef li huwa l-inqas anzjan skont l-Artikolu 6 tar-Regoli tal-Proċedura konsegwentement astjena milli jipparteċipa fid-deliberazzjoni u d-deliberazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali tkomplew mit-tliet imħallfin li ffirmaw din is-sentenza.

21      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċerna lilha;

–        sussidjarjament, tannulla l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talbiet għal annullament

23      Insostenn tat-talbiet għal annullament, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi ibbażati, fl-ewwel lok, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, fit-tieni lok, fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni, li jaffettwaw il-konstatazzjoni tar-responsabbiltà tagħha għall-ksur inkwistjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

24      Ir-rikorrenti ssostni li, fir-rigward ta’ deċiżjoni li tikkonstata r-responsabbiltà ta’ kumpannija għall-atti ta’ kumpannija oħra, b’mod partikolari bl-applikazzjoni tal-preżunzjoni marbuta mal-kontroll tal-kapital ta’ kumpannija sussidjarja mill-kumpannija parent tagħha, il-motivazzjoni għandha tkun partikolarment kompleta.

25      Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx sempliċement issemmi l-preżunzjoni, iżda kellha tipprovdi motivazzjoni xierqa, ta’ natura li tispjega kif din il-preżunzjoni ma ġietx ikkonfutata bl-argumenti u l-provi kuntrarji mressqa mir-rikorrenti.

26      Issa, ir-raġunijiet imressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward huma “formalment inadegwati” u ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE.

27      Filwaqt li rreferiet għar-rabtiet bejn il-kumpanniji kkonċernati, fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ tliet persuni fi ħdan ir-rikorrenti, FMC Foret u FMC Chemical Holding (premessi 391 u 394 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni ma spjegatx għal xiex dawn iċ-ċirkustanzi kienu ta’ natura li jiċħdu l-argumenti kuntrarji invokati mir-rikorrenti.

28      Barra minn hekk, ir-rikorrenti sostniet argumenti intiżi sabiex jiċħdu ċ-ċirkustanzi esposti fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sempliċement ċaħdet dawn l-argumenti, mingħajr ma spjegat ir-raġunijiet taċ-ċaħda tagħhom.

29      Billi sempliċement irriproduċiet il-provi mressqa miż-żewġ naħat, il-Kummissjoni ma esponietx il-kunsiderazzjonijiet li wassluha għall-konklużjoni li l-preżunzjoni inkwistjoni ma ġietx ikkonfutata mir-rikorrenti.

30      Barra minn hekk, ir-raġunijiet imressqa mill-Kummissjoni fil-premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex suffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà in solidum tar-rikorrenti.

31      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti rreferiet għall-eżistenza ta’ strutturi ta’ organizzazzjoni separati, li għandhom tendenza juru li l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha joperaw b’mod indipendenti fl-oqsma ta’ attività fir-rigward tal-ksur. Issa, il-Kummissjoni naqset milli tispjega għal xiex, fil-każ ineżami, dan il-fattur ma kienx suffiċjenti sabiex jikkonfuta l-preżunzjoni inkwistjoni.

32      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ppreżentat id-dikjarazzjonijiet tal-impjegati tagħha li jipprovdu li FMC Foret kienet teżerċita l-attivitajiet tagħha b’mod independenti. Il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet, fil-premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn id-dikjarazzjonijiet kienu jikkostitwixxu l-prova tal-istat indipendenti ta’ FMC Foret. Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda raġuni li ssostni ċ-ċaħda tagħhom.

33      Fit-tielet lok, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li r-rikorrenti kienet ukoll involuta fil-produzzjoni tal-PI u tal-PBS (premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata) hija, minn naħa, ineżatta u, min-naħa l-oħra, insuffiċjenti sabiex jiġi konkluż li r-rikorrenti kienet teżerċita influwenza deċiżiva fuq FMC Foret. Is-sempliċi fatt li kumpanniji jipproduċu l-istess prodotti ma jimplikax l-adozzjoni ta’ politika kummerċjali komuni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti pproduċiet il-prova kuntrarja, li ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni, fir-rigward tan-natura ġeografika distinta tas-swieq, fir-rigward tal-lokalizzazzjoni differenti tas-siti ta’ produzzjoni, fir-rigward tal-iżvilupp storiku tan-negozju u fir-rigward tal-profil tal-konsumaturi.

34      Fir-raba’ lok, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li FMC Foret hija kumpannija sussidjarja Ewropea tar-rikorrenti (premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata) ma żżid xejn mal-fatt li din hija kumpannija sussidjarja kkontrollata 100 %. Il-provi ppreżentati mir-rikorrenti juru li la kien hemm konsultazzjoni u lanqas kooperazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet taż-żewġ kumpanniji fir-rigward tal-PI.

35      Il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex biss “inadegwata”, iżda, barra minn hekk, ma tinkludi ebda spjegazzjoni fir-rigward taċ-ċaħda tal-provi sottomessi mir-rikorrenti. Minkejja li issa l-Kummissjoni ssostni, fl-ambitu tad-difiża tagħha, li dawn il-provi ma kinux suffiċjenti sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni inkwistjoni, din il-konstatazzjoni ma tidhirx fid-deċiżjoni kkontestata.

36      Fir-rigward tal-fatturi invokati mill-Kummissjoni fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti indikat b’mod partikolari li, minkejja li wieħed mill-impjegati ta’ FMC Foret, A. B., inħatar viċi president tal-kumpannija, madankollu dan ma kellux xogħol ta’ maniġment, billi l-funzjonijiet tiegħu fi ħdan ir-rikorrenti u FMC Foret kienu biss ta’ natura amministrattiva. A. B. kien inkarigat biss mis-sorveljanza tal-istrateġija kummerċjali u globali tal-impriża u ma kienx involut fil-maniġment regolari tagħha. Bl-istess mod, il-fatt li żewġ persuni oħra kienu diretturi, matul perijodi limitati, kemm ta’ FMC Foret kif ukoll ta’ FMC Chemical Holding, ma huwiex sinjifikattiv, peress li l-uniku għan li din il-kumpannija tal-aħħar kellha kien dak li żżomm ishma u mhux li teżerċita xi attività kummerċjali.

37      Meta ġabet din il-prova kuntrarja, ir-rikorrenti tefgħet l-oneru tal-prova fuq il-Kummissjoni. Issa, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda raġuni għaċ-ċaħda ta’ dawn l-argumenti.

38      Skont ir-rikorrenti, ir-raġunijiet imressqa mill-Kummissjoni, għall-ewwel darba, quddiem il-Qorti Ġenerali, li jipprovdu li r-responsabbiltà mogħtija lil A. B. li jissorvelja l-istrateġija kummerċjali u globali tal-kumpannija sussidjarja tikkonferma l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, għandhom jiġu injorati. Fi kwalunkwe każ, dawn ir-raġunijiet ġodda jikkonċernaw biss il-kapaċità teoretika tar-rikorrenti li teżerċita kontroll determinanti fuq FMC Foret, filwaqt li l-argument tar-rikorrenti kien li l-persuna kkonċernata, A. B., ma kinitx teżerċita, fil-fatt, kontroll determinanti fl-operazzjonijiet ta’ kuljum jew fl-oqsma marbuta mal-ksur allegat.

39      Il-kwistjoni tal-influwenza determinanti għandha tiġi analizzata fil-kuntest ta’ attività marbuta mal-ksur. In-nuqqas ta’ involviment fl-operazzjonijiet ta’ maniġment regolari jindika li ebda influwenza determinanti ma ġiet eżerċitata fir-rigward ta’ tali attività. Għalhekk, is-sempliċi responsabbilità ta’ impjegat inkarigat bis-sorveljanza tal-istrateġija kummerċjali u globali tal-impriża ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li kien hemm eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti.

40      A. B., bħala president direttur ġenerali (PDG) tal-kumpannija sussidjarja, ma huwiex neċessarjament involut fl-operazzjonijiet tal-maniġment regolari tagħha. Fil-każ ineżami, jidher ċar mill-provi sottomessi mir-rikorrenti li huwa kellu biss l-inkarigu li jissorvelja l-istrateġija kummerċjali u globali tal-impriża. Il-pożizzjoni ta’ W. B., membru tal-bord tad-diretturi ta’ FMC Chemical Holding, lanqas ma hija rilevanti, billi l-uniku għan ta’ din il-kumpannija kien dak li żżomm ishma fil-kumpannija FMC Foret. G. W., wieħed mid-diretturi ta’ FMC Chemical Holding, ma kienx impjegat mir-rikorrenti.

41      Skont ir-rikorrenti, fil-każ fejn id-deċiżjoni li tikkonstata ksur hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kontroll ta’ impriża fuq oħra, il-Kummissjoni hija marbuta tesponi l-kunsiderazzjonijiet li jippermettu li jiġi konkluż li tali kontroll jeżisti. Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni ma ssodisfatx dan ir-rekwiżit, peress li hija sempliċement tenniet il-pożizzjoni meħuda fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mingħajr ma spjegat għal xiex hija ċaħdet l-argumenti u l-provi kuntrarji invokati mir-rikorrenti.

42      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

43      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma esponietx suffiċjentement ir-raġunijiet, fir-rigward ta’ dak li jikkonċerna r-responsabbiltà tagħha għall-ksur inkwistjoni u, b’mod partikolari, li hija ma spjegatx ir-raġunijiet taċ-ċaħda tal-provi mressqa sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni li tirriżulta mill-fatt li r-rikorrenti kellha l-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha li ħadet sehem fil-ksur.

44      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jifhmu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, inkwantu l-kwistjoni ta’ jekk il‑motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Meta, bħal fil-każ ineżami, deċiżjoni skont l-Artikolu 81 KE tikkonċerna diversi destinatarji u tqajjem problema ta’ imputabbiltà tal-ksur, hija għandha tagħti motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, skont din id-deċiżjoni, ikollhom ibatu r-responsabbiltà għal dan il-ksur. Għalhekk, fir-rigward ta’ kumpannija parent miżmuma responsabbli in solidum għall-ksur, tali deċiżjoni għandha tinkludi spjegazzjoni dettaljata tar-raġunijiet ta’ natura li tiġġustifika l-imputabbiltà tal-ksur lil din il-kumpannija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T-327/94, Ġabra p. II-1373, punti 78 sa 80).

46      Fil-każ ineżami, fil-premessi 370 sa 379 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġabret fil-qosor, billi rreferiet għall-ġurisprudenza tal-Unjoni, il-prinċipji li hija kienet intiża li tapplika sabiex tidentifika d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

47      Hija fakkret, b’mod partikolari, li kumpannija parent setgħet tiġi kkunsidrata responsabbli għall-aġir illegali ta’ sussidjarja, sa fejn din tal-aħħar ma tkunx iddeterminat b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tkun sostanzjalment applikat l-istruzzjonijiet lilha mogħtija mill-kumpannija parent. Hija speċifikat li hija setgħet, essenzjalment, tippreżumi li kumpannija li tkun 100 % sussidjarja tapplika sostanzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija mill-kumpannija parent tagħha u li din tal-aħħar setgħet tikkonfuta l-preżunzjoni billi tipproduċi l-prova kuntrarja (premessa 374 tad-deċiżjoni kkontestata).

48      Fir-rigward tal-konstatazzjoni tar-responsabbiltà tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni indikat li, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija waslet għal din il-konklużjoni mill-fatt li FMC Foret kienet sussidjarja kkontrollata 100 %, anki jekk indirettament, mir-rikorrenti (premessa 390 tad-deċiżjoni kkontestata).

49      Il-Kummissjoni speċifikat li, f’din id-dikjarazzjoni, hija straħet ukoll fuq l-identiċità ta’ ċerti diriġenti tal-kumpanniji kkonċernati, li tirriżulta minn funzjonijiet okkupati minn A. B., W. B. u G. W. Barra minn hekk, hija rrilevat ir-rwol ta’ A. B., li kien PDG ta’ FMC Foret u viċi president tar-rikorrenti simultanjament u li pparteċipa f’ċerti laqgħat tal-kartell (premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata).

50      Imbagħad, il-Kummissjoni rreferiet għall-fatturi mressqa mir-rikorrenti sabiex turi l-awtonomija tas-sussidjarja tagħha (fil-premessi 392 u 393 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija indikat li ma setgħetx taċċetta l-argumenti tar-rikorrenti, inkwantu l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti inkwistjoni ma jirriżultax biss miż-żamma ta’ 100 % tal-kapital tas-sussidjarja, iżda wkoll mir-rabtiet bejn il-kumpanniji kkonċernati, irrilevati fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti ma kinitx suffiċjenti sabiex tistabbilixxi l-awtonomija tas-sussidjarja tagħha u li, fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni kollha fil-pussess tagħha kkorroborat il-konklużjoni li r-rikorrenti eżerċitat tali influwenza fuq is-sussidjarja tagħha (premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata).

51      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indikat li, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hija żammet il-konklużjoni tagħha dwar ir-responsabbiltà in solidum tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni (premessa 395 tad-deċiżjoni kkontestata).

52      Għandu jiġi kkunsidrat li r-raġunijiet hawn fuq iċċitati juru, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġonament li fuq il-bażi tiegħu r-rikorrenti inżammet responsabbli għall-ksur.

53      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq in-natura ekwivoka tar-raġonament li wassal għaż-żamma tar-responsabbiltà tagħha, għandu jiġi rrilevat li mill-premessi 390 sa 395 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta ċar li l-Kummissjoni żammet il-konklużjoni esposta fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-influwenza determinanti eżerċitata mir-rikorrenti fuq is-sussidjarja tagħha kienet toħroġ mill-preżunzjoni li tirriżulta mill-kontroll tagħha ta’ 100 % ta’ din tal-aħħar, peress li l-fatturi mressqa mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva ma kinux suffiċjenti sabiex jistabbilixxu l-awtonomija tas-sussidjarja tagħha u, għalhekk, sabiex jikkonfutaw din il-preżunzjoni.

54      Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret, fil-premessi 391 u 394 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ ċerti indikazzjonijiet supplimentari li jirriżultaw mir-rabtiet personali bejn il-kumpanniji kkonċernati u b’mod partikolari mill-pożizzjoni ta’ A. B. li ħa sehem f’kuntatti illegali.

55      Għandu jiġi kkunsidrat li dawn ir-raġunijiet jesponu, b’mod suffiċjenti, iċ-ċirkustanzi li fihom ir-rikorrenti nżammet responsabbli għall-ksur.

56      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-oġġezzjoni bbażata fuq raġunijiet insuffiċjenti għaċ-ċaħda tal-fatturi mressqa mir-rikorrenti sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni inkwistjoni, għandu jiġi osservat, qabel xejn, li mill-premessi 392 sa 394 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta ċar li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatturi inkwistjoni.

57      Fil-fatt, wara li ddeskriviet, fil-premessi 392 u 393 tad-deċiżjoni kkontestata, l-argumentazzjoni mressqa mir-rikorrenti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fatturi li joħorġu minn din l-argumentazzjoni ma jikkostitwixxux prova suffiċjenti tal-awtonomija tas-sussidjarja u li, barra minn hekk, l-informazzjoni kollha pprovduta kkorroborat il-konklużjoni bbażata fuq il-preżunzjoni inkwistjoni, u għalhekk din il-konklużjoni kellha tinżamm.

58      Għal dawn ir-raġunijiet, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wieġbet għall-punti essenzjali tal-argumenti tar-rikorrenti, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-provi li din ressqet.

59      Il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma tatx tweġiba speċifika għal kull argument individwali invokat mir-rikorrenti. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha li l-persuni kkonċernati jqajmu quddiemha, imma huwa suffiċjenti li hija tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jkollhom importanza essenzjali fl-ambitu tad-deċiżjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T‑349/03, Ġabra p. II‑2197, punt 64; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 44 iktar ’il fuq, punt 64).

60      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq in-natura “inadegwata” tal-motivazzjoni inkwistjoni jistrieħ, parzjalment, fuq l-argument tagħha li hija rnexxilha tikkonfuta l-preżunzjoni inkwistjoni.

61      Issa, dan l-argument jaqa’ fl-ambitu tal-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni kkontestata u ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-istħarriġ tal-motivazzjoni.

62      Għalhekk, sa fejn ir-rikorrenti tikkritika, fil-mertu, iċ-ċaħda tal-argumenti u tal-provi mressqa sabiex il-preżunzjoni inkwistjoni tiġi kkonfutata, l-argumentazzjoni tagħha għandha tiġi analizzata fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi jew żball ta’ evalwazzjoni.

63      Fid‑dawl ta’ dan kollu premess, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u żball ta’ evalwazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

64      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat fiha r-responsabbiltà tagħha, hija żbaljata kemm fid-dritt u kif ukoll fil-fatt.

65      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni evalwat il-provi b’mod żbaljat, meta għad-dikjarazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti attribwixxiet piż differenti minn dak mogħti li dawk imressqa minn impriżi li ressqu talba għal klemenza. Fit-tieni lok, hija bbażat ruħha fuq kriterju żbaljat fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kontroll eżerċitat mir-rikorrenti fuq is-sussidjarja tagħha. Fit-tielet lok, hija kkunsidrat provi mingħajr rabta mal-perijodu rilevanti. Fir-raba’ lok, hija rrikorriet għal provi li ma ġewx ikkomunikati lir-rikorrenti, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

66      Il-Kummissjoni żbaljat meta evalwat kull prova separatament, minflok ma għamlet evalwazzjoni globali.

67      Il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-attività marbuta mal-ksur. Il-provi sottomessi mir-rikorrenti juru li FMC Foret kienet hija stess responsabbli mill-kummerċjalizzazzjoni tagħha tal-PI u tal-PBS u, barra minn hekk, dan il-prodott tal-aħħar ma kienx ikkummerċjalizzat mir-rikorrenti.

68      Mill-premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni aċċettat li hija marbuta li turi iktar mis-sempliċi kontroll ta’ 100 % tal-kapital tas-sussidjarja. Għalhekk, il-kwistjoni prinċipali hija dwar jekk l-fatturi l-oħra jiġġustifikawx il-konklużjoni li r-rikorrenti eżerċitat influwenza determinanti fuq FMC Foret.

69      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni indikat, b’mod żbaljat, li l-fatt li r-rikorrenti “kienet tikkostitwixxi dipartiment distint għall-produzzjoni tal-[PI] għas-suq Amerikan ma [kienx] suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li [hija] ma eżerċitat ebda kontroll fuq is-sussidjarja Ewropea tagħha” (premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti ma sostnietx li hija kellha “dipartiment” distint, iżda argumentat li kien hemm “żewġ strutturi tal-organizzazzjoni kompletament separati għall-produzzjoni u l-bejgħ tal-PI”.

70      Għalhekk, il-Kummissjoni żnaturat l-argument tar-rikorrenti u bbażat ruħha fuq konstatazzjoni żbaljata u li ma hijiex sostnuta bi prova.

71      Skont ir-rikorrenti, l-attivitajiet tagħha kienu maqsuma f’fergħat, filwaqt li s-swieq sostnuti minn dawn il-fergħat kienu marbuta mal-lokalizzazzjoni u n-natura tal-prodott. Fil-każ tal-PI, il-produzzjoni tiegħu nbiegħet lokalment, peress li l-loġistika tat-trasport ma kinitx tippermetti t-trasport tagħha mill-Istati Uniti lejn l-Ewropa jew bil-kontra. FMC Foret ma kinitx “dipartiment” tar-rikorrenti u lanqas ma kellha struttura sabiex tagħti kontijiet dwar l-attivitajiet tagħha lir-rikorrenti. Ma hemm ebda prova fil-proċess li turi li kien hemm “taqsimiet dipartimentali” bejn l-attivitajiet li jirrigwardaw il-PI tar-rikorrenti u dawk ta’ FMC Foret.

72      Mix-xhieda tal-impjegati, imressqa mir-rikorrenti, jirriżulta li FMC Foret iġġestixxiet l-attivitajiet tagħha u l-firxa ta’ prodotti tagħha b’mod kompletament separat minn dawk tar-rikorrenti. Fil-parti l-kbira tal-oqsma, il-prodotti taż-żewġ kumpanniji ma kinux jidħlu fl-ambiti ta’ xulxin. Fil-każ tal-PI, is-swieq u l-konsumaturi kienu kompletament differenti, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott u tal-lokalizzazzjoni tal-produzzjoni. Ir-rikorrenti pprovdiet annwarji tal-kumpanniji li juru li ma kienx hemm sovrapożizzjoni ta’ persunal tar-rikorrenti u FMC Foret f’xi qasam jew żmien partikolari matul il-perijodu rilevanti. Din ix-xhieda turi n-natura indipendenti u awtonoma tal-operazzjonijiet ta’ FMC Foret.

73      Fid-dawl taż-żewġ strutturi tal-organizzazzjoni kompletament separati minn xulxin għall-kummerċjalizzazzjoni tal-PI, ma kien hemm ebda raġuni sabiex jitqies li l-ġestituri ta’ waħda minn dawn l-istrutturi kienu jeżerċitaw influwenza determinanti fuq il-ġestjoni tal-oħra. Issa, il-Kummissjoni naqset milli turi li, minkejja l-eżistenza taż-żewġ strutturi separati, ir-rikorrenti eżerċitat fil-fatt influwenza determinanti fuq FMC Foret fl-ambitu tal-kummerċjalizzazzjoni tal-PI.

74      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni wettqet żball manifest, meta kkonstatat li l-attivitajiet kummerċjali ta’ FMC Foret kienu “parti integrali” minn dawk tar-rikorrenti, peress li din tal-aħħar “[kienet] involuta wkoll fil-produzzjoni ta’ [PI] u [ta’] PBS” u li FMC Foret “[kienet topera] bħala s-sussidjarja Ewropea tagħha f’dan ir-rigward” (premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata).

75      Sovrapożizzjoni ta’ produzzjoni ma tippermettix li jiġi dedott l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti. Wieħed ma jistax jassumi li żewġ produtturi indipendenti li jkunu jinsabu f’pajjiżi differenti jikkontrollaw lil xulxin jew jeżerċitaw influwenza determinanti fuq xulxin, sempliċement minħabba li wieħed mill-prodotti mmanifatturati jkun l-istess.

76      Fi kwalunkwe każ, is-sovrapożizzjoni ta’ produzzjoni teżisti biss għall-PI u mhux għall-PBS. Dan huwa kkonfermat mix-xhieda mressqa mir-rikorrenti.

77      Meta kkonstatat li r-rikorrenti tipproduċi PI daqs kemm tipproduċi PBS, huwa probabbli li l-Kummissjoni kienet qed tibbaża ruħha fuq dikjarazzjoni ta’ impjegat tar-rikorrenti, T. B., redatta bil-mod kif ġej:

“[FMC] Foret, barra minn hekk, tbiegħ firxa ta’ prodotti differenti minn dik mibjugħa [mir-rikorrenti]. [Ir-rikorrenti], pereżempju, tipproduċi fil-fatt [il-PBS] għall-Istati Uniti, filwaqt li [FMC Foret] ilha diversi snin tbigħ u tipproduċi il-[PBS] fl-Ewropa.”

78      Skont ir-rikorrenti, din id-dikjarazzjoni għandha “żball tipografiku” evidenti u għandha tinqara kif ġej: “[Ir-rikorrenti], pereżempju, fil-fatt [ma] pproduċiet[x] [PBS]”. Il-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod żbaljat, fuq din id-dikjarazzjoni, ivvizzjata minn “żball tipografiku” evidenti, filwaqt li injorat xhieda oħra li tafferma l-kuntrarju.

79      Skont ir-rikorrenti, il-fatt li l-uniku prodott immanifatturat miż-żewġ kumpanniji inkwistjoni kien il-PI u li huma ma kinux joperaw fl-istess swieq ġeografiċi kien jippermetti li jiġi konkluż li dawn ma kellhomx għalfejn jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom.

80      Il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li FMC Foret kienet taġixxi bħala sussidjarja tar-rikorrenti lanqas ma hija rilevanti, peress li ċerti sussidjarji, bħal FMC Foret, huma kkunsidrati bħala “investimenti” u ma jifformawx parti mill-attivitajiet tal-kumpannija parent.

81      Il-fatt li kumpannija kbira bħalma hija r-rikorrenti takkwista kumpannija oħra biss għal finijiet ta’ investiment ifisser li hija ma għandhiex l-intenzjoni li tinvolvi ruħha fil-maniġment regolari tagħha. Ir-relazzjoni tar-rikorrenti ma’ FMC Foret tikkostitwixxi eżempju tipiku tal-każijiet, bħalma huma l-akkwisti minn fondi ta’ investimenti, fejn kumpannija tikseb 100 % tal-kapital ta’ kumpannija oħra mingħajr ma teżerċita influwenza determinanti fuq il-ġestjoni tagħha.

82      Fit-tielet lok, meta kkonstatat li r-rikorrenti stess ippreżentat l-attivitajiet ta’ FMC Foret “bħala [parti integrali] mill-attivitajiet tagħha”, il-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod żbaljat, fuq provi ġodda inkriminanti, jiġifieri informazzjoni li toħroġ mis-sit tal-internet tar-rikorrenti (premessa 394 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 379 tad-deċiżjoni kkontestata).

83      Minn naħa, dawn il-fatturi marbuta mas-snin 2005 u 2006 ma jistgħux juru li r-rikorrenti eżerċitat influwenza determinanti fuq FMC Foret bejn l-1997 u l-1999. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma kellhiex l-okkażjoni li tesprimi ruħha fir-rigward ta’ dawn il-fatturi matul il-proċedura amministrattiva. Bl-użu tal-fatturi inkwistjoni, il-Kummissjoni introduċiet għalhekk fatturi ġodda inkriminanti, li barra minn hekk jirreferu għall-perijodu ta’ wara l-ksur.

84      Fir-raba’ lok, meta indikat li d-dikjarazzjonijiet tal-impjegati tar-rikorrenti ma kinux suffiċjenti sabiex juru li FMC Foret kienet topera fuq bażi awtonoma (premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni ċaħdet dawn il-provi biss għar-raġuni li dawn kienu jirriżultaw minn dikjarazzjonijiet ta’ impjegati tar-rikorrenti. Din iċ-ċaħda hija inkomprensibbli, peress li l-provi dwar l-awtonomija ta’ FMC Foret għandhom inevitabbilment joħorġu minn dawk li kienu involuti fil-ġestjoni tagħha.

85      Barra minn hekk, meta kkonstatat li l-istat ta’ awtonomija ta’ FMC Foret intwera “biss [mid-]dikjarazzjonijiet” inkwistjoni, il-Kummissjoni aċċettat li dawn id-dikjarazzjonijiet juru fil-fatt l-awtonomija ta’ FMC Foret u kienu għalhekk suffiċjenti sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni.

86      Barra minn hekk, iċ-ċaħda tal-provi inkwistjoni, unikament minħabba li dawn jirriżultaw minn dikjarazzjonijiet ta’ impjegati, ma hijiex konċiljabbli mal-fatt li l-Kummissjoni użat id-dikjarazzjonijiet ta’ impjegati ppreżentati mill-impriżi li ressqu talba għal klemenza.

87      Għalhekk, il-Kummissjoni rriżervat trattament “diskriminatorju” għall-provi mressqa mir-rikorrenti, meta naqset milli tapplika l-istess regoli applikati għax-xhieda tal-impriżi li ressqu talba għal klemenza. Il-Kummissjoni kellha tirrikonoxxi kredibbiltà partikolari għad-dikjarazzjonijiet tal-impjegati tar-rikorrenti, fid-dawl tal-fatt li dawn kienu ġejjin minn xhieda diretta ta’ persunal fl-ogħla livelli tal-impriża kkonċernata, li l-informazzjoni ġiet ipprovduta wara riflessjoni matura u li kien hemm korp ta’ provi koerenti.

88      Il-Kummissjoni naqset milli tevalwa b’mod oġġettiv il-valur kwalitattiv tax-xhieda inkwistjoni, u b’mod partikolari milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn kienu provi diretti, li x-xhieda aċċettaw ir-responsabbiltà personali tagħhom fir-rigward tax-xhieda tagħhom u kienu disponibbli sabiex iwieġbu għal domandi fis-seduta.

89      Barra minn hekk, il-prova tal-awtonomija ta’ FMC Foret ma tirriżultax biss mid-dikjarazzjonijiet tal-impjegati tar-rikorrenti iżda tirriżulta wkoll minn fatturi oħra invokati insostenn, partikolarment:

–        il-fatt li l-minuti tal-bord tad-diretturi ta’ FMC Foret saru bl-Ispanjol, li huwa każ uniku fi ħdan ir-rikorrenti, u li l-kontenut ta’ dawn il-minuti juri wkoll li l-kwistjonijiet tal-operazzjoni ma ġew qatt diskussi, peress li l-kontroll effettiv u prattiku ta’ FMC Foret kien f’idejn id-diriġenti tagħha;

–        il-fatt li l-annwarji ta’ kull kumpannija, prodotti mir-rikorrenti għal kull sena inkwistjoni, juru li ma kienx hemm impjegati jaħdmu għaż-żewġ kumpanniji fl-istess żmien u, għalhekk, ma kienx hemm oqsma li fihom iż-żewġ kumpanniji kienu jikkollaboraw b’mod istituzzjonali;

–        il-fatt li l-attivitajiet u l-firxa ta’ prodotti ta’ FMC ġew żviluppati b’mod indipendenti minn dawk tar-rikorrenti u li dawn iwieġbu għall-opportunitajiet partikolari ta’ FMC Foret, kif ukoll għat-talbiet tal-klijentela tagħha: FMC Foret bdiet tipproduċi PBS ferm qabel ma r-rikorrenti saret azzjonarja fiha u, konsegwentement, kellha firxa unika ta’ prodotti, li tikkorrispondi biss b’mod limitat għal dik tar-rikorrenti, l-iżvilupp ta’ dawn il-prodotti ma kienx l-eżitu ta’ kollaborazzjoni bejn iż-żewġ kumpanniji u d-dokumentazzjoni interna (corporate brochure) ta’ FMC Foret tikkonferma n-natura indipendenti tal-operazzjonijiet;

–        il-fatt li l-klijentela ta’ kull kumpannija hija ġeografikament differenti.

90      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqset milli teżamina ċerti argumenti mressqa mir-rikorrenti. Fil-fatt, hija lanqas ma semmiet il-fatt li l-minuti tal-bord tad-diretturi ta’ FMC Foret saru bl-Ispanjol, li ebda membru tal-persunal ma ħadem għaż-żewġ kumpanniji fl-istess żmien, li FMC Foret żviluppat l-attivitajiet tagħha b’mod indipendenti minn dawk tar-rikorrenti, li din żviluppat l-firxa ta’ prodotti tagħha b’mod indipendenti u li kull kumpannija kienet topera fi swieq ġeografikament distinti. Hija eżaminat dawn il-kwistjonijiet, għall-ewwel darba, fir-risposta.

91      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-oneru tal-prova, ir-rikorrenti ssostni li, sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni, hija ma kinitx marbuta tressaq il-prova li turi li hija ma eżerċitatx influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha. Huwa suffiċjenti li hija turi li ma jkunx skont iċ-ċertezza legali li tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni, billi ġġib il-provi li jistgħu “juru li konklużjoni perfettament raġonevoli hija” dik li hija ma eżerċitatx influwenza determinanti.

92      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tiċħad prova kuntrarja minħabba li din ma hijiex suffiċjenti sabiex tistabbilixxi li r-rikorrenti ma kienet teżerċita “ebda” kontroll fuq is-sussidjarja Ewropea tagħha. Ċerti tipi ta’ kontroll ma għandhomx rabta mal-ġestjoni tal-attivitajiet tar-rikorrenti, pereżempju, l-obbligu li jiġu pprovduti kontijiet jew li jiġu osservati ċerti regoli ta’ maniġment tajjeb.

93      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti, minn naħa, issostni li ressqet provi suffiċjenti sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, targumenta li l-Kummissjoni ma użatx il-kriterju legali xieraq, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti.

94      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

95      Qabelxejn, għandhom jiġu mfakkra l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Unjoni fir-rigward tar-responsabbiltà tal-kumpannija parent għall-aġir ta’ ksur tas-sussidjarja tagħha.

96      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-aġir ta’ kumpannija sussidjarja tista’ tiġi imputata lill-kumpannija parent partikolarment meta, minkejja li jkollha personalità ġuridika separata, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet lilha mogħtija mill-kumpannija parent, fid-dawl b’mod partikolari tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal din, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika u, għalhekk, jifformaw impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, punt 59).

98      Fil-każ partikolari fejn kumpannija parent ikollha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, hemm preżunzjoni konfutabbli li din il-kumpannija parent teżerċita fil-fatt influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      F’dawn iċ-ċirksutanzi, huwa suffiċjenti li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu ta’ kumpannija sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex jiġi preżunt li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Imbagħad, il-Kummissjoni tkun tista’ tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli għall-ksur inkwistjoni, sakemm din il-kumpannija parent, li tagħha huwa l-kompitu li taqleb il-preżunzjoni, ma ġġibx provi suffiċjenti ta’ natura li juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Sabiex jiġi evalwat jekk kumpannija sussidjarja tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha fir-rigward tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil din is-sussidjarja mal-kumpannija parent, li jistgħu jvarjaw skont il-każ u ma jistgħux għalhekk ikunu suġġetti għal lista eżawrjenti (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, punt 74; ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, T‑112/05, Ġabra p. II‑5049, punt 65).

101    Għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tikkontestax id-dritt tal-Kummissjoni li tinvoka, fil-każ ineżami, il-preżunzjoni li tirriżulta mill-fatt li hija kellha l-intier tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li ħadet sehem fil-ksur inkwistjoni.

102    Madankollu, hija tressaq ċerti argumenti fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok.

103    Minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li l-influwenza eżerċitata mill-kumpannija parent fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha għandha tiġi analizzata fid-dawl tal-ġestjoni tal-attività kummerċjali tal-impriża li hija kkonċernata mill-ksur inkwistjoni.

104    Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita ċċitata fil-punt 100 iktar ’il fuq, sabiex jiġi evalwat jekk kumpannija sussidjarja tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha invokati fir-rigward tar-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi bejn il-kumpanniji kkonċernati, li l-importanza tagħhom tvarja skont il-każ.

105    B’mod partikolari, ma hemmx lok li din l-evalwazzjoni tiġi limitata għall-fatturi marbuta mal-politika kummerċjali stricto sensu tal-kumpannija sussidjarja, bħall-istrateġija tad-distribuzzjoni jew tal-prezzijiet. B’mod partikolari, il-preżunzjoni inkwistjoni ma tistax tiġi kkonfutata biss billi jintwera li hija l-kumpannija sussidjarja li tiġġestixxi dawn l-aspetti speċifiċi tal-politika kummerċjali tagħha mingħajr ma tirċievi struzzjonijiet f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punti 63 u 64, ikkonfermata bis-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, punti 65 u 75).

106    Minn dan jirriżulta li l-awtonomija tal-kumpannija sussidjarja, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tiġi stabbilita billi sempliċement jintwera li hija tiġġestixxi b’mod awtonomu l-aspetti speċifiċi tal-politika tagħha dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati mill-ksur.

107    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li, sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni inkwistjoni, huwa suffiċjenti għaliha li tipproduċi provi ta’ natura li “jitfgħu dubju” fuq il-konklużjoni li tirriżulta minn din il-preżunzjoni, billi turi li “konklużjoni perfettament raġonevoli” tkun dik li hija ma eżerċitatx influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha.

108    Issa, minn ġurisprudenza stabbilita ċċitata fil-punt 99 iktar ’il fuq jirriżulta li l-preżunzjoni inkwistjoni tista’ tiġi kkonfutata biss bi provi suffiċjenti ta’ natura li juru l-awtonomija tal-kumpannija sussidjarja. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li l-argument tar-rikorrenti jissuġġerixxi, sempliċi bidu ta’ prova ma huwiex suffiċjenti sabiex jikkonfuta din il-preżunzjoni.

109    Għalhekk, ladarba l-kumpannija parent iġġib provi li jistgħu juru l-awtonomija tas-sussidjarja tagħha (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il-Kummissjoni, T‑314/01, Ġabra p. II‑3085, punt 136, u tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II‑2567, punt 56), billi turi li din tal-aħħar ma tapplikax, essenzjalment, l-istruzzjonijiet li hija tagħti u ġġib ruħha, għalhekk, b’mod awtonomu fis-suq (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 62), il-Kummissjoni ma tkunx tista’ timputa lilha l-aġir tas-sussidjarja, mingħajr ma tikkonfuta din il-prova kuntrarja.

110    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti ssollevati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

111    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkontesta r-rilevanza taċ-ċirkustanzi kkunsidrati fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirrigwardaw ir-rabtiet personali bejn il-kumpanniji kkonċernati.

112    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, insostenn tal-konstatazzjoni tar-responsabbiltà tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha għall-preżunzjoni marbuta mal-kontroll sħiħ eżerċitat mir-rikorrenti fuq FMC Foret, permezz ta’ FMC Chemical Holding, iżda sostniet ukoll ċirkustanzi oħra.

113    Il-Kummissjoni rrilevat inter alia, fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fiż-żmien tal-fatti tal-każ, tliet persuni kienu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fi ħdan diversi kumpanniji kkonċernati. A. B., li pparteċipa direttament f’ċerti kuntatti illegali, kien, fiż-żmien tal-fatti, viċi president tar-rikorrenti u PDĠ ta’ FMC Foret fl-istess ħin. W. B. kien, matul parti mill-perijodu ta’ ksur, membru tal-bord tad-diretturi ta’ FMC Foret u ta’ dak ta’ FMC Chemical Holding, kif ukoll viċi president eżekuttiv tar-rikorrenti. G. W. kien, matul parti mill-perijodu ta’ ksur, membru tal-bord tad-diretturi ta’ FMC Foret u ta’ dak ta’ FMC Chemical Holding.

114    Għandu jiġi osservat, qabel xejn, li r-rikorrenti ma għandhiex bażi sabiex issostni li, billi sostniet dawn iċ-ċirkustanzi addizzjonali, il-Kummissjoni aċċettat li l-preżunzjoni inkwistjoni kienet ġiet ikkonfutata.

115    Fil-fatt, mill-premessi 391, 394 u 395 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni żammet il-konklużjoni tagħha, esposta fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-konstatazzjoni tar-responsabbiltà tar-rikorrenti kienet ibbażata fuq il-preżunzjoni li tirriżulta mill-kontroll sħiħ, minkejja li huwa indirett, ta’ FMC Foret.

116    Din il-konklużjoni ma hija bl-ebda mod kontradetta mill-fatt li l-Kummissjoni esponiet ċirkustanzi oħra marbuta mal-eżerċizzju ta’ influwenza tar-rikorrenti fuq is-sussidjarja tagħha, jiġifieri, fil-każ ineżami, rabtiet personali bejn il-kumpanniji kkonċernati u r-rwol ta’ A. B. fil-kuntatti ta’ kollużjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, punt 62).

117    Issa, fir-rigward tar-rilevanza taċ-ċirkustanzi msemmija fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li l-identiċità tal-persuni li kienu jagħmlu parti mill-bord tad-diretturi tal-kumpanniji kkonċernati tikkostitwixxi indikazzjoni rilevanti tan-nuqqas ta’ awtonomija tas-sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il-Kummissjoni, T‑54/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 550 sa 558).

118    L-istess jista’ jingħad fir-rigward tal-parteċipazzjoni diretta ta’ waħda mill-persuni kkonċernati fil-kuntatti illegali. Fil-fatt, il-parteċipazzjoni ta’ membru tal-persunal tal-kumpannija parent fil-laqgħat ta’ kollużjoni tista’ tikkostitwixxi fattur ta’ natura li juri li hija kienet taf bil-parteċipazzjoni tas-sussidjarja tagħha fil-ksur u, għalhekk, li hija kienet involuta b’mod attiv fl-aġir antikompetittiv (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, KNP BT vs Il-Kummissjoni, T‑309/94, Ġabra p. II‑1007, punti 47 u 48), u għalhekk dan il-fattur jista’, a fortiori, jitqies bħala indikazzjoni tal-influwenza determinanti tagħha fuq is-sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lafarge vs Il-Kummissjoni, punt 117 iktar ’il fuq, punt 546).

119    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-eżattezza tal-fatti esposti fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata, iżda ssostni, minn naħa, li l-persuni inkwistjoni, b’mod partikolari A. B., kienu jeżerċitaw funzjonijiet purament amministrattivi u ma kinux marbuta mal-maniġment regolari tal-impriża u, min-naħa l-oħra, li l-pożizzjoni okkupata minn W. B. u G. W. fi ħdan il-holding, li permezz tagħha r-rikorrenti kienet tikkontrolla lil FMC Foret, ma kinitx rilevanti, peress li l-għan uniku tal-holding kien dak li żżomm ishma.

120    Issa, dawn l-argumenti ma humiex ta’ natura li jwaqqgħu r-rilevanza tal-fatturi inkwistjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-awtonomija tal-kumpannija sussidjarja.

121    Fil-fatt, minn naħa, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq funzjonijiet purament amministrattivi tal-persuni kkonċernati jistrieħ fuq premessa żbaljata, li l-influwenza tal-kumpannija parent għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-“maniġment ta’ kuljum” tal-kumpannija u sempliċi “sorveljanza tal-istrateġija kummerċjali” ta’ din tal-aħħar ma hijiex rilevanti f’dan ir-rigward.

122    Ladarba l-influwenza inkwistjoni hija evalwata fid-dawl tal-politika kummerċjali tal-impriża fis-sens wiesa’, u mhux fid-dawl biss ta’ aspetti speċifiċi tal-maniġment “ta’ kuljum” tagħha (ara l-punti 104 u 105 iktar ’il fuq), l-identiċità tal-membri tal-persunal inkwistjoni tikkostitwixxi fattur rilevanti, anki jekk jitqies li r-rwol tagħhom huwa limitat għal dak ta’ koordinazzjoni u ta’ kontroll tal-istrateġija kummerċjali tal-impriża.

123    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-fatt li W. B. u G. W. okkupaw ukoll funzjonijiet fi ħdan FMC Chemical Holding, għandu jiġi osservat li, minkejja li dan il-fattur ma jistax jiġi kkunsidrat bħala indikazzjoni qawwija tal-eżerċizzju ta’ influwenza, dan ma huwiex madankollu irrilevanti, fir-rigward tal-holding li permezz tiegħu r-rikorrenti kienet tikkontrolla lil FMC Foret. Barra minn hekk, huwa stabbilit li W. B. eżerċita funzjonijiet fi ħdan kull waħda mit-tliet kumpanniji kkonċernati.

124    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma għandhiex bażi sabiex issostni li l-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn tqis, sabiex tikkorrabora l-preżunzjoni inkwistjoni, l-indikazzjonijiet supplimentari msemmija fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni kienet għalhekk korretta meta, fil-premessi 392 sa 394 tad-deċiżjoni kkontestata, injorat l-argumenti simili tar-rikorrenti invokati matul il-proċedura amministrattiva, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ rilevanza tal-fatturi inkwistjoni.

125    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tindika li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija ppreżentat ġabra ta’ provi suffiċjenti sabiex turi l-awtonomija tas-sussidjarja tagħha u ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet il-kuntrarju.

126    Mill-proċess jirriżulta li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti sostniet, essenzjalment, li s-sehem tagħha mill-kapital tas-sussidjarja, miksub progressivament bejn l-1966 u l-1992, kien sempliċi investiment finanzjarju mingħajr effett fuq l-awtonomija ta’ din tal-aħħar. B’mod partikolari, hija sostniet li ma eżerċitat ebda influwenza fuq FMC Foret, billi l-operazzjonijiet ta’ din tal-aħħar saru mid-diriġenti tagħha b’mod indipendenti.

127    Skont ir-rikorrenti, din it-teżi ntweriet kemm fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll fir-rikors permezz tal-fatturi li ġejjin: l-ewwel nett, l-annwarji interni tal-kumpanniji kkonċernati marbuta mal-perijodu ta’ ksur, li juru, skont ir-rikorrenti, li ma kienx hemm sovrapożizzjoni bejniethom fir-rigward tal-persunal, it-tieni nett, id-dikjarazzjonijiet ta’ erba’ impjegati tal-kumpanniji kkonċernati, jiġifieri T. B., A. B., G. W. u S. S. li jikkonfermaw, skont ir-rikorrenti, in-nuqqas ta’ kull koordinazzjoni bejn iż-żewġ kumpanniji, b’mod partikolari fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni, it-tielet nett, dokumentazzjoni interna (corporate brochure) ta’ FMC Foret, li minnha jirriżulta li din tal-aħħar, storikament, kienet żviluppat il-prodotti tagħha qabel ma ttieħdet mir-rikorrenti u, imbagħad, iġġestixxiet l-operazzjonijiet tagħha b’mod indipendenti u, ir-raba’ nett, l-estratti tal-minuti tal-bord tad-diretturi tas-sussidjarja, li juru, skont ir-rikorrenti, li l-laqgħat tagħha kienu jsiru bl-Ispanjol u li qatt ma saret diskussjoni tal-operazzjonijiet ta’ ġestjoni. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti ssottomettiet ukoll lill-Kummissjoni r-rapport annwali tagħha tal-1995, prova li hija ma invokatx quddiem il-Qorti Ġenerali.

128    Għalhekk, għandhom jiġu eżaminati, fid-dawl tal-kriterji esposti fil-punti 96 sa 109 iktar ’il fuq, l-argumenti tar-rikorrenti li jinvokaw il-fatturi inkwistjoni.

129    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li t-teżi tar-rikorrenti li s-sussidjarja tagħha, ikkontrollata permezz ta’ kumpannija holding intermedjarja, kienet ittrattata bħala sempliċi investiment, tikkostitwixxi sempliċi affermazzjoni u ma tikkostitwixxix għalhekk, bħala tali, prova ta’ awtonomija suffiċjenti.

130    Fil-fatt, il-fatt li l-għan statutorju tal-kumpannija parent jippermetti li jiġi konkluż li hija kienet tikkostitwixxi holding bir-rwol statutorju li tiġġestixxi l-ishma tagħha fil-kapital ta’ kumpanniji oħra ma huwiex suffiċjenti, fih innifsu, sabiex jikkonfuta l-preżunzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schunk u Schunk Kohlenstoff‑Technik vs Il-Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 70). Dan il-fattur huwa iktar u iktar insuffiċjenti inkwantu, fil-każ ineżami, ir-rikorrenti ma hijiex tallega li l-kumpannija tagħha kienet holding, iżda li s-sussidjarja tagħha kienet ikkontrollata permezz ta’ holding, u ma tressaq, barra minn hekk, ebda prova li tistabbilixxi r-rwol ta’ din tal-aħħar.

131    It-tieni nett, fir-rigward tat-teżi tar-rikorrenti, sostnuta mid-dikjarazzjonijiet ta’ T. B., A. B., G. W. u S. S., ibbażata fuq l-eżistenza, fi ħdan il-grupp, ta’ “żewġ strutturi tal-organizzazzjoni kompletament separati għall-produzzjoni u l-bejgħ tal-PI”, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li kumpannija parent ma tintervjenix fl-istess suq tas-sussidjarja tagħha ma jikkonfermax l-awtonomija ta’ din tal-aħħar.

132    Fil-fatt, l-influwenza determinanti inkwistjoni hija evalwata fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi kollha li jgħaqqdu lill-kumpannija parent mas-sussidjarja tagħha, billi l-ġestjoni ta’ kuljum minn din tal-aħħar tal-attività marbuta mal-ksur, anki jekk titqies stabbilita, ma hijiex indikazzjoni suffiċjenti tal-awtonomija tagħha (ara l-punt 105 iktar ’il fuq). B’mod partikolari, billi d-diviżjoni tal-funzjonijiet tikkostitwixxi fenominu normali fi ħdan grupp, bħal dak previst fil-każ ineżami, ma tista’ ssir ebda konklużjoni mill-fatt li l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha joperaw fi swieq distinti u ma għandhomx rabtiet ta’ fornituri lil klijenti.

133    Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw, a fortiori, għall-każ ineżami, ladarba r-rikorrenti kienet tikkummerċjalizza, għalkemm f’suq ġeografiku distint, wieħed mill-prodotti inkwistjoni, il-PI, peress li dan il-fatt jindika, tal-inqas, li hija kienet f’pożizzjoni li tinfluwenza l-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha fl-istess qasam.

134    Għalhekk, għandu jiġi injorat l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex jistabbilixxi li FMC Foret organizzat l-attività tagħha ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ ta’ PI fl-Ewropa indipendentement mill-attività simili eżerċitata mir-rikorrenti fl-Istati Uniti, suq distint fid-dawl tar-restrizzjonijiet ta’ trasport, li l-kumpanniji inkwistjoni kellhom firxiet ta’ prodotti distinti, u li ma kien hemm ebda eżami reċiproku fil-livell tal-klijentela tagħhom.

135    Dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqiesu stabbiliti, ma humiex ta’ natura li juru l-awtonomija tal-kumpannija sussidjarja kkonċernata u għalhekk il-Kummissjoni kienet ukoll korretta meta ċaħdet, fil-premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata, l-argumentazzjoni bbażata fuq il-fatturi inkwistjoni bħala li ma tikkostitwixxix prova suffiċjenti tal-awtonomija ta’ FMC Foret.

136    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma hijiex korretta meta ssostni li l-Kummissjoni żnaturat l-argument tagħha, minn naħa, meta ppreżentatu bħala li joħroġ mill-eżistenza ta’ “dipartiment distint għall-produzzjoni tal-[PI] għas-suq Amerikan” u, min-naħa l-oħra, meta indikat li r-rikorrenti kienet “involuta wkoll fil-produzzjoni […] ta’ [PBS]” (premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata).

137    Fil-fatt, minn naħa, minkejja li l-Kummissjoni ma ppreżentatx l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-eżistenza ta’ żewġ strutturi tal-organizzazzjoni distinti skont it-termini eżatti li bihom dan ġie fformulat, din il-preżentazzjoni ma setax ikollha effett fuq l-evalwazzjoni tagħha, peress li dan kien, fi kwalunkwe każ, fattur li ma setax jistabbilixxi l-awtonomija ta’ FMC Foret.

138    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-indikazzjoni tal-fatt li r-rikorrenti kienet tikkummerċjalizza l-PBS, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni taċċetta li dan kien żball, filwaqt li ppreċiżat li dan l-iżball joriġina mid-dikjarazzjoni ta’ T. B. ipprovduta mir-rikorrenti, u dan ma huwiex ikkontestat minn din tal-aħħar.

139    Fid-dawl tat-termini tad-dikjarazzjoni inkwistjoni, riprodotti fil-punt 77 iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tistax teżiġi li dan huwa “żball tipografiku” evidenti.

140    Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ċċitat fattur li, minkejja li kien żbaljat, kien joħroġ mill-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti, fl-ambitu tal-provi kuntrarji li kien il-kompitu tagħha li tipproduċi. Fi kwalunkswe każ, peress li mill-fatt li ż-żewġ kumpanniji kienu joperaw fi swieq differenti ma tista’ ssir ebda konklużjoni, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi affettwata.

141    It-tielet nett, ma jikkostitwixxix indikazzjoni sinjifikattiva tal-awtonomija tas-sussidjarja l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq allegat nuqqas ta’ sovrapożizzjoni ta’ persunal tal-kumpanniji inkwistjoni, ibbażat, minn naħa, fuq ismijiet li jidhru fl-annwarji tagħhom u, min-naħa l-oħra, fuq id-dikjarazzjoni ta’ T. B. li dawn il-kumpanniji żammew “id-diretturi kummerċjali tagħhom, il-kontrolluri tagħhom, l-amministraturi tagħhom tar-riżorsi umani, l-amministraturi tagħhom tal-kummerċ u tal-marketing, l-amministraturi tagħhom tal-produzzjoni, l-amministraturi tagħhom fil-qasam tat-teknoloġija kif ukoll il-persunal operattiv tagħhom”.

142    Min naħa, l-argument inkwistjoni huwa kkonfutat bir-rabtiet bejn il-kumpanniji kkonċernati li jirriżultaw mill-identiċità ta’ ċerti membri tal-bordijiet tad-diretturi tagħhom, esposti fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata.

143    Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ sovrapożizzjoni tal-persunal involut fil-ġestjoni operattiva tal-impriża, invokat mir-rikorrenti, ma jistax jafferma l-awtonomija tas-sussidjarja tagħha, peress li l-evalwazzjoni inkwistjoni ma tipprevedix biss il-politika kummerċjali stricto sensu tal-impriża (ara l-punt 105 iktar ’il fuq).

144    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti targumenta li ma hemmx sistema ta’ informazzjoni u ta’ rapporti bejnha u FMC Foret, bl-eċċezzjoni tar-rapporti finanzjarji u ta’ informazzjoni oħra paragunabbli għal dik mogħtija lil sempliċi investitur, billi invokat, minn naħa, id-dikjarazzjonijiet f’dan is-sens ta’ A. B. u G. W. u, min-naħa l-oħra, il-fatt li, b’mod differenti mis-sussidjarji l-oħra tar-rikorrenti, il-minuti tal-bord tad-diretturi ta’ FMC Foret kienu redatti biss bl-Ispanjol, filwaqt li l-kontenut tagħhom jikkonferma, barra minn hekk, li ma kienx hemm diskussjoni ta’ kwistjonijiet “tal-operazzjoni” tal-impriża.

145    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li ladarba l-awtonomija tas-sussidjarja ma hijiex evalwata biss fid-dawl tal-aspetti tal-ġestjoni tal-operazzjoni tal-impriża, il-fatt li s-sussidjarja qatt ma implementat, għall-benefiċċju tal-kumpannija parent, politika ta’ informazzjoni speċifika dwar is-suq ikkonċernat ma jistax ikun suffiċjenti sabiex juri l-awtonomija tagħha.

146    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex juri n-nuqqas ta’ sistema ta’ informazzjoni speċifika huwa irrilevanti fid-dawl tal-fatt, indikat fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata, li A. B., PDĠ ta’ FMC Foret, kien ukoll viċi president tar-rikorrenti u kien għalhekk f’pożizzjoni li jinforma lil din tal-aħħar bil-politika kummerċjali tas-sussidjarja.

147    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-Kummissjoni kkonstatat, korrettament, li l-fatturi invokati mir-rikorrenti, ikkunsidrati b’mod globali, ma jikkostitwixxux provi suffiċjenti sabiex juru l-awtonomija ta’ FMC Foret u li l-korp ta’ provi għad-dispożizzjoni tagħha, partikolarment dawk imsemmija fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata, juri l-kuntrarju (premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata).

148    Din il-konstatazzjoni lanqas ma hija kkonfutata mill-argumenti tar-rikorrenti intiżi, b’mod iktar ġenerali, kontra l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-argumenti u l-provi inkwistjoni.

149    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ladarba l-awtonomija tal-kumpannija sussidjarja hija evalwata fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha marbuta mar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi bejn il-kumpanniji kkonċernati, il-Kummissjoni setgħet, korrettament, tirreferi fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni għall-indikazzjonijiet supplimentari msemmija fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata.

150    B’mod partikolari, b’mod kuntrarju għal dak li r-rikorrenti ssostni, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta tikkonfuta fid-dettall l-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq in-nuqqas ta’ sovrapożizzjoni tal-persunal u n-nuqqas ta’ sistema ta’ informazzjoni u ta’ rapporti, u għalhekk kienet korretta l-Kummissjoni meta kkunsidrat, fil-premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata, li din l-argumentazzjoni kienet ikkonfutata mill-indikazzjonijiet imsemmija fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar rabtiet personali bejn il-kumpanniji kkonċernati u r-rwol ta’ A. B fil-kuntatti ta’ kollużjoni.

151    It-tieni nett, ir-rikorrenti ma għandhiex bażi sabiex issostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji fil-kuntest tal-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-impjegati li hija ssottomettiet matul il-proċedura amminstrattiva.

152    Qabelxejn, b’mod kuntrarju għal dak li r-rikorrenti ssostni, il-premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix ammissjoni tal-fatt li d-dikjarazzjonijiet inkwistjoni kienu jikkostitwixxu l-prova suffiċjenti tal-awtonomija ta’ FMC Foret. Fil-fatt, f’din il-premessa, il-Kummissjoni rrilevat li “l-istat ta’ awtonomija” ta’ FMC Foret intwera biss, min-naħa tagħha, b’dikjarazzjonijiet ta’ impjegati”. Issa, kemm mill-kuntest ta’ din is-sentenza, fl-ambitu tal-evalwazzjoni tal-argumenti tar-rikorrenti, kif ukoll bl-użu tal-virgoletti, jirriżulta li l-Kummissjoni kkonstatat biss l-argument kif invokat mir-rikorrenti, mingħajr mandankollu ma kkonstat li din fil-fatt uriet l-“istat ta’ awtonomija” ta’ FMC Foret.

153    Issa, hija wkoll żbaljata r-rikorrenti meta tikkritika lill-Kummissjoni peress li din ċaħdet id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni biss minħabba li dawn oriġinaw minn impjegati tal-kumpanniji kkonċernati u peress li ma attribwixxietx lil dawn il-provi valur probatorju paragunabbli għal dak tad-dikjarazzjonijiet tal-impjegati tal-impriżi li talbu l-klemenza.

154    Fil-fatt, mill-premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija komplessivament, jirriżulta li l-Kummissjoni evalwat id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni, b’mod korrett, bħala li jikkostitwixxu provi, iżda kkonkludiet, fl-aħħar tal-evalwazzjoni tal-informazzjoni rilevanti kollha, li dawn il-provi ma kinux suffiċjenti sabiex juru l-awtonomija ta’ FMC Foret.

155    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax validament issostni li l-Kummissjoni eskludiet li tagħti valur probatorju lid-dikjarazzjonijiet inkwistjoni.

156    Barra minn hekk, bl-istess argument, ir-rikorrenti ssostni, b’mod żbaljat, li l-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni kien partikolarment għoli, meta mqabbel ma’ dak mogħti lil ċerti dikjarazzjonijiet magħmula mill-impriżi li għamlu talba għal klemenza.

157    Fil-fatt, il-fatt li jingħata, fuq il-bażi ta’ każ b’każ, valur probatorju sinjifikattiv lid-dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest ta’ talba għal klemenza jirriżulta mill-kunsiderazzjoni li f’dawn iċ-ċirkustanzi jkun hemm stqarrija ta’ ksur u għalhekk, bħala regola ġenerali, dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi ta’ min jagħmel id-dikjarazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 211). Issa, id-dikjarazzjonijiet tal-impjegati mressqa mir-rikorrenti fil-każ ineżami saru biss fl-interess tagħha u għalhekk ma jidħlux fl-istess kuntest ta’ talba għal klemenza.

158    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ċerti fatturi, jiġifieri l-annwarji tal-kumpanniji, id-dokumentazzjoni interna (corporate brochure) ta’ FMC Foret u l-minuti tal-bord tad-diretturi tagħha.

159    Għandu jiġi rrilevat li mill-premessi 392 sa 394 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni evalwat l-argumentazzjoni tar-rikorrenti li tinvoka l-awtonomija tas-sussidjarja tagħha fid-dawl tal-fatturi kollha sottomessi lilha.

160    F’dan ir-rigward, ladarba l-evalwazzjoni li tirriżulta fil-premessi 392 sa 394 tad-deċiżjoni kkontestata twieġeb, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, għall-argumentazzjoni tar-rikorrenti kkunsidrata komplessivament, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ma semmietx ċerti fatturi sottomessi mir-rikorrenti ma jistax iwassal għall-invalidità ta’ din l-evalwazzjoni.

161    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tikkritika l-użu ta’ fattur imsemmi mill-Kummissjoni fil-premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata, fit-termini li jippreċedu n-nota ta’ qiegħ il-paġna 379, li jipprovdu li fir-rapport annwali tagħha tal-2004 u fl-istqarrija għall-istampa tagħha tas-6 ta’ Frar 2006, hija “[ppreżentat hi stess] lil FMC Foret bħala [parti integrali] tal-attivitajiet tagħha”, u minnhom irriżulta, skont il-Kummissjoni, li “FMC [operat] bħala s-sussidjarja Ewropea tagħha f’dan ir-rigward”.

162    Għandu jiġi osservat li meta saret lill-Kummissjoni domanda fuq dan il-punt matul is-seduta, hija aċċettat li r-rikorrenti ma kellhiex il-possibbiltà, matul il-proċedura amministrattiva, li tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-fatturi li jidhru fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 379 tad-deċiżjoni kkontestata.

163    Għalhekk dawn il-fatturi, bħala mezzi ta’ prova, għandhom jiġu injorati.

164    Madankollu, fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża, huwa wkoll l-oneru tar-rikorrenti li turi li r-riżultat li għalih waslet il-Kummissjoni kien ikun differenti li kieku dawn il-fatturi li ma ġewx ikkomunikati kellhom jiġu injorati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 73).

165    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-vizzji li jolqtu lill-kunsiderazzjonijiet inkwistjoni kellhom neċessarjament konsegwenza fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tad-dgħufija tal-fatturi l-oħra invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-konstatazzjoni tar-responsabbiltà in solidum tagħha.

166    Issa, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-fatturi invokati mill-Kummissjoni biss b’mod konfermattiv, kif jirriżulta mill-aħħar sentenza tal-premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li dawn għandhom jiġu injorati bħala provi ma jistax ikollu effett fuq il-legalità tal-konstatazzjoni tar-responsabbiltà tar-rikorrenti, li tirriżulta, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, minn kunsiderazzjonijiet oħra li saru fid-deċiżjoni kkontestata.

167    Fil-fatt, il-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Kummissjoni, jiġifieri l-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti tar-rikorrenti fuq is-sussidjarja tagħha kkontrollata 100 %, inkwantu din il-preżunzjoni ma ġietx ikkonfutata mir-rikorrenti u, barra minn hekk, ġiet imsaħħa mill-fatturi msemmija fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata, kienu suffiċjenti għall-konstatazzjoni tar-responsabbiltà inkwistjoni.

168    Fl-aħħar nett, ladarba mill-kunsiderazzjonijiet 391 sa 394 komplessivament tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha, korrettament, fuq l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti tar-rikorrenti fuq is-sussidjarja tagħha, ir-rikorrenti ma tistax validament issostni li l-Kummissjoni invokat kriterju żbaljat, mill-fatt biss li, fir-raba’ sentenza tal-premessa 394 tal-imsemmija deċiżjoni, sar riferiment għall-fatt li argument partikolari tar-rikorrenti ma kienx suffiċjenti sabiex jistabbilixxi li hija ma kienet teżerċita “ebda kontroll” fuq is-sussidjarja tagħha.

169    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni qieset, korrettament, li l-fatturi prodotti mir-rikorrenti, ikkunsidrati komplessivament, ma kinux ta’ natura li jistabbilixxu l-awtonomija ta’ FMC Foret u, għalhekk, li jikkonfutaw il-konstatazzjoni tal-eżerċizzju tal-influwenza determinanti tagħha fuq is-sussidjarja tagħha, li tirriżulta mill-preżunzjoni.

170    B’żieda ma’ dan, din il-konstatazzjoni hija sostnuta permezz tal-indikazzjonijiet supplimentari, ibbażati fuq rabtiet personali bejn il-kumpanniji kkonċernati kif ukoll fuq ir-rwol ta’ A. B. fil-ksur (premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata), li lanqas dawn ma ġew ikkontestati mir-rikorrenti.

171    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-valur probatorju jew tal-kontenut tal-provi mressqa għall-konfutazzjoni tal-preżunzjoni u lanqas ma stabbilixxiet li l-Kummissjoni naqset milli tevalwa l-provi fl-intier tagħhom (ara l-punti 153 sa 155 u 158 sa 160 iktar ’il fuq).

172    Hija lanqas ma wriet li l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża, li jirriżulta mill-użu tal-provi li ma ġewx ikkomunikati, seta’ jkollu xi effett fuq il-konklużjonijiet li saru fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 166 u 167 iktar ’il fuq).

173    Fid-dawl tal-premess, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dan il-motiv ma huwiex fondat u, għalhekk, li t-talbiet għall-annullament jiġu miċħuda.

 Fuq it-talbiet għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

 L-argumenti tal-partijiet

174    Ir-rikorrenti tikkontesta d-determinazzjoni tal-ammont tal-multa tagħha. Hija ssostni li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura tal-ksur u, għalhekk, tal-gravità tiegħu, il-Kummissjoni naqqset id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata għal kategorija waħda u unika, filwaqt li indikat li dawn ftiehmu sabiex jimplementaw pjan ta’ kollużjoni sigriet u istituzzjonalizzat, bl-għarfien sħiħ tal-illegalità tal-atti tagħhom (premessa 454 tad-deċiżjoni kkontestata).

175    Ebda prova ma tippermetti li l-konstatazzjoni li FMC Foret ftiehmet mal-oħrajn sabiex timplementa kollużjoni istituzzjonalizzata tiġi sostnuta. Il-fatturi esposti fid-deċiżjoni kkontestata ma jindikawx li FMC Foret kienet involuta fl-istabbiliment tal-pjan ta’ kollużjoni, iżda, l-iktar l-iktar, li hija ddaħħlet fl-ambitu tal-kollużjoni istituzzjonalizzata mill-ikbar impriżi u dan sostanzjalment kontra l-interessi tagħha. Ir-rwol tagħha kien essenzjalment passiv u l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat kienet ta’ natura sporadika.

176    Ir-rikorrenti ssostni li, skont il-Kummissjoni stess, FMC Foret daħlet fl-akkordju biss madwar tliet snin wara l-bidu tiegħu. Il-partijiet l-oħra fil-ksur kienu diġà involuti qabel f’akkordju identiku fl-istess suq.

177    Bħala parti ġdida fl-akkordju, FMC Foret ma kellha xejn x’tibbenefika fl-ambitu tal-akkordju, iżda kellha ħafna x’tibbenefika mill-parteċipazzjoni tagħha fil-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni stess aċċettat li kien hemm differenza bejn il-partijiet l-oħra fl-akkordju u FMC Foret, filwaqt li indikat li l-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar “[assumiet] ħafna drabi forom differenti minn dik tal-impriżi l-oħra” (premessa 323 tad-deċiżjoni kkontestata).

178    Ir-rwol passiv ta’ FMC Foret jirriżulta wkoll mill-parteċipazzjoni ħafna iktar sporadika tagħha fil-laqgħat ta’ kollużjoni, billi r-rappreżentanti tagħha pparteċipaw fiżikament f’14 minn 30 laqgħa li saru bejn Mejju 1997 u Diċembru 1999, fit-73 laqgħa li saru matul il-perijodu kollu tal-akkordju. Fil-kuntest ta’ ċerti laqgħat oħra, FMC Foret ġiet allegatament ikkuntattjata jew informata permezz tat-telefon u għalhekk ma setgħetx tinfluwenza d-diskussjonijiet.

179    Ir-rikorrenti tikkontesta t-teżi tal-Kummissjoni illi, peress li t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ FMC Foret fil-ksur ittieħed inkunsiderazzjoni fil-premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata, ma kienx meħtieġ li dan jerġa’ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-mument tal-evalwazzjoni tal-gravità tiegħu. Il-fatt li impriża tkun daħlet fis-suq tard jista’ juri r-rwol inqas attiv tagħha fil-ksur u l-istess prinċipju għandu japplika għas-sitwazzjonijiet li fihom impriża tidħol f’akkordju ferm wara li dan ikun ġie stabbilit. It-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża huwa kwistjoni distinta minn dik li tikkonċerna r-rwol attiv jew passiv tagħha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punti 171 sa 174).

180    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

181    Insostenn tat-talba tagħha għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, ir-rikorrenti tinvoka ċ-ċirkustanzi tal-parteċipazzjoni tas-sussidjarja tagħha fil-ksur, billi ssostni, minn naħa, li l-gravità tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur hija inqas kbira minn dik ta’ impriżi oħra u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni kellha tirrikonoxxilha l-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti bbażata fuq ir-rwol passiv tagħha fil-ksur.

182    Fir-rigward, qabel xejn, tal-allegat nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa, għandu jiġi mfakkar li din l-evalwazzjoni saret fir-rigward tal-ksur kollu li fih l-impriżi kollha pparteċipaw.

183    Għaldaqstant, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq ċirkustanzi tal-parteċipazzjoni ta’ FMC Foret fil-ksur inkwistjoni tista’ biss tiġi eżaminata fil-kuntest tal-eżami tal-ilmenti marbuta mal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punti 102 u 104).

184    Fir-rigward, imbagħad, tal-ilment ibbażat fuq ir-rifjut li FMC Foret tingħata l-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti marbuta mal-allegat rwol passiv tagħha fil-ksur, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fis-sentenza tagħha tal-lum, FMC Foret vs Il-Kummissjoni (T‑191/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 334 sa 341), li ġabra ta’ fatturi simili għal dawk invokati mir-rikorrenti fil-każ ineżami ma tikkonfermax ir-rwol esklużivament passiv jew implementattiv ta’ FMC Foret fl-akkordju, fir-rigward b’mod partikolari tan-natura allegatament sporadika tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat ta’ kollużjoni, tal-modalitajiet speċifiċi ta’ din il-parteċipazzjoni, kif ukoll ta’ fatturi marbuta mal-allegata strateġija ta’ kompetizzjoni fis-suq.

185    B’mod partikolari, għandu jiġi mfakkar li FMC Foret ġiet irrappreżentata jew informata fir-rigward tal-parti l-kbira tal-laqgħat ta’ kollużjoni msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, matul il-perijodu bejn id-29 ta’ Mejju 1997 u t-13 ta’ Diċembru 1999. Għalhekk ir-rikorrenti ma tistax validament issostni, f’dan ir-rigward, li l-parteċipazzjoni ta’ FMC Foret kienet sostanzjalment iktar sporadika minn dik tal-partijiet l-oħra fl-akkordju. Sa fejn ir-rikorrenti tinvoka l-modalitajiet partikolari tal-parteċipazzjoni ta’ FMC Foret f’ċerti laqgħat ta’ kollużjoni, jiġifieri l-fatt li hija ma pparteċipatx fihom fiżikament, iżda ġiet informata fir-rigward permezz tat-telefon, għandu jiġi osservat li dawn il-modalitajiet jaqblu man-natura klandestina tal-akkordju u ma humiex prova ta’ rwol esklużivament passiv jew implementattiv.

186    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq it-tul tal-parteċipazzjoni ta’ FMC Foret fil-ksur, għandu jiġi rrilevat li dan il-fattur ittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa (premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata).

187    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax validament tinvoka s-soluzzjoni adottata fis-sentenza Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 179 iktar ’il fuq (punt 171), fejn il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tar-rwol passiv, id-dħul tardiv fis-suq tal-impriża kkonċernata. Fil-fatt, b’mod differenti miċ-ċirkustanzi tal-kawża li wasslu għall-imsemmija sentenza, fil-każ ineżami, FMC Foret kienet preżenti fis-swieq ikkonċernati sa mill-bidu tal-akkordju u l-fatt li l-parteċipazzjoni tagħha fih ġiet biss stabbilita mid-29 ta’ Mejju 1997 ma jikkonfermax, fid-dawl partikolarment taċ-ċirkustanzi l-oħra tal-każ ineżami, ir-rwol passiv tagħha.

188    Fid-dawl tal-premess, l-ilment ibbażat fuq allegata ċirkustanza attenwanti marbuta mar-rwol esklużivament passiv jew implementattiv ta’ FMC Foret fl-akkordju ma jistax jintlaqa’.

189    Konsegwentement, għandhom jiġu miċħuda t-talbiet għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa u, għaldaqstant, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

190    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet il-kawża, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      FMC Corp. Hija kkundannata għall-ispejjeż.

Vadapalas

Dittrich

Truchot

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Ġunju 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.