Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Ottubru 2010 - Franza vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-488/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: E. Belliard, G. de Bergues u N. Rouam, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea Nru C(2010) 5229, tat-28 ta' Lulju 2010, dwar it-tneħħija parzjali tal-għajnuna mogħtija mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), abbażi ta' dokument uniku ta' programmazzjoni tal-objettiv 1 għal intervent strutturali Komunitarju fir-reġjun ta' Martinique fi Franza. Din id-deċiżjoni tneħħi l-għajnuna kollha mill-FEŻR allokata għall-proġett kbir "Village de vacances Club Méditerranée-Les Boucaniers" li tammonta għal EUR 12 460 000.

Ir-rikorrenti tqajjem erba' motivi insostenn tar-rikors tagħha.

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, tal-14 ta' Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] 1 billi kkunsidrat li l-kuntratti għal xogħlijiet konklużi għar-rinnovazzjoni u l-estenzjoni ta' "Club Méditerranée-Les Boucaniers" kienu jikkostitwixxu kuntratti għal xogħlijiet issussidjati direttament b'iktar minn 50 % mill-awtoritajiet kontraenti. Fil-fatt, dawk il-kuntratti kienu ssussidjati biss bi 29.92 % tal-ispejjeż tal-proġett. It-tnaqqis fiskali li bbenefikaw minnu l-azzjonisti ta' kumpanniji privati minħabba l-investimenti tagħhom fil-proġett ma jistax jikkostitwixxi sussidju fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 93/37/KEE.

Permezz tat-tieni motiv tagħha, li jinqasam f'żewġ partijiet, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 93/37/KEE billi kkunsidrat li l-kuntratti għal xogħlijiet għar-rinnovazzjoni u l-estenzjoni tal-"Club Méditerranée-Les Boucaniers" kienu relatati ma' xogħol ta' bini għal faċilitajiet intiżi għal sports, rikreazzjoni u divertiment fis-sens ta' dik id-dispożizzjoni.

Minn naħa waħda, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-klassifikazzjoni statistika tal-attività ekonomika fil-Komunitajiet Ewropej (NACE) stabbilita permezz tar-Regolament Nru 3037/90 2 li jirreferi għalih l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 93/37/KEE. Dik il-klassifikazzjoni tiddistingwi minn naħa l-attivitajiet ta' akkomodazzjoni u ikel u min-naħa l-oħra, l-attivitajiet rikreattivi, kulturali u sportivi.

Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 93/37/KEE jirrigwarda kuntratti li min-natura tagħhom jaqgħu taħt bżonnijiet tradizzjonali ta' awtoritajiet kontraenti u konsegwentement jikkonċerna tagħmir sportiv, rikreattiv u ta' divertiment li huwa miftuħ għal kulħadd u mhux dak li huwa rriżervat għal klijentela privata.

Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE billi ma esponietx b'mod ċar u inekwivoku r-raġunijiet li minħabba fihom ix-xogħlijiet ta' rinnovazzjoni u ta' estenzjoni tal-"Club Méditerranée-Les Boucaniers" jirrigwardaw bini għal faċilitajiet intiżi għal sports, rikreazzjoni u divertiment fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 93/37/KE.

Permezz tar-raba' motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni sussidjarjament li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità billi ħadet rata ta' korrezzjoni ta' 100 % tas-sussidju tal-FEŻR, meta x-xogħlijiet li jikkonċernaw it-tagħmir sportiv u ta' divertiment kienu jirrapreżentaw ftit inqas minn 10 % tal-proġett.

____________

1 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163.

2 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90, tad-9 ta' Ottubru 1990, dwar il-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 177)