Language of document : ECLI:EU:C:2022:644

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

8 ta’ Settembru 2022 (*)

“ Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 5(2)(b) – Dritt ta’ riproduzzjoni esklużiv – Eċċezzjoni – Kopji għal użu privat – Ħlas – Eżenzjoni ex ante – Ċertifikat ta’ eżenzjoni maħruġ minn entità rregolata mid-dritt privat ikkontrollata biss mill-kumpanniji ta’ ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur – Setgħat ta’ kontroll ta’ din l-entità”

Fil-Kawża C‑263/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ April 2021, fil-proċedura

Asociación Multisectorial de Empresas de la Electrónica, las Tecnologías de la Información y la Comunicación, de las Telecomunicaciones y de los Contenidos Digitales (Ametic),

vs

Administración del Estado,

Entidad de Gestión de Derechos de los Productores Audiovisuales (EGEDA),

Asociación para el Desarrollo de la Propiedad Intelectual (ADEPI),

Artistas Intérpretes o Ejecutantes, Sociedad de Gestión de España (AIE),

Artistas Intérpretes, Entidad de Gestión de Derechos de Propiedad Intelectual (AISGE),

Ventanilla única Digital,

Derechos de Autor de Medios Audiovisales (DAMA),

Centro Español de Derechos Reprográficos (Cedro),

Asociación de Gestión de Derechos Intelectuales (AGEDI),

Sociedad General de Autores y Editores (SGAE),

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis, M. Ilešič, D. Gratsias (Relatur) u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Asociación Multisectorial de Empresas de la Electrónica, las Tecnologías de la Información y la Comunicación, de las Telecomunicaciones y de los Contenidos Digitales (AMETIC), minn A. González García, M. Magide Herrero, R. Sánchez Aristi u D. Sarmiento Ramírez-Escudero, abogados,

–        għal Asociación para el Desarrollo de la Propiedad Intelectual (ADEPI), minn J.J. Marín López, abogado,

–        għal Artistas Intérpretes o Ejecutantes, Sociedad de Gestión de España (AIE), minn J. A. Hernández-Pinzón García, abogado,

–        għal Artistas Intérpretes, Entidad de Gestión de Derechos de Propiedad Intelectual (AISGE), minn J.M. Montes Relazón, abogado,

–        għal Ventanilla Única Digital, minn J.J. Marín López, abogado,

–        għal Derechos de Autor de Medios Audiovisuales (DAMA), minn R. Gómez Cabaleiro, abogado,

–        għal Centro Español de Derechos Reprográficos (CEDRO), minn I. Aramburu Muñoz u J. de Fuentes Bardají, abogados,

–        għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn A. Daniel u A.-L. Desjonquères, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230)

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Asociación Multión de Empresas de la Electrónica, las Tecnologías de la Información y la Comunicación, de las Telecomunicaciones y de los Contenidos Digitales (Ametic) u l-Administración del Estado (l-Amministrazzjoni tal-Istat, Spanja), l-Entidad de Derechos de los Productores Audiovisuales (EGEDA), l’Asociación para el Desarrollo de la Propiedad lntelectual (ADEPI), Artistas lntérpretes o Ejecutantes, Sociedad de Gestión de España (AlE), Artistas lntérpretes, Entidad de Gestión de Derechos de Propiedad lntelectual (AISGE), Ventanilla Única Digital, Derechos de Autor de Medios Audiovisuales (DAMA), Centro Español de Derechos Reprográficos (CEDRO), Asociación de Gestión de Derechos lntelectuales (AGEDI) u s-Sociedad General de Autores y Editores (SGAE), li għandha bħala suġġett talba għall-annullament ċerti dispożizzjonijiet tar-Real Decreto 1398/2018 por el que se desarrolla el artículo 25 del texto refundido de la Ley de Propiedad Intelectual aprobado por el Real Decreto Legislativo 1/1996, de 12 de abril en cuanto al sistema de compensación equitativa por copia privada (id-Digriet Irjali 1398/2018, li jimplimenta l-Artikolu 25 tat-Test Ikkodifikat tal-Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali approvat bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/1996, tat‑12 ta’ April fir-rigward tas-Sistema ta’ Kumpens ġust għall-Ikkopjar Privat), tat‑23 ta’ Novembru 2018 (BOE Nru 298, tal‑11 ta’ Diċembru 2018, p. 121354).

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni Ewropea

 IdDirettiva 2001/29

3        Il-premessi 31, 32, 35, u 38 tad-Direttiva 2001/29 huma redatti kif ġej:

“(31)      Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. […]

[…]

(35)      F’ċerti każi ta’ eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet, detenturi ta’ drittijiet għandhom jirċievu kumpens ġust biex jikkumpensawhom b’mod adekwat għall-użu magħmul mix-xogħolijiet protetti tagħhom jew materjal ieħor. Meta jistabilixxu l-forma, l-arranġamenti dettaljati u livell possibbli ta’ dan il-kumpens ġust, għandhom jiġu kkunsidrati ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ. Meta jevalwaw dawn iċ-ċirkustanzi, kriterju validu jista’ jkun il-ħsara li tista’ ssir lid-detenturi tad-drittijiet li tirriżulta mill-att fil-kwistjoni. Fil-każi fejn id-detenturi tad-drittijiet ikunu diġà rċevew pagament f’xi forma jew oħra, per eżempju bħala parti minn ħlas ta’ liċenzja, l-ebda pagament speċifiku jew separat ma jkollu jitħallas. Il-livell ta’ kumpens ġust għandu jikkunsidra bis-sħiħ il-grad ta’ użu ta’ miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika msemmija f’din id-Direttiva. F’ċerti sitwazzjonijiet fejn il-preġudizzju għad-detentur tad-drittijiet ikun minimu, ma jista’ jkun hemm l-ebda obbligu għal ħlas.

[…]

(38)      L-Istati Membri għandhom jitħallew jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għal ċerti tipi ta’ riproduzzjoni ta’ materjal awdjo, viżiv jew awdjo-viżiv għal użu privat, akkumpanjat b’kumpens ġust. Dan jista’ jinkludi l-introduzzjoni jew kontinwazzjoni ta’ skemi ta’ rimunerazzjoni biex jikkumpensaw għal preġudizzju għal detenturi tad-drittijiet.[…]”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva, intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni”, jipprevedi li:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a)      għall-awturi, tax-xogħlijiet tagħhom;

(b)      għall‑artisti, ta’ l‑iffissar tal‑wirjiet tagħhom;

(ċ)      għall‑produtturi ta’ fonogrammi, tal‑fonogrammi tagħhom;

(d)      għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar ta’ films, rigward l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

(e)      għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet huma trasmessi bil-fili sew jekk bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.”

5        L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafi2 u 5 tiegħu:

“2.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:

[…]

(b)      rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat;

[…]

5.      L‑eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil‑paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l‑isfruttament normali tax‑xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l‑interessi leġittimi tad‑detentur tad‑drittijiet.”

 IdDirettiva 2014/26/UE

6        Il-premessi 2, 14 u 26 tad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u l-għoti ta’ liċenzji multi territorjali ta’ drittijiet fuq xogħlijiet mużikali bil-ħsieb li jintużaw online fis-suq intern (ĠU 2014, L 84, p. 72).

“(2)      […] L-immaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati jinkludi l-ħruġ ta’ liċenzji lil utenti, l-awditjar tal-utenti, il-monitoraġġ tal-użu tad-drittijiet, l-infurzar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, il-ġbir tad-dħul mid-drittijiet derivat mill-isfruttament tad-drittijiet u t-tqassim tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jippermettu li d-detenturi tad-drittijiet jitħallsu għall-użi li huma stess ma jkunux f’pożizzjoni jikkontrollaw jew jinfurzaw, inkluż fis-swieq mhux domestiċi.

[…]

(14)      Din id-Direttiva ma tirrikjedix li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jadottaw forma ġuridika speċifika. Fil-prattika, dawk l-organizzazzjonijiet joperaw f’diversi forom ġuridiċi bħalma huma assoċjazzjonijiet, kooperattivi jew kumpaniji ta’ responsabbiltà limitata, li huma kkontrollati jew għandhom bħala sidien lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jew lill-entitajiet li jirrappreżentaw tali detenturi tad-drittijiet. F’xi każijiet eċċezzjonali, madankollu, minħabba l-forma ġuridika ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, l-element tas-sieda jew tal-kontroll mhuwiex preżenti. Dan hu, pereżempju, il-każ għall-fondazzjonijiet, li ma għandhomx membri. Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva wkoll għandhom japplikaw għal dawk l-organizzazzjonijiet. […]

[…]

(26)      L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jiġbru, jimmaniġġjaw u jqassmu d-dħul mill-isfruttament tad-drittijiet fdati lilhom mid-detenturi tad-drittijiet. Dak id-dħul fl-aħħar mill-aħħar huwa dovut lil detenturi tad-drittijiet, li jista’ jkollhom relazzjoni ġuridika diretta mal-organizzazzjoni, jew jistgħu jiġu rappreżentati permezz ta’ entità li hija membru tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jew permezz ta’ ftehim ta’ rappreżentazzjoni. […]”

7        Skont l-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti meħtieġa biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-immaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv.

8        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jagħti d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ‘organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv’ tfisser kwalunkwe organizzazzjoni li hija awtorizzata mil-liġi jew permezz ta’ assenjazzjoni, liċenzja jew kwalunkwe arranġament kuntrattwali ieħor biex timmaniġġja d-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur f’isem aktar minn detentur tad-drittijiet wieħed, għall-benefiċċju kollettiv ta’ dawk id-detenturi tad-drittijiet, bħala l-għan uniku jew l-għan prinċipali tagħha, u li tissodisfa wieħed mill-kriterji li ġejjin jew it-tnejn li huma:

(i)      tkun ipposseduta jew ikkontrollata mill-membri tagħha;

(ii)      tkun organizzata fuq bażi mingħajr skop ta’ qligħ;

[…]

(d)      ‘membru’ tfisser detentur tad-drittijiet jew entità li tirrappreżenta detenturi tad-drittijiet, inklużi organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u assoċjazzjonijiet oħra ta’ detenturi tad-drittijiet, li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-adeżjoni tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u huma ammessi minnha;

[…]

(h)      ‘dħul mid-drittijiet’ tfisser id-dħul miġbur minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv f’isem id-detenturi tad-drittijiet, kemm jekk joriġina minn dritt esklussiv, minn dritt għal remunerazzjoni jew minn dritt għal kumpens;

[…]”

 Iddritt Spanjol

 Illiġi dwar ilproprjetà intellettwali

9        L-Artikolu 25, intitolat “Kumpens ġust għal kopja privata”, tal-Ley de Propiedad Intelectual (il-Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali), fil-verżjoni kkonsolidata tagħha approvata permezz tar-Real Decreto Legislativo 1/1996, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley de Propiedad Intelectual, regularizando, aclarando y armonizando las disposiciones legales sobre la materia (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/1996 li Japprova t-Test Ikkodifikat tal-Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali, li Jistabbilixxi, Jippreċiża u Jarmonizza d-Dispożizzjonijiet Legali fis-Seħħ f’dan il-Qasam), tat‑12 ta’ April 1996 (BOE Nru 97, tat‑22 ta’ April 1996, p. 14369), kif emendat bid-Real Decreto-Ley 12/2017, (id-Digriet-Liġi Rjali 12/2017), tat‑3 ta’ Lulju 2017 (BOE Nru 158, tal‑4 ta’ Lulju 2017, p. 56444) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali”), huwa redatt fil-kliem li ġej:

“1.      Ir-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet żvelati fil-forma ta’ kotba jew ta’ pubblikazzjonijiet assimilati għal dan il-għan permezz ta’ digriet irjali, kif ukoll ta’ fonogrammi, ta’ vidjogrammi jew ta’ mezzi oħra awdjo, viżivi jew awdjoviżivi, magħmula permezz ta’ apparat jew ta’ strumenti tekniċi mhux tipografiċi, esklużivament għal użu privat, mhux professjonali u lanqas imprenditorjali, u għal finijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali, skont l-Artikolu 31(2) u (3), tagħti lok għal kumpens ġust u uniku għal kull wieħed mit-tliet metodi ta’ riproduzzjoni msemmija li huma intiżi sabiex jikkumpensaw b’mod xieraq id-dannu kkawżat lill-kredituri bħala riżultat ta’ riproduzzjonijiet magħmula fuq il-bażi tal-limitazzjoni legali tal-ikkoppjar privat. Dan il‑kumpens huwa determinat għal kull mod ta’ riproduzzjoni skont it‑tagħmir, apparat u mezzi materjali adatti sabiex jagħmlu l‑imsemmija riproduzzjoni, li ġew prodotti fuq it‑territorju Spanjol jew li nxtraw barra minn dan it‑territorju sabiex jinbigħu jew jintużaw fuq dan l‑istess territorju.

[…]

3.      Il‑produtturi stabbiliti fi Spanja, meta joperaw kemm bħala distributuri kummerċjali, kif ukoll bħala l‑persuni li jixtru, barra mit‑territorju Spanjol, tagħmir, apparat u mezzi materjali msemmija fil‑paragrafu 1,għad-distribuzzjoni kummerċjali jew għall-użu tagħhom f’dan it-territorju, huma debituri tal-ħlas ta’ dan il-kumpens.

Barra minn hekk, id-distributuri, bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut, li jixtru suċċessivament l-imsemmi tagħmir, apparat u mezzi materjali, huma responsabbli in solidum għall-ħlas tal-kumpens mingħand id-debituri li pprovdewlhom, għajr jekk jippruvaw li huma effettivament ħallsuh lil dawn tal-aħħar.

Id-distributuri, bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut, li jixtru suċċessivament l-imsemmi tagħmir, apparat u mezzi materjali jistgħu jitolbu lill-korpi ta’ ġestjoni, skont il-proċedura intiża sabiex tagħmel effettiv il-kumpens ġust, li huwa previst permezz ta’ digriet irjali, il-ħlas lura tal-imsemmi kumpens fir-rigward tal-bejgħ ta’ tagħmir, ta’ apparat u ta’ mezzi materjali ta’ riproduzzjoni lil persuni li jibbenefikaw minn eżenzjoni skont il-paragrafu 7.

[…]

7.      Ix-xiri li ġej ta’ tagħmir, apparat u mezzi materjali ta’ riproduzzjoni għandhom jiġu eżentati mill-ħlas tal-kumpens:

[…]

b)      ix-xiri mwettaq minn persuni ġuridiċi jew fiżiċi li jaġixxu bħala konsumaturi finali, li jiġġustifikaw l-użu esklużivament professjonali ta’ tagħmir, apparat jew mezzi materjali mixtrija u bil-kundizzjoni li dawn ma jkunux tqiegħdu, fid-dritt jew fil-fatt, għad-dispożizzjoni ta’ utenti privati u jkunu manifestament irriżervati għal użu distint mill-ħolqien ta’ kopji privati, li għandhom jippruvaw għad-debituri u, jekk ikun il-każ, lill-persuni responsabbli in solidum permezz ta’ ċertifikat maħruġ mill-persuna ġuridika prevista fil-paragrafu 10;

[…]

8.      Il-persuni ġuridiċi jew fiżiċi li ma humiex eżentati mill-ħlas tal-kumpens jistgħu jitolbu r-rimbors tagħha meta:

(a)      huma jaġixxu bħala konsumaturi finali, billi jiġġustifikaw l-użu esklużivament professjonali tat-tagħmir, tal-apparat jew tal-mezz materjali ta’ riproduzzjoni akkwistat, u bil-kundizzjoni li dan ma jkunx tqiegħed, fid-dritt jew fil-fatt, għad-dispożizzjoni ta’ utenti privati u jkun manifestament irriżervat għal użu distint mill-ħolqien ta’ kopji privati.

[…]

10.      L-organi ta’ ġestjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom jipparteċipaw fil-kostituzzjoni, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, fil-ġestjoni u fil-finanzjament ta’ persuna ġuridika li teżerċita, bħala rappreżentanta tagħhom kollha, il-funzjonijiet li ġejjin:

(a)      il-ġestjoni tal-eżenzjonijiet mill-ħlas u tar-rimborsi;

(b)      ir-riċezzjoni u t-trażmissjoni sussegwenti lill-korpi ta’ ġestjoni tal-listi perijodiċi ta’ tagħmir, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni li għalihom jeżisti obbligu ta’ ħlas tal-kumpens, li huma stabbiliti mid-debituri u, jekk ikun il-każ, mill-persuni responsabbli in solidum, fil-kuntest tal-proċedura intiża sabiex tagħmel effettiv il-kumpens, li huwa ddeterminat permezz ta’ digriet irjali;

(ċ)      il-komunikazzjoni unifikata tal-fatturazzjoni.

11.      Id-debituri u l-persuni responsabbli in solidum jawtorizzaw lill-persuna ġuridika li jikkostitwixxu l-organi amministrattivi skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, li jikkontrollaw ix-xiri u l-bejgħ suġġetti għall-ħlas tal-kumpens ġust kif ukoll dawk ikkonċernati mill-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 7. Bl-istess mod, il-persuni li jkunu kisbu ċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni jipprovdu, fuq talba tal-persuna ġuridika ċċitata iktar’ il fuq, l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi vverifikat li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex wieħed jibbenefika mill-eżenzjoni huma dejjem effettivament issodisfatti.

12.       […]

[…] [I]l-Ministeru għall-Edukazzjoni, għall-Kultura u għall-Isport jirriżolvi l-kunflitti li jitressqu quddiemu dwar ir-rifjut, mill-imsemmija persuna ġuridika, taċ-ċertifikati ta’ eżenzjoni previsti fil-paragrafu 7(b) u (c), u tat-talbiet għar-rimbors tal-ħlas tal-kumpens ġust għal kopja privata msemmija fil-paragrafu 8.”

10      Id-dispożizzjoni addizzjonali unika tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali 12/2017 tipprevedi:

“1.      Il-korpi ta’ ġestjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali għandhom jikkostitwixxu l-persuna ġuridika [imsemmi fl-Artikolu 25(10) tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali] f’terminu ta’ tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv Irjali.

2. L-ebda mill-organi ta’ ġestjoni ma għandu l-kapaċità li jikkontrolla, waħdu, id-deċiżjonijiet tal-imsemmija persuna ġuridika.

[…]”

 IdDigriet Irjali 1398/2018

11      Id-Digriet Irjali 1398/2018 jipprevedi fl-Artikolu 3 tiegħu

“Għall-finijiet ta’ dan id-Digriet Irjali:

(a)      kull ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 25(7)(a) sa (c), […] tal-Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali, li l-persuni segwenti jistgħu jkunu l-proprjetarji tagħhom:

[…]

2.      il-persuni ġuridiċi jew fiżiċi li jaġixxu bħala konsumaturi finali, li jiġġustifikaw l-użu esklużivament professjonali ta’ tagħmir, apparat jew mezzi materjali li huma jakkwistaw u bil-kundizzjoni li dawn ma jitqegħdux, fid-dritt jew fil-fatt, għad-dispożizzjoni ta’ utenti privati u jkunu manifestament irriżervati għal użu distint mill-ħolqien ta’ kopji privati;

[…]”

12      L-Artikolu 10 tad-Digriet Irjali 1398/2018, intitolat “Proċedura għall-kisba u għall-użu taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni”, jipprevedi:

“1. Sabiex tikseb iċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni previst fl-Artikolu 3(a)(2), il-persuna kkonċernata għandha tittrażmetti lill-persuna ġuridika [prevista fl-Artikolu 25(10) tal-Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali] talba li, preferibbilment, għandha tiġi ffirmata b’mod elettroniku, u li għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)      numru ta’ identifikazzjoni fiskali kif ukoll kunjomijiet u ismijiet jew isem ta’ kumpannija;

(b)      indikazzjoni tal-għanijiet tal-kumpannija jew dikjarazzjoni tal-attività tal-applikant;

(ċ)      dikjarazzjoni, taħt ir-responsabbiltà tal-applikant, dwar l-aspetti li ġejjin:

1°      is-sistema ta’ użu tat-tagħmir, apparat u mezzi materjali li għandhom jiġu mixtrija, li għandhom ikunu intiżi għal użu esklużivament professjonali u manifestament distinti mill-ħolqien ta’ kopji privati;

2°      il-fatt li huwa la jqiegħed, fil-fatt u lanqas fid-dritt, dan it-tagħmir, apparat u mezzi materjali għad-dispożizzjoni ta’ utenti privati;

3°      il-fatt li huwa jissuġġetta ruħu għas-setgħat ta’ kontroll mogħtija lill-persuna ġuridika mill-Artikolu 25(11) […] tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali.

(d)      fil-każ fejn l-applikant jimpjega ħaddiema impjegati li għad-dispożizzjoni tagħhom huwa ser iqiegħed it-tagħmir, apparat jew mezzi materjali biex jinxtraw, dikjarazzjoni li tgħid li, taħt ir-responsabbiltà tiegħu, dawn il-ħaddiema għandhom għarfien tal-informazzjoni li ġejja:

1°      it-tagħmir, apparat jew mezzi materjali pprovduti lilhom mill-persuna li timpjegahom sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet professjonali tagħhom għandhom jintużaw esklużivament għal dan il-għan;

2°      li l-użu għal finijiet privati tal-imsemmi tagħmil, apparat jew mezzi materjali ma huwiex permess.

2. Il-persuna ġuridika tipprovdi fuq is-sit internet tagħha mudell standardizzat ta’ applikazzjoni għal ċertifikat ta’ eżenzjoni li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu preċedenti.

[…]

4. Ladarba tirċievi l-applikazzjoni għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ eżenzjoni, il-persuna ġuridika għandha ħmistax-il jum ta’ xogħol sabiex tagħti jew tirrifjuta ċ-ċertifikat u tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lill-applikant.

5. Il-persuna ġuridika tista’ tirrifjuta li tagħti ċ-ċertifikat biss fil-każijiet li ġejjin:

(a)      fejn it-talba ma jkunx fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa minn dan l-Artikolu;

(b)      meta d-dikjarazzjonijiet ta’ responsabbiltà ma jirriflettux ir-rekwiżiti ta’ dan l-artikolu;

(ċ)      meta l-applikant kien preċedentement is-suġġett ta’ revoka taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni, ħlief jekk ir-raġunijiet li ġġustifikawh ma jibqgħux jeżistu.

Fil-każijiet previsti fil-punti (a) u (b) iktar ’il fuq, il-persuna ġuridika tagħti minn qabel lill-applikant terminu ta’ sebat ijiem tax-xogħol sabiex tirregolarizza l-applikazzjoni tagħha.

Ir-rifjut huwa kkomunikat lill-applikant b’ġustifikazzjoni adegwata għall-motivi ta’ din id-deċiżjoni, peress li dan ikun, barra minn hekk, informat bid-dritt li jippreżenta appell, f’terminu ta’ xahar min-notifika tar-rifjut, quddiem il-Ministeru għall-Kultura u għall-Isport, skont l-Artikolu 25(12) […] tal-Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali.

[…]

10.      Meta ma jkollhomx ċertifikat, il-persuni li jibbenefikaw mill-eżenzjoni jistgħu jużaw il-proċedura ta’ rimbors.”

13      L-Artikolu 11 tad-Digriet Irjali 1398/2018, intitolat “Proċedura ta’ rimbors tal-ħlas tal-kumpens”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      It-talba għal rimbors tal-ħlas tal-kumpens hija trażmessa lill-persuna ġuridika. Din l-applikazzjoni, li għandha tiġi ffirmata, preferibbilment b’mod elettroniku, għandha tkun akkumpanjata mill-informazzjoni li ġejja:

(a)      numru ta’ identifikazzjoni fiskali kif ukoll kunjomijiet u ismijiet jew l-isem tan-negozju;

(b)      indikazzjoni tal-għanijiet tal-kumpannija jew dikjarazzjoni tal-attività tal-applikant;

(ċ)      kopja tal-fattura tax-xiri tat-tagħmir, apparat jew mezzi materjali;

(d)      dikjarazzjoni, taħt ir-responsabbiltà tal-applikant, dwar l-aspetti li ġejjin:

1°      il-fatt li l-użu li jsir tat-tagħmir, tal-apparat jew mezzi materjali mixtrija huwa esklużivament professjonali u manifestament distint mill-ħolqien ta’ kopji privati;

2°      il-fatt li huwa ma poġġiex, la fil-fatt u lanqas fid-dritt, dan it-tagħmir, apparat u mezzi materjali għad-dispożizzjoni ta’ utenti privati;

3°      il-fatt li huwa jissuġġetta ruħu għas-setgħat ta’ kontroll mogħtija lill-persuna ġuridika mill-Artikolu 25(11) […] tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali.

(e)      fil-każ fejn l-applikant jimpjega ħaddiema b’salarju li għad-dispożizzjoni tagħhom huwa jkun qiegħed it-tagħmir, apparat jew mezzi materjali li jkun xtara, dikjarazzjoni li tgħid li, taħt ir-responsabbiltà tiegħu, dawn il-ħaddiema għandhom għarfien tal-aspetti li ġejjin:

it-tagħmir, apparat jew mezzi materjali pprovduti lilhom minn mill-persuna li timpjegahom sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet professjonali tagħhom għandhom jintużaw esklużivament għal dan il-għan;

2°      li l-użu għal finijiet privati tal-imsemmi tagħmir, apparat jew mezzi materjali ma huwiex permess.

2.      Il-persuna ġuridika tipprovdi fuq is-sit internet tagħha mudell standardizzat ta’ talba għal rimbors li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu preċedenti.

3.      Il-persuna ġuridika għandha terminu ta’ xahar minn meta tirċievi l-applikazzjoni sabiex twettaq il-verifiki neċessarji sabiex tistabbilixxi l-eżistenza jew le tad-dritt għar-rimbors u tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-applikant.

[…]

5. Il-persuna ġuridika tista’ tirrifjuta r-rimbors tal-kumpens biss fil-każijiet li ġejjin:

(a)      fejn l-applikazzjoni għal rimbors ma jkunx fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa minn dan l-artikolu;

(b)      meta d-dikjarazzjonijiet ta’ responsabbiltà ma jirriflettux ir-rekwiżiti ta’ dan l-artikolu;

(ċ)      meta l-ammont tat-talba għal rimbors ikun inqas minn dak previst fil-paragrafu ta’ qabel tal-aħħar tal-Artikolu 25(8) […] tal-Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali, bla ħsara għall-eċċezzjoni prevista fl-imsemmi artikolu;

(d)      fejn, wara li tkun ġiet eżaminata l-applikazzjoni, id-dritt għar-rimbors ma jiġix stabbilit.

Fil-każijiet previsti fil-punti (a) u (b) iktar ’il fuq, l-applikant għandu jingħata terminu ta’ sebat ijiem ta’ xogħol sabiex tiġi rregolarizzata l-applikazzjoni tiegħu.

Ir-rifjut huwa nnotifikat lill-applikant b’ġustifikazzjoni adegwata għar-raġunijiet tiegħu, peress li dan huwa, barra minn hekk, informat bid-dritt li jippreżenta appell, f’terminu ta’ xahar min-notifika tar-rifjut, quddiem il-Ministeru għall-Kultura u għall-Isport, skont l-Artikolu 25(12) […] tal-Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali.”

14      L-Artikolu 12 tad-Digriet Nru 1398/2018 jipprevedi:

“1. L-organi ta’ ġestjoni u l-persuna ġuridika għandhom josservaw in-natura kunfidenzjali ta’ kull informazzjoni li huma jkunu jafu biha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, u, fi kwalunkwe każ, l-ipproċessar ta’ din l-informazzjoni huwa suġġett għall-osservanza tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u l-protezzjoni tad-data.

2. Id-debituri, id-distributuri u d-detenturi ta’ ċertifikati ta’ eżenzjoni ma jistgħux jinvokaw is-sigriet tal-kontijiet kummerċjali msemmija fl-Artikolu 32(1) tal-Código de Comercio [il-Kodiċi tal-Kummerċ], matul il-kontrolli eżerċitati mill-persuna ġuridika skont is-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 25(11) […] tal-Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

15      Ametic, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija assoċjazzjoni ta’ produtturi, negozjanti u distributuri tas-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjonijiet li l-attività tagħhom tinkludi l-kummerċ ta’ tagħmir, ta’ apparat u ta’ mezzi materjali ta’ riproduzzjoni suġġetti għall-kumpens għal kopja privata. Permezz tar-rikors tagħha ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), Ametic titlob, b’mod partikolari, l-annullament ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Digriet Irjali 1398/2018, fosthom l-Artikoli 3 u 10 tiegħu. Dan id-digriet irjali jistabbilixxi r-regoli ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 25 tal-Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali, peress li dan tal-aħħar ġie adottat wara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, EGEDA et (C‑470/14, EU:C:2016:418), li permezz tagħha l-Artikolu 5(2) (b) tad-Direttiva 2001/29 kien ġie interpretat fis-sens li kien jipprekludi s-sistema l-antika ta’ kumpens ġust għal kopja privata, li kienet koperta mill-baġit ġenerali tal-Istat.

16      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-leġiżlatur Spanjol, f’dan l-Artikolu 25, introduċa sistema ta’ kumpens għall-ikkopjar privat għall-benefiċċju tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur fir-rigward tar-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti, esklużivament għal użu privat, permezz ta’ apparat jew strumenti tekniċi mhux tipografiċi.

17      Il-qorti tar-rinviju tesponi, essenzjalment, li l-Artikolu 25(3) tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali jipprevedi li l-persuni li jimmanifatturaw jew jiddistribwixxu, fit-territorju Spanjol, tagħmir li jista’ jintuża għal finijiet ta’ riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti, huma obbligati jħallsu l-kumpens għal kopja privata. L-imsemmija manifatturi u distributuri jistgħu jgħaddu l-ammont fuq il-klijenti tagħhom, bejjiegħa bl-ingrossa jew bl-imnut, li jistgħu, jekk ikun il-każ, jgħadduhom fuq il-konsumaturi finali.

18      Din il-qorti tippreċiża wkoll li, skont l-Artikolu 25(7) (b) ta’ din il-liġi, huma immedjatament eżentati mill-ħlas tal-kumpens għal kopja privata l-akkwisti ta’ apparat, ta’ apparat u ta’ mezzi ta’ riproduzzjoni mwettqa minn persuni ġuridiċi jew fiżiċi li jaġixxu bħala konsumaturi finali, li jipproduċu l-prova tal-użu esklużivament professjonali ta’ tagħmir, apparat jew mezzi materjali akkwistati, bil-kundizzjoni li dawn ma jkunux tqiegħdu, fid-dritt jew fil-fatt, għad-dispożizzjoni ta’ utenti privati u li jkunu manifestament irriżervati għal użi distinti mit-twettiq ta’ kopji privati. Din il-prova għandha tiġi prodotta permezz ta’ ċertifikat maħruġ minn persuna ġuridika, li, skont l-Artikolu 25(10), hija stabbilita mill-organi ta’ ġestjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u, bħala rappreżentanta tagħhom, teżerċita l-amministrazzjoni tal-eżenzjonijiet tal-ħlas u tar-rimborsi abbażi tal-kumpens għal kopja privata.

19      Il-persuni kkonċernati li ma jkollhomx ċertifikat bħal dan għandhom ibatu l-ispiża tal-kumpens għall-ikkopjar privat fil-mument tax-xiri. Madankollu, jekk dawn jiġġustifikaw l-użu esklużivament professjonali ta’ tagħmir, apparat jew mezzi ta’ riproduzzjoni mixtrija, u bil-kundizzjoni li ma jkunux tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ utenti privati u jkunu rriżervati b’mod ċar għal użu differenti mill-kopja privata, huma jistgħu jitolbu, mingħand l-istess persuna ġuridika, ir-rimbors tal-kumpens li huma jkunu ħallsu preċedentement.

20      Il-qorti tar-rinviju żżid li d-distributuri, il-bejjiegħa bl-ingrossa u l-bejjiegħa bl-imnut li jixtru suċċessivament l-oġġetti inkwistjoni jistgħu jitolbu lill-organi ta’ ġestjoni r-rimbors tal-kumpens għall-ikkopjar għal użu privat li huma preċedentement ħallsu fl-okkażjoni tal-bejgħ li huma wettqu lid-detenturi ta’ ċertifikat ta’ eżenzjoni.

21      L-Artikolu 3(a) tad-Digriet Irjali 1398/2018 jikklassifika bħala “ċertifikat ta’ eżenzjoni” iċ-ċertifikat li jistgħu jkollhom, b’mod partikolari, il-persuni msemmija fl-Artikolu 25(7)(b) tal-Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali. L-Artikolu 10 ta’ dan id-digriet irjali jirregola l-proċedura ta’ kisba u ta’ użu tal-imsemmi ċertifikat ta’ eżenzjoni.

22      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont l-Artikolu 25(11) tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali u l-Artikolu 12 tal-imsemmi digriet irjali li jimplementaha, il-persuna ġuridika hija awtorizzata teżiġi l-komunikazzjoni tal-informazzjoni neċessarja għall-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ kontroll li hija għandha fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħha dwar l-amministrazzjoni tal-eżenzjonijiet tal-ħlas u tar-rimborsi bħala kumpens għal kopja privata u li, matul tali kontrolli, l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux jinvokaw is-sigriet tal-kontabbiltà kummerċjali previst mid-dritt nazzjonali.

23      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-persuna ġuridika li tamministra s-sistema ta’ eżenzjonijiet permezz tal-ħruġ ta’ ċertifikati, li jiffaċilitaw b’mod kunsiderevoli l-attività tal-entità li għandha wieħed minnhom, kif ukoll is-sistema ta’ rimbors hija kkontrollata mill-korpi ta’ ġestjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, jiġifieri minn entitajiet li jirrappreżentaw b’mod esklużiv l-interessi tal-kredituri tal-kumpens għal kopja privata. Dan il-fatt jista’ jinfluwenza d-deċiżjonijiet tal-persuna ġuridika inkwistjoni fir-rigward tal-għoti taċ-ċertifikati ta’ eżenzjoni jew tar-rimborsi f’kull każ partikolari. Barra minn hekk, din in-natura “żbilanċjata jew asimmetrika” tas-sistema tista’, skont il-qorti tar-rinviju, tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi, u dan iktar u iktar meta l-possibbiltà ta’ semplifikazzjoni tal-passi li għandhom jitwettqu waqt ix-xiri ta’ tagħmir, ta’ apparat u ta’ mezzi ta’ riproduzzjoni, tiddependi minn din il-persuna ġuridika. Il-qorti tar-rinviju tesponi li d-dubji tagħha huma aċċentwati mis-setgħat eżorbitanti li għandha l-persuna ġuridika inkwistjoni fil-qasam tal-kontroll, li permezz tagħhom hija tista’ teżiġi li tiġi pprovduta lilha informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-persuni kkonċernati, peress li l-portata ta’ dawn is-setgħat twassal sabiex l-operatur ekonomiku kkonċernat jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jinvoka s-sigriet tal-kontabbiltà kummerċjali. Il-fatt li d-deċiżjonijiet ta’ din il-persuna ġuridika jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors quddiem il-Ministeru għall-Kultura u għall-Isport, li d-deċiżjonijiet tiegħu jistgħu huma stess ikunu s-suġġett ta’ rikors kontenzjuż, jidhru insuffiċjenti sabiex jitwarrbu d-diffikultajiet li jidhru li jirriżultaw mill-kompożizzjoni ta’ din il-persuna ġuridika.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-mod kif hija komposta l-persuna ġuridika rregolata fil-paragrafu 10 tal-Artikolu 25 il-ġdid tal-[Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali], huwa kompatibbli mad-Direttiva [2001/29] jew, b’mod iktar ġenerali, mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea?

2)      Huwa kompatibbli mad-Direttiva 2001/29 jew mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti lill-persuna ġuridika msemmija fakultajiet sabiex tirrikjedi informazzjoni, inkluża informazzjoni ta’ kontabbiltà, mingħand applikanti għal ċertifikat ta’ eżenzjoni mill-obbligu li jħallsu imposti għall-ikkopjar privat?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

 Fuq lammissibbiltà

25      ADEPI, Ventanilla única Digital u DAMA jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda minħabba li l-qorti tar-rinviju la tippreċiża d-dispożizzjoni tad-Direttiva 2001/29 u lanqas il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li hija titlob l-interpretazzjoni tagħhom.

26      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, ċertament, fid-dawl biss tal-formulazzjoni tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex, permezz tagħha, li tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ id-Direttiva 2001/29 u l-prinċipji ġenerali tagħha u dan mingħajr ma tippreċiża d-dispożizzjonijiet u l-prinċipji inkwistjoni. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, ma huwiex il-kompitu tagħha li tevalwa l-konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme, C‑203/14, EU:C:2015:664, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Madankollu, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Għal dan il-għan, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirriformula d-domandi magħmula lilha. Fil-fatt, il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu l-qrati nazzjonali sabiex jaqtgħu l-kawżi mressqa quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux ġew indikati espressament fid-domandi magħmula lilha minn dawn il-qrati nazzjonali (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Għal dawn il-finijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet, mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta mingħajr ekwivoku li l-kawża prinċipali tikkonċerna s-sistema Spanjola ta’ ġbir tal-kumpens għall-ikkopjar għal użu privat, peress li l-qorti tar-rinviju hija adita b’talba għall-annullament ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Digriet Irjali 1398/2018, li jimplimenta l-Artikolu 25 tal-Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali, fejn dan l-aħħar artikolu jipprevedi, b’mod partikolari, il-ħolqien ta’ persuna ġuridika inkarigata mill-amministrazzjoni tas-sistema ta’ kumpens għal kopja privata. Issa, id-Direttiva 2001/29 tinkludi biss dispożizzjoni waħda dwar tali kumpens, jiġifieri l-Artikolu 5(2)(b) tagħha.

30      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirreferi espressament għall-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn id-debituri u l-kredituri tal-kumpens inkwistjoni, li fir-rigward tiegħu hija mitluba teżamina l-legalità tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi quddiemha, mingħajr ma ssemmi prinċipji ġenerali oħra tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tiegħu hija, fil-fehma tagħha, rilevanti.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-ewwel domanda hija vvizzjata b’insuffiċjenzi li jostakolaw lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju.

32      Għalhekk, din id-domanda hija ammissibbli.

 Fuq ilmertu

33      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 27 sa 30 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jinftiehem li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha persuna ġuridika, li hija stabbilita u kkontrollata mill-korpi ta’ ġestjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, tiġi fdata l-ġestjoni tal-eżenzjonijiet ta’ ħlas u tar-rimborsi tal-kumpens għall-ikkopjar għal użu privat.

34      F’dan ir-rigward, li hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu eċċezzjonijiet jew tal-limitazzjonijiet għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, meta jkun każ ta’ riproduzzjonijiet magħmula fuq kull mezz minn persuna fiżika għal użu privat u għal skopijiet li la huma direttament u lanqas indirettament kummerċjali, bil-kundizzjoni li d-detenturi ta’ dawn id-drittijiet jirċievu kumpens ġust li jieħu inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-miżuri teknoloġiċi previsti fl-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva għax-xogħlijiet protetti jew għall-oġġetti protetti.

35      Kif jirriżulta mill-premessi 35 u 38 tal-istess direttiva, dan l-Artikolu 5(2)(b) jirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jistabbilixxi sistema partikolari ta’ kumpens li l-implementazzjoni tagħha tirriżulta mill-eżistenza ta’ dannu lid-detenturi tad-drittijiet, li bħala prinċipju joħloq l-obbligu ta’ “kumpens” jew li “jikkumpensa” lil dawn tal-aħħar (sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 2016, EGEDA et, C‑470/14, EU:C:2016:418, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Sa fejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29 ma jispeċifikawx iktar id-diversi elementi tas-sistema ta’ kumpens ġust, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jiddefinixxuhom. Huma l-Istati Membri li għandhom, fost l-oħrajn, jistabbilixxu l-persuni li għandhom iħallsu dan il-kumpens, kif ukoll jiffissaw il-forma, il-modalitajiet u l-livell tal-imsemmi kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata u tad‑9 ta’ Ġunju 2016, EGEDA et, C‑470/14, EU:C:2016:418, punti 22 u 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37      Inkunsiderazzjoni tad‑diffikultajiet prattiċi sabiex jiġu identifikati l‑utenti privati kif ukoll sabiex jiġu obbligati jikkumpensaw lid-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni għad-dannu li jikkawżawlhom, huwa possibbli għall‑Istati Membri li jistabbilixxu, għall‑finijiet tal‑finanzjament tal‑kumpens ekwu, “ħlas għall-ikkopjar privat” li ma għandhiex titħallas mill‑persuni privati kkonċernati, iżda minn dawk li jkollhom it-tagħmir, l-apparat u l-mezzi ta’ riproduzzjoni u li, għalhekk, fid‑dritt jew fil‑fatt, iqiegħdu dan it-tagħmir għad‑dispożizzjoni ta’ persuni privati. Fil‑kuntest ta’ tali sistema, huma l‑persuni li għandhom dan l‑apparat li għandhom jagħmlu l‑ħlas għal kopja privata. Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, japplikaw mingħajr distinzjoni l-imposta għall-ikkopjar privat fir-rigward tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni, inkluż fis-sitwazzjoni fejn l-użu finali ta’ dawn ma jidħolx fil-każ previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punti 31 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38      Peress li tali sistema tippermetti lill-persuni responsabbli għall-ħlas li jgħaddu l-ammont tal-ħlas għal kopja privata fil-prezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dan l-istess tagħmir, apparat u mezzi ta’ riproduzzjoni, il-piż tal-ħlas huwa finalment sostnut mill-utent privat li jħallas dan il-prezz, u dan konformement mal- “bilanċ ġust”, imsemmi fil-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29, li jsib bejn l-interessi tad-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni u dawk tal-utenti tal-oġġetti protetti (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Madankollu, tali sistema għandha mhux biss tkun iġġustifikata minn diffikultajiet prattiċi bħall-impossibbiltà li jiġu identifikati l-utenti finali, iżda għandha wkoll teskludi mill-pagament tat-tariffa l-provvista ta’ tagħmir, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni lill-persuni li ma humiex persuni fiżiċi, għal finijiet manifestament differenti minn dawk tat-twettiq ta’ kopji għal użu privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punti 45 sa 47 u tat‑22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punti 34 sa 36).

40      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kundizzjoni marbuta mal-eżenzjoni tal-provvista ta’ tagħmir, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni lill-persuni li ma humiex persuni fiżiċi, għal finijiet manifestament differenti minn dawk tat-twettiq ta’ kopji għal użu privat, huwa, bħala prinċipju, konformi mal-“bilanċ ġust” bejn l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u dawk tal-utenti ta’ oġġetti protetti, imsemmi fil-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29, li huwa biss ix-xerrej finali li jista’ jikseb ir-rimbors tal-imsemmi ħlas u li dan ir-rimbors ikun suġġett għall-kundizzjoni li titressaq din it-talba għal dan il-għan lill-organizzazzjoni inkarigata bil-ġestjoni tal-istess ħlasijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 53).

41      Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, il-possibbiltà mogħtija lill-manifatturi, lid-distributuri u lill-bejjiegħa bl-imnut li jgħaddu fuq il-klijenti tagħhom il-kumpens għall-ikkopjar għal użu privat li huma jkunu ħallsu twassal sabiex l-operaturi inkwistjoni ma jsostnux dan il-piż finanzjarju. Jibqa’ l-fatt li, sabiex jiġi ggarantit li l-ħlas tal-kumpens għall-ikkopjar għal użu privat jaqa’, b’mod definittiv, fuq l-uniċi utenti finali msemmija fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, sistema li timponi tali ħlas għal kopja privata għandha tiggarantixxi li jkunu għadhom jistgħu jiġu eżentati l-utenti finali li jixtru t-tagħmir, l-apparat u l-mezzi ta’ riproduzzjoni għal finijiet manifestament differenti minn dawk tat-twettiq ta’ kopji għal użu privat.

42      Barra minn hekk, meta s-sistema ta’ ġbir tal-kumpens għall-ikkopjar għal użu privat tipprevedi li l-utent finali jista’ jiġi eżentat mix-xiri tat-tagħmir, l-apparat u tal-mezzi ta’ riproduzzjoni permezz ta’ ċertifikat ta’ eżenzjoni li juri, essenzjalment, li huwa jixtrihom għal finijiet manifestament differenti minn dawk tat-twettiq ta’ kopji għal użu privat, il-bejjiegħ li jkun ħallas dan il-ħlas lill-fornitur tiegħu iżda, minħabba l-preżentazzjoni tal-imsemmi ċertifikat, ikun ipprojbit milli jgħaddi fuq il-klijent tiegħu, għandu jkun jista’ jitlob ir-rimbors tiegħu mingħand l-organizzazzjoni li lilha jiġi fdat l-imsemmi ħlas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 55).

43      F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, is-sistema ta’ ġbir tal-kumpens għall-ikkopjar għal użu privat inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha bħala karatteristiċi li tipprevedi li l-utenti finali huma, bħala prinċipju, responsabbli għall-ħlas ta’ dan il-kumpens, filwaqt li jiġu stabbiliti proċeduri li jippermettu, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-eżenzjoni tal-imsemmi kumpens, eżenzjoni li hija suġġetta għall-ħruġ ta’ ċertifikat, jew ir-rimbors tiegħu.

44      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tagħmel l-ewwel domanda tagħha, minħabba li l-fatt li l-persuna ġuridika li toħroġ iċ-ċertifikati ta’ eżenzjoni u twettaq ir-rimborsi tal-kumpens għal kopja privata huwa stabbilit u kkontrollat mill-organi ta’ ġestjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jista’ jimplika “żbilanċ” jew “asimetrija” fl-interessi li hija ssegwi, u dan jista’ jmur kontra l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

45      F’dan ir-rigward, għandu, fl-ewwel lok, jiġi rrilevat li, fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva, id-dritt għar-rimbors tal-ħlas għal kopja privata għall-benefiċċju ta’ persuni li ma humiex persuni fiżiċi, li jakkwistaw it-tagħmir ta’ riproduzzjoni għal finijiet manifestament differenti minn dak tat-twettiq ta’ kopji għal użu privat għandu jkun effettiv u ma jirrendix eċċessivament diffiċli r-restituzzjoni tal-ħlas imħallas. Il-portata, l-effikaċja, id-disponibbiltà, l-għarfien pubbliku u s-sempliċità tal-użu tad-dritt għar-rimbors jippermettu li jittaffew l-eventwali żbilanċi maħluqa mis-sistema ta’ imposta għall-ikkopjar privat sabiex tingħata soluzzjoni għad-diffikultajiet prattiċi kkonstatati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess japplika għall-għoti taċ-ċertifikati ta’ eżenzjoni, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi wkoll tali strument sabiex jiġi żgurat li huma biss il-persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa msemmija fl-Artikolu 5(2)(b) tal-imsemmija direttiva li effettivament isostnu l-piż tal-kumpens għal kopja privata.

46      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(h) tad-Direttiva 2014/26, is-somom irċevuti minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva f’isem id-detenturi tad-drittijiet skont dritt għal kumpens jikkostitwixxu dħul li joriġina mid-drittijiet tal-awtur jew mid-drittijiet relatati. Il-premessi 2 u 26 tal-istess direttiva jippreċiżaw li dan id-dħul huwa rċevut, ġestit u ddistribwit lis-sidien mill-organi ta’ ġestjoni kollettiva.

47      F’dan l-aħħar rigward, mill-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2014/26 jirriżulta li organu għall-amministrazzjoni kollettiva huwa kull organu li l-uniku għan jew l-għan prinċipali tiegħu huwa li jamministra, taħt awtorizzazzjoni legali jew bis-saħħa ta’ ftehim, id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur f’isem diversi detenturi tad-drittijiet, għall-benefiċċju kollettiv ta’ dawn tal-aħħar, peress li din l-organu jista’ pposedut jew jiġi kkontrollat mill-membri tiegħu. Dan huwa, barra minn hekk, bħala regola ġenerali, il-każ fil-prattika, kif jirriżulta mill-premessa 14 tad-Direttiva 2014/26. Fl-aħħar nett, fl-Artikolu 3(d) tal-istess direttiva, huwa ppreċiżat li organu ta’ amministrazzjoni kollettiva jista’ jkollu bħala membri kemm id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur jew relatati kif ukoll organi oħra ta’ ġestjoni kollettiva.

48      Minn dan isegwi li, fir-rigward tal-ġestjoni tal-kumpens għall-ikkopjar privat fis-sens tal-Artikolu 5(2) (b) tad-Direttiva 2001/29, b’differenza mir-rappreżentanti tad-debituri ta’ dan il-kumpens, tali ġestjoni taqa’ fid-definizzjoni tal-funzjonijiet li organi ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur, bħas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali previsti mil-Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali, jistgħu jingħataw.

49      F’dan ir-rigward, u fid-dawl tar-rekwiżiti esposti fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-istabbiliment ta’ persuna ġuridika, bħal dik prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-finijiet tal-ġestjoni tal-eżenzjonijiet mill-ħlas u tar-rimborsi tal-kumpens għall-ikkopjar għal użu privat jista’ jissodisfa għan ta’ sempliċità u ta’ effikaċja, li minnu jibbenefikaw ukoll id-debituri tal-imsemmi kumpens, mingħajr ma dawn tal-aħħar isibu ruħhom, minħabba s-sempliċi fatt li l-persuna ġuridika inkwistjoni tkun ikkontrollata mill-organi tal-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur, f’sitwazzjoni inqas vantaġġuża minn dik li kienet tipprevali fin-nuqqas ta’ tali persuna ġuridika.

50      Madankollu, kull leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi kumpens għall-ikkopjar għal użu privat għandha tipprevedi proċeduri li, fid-dawl tar-rekwiżiti esposti fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, jiggarantixxu li huma biss il-persuni responsabbli għall-ħlas imsemmija fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 li effettivament isostnu l-piż tal-kumpens għall-ikkopjar għal użu privat.

51      B’mod partikolari, l-Istati Membri ma jistgħux, jipprevedu modalitajiet ta’ kumpens ekwu li jintroduċu inugwaljanza fit-trattament li ma tkunx iġġustifikata bejn id-diversi kategoriji ta’ operaturi ekonomiċi li jikkummerċjalizzaw oġġetti komparabbli koperti mill-eċċezzjoni għall-ikkopjar privat jew bejn id-diversi kategoriji ta’ utenti ta’ oġġetti protetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016 Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Dawn ir-rekwiżiti jistgħu jiġu pperikolati jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti lill-persuna ġuridika kompetenti għall-għoti taċ-ċertifikati ta’ eżenzjoni jew għar-rimbors tas-somom imħallsa indebitament bħala kumpens għall-ikkopjar għal użu privat marġni ta’ diskrezzjoni li jagħmel id-destin ta’ kull talba mressqa għal waħda jew oħra minn dawn l-għanijiet dipendenti fuq elementi ta’ opportunità, b’tali mod li din il-persuna ġuridika tkun tista’, fl-eżerċizzju tagħha, tillimita indebitament id-dritt għall-eżenzjoni jew għar-rimbors tal-imsemmi kumpens. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ tali marġni ta’ diskrezzjoni tista’ twassal għal ksur tal-bilanċ ġust bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti ta’ materjal protett imfittex mill-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29. Il-persuna ġuridika kompetenti tista’ wkoll, kif tikkunsidra l-qorti tar-rinviju, tirriżerva trattament diskriminatorju bejn il-kategoriji differenti ta’ operaturi jew ta’ utenti li jinsabu madankollu f’sitwazzjonijiet legali u fattwali analogi.

53      Min-naħa l-oħra, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li ċ-ċertifikati ta’ eżenzjoni u r-rimborsi tal-kumpens għall-ikkopjar għal użu privat għandhom jingħataw fi żmien xieraq u abbażi ta’ kriterji oġġettivi li ma jimplikawx marġni ta’ diskrezzjoni għall-persuna kompetenti għall-eżami tal-applikazzjonijiet ippreżentati għal dan il-għan hija, bħala prinċipju, adatta sabiex tosserva r-rekwiżiti esposti fil-punt 45 ta’ din is-sentenza.

54      Barra minn hekk, sabiex jiġi eskluż kull riskju ta’ parzjalità min-naħa ta’ tali persuna ġuridika fl-għoti taċ-ċertifikati ta’ eżenzjoni u tar-rimborsi u, konsegwentement, sabiex jiġi evitat ksur tal-bilanċ ġust bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti ta’ oġġetti protetti mfittex mill-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29, huwa neċessarju li d-deċiżjonijiet ta’ din il-persuna ġuridika li jirrifjutaw l-għoti ta’ tali ċertifikat jew ta’ tali rimbors ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors, mhux kontenzjuż jew kontenzjuż, quddiem istanza indipendenti.

55      F’dan il-każ, l-Artikoli 10 u 11 tad-Digriet Irjali 1398/2018, jidhru li jobbligaw lill-persuna ġuridika responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet li għandha tingħata, f’termini preċiżi, iċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni jew li tistabbilixxi l-eżistenza tad-dritt għar-rimbors meta l-applikant jipprovdi l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni meħtieġa u jiffirma d-dikjarazzjonijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu. Barra minn hekk, dawn jidhru li jipprevedu l-possibbiltà li titressaq quddiem entità indipendenti, jiġifieri l-Ministeru għall-Kultura u għall-Isport, rikors kontra d-deċiżjonijiet ta’ din il-persuna ġuridika li jirrifjutaw applikazzjoni għal ċertifikat ta’ eżenzjoni jew ta’ rimbors. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li dawn id-dispożizzjonijiet huma adatti sabiex josservaw ir-rekwiżiti esposti fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

56      Fit-tieni lok, l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 għandhom jiġu applikati b’osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jistgħux jiġu ttrattati b’mod differenti u sitwazzjonijiet differenti ma jistgħux jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Għaldaqstant, dan il-prinċipju ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-attribuzzjoni, bħala tali, tal-ġestjoni tal-eżenzjonijiet ta’ ħlas u tar-rimborsi tal-kumpens għal kopja privata lil persuna li tirrappreżenta l-interessi kollettivi tal-kredituri tagħha. Il-kredituri u d-debituri tal-kumpens għall-ikkopjar għal użu privat jinsabu, fir-rigward ta’ dan l-oneru, f’sitwazzjonijiet legali radikalment differenti, b’tali mod li l-imsemmi prinċipju ma jistax jinkiser minħabba li huma suġġetti għal drittijiet u obbligi distinti skont is-sistema ta’ kumpens għal kopja privata.

58      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li persuna ġuridika, li hija stabbilita u kkontrollata mill-organi ta’ ġestjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, għandhom jiġu fdati bl-amministrazzjoni tal-eżenzjonijiet mill-ħlas u tar-rimborsi tal-kumpens għal kopja privata, meta din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li ċ-ċertifikati ta’ eżenzjoni u rimborsi għandhom jingħataw fil-ħin u b’applikazzjoni ta’ kriterji oġġettivi li ma jippermettux lil din il-persuna ġuridika li tirrifjuta talba għall-għoti ta’ tali ċertifikat jew ta’ rimbors abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet li jinvolvu l-eżerċizzju ta’ marġni ta’ diskrezzjoni u li d-deċiżjonijiet tagħha li jirrifjutaw tali talba jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell quddiem korp indipendenti.

 Fuq ittieni domanda

 Fuq lammissibbiltà

59      DAMA tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda minħabba li l-qorti tar-rinviju ma tippreċiżax id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2001/29 u lanqas il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li hija titlob l-interpretazzjoni tagħhom.

60      Madankollu, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 26 sa 28 ta’ din is-sentenza u għall-istess motivi bħal dawk esposti fil-punti 29 u 30 tagħha, dan l-argument ma jaffettwax l-ammissibbiltà tat-tieni domanda.

61      Barra minn hekk, ADEPI u Ventanilla Única Digital, isostnu li mill-Artikolu 25(7)(b) tal-Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali u mill-Artikolu 10 tad-Digriet Irjali 1398/2018 ma jirriżultax li l-persuna ġuridika jista’ jkollha aċċess għal informazzjoni ta’ kontabbiltà. Is-sitwazzjoni invokata mill-qorti tar-rinviju hija għalhekk purament ipotetika, b’tali mod li t-tieni domanda għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

62      F’dan ir‑rigward, hemm lok li jitfakkar li, fil‑kuntest tal‑kooperazzjoni bejn il‑Qorti tal‑Ġustizzja u l‑qrati tal‑Istati Membri kif previst fl‑Artikolu 267 TFUE, huma biss il‑qrati nazzjonali, li quddiemhom titressaq il‑kawża u li huma responsabbli għad‑deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandhom jevalwaw, fid‑dawl tal‑partikolaritajiet ta’ kull kawża, kemm il‑bżonn għal deċiżjoni preliminari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu s‑sentenza tagħhom, kif ukoll ir‑rilevanza tad‑domandi li jagħmlu lill‑Qorti tal‑Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2015, Hewlett-Packard Belgium, C‑572/13, EU:C:2015:750, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Peress li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza, iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba ppreżentata minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2015, Hewlett-Packard Belgium, C‑572/13, EU:C:2015:750, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-funzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja u dawk tal-qorti tar-rinviju huma kjarament distinti u hija esklużivament din tal-aħħar li għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għalhekk, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ rinviju preliminari, dwar l-interpetazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Unjoni u dawk nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li taħtu jaqgħu d-domandi preliminari, hekk kif iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2019, Spedidam, C‑484/18, EU:C:2019:970, punti 28 u 29).

65      Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali mressqa minn ADEPI u Ventanilla única Digital dwar l-informazzjoni li l-persuna ġuridika hija awtorizzata teżiġi, ma tistax tkun suffiċjenti sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rilevanza evokata fil-punt 63 ta’ din is-sentenza.

66      Barra minn hekk, peress li t-tieni domanda ma taqa’ taħt ebda waħda mit-tliet ipoteżijiet imsemmija mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi kkonstatat li din hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

67      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lil persuna ġuridika, li hija stabbilita u kkontrollata mill-organi ta’ ġestjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li lilha tiġi fdata l-ġestjoni tal-eżenzjonijiet tal-ħlas u tar-rimborsi tal-kumpens għal kopja privata, li titlob aċċess għall-informazzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ kontroll li bihom hija investita f’dan ir-rigward, mingħajr ma jkun, b’mod partikolari, possibbli li tiġi opposta bis-segretezza tal-kontabbiltà kummerċjali prevista mil-liġi nazzjonali, peress li din il-persuna ġuridika tkun obbligata; biex tissalvagwardja l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba.

68      L-ewwel, għandu jiġi rrilevat li l-possibbiltà li tintalab l-informazzjoni li tippermetti li tiġi mistħarrġa l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kumpens għall-ikkopjar għal użu privat tikkostitwixxi element kostituttiv tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

69      Fil-fatt, mill-Artikolu 5(2)(b) u mill-premessa 35 tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li, fl-Istati Membri li introduċew l-eċċezzjoni ta’ kkoppjar privat, id-detenturi tad-drittijiet għandhom jirċievu kumpens ġust sabiex jiġu kkumpensati b’mod adegwat għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom jew ta’ oġġetti oħra protetti magħmula mingħajr il-kunsens tagħhom. Barra minn hekk, skont l-paragrafu 5 tal-istess artikolu, l-introduzzjoni tal-eċċezzjoni tal-ikkoppjar privat ma tistax tikkawża dannu lill-interessi leġittimi tad-detentur tad-dritt tal-awtur. Minn dan isegwi li, ħlief sabiex iċaħħduhom minn kull effettività, dawn id-dispożizzjonijiet jimponu fuq l-Istat Membru li introduċa l-eċċezzjoni ta’ kopja privata fid-dritt nazzjonali tiegħu obbligu ta’ riżultat, fis-sens li dan l-Istat huwa obbligat jiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu, ġbir effettiv ta’ dan il-kumpens intiż sabiex jikkumpensa l-awturi leżi tad-dannu mġarrab, b’mod partikolari jekk dan ikun twieled fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru (sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Stichting de Thuiskopie, C‑462/09, EU:C:2011:397, punti 33 u 34 kif ukoll tad‑9 ta’ Ġunju 2016, EGEDA et, C‑470/14, EU:C:2016:418, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Għalhekk, fil-kuntest ta’ sistema li hija bbażata fuq id-dikjarazzjonijiet unilaterali tal-operaturi sabiex jiġu stabbiliti kemm l-ammonti dovuti bħala kumpens għal kopja privata kif ukoll il-bejgħ li għandu jiġi eżentat minnu, jawtorizza lill-entità inkarigata mill-amministrazzjoni ta’ dan il-kumpens sabiex tikkontrolla l-veraċità tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja sabiex jiġi żgurat ġbir effettiv tal-imsemmi kumpens.

71      Konsegwentement, il-persuna inkarigata mill-amministrazzjoni tal-iskema ta’ kumpens għal kopja privata għandha, minn naħa, tkun tista’ tivverifika li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tibbenefika minn ċertifikat ta’ eżenzjoni huma ssodisfatti. Jekk, fi tmiem dan il-kontroll, jirriżulta li dawn il-kundizzjonijiet huma nieqsa, l-obbligu li jiġi żgurat ġbir effettiv tal-kumpens għal kopja privata jeħtieġ li jiġi żgurat li din il-persuna ġuridika tkun tista’, min-naħa l-oħra, tikkalkola u tiġbor l-ammonti dovuti abbażi ta’ dan il-kumpens, u dan mill-mument meta l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ ċertifikat ta’ eżenzjoni ma kinux jew ma għadhomx issodisfatti. Issa, l-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet mill-imsemmija persuna ġuridika jkun ostakolat jekk il-persuna kkontrollata tkun tista’, billi tinvoka s-sigriet tal-kontabbiltà kummerċjali tagħha, tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni tal-kontabbiltà neċessarja għal tali eżerċizzju.

72      Għandu jingħad ukoll li dan huwa wkoll il-każ fir-rigward tal-persuni li ma humiex eżentati mill-ħlas tal-kumpens għal kopja privata, bħall-manifatturi, l-importaturi jew id-distributuri, iżda li jistgħu jew jgħadduh fuq il-klijent tagħhom, meta dan ma jkunx id-detentur ta’ ċertifikat ta’ eżenzjoni, jew jitolbu r-rimbors mingħand il-persuna ġuridika, meta l-klijent tagħhom ikun il-proprjetarju ta’ tali ċertifikat. Fil-fatt, il-persuna ġuridika li lilha hija inkarigata l-ġestjoni tas-sistema ta’ kumpens għal kopja privata għandha tkun tista’ titlob aċċess għall-elementi li jippermettu li jiġi vverifikat ix-xiri u l-bejgħ suġġetti għall-ħlas tal-kumpens għal kopja privata kif ukoll l-akkwisti u l-bejgħ eżentati minn dan il-kumpens.

73      Madankollu, dawn il-kontrolli għandhom jirrigwardaw esklużivament elementi li jippermettu, minn naħa, li jiġi vverifikat li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex wieħed jibbenefika minn eżenzjoni jew minn rimbors ikunu effettivament issodisfatti u, min-naħa l-oħra, li jiġu kkalkolati l-ammonti eventwalment dovuti bħala kumpens għal kopja privata min-naħa ta’ persuni li ma humiex eżentati, bħall-manifatturi, l-importaturi jew id-distributuri, jew persuni li bbenefikaw indebitament minn ċertifikat ta’ eżenzjoni jew minn rimbors. Barra minn hekk, sa fejn l-elementi inkwistjoni huma kunfidenzjali, il-persuna ġuridika u l-organi ta’ ġestjoni li jsiru jafu b’tali elementi fil-kuntest tal-missjoni tagħhom huma obbligati li jissalvagwardjaw in-natura kunfidenzjali tagħhom. Issa, f’dan il-każ, jidher li l-Artikolu 12(1) tad-Digriet Irjali 1398/2018 għandu l-għan li jimponi tali obbligu, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

74      It-tieni, għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punti 56 u 57 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax jikkontesta dispożizzjonijiet bħal dawk tal-Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali u bħal dawk tad-Digriet Irjali 1398/2018 li jirrigwardaw il-prerogattivi attribwiti lill-persuna ġuridika fil-kuntest tal-ġestjoni tal-eżenzjonijiet ta’ ħlas u tar-rimborsi bħala kumpens għal kopja privata.

75      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza li persuna ġuridika, li hija stabbilita u kkontrollata mill-organi ta’ ġestjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li lilha tiġi fdata l-ġestjoni tal-eżenzjonijiet tal-ħlas u tar-rimborsi tal-kumpens għal kopja privata, li titlob aċċess għall-informazzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ kontroll li bihom hija investita f’dan ir-rigward, mingħajr ma jkun, b’mod partikolari, possibbli li tiġi opposta bis-segretezza tal-kontabbiltà kummerċjali prevista mil-liġi nazzjonali, peress li din il-persuna ġuridika tkun obbligata; biex tissalvagwardja l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba.

 Fuq lispejjeż

76      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li persuna ġuridika, li hija stabbilita u kkontrollata mill-organi ta’ ġestjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, għandhom jiġu fdati bl-amministrazzjoni tal-eżenzjonijiet mill-ħlas u tar-rimborsi tal-kumpens għal kopja privata, meta din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li ċ-ċertifikati ta’ eżenzjoni u rimborsi għandhom jingħataw fil-ħin u b’applikazzjoni ta’ kriterji oġġettivi li ma jippermettux lil din il-persuna ġuridika li tirrifjuta talba għall-għoti ta’ tali ċertifikat jew ta’ rimbors abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet li jinvolvu l-eżerċizzju ta’ marġni ta’diskrezzjoni u li d-deċiżjonijiet tagħha li jirrifjutaw tali talba jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell quddiem korp indipendenti.

2)      L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza li persuna ġuridika, li tawtorizza lil persuna ġuridika, li hija stabbilita u kkontrollata mill-organi ta’ ġestjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li lilha tiġi fdata l-ġestjoni tal-eżenzjonijiet tal-ħlas u tar-rimborsi tal-kumpens għal kopja privata, li titlob aċċess għall-informazzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ kontroll li bihom hija investita f’dan ir-rigward, mingħajr ma jkun, b’mod partikolari, possibbli li tiġi opposta bis-segretezza tal-kontabbiltà kummerċjali prevista mil-liġi nazzjonali, peress li din il-persuna ġuridika tkun obbligata; biex tissalvagwardja l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.